Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Azerbajġan dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi /* COM/2013/0741 final - 2013/0355 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI I. IL-QAFAS POLITIKU U LEGALI Fil-kuntest tad-Dikjarazzjoni tas-Samit ta'
Varsavja dwar is-Sħubija tal-Lvant
tat-30 ta’ Settembru 2011, l-UE u l-pajjiżi sħab
ikkonfermaw l-appoġġ politiku tagħhom lejn it-tisħiħ
tal-mobilità taċ-ċittadini f’ambjent sikur u mmaniġġat sew
u affermaw mill-ġdid l-intenzjoni tagħhom li jieħdu passi
gradwali lejn reġim mingħajr viża għaċ-ċittadini
tagħhom fiż-żmien opportun. Fuq dik il-bażi u bħala l-ewwel pass
konkret 'il quddiem, fis-16 ta’ Settembru 2011 il-Kummissjoni ppreżentat
rakkomandazzjoni lill-Kunsill sabiex jawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ
negozjati mar-Repubblika tal-Azerbajġan dwar Ftehim
għall-Faċilitazzjoni tal-Viża. Wara l-awtorizzazzjoni mogħtija
mill-Kunsill fid-19 ta’ Diċembru 2011, in-negozjati
mar-Repubblika tal-Azerbajġan dwar Ftehim għall-Faċilitazzjoni
tal-Viża nfetħu f’Baku fl-1 ta’ Marzu 2012. Fil-1 ta’ Ġunju 2012 fi Brussell,
fis-6 ta’ Novembru 2012 f'Baku u
fit-13 ta’ Marzu 2013 fi Brussell, saru tliet sessjonijiet
oħra ta’ negozjati. Fid-29 ta’ Lulju 2013 it-test finali
tal-Ftehim ġie inizjalat min-negozjaturi ewlenin fi Brussell. L-Istati Membri ġew
mgħarrfa u kkonsultati b’mod regolari fl-istadji kollha tan-negozjati waqt
il-Gruppi ta’ Ħidma tal-Kunsill rilevanti. Min-naħa tal-Unjoni,
il-bażi legali għall-Ftehim huwa l-Artikolu 77(2)(a), flimkien
mal-Artikolu 218 TFUE. Il-proposti mehmużin
jikkostitwixxu l-istrumenti legali għall-iffirmar tal-Ftehim. Il-Kunsill
jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata. II. IR-RIŻULTAT TAN-NEGOZJATI Il-Kummissjoni tikkunsidra li ntlaħqu
l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati
tiegħu u li l-abbozz tal-Ftehim hu aċċettabbli
għall-Unjoni. Il-kontenut finali tiegħu jista’
jitqassar kif ġej: –
bħala prinċipju, għall-applikanti
kollha għal viża, ikollha tittieħed deċiżjoni jekk
tinħariġx viża jew le fi żmien għaxart (10) ijiem
tal-kalendarju. Meta jkun jinħtieġ aktar skrutinju, dan il-perjodu
jista’ jkun estiż sa 30 jum tal-kalendarju. F’każijiet
urġenti, il-perjodu għat-teħid ta’ deċiżjoni jista’
jitnaqqas għal jumejn ta’ xogħol jew inqas. Bħala regola,
l-applikanti għall-viża jista' jkollhom appuntament biex
jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom fi żmien
ġimagħtejn mid-data tat-talba u f’każijiet ta’ urġenza
minnufih jew mingħajr appuntament. –
Il-ħlas tal-viża biex jiġu
pproċessati l-applikazzjonijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea
u r-Repubblika tal-Azerbajġan għandha tammonta għal EUR 35.
Din it-tariffa tiġi applikata għall-applikanti għall-viża
kollha u tirrigwarda kemm viżi għal dħul ta’ darba kif ukoll
viżi għal dħul multiplu. Barra minn hekk, ċerti kategoriji
ta’ persuni jibbenefikaw minn eżenzjoni sħiħa tat-tariffa
tal-viża: pensjonanti, qraba mill-viċin, membri ta’ delegazzjonijiet
uffiċjali li jipparteċipaw f’attivitajiet tal-gvern, tfal tal-iskola,
studenti u studenti postuniversitarji, persuni b’diżabbiltà,
ġurnalisti u l-ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjawhom,
rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tfal
taħt l-età ta’ 12-il sena, każijiet umanitarji u persuni li
jipparteċipaw fi programmi xjentifiċi, kulturali, attivitajiet
artistiċi u avvenimenti sportivi; –
id-dokumenti dwar l-għan tal-vjaġġ
li għandhom jiġu ppreżentati ġew simplifikati għal xi
kategoriji ta' persuni: qraba mill-viċin, persuni fin-negozju, membri ta’
delegazzjonijiet uffiċjali, tfal tal-iskola, studenti u studenti
postuniversitarji, parteċipanti f’avvenimenti xjentifiċi, kulturali u
sportivi, ġurnalisti, persuni li jkunu se jattendu difniet militari u
ċivili, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, membri
tal-professjonijiet, xufiera li jwettqu servizzi tat-trasport internazzjonali
tal-merkanzija u tal-passiġġieri, parteċipanti fi programmi ta'
skambju uffiċjali ta' bliet ġemellati u persuni fuq żjara għal
raġunijiet mediċi. Għal dawn il-kategoriji ta’ persuni,
jistgħu jintalbu biss id-dokumenti elenkati fil-ftehim biex jiġi
ġġustifikat l-għan tal-vjaġġ. Ma tinħtieġ
l-ebda ġustifikazzjoni, stedina jew validazzjoni oħra prevista mil-leġiżlazzjoni
tal-Istati Membri jew ir-Repubblika tal-Azerbajġan; –
hemm ukoll kriterji simplifikati
għall-ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu għal
dawn il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin: (a)
għal membri permanenti ta’ delegazzjonijiet
uffiċjali u miżżewġin u tfal li jżuru
liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jirrisjedu legalment
fit-territorju tal-Azerbajġan jew ċittadini tar-Repubblika
tal-Azerbajġan li jirrisjedu legalment fl-Istati Membri jew ċittadini
tal-UE li jirrisjedu fit-territorju tal-Istati Membri li huma ċittadini
tagħhom jew ċittadini tar-Repubblika tal-Azerbajġan residenti
fit-territorju tal-Azerbajġan: viżi validi għal ħames snin
(jew inqas, bil-perjodu ta’ validità limitat skont il-mandat tagħhom jew
l-awtorizzazzjoni għal residenza legali). (b)
parteċipanti fi programmi xjentifiċi,
kulturali, programmi uffiċjali ta' skambju u avvenimenti sportivi,
ġurnalisti, studenti, nies tan-negozju, membri ta' delegazzjonijiet
uffiċjali, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, membri
tal-professjonijiet u xufiera, kemm-il darba fis-sentejn ta’ qabel ikunu
użaw tajjeb il-viżi ta’ sena (1) għal dħul aktar minn darba
u r-raġunijiet għat-talba għal dħul aktar minn darba jkunu
għadhom validi: jinħarġu viżi validi għal minimu ta'
sentejn u massimu ta' ħames (5) snin; –
ċittadini tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika
tal-Azerbajġan li jkunu detenturi ta’ passaporti diplomatiċi validi
huma eżenti mill-ħtieġa tal-viżi għal żjajjar
qosra. –
is-sitwazzjoni speċifika tal-Istati Membri li
għadhom ma japplikawx kompletament l-acquis ta’ Schengen u l-għarfien
unilaterali tagħhom tal-viżi u tal-permessi ta' residenza ta'
Schengen maħruġa lil ċittadini tar-Repubblika
tal-Azerbajġan għall-għan ta’ transitu fit-territorju
tagħhom skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 582/2008/KE,
hija indirizzata minn protokoll. –
Mal-Ftehim hemm mehmuża Dikjarazzjoni
Konġunta dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 10 dwar il-passaporti
diplomatiċi. –
Mal-Ftehim hemm mehmuża Dikjarazzjoni
Konġunta dwar il-kooperazzjoni fejn jidħlu dokumenti
tal-ivvjaġġar u l-iskambju regolari ta' informazzjoni dwar is-sigurtà
ta' dokumenti tal-ivvjaġġar. –
Dikjarazzjoni Konġunta li tafferma
mill-ġdid li l-Ftehim ma jaffettwax il-possibbiltà li l-Istati Membri
individwali u r-Repubblika tal-Azerbajġan jikkonkludu Ftehimiet bilaterali
ta’ Eżenzjoni mill-Viża għad-detenturi ta’ passaporti
tas-servizz. –
is-sitwazzjonijiet speċifiċi
tad-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda huma riflessi fil-preambolu.
L-assoċjazzjoni mill-qrib tal-Islanda, in-Norveġja, l-Isvizzera u
l-Liechtenstein mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis
ta’ Schengen hi ugwalment riflessa f’dikjarazzjoni konġunta mal-Ftehim. III. KONKLUŻJONIJIET Fid-dawl tar-riżultati msemmija hawn fuq,
il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill –
jiddeċiedi li l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u
r-Repubblika tal-Azerbajġan dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ
ta' viżi jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u jawtorizza lill-Kummissjoni
biex taħtar lill-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw f’isem
l-Unjoni.
2013/0355 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea,
tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Azerbajġan dwar
il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari
l-Artikolu 77(2)(a), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Id-Dikjarazzjoni
Konġunta tas-Samit ta’ Varsavja dwar is-Sħubija tal-Lvant
tat-30 ta' Settembru 2011 tikkonferma l-appoġġ
politiku lejn it-tisħiħ tal-mobilità taċ-ċittadini permezz
tal-liberalizzazzjoni tal-viża u l-intenzjoni li jittieħdu passi
gradwali lejn l-ivvjaġġar mingħajr viża
għaċ-ċittadini tagħhom fiż-żmien dovut. (2) Fid-19 ta’ Diċembru 2011
il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati mar-Repubblika
tal-Azerbajġan dwar Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika
tal-Azerbajġan dwar l-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’
viżi. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess u l-Ftehim
ġie inizjalat fid-29 ta’ Lulju 2013. (3) F’konformità mal-Protokoll
dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’
libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta’
Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar
l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit
u l-Irlanda, (4) F’konformità mal-Protokoll
dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea
u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet
ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għad-Danimarka. ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 L-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea
u r-Repubblika tal-Azerbajġan dwar il-faċilitazzjoni
tal-ħruġ ta' viżi huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni, soġġett
għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi. It-test tal-Ftehim li għandu jiġi
ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill
jfassal l-istrument ta' setgħat sħaħ għall-iffirmar
tal-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu,
għall-persuna (jew il-persuni) indikata/indikati min-negozjatur
tal-Ftehim. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni tidħol
fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS FTEHIM
bejn
l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Azerbajġan
dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem
imsejħa "l-Unjoni"; kif ukoll IR-REPUBBLIKA TAL-AZERBAJĠAN, minn hawn 'il quddiem imsejħa
"il-Partijiet", BIX-XEWQA li jiffaċilitaw il-kuntatti
bejn persuni bħala kundizzjoni importanti għal żvilupp sod ta’
rabtiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali, xjentifiċi u oħrajn,
billi jiffaċilitaw il-ħruġ ta’ viżi
għaċ-ċittadini tal-Unjoni u r-Repubblika tal-Azerbajġan fuq
il-bażi ta’ reċiproċità; FILWAQT
LI JQISU l-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi
sħubija bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa
l-waħda, u r-Repubblika tal-Azerbajġan, min-naħa l-oħra,
kif ukoll n-negozjati dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u
l-Azerbajġan li tnedew fl-2010, WARA LI KKUNSIDRAW id-Dikjarazzjoni
Konġunta tas-Samit ta’ Praga dwar is-Sħubija tal-Lvant li sar
fis-7 ta’ Mejju 2009, li fih ġie ddikjarat
l-appoġġ politiku lejn il-liberalizzazzjoni tar-reġim
tal-viża f’ambjent sikur, FILWAQT LI JAGĦRFU li
l-faċilitazzjoni tal-viża ma għandux iwassal għal
migrazzjoni illegali u filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali
lis-sigurtà u r-rijammissjoni, FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar
il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’
libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta’
Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat dwar
l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u
jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx
għar-Renju Unit u l-Irlanda, FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar
il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u
t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u jikkonfermaw li
d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma japplikawx għar-Renju
tad-Danimarka, FTIEHMU KIF ĠEJ: Artikolu 1 L-għan u l-kamp ta' applikazzjoni L-għan ta’
dan il-Ftehim hu sabiex jiffaċilita, fuq il-bażi ta’
reċiproċità, il-ħruġ ta’ viżi għal żjar
intiża għal mhux aktar minn 90 jum kull perjodu ta’ 180 jum
għaċ-ċittadini tal-Unjoni u r-Repubblika tal-Azerbajġan. Artikolu 2 Klawżola Ġenerali 1.
Il-faċilitazzjoni tal-viża previst f’dan il-Ftehim għandu
japplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni u tar-Repubblika
tal-Azerbajġan biss sakemm ma jkunux eżenti mill-ħtieġa
tal-viża bil-liġijiet u r-regolamenti tar-Repubblika
tal-Azerbajġan, tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, tal-ftehim preżenti
jew ftehimiet internazzjonali oħra. 2. Il-liġi
nazzjonali tar-Repubblika tal-Azerbajġan, jew tal-Istati Membri jew
il-liġi tal-Unjoni għandhom japplikaw fi kwistjonijiet li mhumiex
koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim,
bħaċ-ċaħda milli tinħareġ viża,
rikonoxximent ta' dokumenti ta' vvjaġġar, prova ta' mezzi ta’
għejxien suffiċjenti u ċ-ċaħda tad-dħul u
miżuri ta’ espulsjoni. Artikolu 3 Definizzjonijiet Għall-fini ta’ dan il-Ftehim: (a) “Stat Membru”
tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni
tar-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Irlanda, u r-Renju Unit; (b)
“ċittadin tal-Unjoni” tfisser ċittadin ta’ Stat Membru kif iddefinit
fil-punt (a); (c)
“Ċittadin tar-Repubblika tal-Azerbajġan” tfisser kwalunkwe persuna li
jkollha ċ-ċittadinanza tar-Repubblika tal-Azerbajġan skont
il-leġiżlazzjoni tiegħu fis-seħħ; (d)
"viża" tfisser awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat
Membru jew ir-Repubblika tal-Azerbajġan fil-konfront ta’ intenzjoni ta’
transitu mit-territorju tal-Istati Membri jew ir-Repubblika
tal-Azerbajġan, jew ta’ żjara intiża fihom ta’ mhux aktar minn
90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum; (e) “persuna legalment
residenti” tfisser: -
għar-Repubblika tal-Azerbajġan, ċittadin tal-Unjoni li kiseb
permess ta’ residenza temporanja jew permanenti għal perjodu ta’ aktar
minn 90 jum fit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan, -
għall-Unjoni, ċittadin tar-Repubblika tal-Azerbajġan awtorizzat
jew intitolat li joqgħod għal aktar minn 90 jum fit-territorju
ta’ Stat Membru, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew
il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Artikolu 4 Provi dokumentati dwar l-għan
tal-vjaġġ 1. Għal dawn
il-kategoriji ta' ċittadini tal-Unjoni u r-Repubblika tal-Azerbajġan,
id-dokumenti li ġejjin huma suffiċjenti sabiex ikun ġustifikat
l-għan tal-vjaġġ lejn il-Parti l-oħra: (a)
għall-qraba mill-viċin — konjugi, tfal (inklużi dawk adottati),
ġenituri (inklużi kustodji), nanniet u tfal tat-tfal (grand-children)
— li jżuru liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jirrisjedu
legalment fit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew ċittadini
tar-Repubblika tal-Azerbajġan li jirrisjedu legalment fl-Istati Membri,
jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fit-territorju tal-Istat Membru
li tiegħu huma ċittadini, jew ċittadini tar-Repubblika
tal-Azerbajġan residenti fit-territorju tar-Repubblika
tal-Azerbajġan: - talba
bil-miktub mill-persuna ospitanti; (b) mingħajr
preġudizzju għall-Artikolu 10, għall-membri ta’
delegazzjonijiet uffiċjali inklużi l-membri permanenti tat-tali
delegazzjonijiet li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Istati
Membri, l-Unjoni Ewropea jew ir-Repubblika tal-Azerbajġan, jieħdu
sehem f’laqgħat uffiċjali, konsultazzjonijiet, negozjati jew
programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru minn
organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju tar-Repubblika
tal-Azerbajġan jew f’wieħed mill-Istati Membri: - ittra
maħruġa minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru jew tar-Repubblika
tal-Azerbajġan jew minn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea li tikkonferma li
l-applikant ikun membru tad-delegazzjoni tagħha rispettivament jew membru
permanenti tad-delegazzjoni tagħha, li qed jivvjaġġa lejn
it-territorju tal-Parti l-oħra biex jipparteċipa f’dawn l-avvenimenti
msemmija, flimkien ma’ kopja tal-istedina uffiċjali; (c)
għan-nies tan-negozju jew rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet
tan-negozju: - talba
bil-miktub mill-persuna ġuridika jew kumpanija ospitanti, organizzazzjoni
jew uffiċċju jew fergħa ta’ tali persuna ġuridika, jew
kumpanija jew awtoritajiet statali jew lokali tar-Repubblika
tal-Azerbajġan jew l-Istati Membri jew kumitati organizzattivi jew wirjiet
ta’ kummerċ u industrija, konferenzi u simpożji li jsiru
fit-territorji ta’ xi wieħed mill-Istati Membri, approvata
mill-awtoritajiet kompetenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali; (d) għal
xufiera li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta’ trasport ta’
passiġġieri bejn it-territorji tar-Repubblika tal-Azerbajġan u
l-Istati Membri f’vetturi reġistrati fl-Istati Membri jew fir-Repubblika
tal-Azerbajġan: - talba
bil-miktub mill-assoċjazzjoni jew il-kumpanija nazzjonali (unjoni) ta' min
iġorr fir-Repubblika tal-Azerbajġan jew l-assoċjazzjonijiet nazzjonali
oħra ta' min iġorr fl-Istati Membri li jfornu trasport
internazzjonali bit-triq, li tagħti l-iskop, l-itinerarju, it-tul u
l-frekwenza tal-vjaġġi; (e) għal
tfal tal-iskola, studenti, studenti postuniversitarji u għalliema li
jakkumpanjawhom li jivvjaġġaw għall-iskop ta’ studju jew
taħriġ edukattiv, inkluż il-qafas ta’ programmi ta’ bdil kif
ukoll attivitajiet oħra marbuta mal-iskola: - talba
bil-miktub jew ċertifikat ta’ reġistrazzjoni mill-università,
akkademja, istitut, kulleġġ jew skola li tospita, jew karti
tal-istudenti jew ċertifikati tal-korsijiet li jkunu se jattendu; (f) għal
persuni li jkunu qed jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi,
akkademiċi, kulturali jew artistiċi, inklużi programmi
universitarji u programmi oħra ta’ skambju: - talba
bil-miktub mill-organizzazzjoni li qed tospita biex jieħdu sehem f’dawk
l-attivitajiet; (g)
għall-ġurnalisti u l-ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjawhom
f’kapaċità professjonali: - ċertifikat
jew dokument ieħor maħruġ minn organizzazzjoni professjonali jew
minn min iħaddem lill-applikant, li jixhed li l-persuna konċernata hi
ġurnalist kwalifikat u li jistqarr li l-għan tal-vjaġġ hu
li jwettaq xogħol ġurnalistiku jew li jixhed li l-persuna hi membru
tal-ekwipaġġ tekniku li qed jakkumpanja l-ġurnalist
f’kapaċità professjonali; (h) għal
parteċipanti f’avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li
jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali: - talba
bil-miktub mill-organizzazzjoni li tkun qed tospita, mill-awtoritajiet
kompetenti, mill-Federazzjonijiet sportivi nazzjonali tal-Istati Membri jew
tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew il-Kumitat Olimpiku Nazzjonali
tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew Kumitati Olimpiċi Nazzjonali
tal-Istati Membri; (i) għal
parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ bdil organizzati minn bliet
ġemellati: - talba
bil-miktub mill-Kap tal-Amministrazzjoni/mis-Sindku ta’ dawn l-ibliet; (j) għal
persuni li jkunu qed jivvjaġġaw għal raġunijiet mediċi
u l-persuni li jkun jeħtieġ li jakkumpanjawhom: - dokument
uffiċjali tal-istituzzjoni medika li jikkonferma l-ħtieġa ta'
kura medika f'din l-istituzzjoni, in-neċessità tal-akkompanjament, u
evidenza ta' mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex jitħallas
it-trattament mediku; (k) għal
membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali,
konferenzi, simposji, seminars jew attivitajiet simili oħra li jsiru
fit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew tal-Istati Membri: - talba
bil-miktub mill-organizzazzjoni li tkun qed tospita li tikkonferma li l-persuna
kkonċernata qed tipparteċipa fl-avveniment; (l)
għar-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà
ċivili meta jagħmlu vjaġġi għall-għanijiet ta’
taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inklużi fil-qafas ta’
programmi ta’ bdil: - talba
bil-miktub maħruġa mill-organizzazzjoni li tospita, konferma li
l-persuna tkun qiegħda tirrappreżenta l-organizzazzjoni
tas-soċjetà ċivili u ċ-ċertifikat dwar l-istabbiliment ta'
tali organizzazzjoni mir-Reġistru rilevanti maħruġ minn awtorità
tal-Istat skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali; (m) qraba li
jżuru għal ċerimonji ta' dfin: - dokument
uffiċjali li jikkonferma l-fatt tal-mewt kif ukoll konferma tar-relazzjoni
familjali jew oħra bejn l-applikant u l-persuna li se tindifen; (n) għal
żjarat f'ċimiterji militari u ċivili: - dokument
uffiċjali li jikkonferma l-eżistenza u l-preservazzjoni tal-qabar kif
ukoll ir-relazzjoni familjali jew oħra bejn l-applikant u l-persuna
midfuna; 2. It-talba
bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkollha l-elementi
li ġejjin: (a)
għall-persuna mistiedna: isem u kunjom, data tat-twelid, sess,
ċittadinanza, numru tal-passaport, ħin u għan
tal-vjaġġ, numru ta’ daħliet u fejn rilevanti l-isem tal-konjugi
u tat-tfal li qed jakkumpanjaw lill-persuna mistiedna; (b)
għall-persuna li tistieden: isem, kunjom u indirizz; (c)
għall-persuna ġuridika, kumpanija jew organizzazzjoni li tistieden:
l-isem u l-indirizz sħaħ u: - jekk it-talba
ssir minn organizzazzjoni jew awtorità, l-isem u l-pożizzjoni tal-persuna
li tiffirma t-talba; - jekk il-persuna
li tistieden hija persuna ġuridika jew kumpanija jew uffiċċju
jew fergħa ta’ tali persuna ġuridika jew kumpanija stabbilita
fit-territorju ta’ Stat Membru jew fir-Repubblika tal-Azerbajġan, in-numru
tar-reġistrazzjoni kif mitlub mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru
kkonċernat jew mil-liġi tar-Repubblika tal-Azerbajġan. 3.
Għall-kategoriji ta’ persuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan
l-Artikolu, il-kategoriji kollha tal-viżi jinħarġu skont
il-proċedura simplifikata mingħajr ma tkun meħtieġa l-ebda
ġustifikazzjoni, invit jew validazzjoni ulterjuri dwar l-għan
tal-vjaġġ, previst mil-leġiżlazzjoni tal-Partijiet. Artikolu 5 Il-ħruġ ta’ viżi
għal dħul multiplu 1. Missjonijiet
diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri u
tar-Repubblika tal-Azerbajġan joħorġu viżi b’terminu ta’
validità sa massimu ta’ ħames (5) snin għal dawn il-kategoriji ta'
ċittadini: (a) Konjugi, tfal
(inklużi dawk adottati), li jkunu taħt l-età ta’ 21 jew ikunu
dipendenti, ġenituri (inklużi l-kustodi), li jżuru
liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jirrisjedu legalment
fit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew ċittadini
tar-Repubblika tal-Azerbajġan li jkunu legalment residenti fit-territorju
tal-Istati Membri jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti
fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, jew
ċittadini tar-Repubblika tal-Azerbajġan residenti fit-territorju
tar-Repubblika tal-Azerbajġan; (b) membri ta’
delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata
lill-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea jew ir-Repubblika tal-Azerbajġan,
jieħdu sehem b'mod regolari f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati
jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru minn
organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju tar-Repubblika
tal-Azerbajġan jew f’wieħed mill-Istati Membri: B’deroga
mill-ewwel sentenza, fejn il-ħtieġa jew l-intenzjoni li
jivvjaġġaw sikwit jew regolarment hija manifestament limitata
għal perjodu iqsar, it-terminu tal-validità tal-viża ta’ diversi
dħul hu limitat għal dak il-perjodu, partikolarment meta: - fil-każ
tal-persuni msemmija fil-punt (a), il-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni
għal residenza legali ta’ ċittadini tar-Repubblika
tal-Azerbajġan li jirrisjedu legalment f’wieħed mill-Istati Membri
jew ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu legalment jew fir-Repubblika tal-Azerbajġan; - fil-każ tal-persuni
msemmija fil-punt (b), it-terminu tal-validità tal-istatus bħala
membru permanenti ta’ delegazzjoni uffiċjali, ikun inqas minn
ħames snin. 2. Missjonijiet
diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri u
r-Repubblika tal-Azerbajġan joħorġu viżi għal
dħul multiplu b’perjodu ta’ validità ta’ sena għal dawn il-kategoriji
ta’ ċittadini, jekk kemm-il darba matul is-sena ta’ qabel ikunu kisbu
mill-inqas viża waħda, ikunu użawha skont il-liġijiet ta’
dħul u residenza fit-territorju tal-Istat li żaru: (a) studenti,
studenti postuniversitarji li jivvjaġġaw regolarment
għall-għanijiet ta’ studju jew taħriġ edukattiv,
inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ bdil; (b)
ġurnalisti u l-ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjawhom
f’kapaċità professjonali; (c) parteċipanti
fi programmi uffiċjali ta’ bdil organizzati minn bliet ġemellati; (d) xufiera li
jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta’ trasport ta’
passiġġieri bejn it-territorji tar-Repubblika tal-Azerbajġan u
l-Istati Membri f’vetturi reġistrati fl-Istati Membri jew fir-Repubblika
tal-Azerbajġan; (e) persuni li
jeħtieġu li jżuru regolarment għal raġunijiet
mediċi u l-persuni meħtieġa li jakkumpanjawhom; (f) membri
tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali,
konferenzi, simposji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili li
jivvjaġġaw b’mod regolari lejn ir-Repubblika tal-Azerbajġan jew
l-Istati Membri; (g)
rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li
jivvjaġġaw b’mod regolari lejn ir-Repubblika tal-Azerbajġan jew
l-Istati Membri għall-għanijiet ta’ taħriġ edukattiv,
seminars, konferenzi, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju; (h) persuni li
jkunu qed jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u
artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’
bdil, li jivvjaġġaw regolarment fir-Repubblika tal-Azerbajġan
jew fl-Istati Membri; (i)
parteċipanti f’avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li
jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali; (j) membri ta’
delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata
lill-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea jew ir-Repubblika tal-Azerbajġan,
jieħdu sehem b'mod regolari f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati
jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru minn organizzazzjonijiet
intergovernattivi fit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew
tal-Istati Membri; (k) nies
fin-negozju u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ negozju li
jivvjaġġaw regolarment fir-Repubblika tal-Azerbajġan jew
fl-Istati Membri; B’deroga
mill-ewwel sentenza, fejn il-ħtieġa jew l-intenzjoni li
jivvjaġġaw sikwit jew regolarment hija manifestament limitata
għal perjodu iqsar, it-tul ta’ żmien tal-validità tal-viża
għal dħul multiplu jkun limitat għal dak il-perjodu. 3. Missjonijiet
diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri u
tar-Repubblika tal-Azerbajġan joħorġu viżi ta’ dħul
multiplu b’perjodu ta’ validità minimu ta’ sentejn (2) u massimu ta’ ħames
(5) snin għall-kategoriji ta’ ċittadini msemmija fil-paragrafu 2
ta’ dan l-Artikolu, jekk kemm-il darba fis-sentejn (2) ta’ qabel ikunu
wżaw il-viżi ta’ dħul multiplu għal sena skont
il-liġijiet dwar id-dħul u r-residenza fit-territorju tal-Istat li
żaru sakemm il-ħtieġa jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw
sikwit jew regolarment ma tkunx manifestament limitata għal perjodu iqsar,
li f’dan il-każ il-perjodu tal-validità tal-viża ta’ dħul
multiplu jkun limitat għal dak il-perjodu. 4. Il-perjodu
totali ta’ residenza ta’ persuni msemmija fil-paragrafi minn 1 sa 3 ta’ dan
l-Artikolu ma għandux jaqbeż id-90 jum għal kull perjodu
ta’ 180 jum fit-territorju tal-Istati Membri jew fir-Repubblika
tal-Azerbajġan. Artikolu 6 Ħlas għall-ipproċessar
ta’ applikazzjonijiet għal viża 1. Il-ħlas
għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet tal-viża jammonta
għal EUR 35. Dan l-ammont
jista’ jiġi rivedut skont il-proċedura prevista
fl-Artikolu 14(4). 2. Mingħajr
preġudizzju għall-paragrafu 3 il-ħlasijiet
għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-viża
jitneħħew għal dawn il-kategoriji ta’ persuni: (a)
għall-qraba mill-viċin — konjugi, tfal (inklużi dawk adottati),
ġenituri (inklużi kustodji), nanniet u ntfal tat-tfal
(grand-children) — li jżuru liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li
jirrisjedu legalment fit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew
ċittadini tar-Repubblika tal-Azerbajġan li jirrisjedu legalment
fl-Istati Membri, jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti
fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, jew
ċittadini tar-Repubblika tal-Azerbajġan residenti fit-territorju
tar-Repubblika tal-Azerbajġan: (b) għal
membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali, inklużi membri permanenti ta'
delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata
lill-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea jew ir-Repubblika tal-Azerbajġan,
jieħdu sehem f’laqgħat uffiċjali, konsultazzjonijiet, negozjati
jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru minn
organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju tar-Repubblika
tal-Azerbajġan jew f’wieħed mill-Istati Membri; (c) tfal
tal-iskola, studenti, studenti postuniversitarji u għalliema li
jakkumpanjawhom li jivvjaġġaw għall-iskop ta’ studju jew
taħriġ edukattiv, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju kif
ukoll attivitajiet oħra marbuta mal-iskola; (d) persuni
b’diżabbiltà u l-persuni li jakkumpanjawhom, jekk meħtieġ; (e) parteċipanti
f’avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li jakkumpanjawhom
f’kapaċità professjonali; (f) persuni li
jieħdu sehem f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi,
inklużi programmi tal-università u programmi oħrajn ta’ skambju; (g) persuni li
ppreżentaw dokumenti li jippruvaw il-ħtieġa li
jivvjaġġaw għal raġunijiet umanitarji, inkluż biex
jirċievu trattament mediku urġenti u l-persuna li takkumpanjahom, jew
li jattendu funeral ta’ qarib, jew biex iżuru qarib li għandu mard
serju; (h) rappreżentanti
ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jivvjaġġaw
għal raġunijiet ta' taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi,
inkluż fil-qafas ta' programmi ta' skambju; (i) pensjonanti; (j) tfal li
jkollhom anqas minn 12-il sena; (k)
ġurnalisti u l-ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjawhom
f’kapaċità professjonali: 3. Jekk Stat
Membru jew ir-Repubblika tal-Azerbajġan jikkoopera ma’ fornitur
tas-servizzi estern bl-iskop ta’ ħruġ ta’ viża, il-fornitur
tas-servizzi estern jista’ jitlob ħlas għas-servizz. Dan il-ħlas
ikun proporzjonat ma’ kemm ikun nefaq il-fornitur tas-servizzi estern waqt
it-twettiq tal-ħidmiet tiegħu, u ma għandux ikun aktar minn
EUR 30. L-Istati Membri u r-Repubblika tal-Azerbajġan iżommu
l-possibbiltà għall-applikanti kollha li jippreżentaw
l-applikazzjonijiet tagħhom direttament fil-konsulati tagħhom. Għall-Unjoni,
il-fornitur estern tas-servizzi jwettaq l-operazzjonijiet tiegħu skont
il-Kodiċi tal-Viżi u fir-rispett sħiħ
tal-leġiżlazzjoni tar-Repubblika tal-Azerbajġan. Għar-Repubblika
tal-Azerbajġan, il-fornitur estern tas-servizzi jagħmel
l-operazzjonijiet tiegħu skont il-leġiżlazzjoni
tal-Azerbajġani u l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tal-UE. Artikolu 7 Tul tal-proċeduri
għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-viża 1. Missjonijiet
diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri u
tar-Repubblika tal-Azerbajġan għandhom jieħdu
deċiżjoni fuq it-talba li tinħareġ viża fi żmien
għaxart (10) ijiem mid-data ta’ meta tasal l-applikazzjoni u d-dokumenti
meħtieġa għall-ħruġ tal-viża. 2. Il-perjodu ta’
żmien għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni
għall-viża jista’ jkun estiż sa 30 jum f’każijiet
individwali, notevolment meta jkun jinħtieġ aktar skrutinju
tal-applikazzjoni. 3. Il-perjodu
biex tittieħed deċiżjoni dwar applikazzjoni għal viża
jista’ jitnaqqas għal jumejn (2) ta' xogħol jew inqas f’każijiet
urġenti. Jekk l-applikanti
jkunu obbligati jiksbu appuntament għall-preżentazzjoni ta’
applikazzjoni, l-appuntament iseħħ, bħala regola, fi żmien
ġimagħtejn mid-data ta’ meta jkun intalab l-appuntament. Minkejja
s-sentenza ta' qabel, il-fornituri esterni tas-servizzi jiżguraw li
applikazzjoni għal viża, bħala regola, tkun tista' tiġi
ppreżentata mingħajr dewmien żejjed. F’każijiet
ta’ urġenza ġġustifikati, l-applikanti jistgħu jitħallew
mill-konsulat jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom jew mingħajr
appuntament, jew jingħata appuntament minnufih. Artikolu 8 Tluq f’każ ta’ dokumenti mitlufa
jew mistruqa Ċittadini
tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Azerbajġan li jkunu tilfu d-dokumenti
ta’ identità tagħhom, jew li jkunu nsterqulhom dawn id-dokumenti waqt
iż-żjara tagħhom fit-territorju tar-Repubblika
tal-Azerbajġan jew l-Istati Membri, jistgħu jħallu dak
it-territorju fuq il-bażi ta' dokumenti ta' identità validi li jippermettu
l-qsim tal-fruntiera, maħruġa minn missjonijiet diplomatiċi jew
pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri jew tar-Repubblika
tal-Azerbajġan mingħajr viża jew awtorizzazzjoni oħra. Artikolu 9 Estensjoni tal-viża
f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni Ċittadini
tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Azerbajġan li ma jkunux jistgħu
jitilqu mit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew it-territorju
tal-Istati Membri sad-data ddikjarata fil-viżi tagħhom għal
raġunijiet ta’ force majeure jkollhom il-perjodu ta’ validità u/jew it-tul
ta’ soġġorn tal-viża maħruġa tagħhom estiż
mingħajr ħlas konformement mal-leġiżlazzjoni applikata
mir-Repubblika tal-Azerbajġan jew l-Istat Membru li jirċievi
għall-perjodu meħtieġ għar-ritorn lejn l-Istat ta’
residenza tagħhom. Artikolu 10 Passaporti diplomatiċi 1. Ċittadini
tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Azerbajġan li huma detenturi ta’
passaporti diplomatiċi validi jistgħu jidħlu, joħorġu
jew jagħmlu tranżitu mit-territorju tar-Repubblika
tal-Azerbajġan jew l-Istati Membri mingħajr viżi. 2. Il-persuni
msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu joqogħdu fit-territorju
tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew fit-territorji tal-Istati Membri
għal perjodu li ma jaqbiżx id-90 jum f'kull perjodu ta’ 180 jum. Artikolu 11 Il-validità territorjali tal-viżi Soġġetti
għar-regoli u regolamenti nazzjonali dwar is-sigurtà nazzjonali
tar-Repubblika tal-Azerbajġan u tal-Istati Membri u soġġetti
għar-regoli tal-UE dwar viżi b’validità territorjali limitata,
iċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Azerbajġan u tal-Unjoni jkunu
intitolati għall-ivjaġġar fit-territorju tal-Istati Membri u
tar-Repubblika tal-Azerbajġan fuq bażi ugwali
bħaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini
tar-Repubblika tal-Azerbajġan. Artikolu 12 Kumitat Konġunt
għall-ġestjoni tal-Ftehim 1. Il-Partijiet
jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta’ esperti (minn hawn ’il quddiem
imsejjaħ “il-Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u
tar-Repubblika tal-Azerbajġan. L-Unjoni tkun rappreżentata
mill-Kummissjoni Ewropea, assistita minn esperti mill-Istati Membri. 2. Il-Kumitat,
b’mod partikolari, ikollu l-funzjonijiet li ġejjin: (a) jissorvelja
l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim; (b)
jissuġġerixxi emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim; (c) isolvi
tilwimiet li jqumu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet
f'dan il-Ftehim. 3. Il-Kumitat
jiltaqa’ kull meta jkun meħtieġ, fuq talba minn waħda
mill-Partijiet u għall-inqas darba f’sena. 4. Il-Kumitat
jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu. Artikolu 13 Ir-relazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma’
Ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tal-Azerbajġan Sa minn meta
jidħol fis-seħħ, dan il-Ftehim jieħu preċedenza fuq
dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehim jew arranġament bilaterali jew
multilaterali konkluż bejn Stati Membri individwali u r-Repubblika
tal-Azerbajġan, sa fejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet
jew arranġamenti jkopru kwistjonijiet koperti minn dan il-Ftehim. Artikolu 14 Klawżoli finali 1. Dan il-Ftehim jiġi rratifikat jew approvat
mill-Partijiet skont il-proċeduri rispettivi tagħhom u jidħol
fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet
jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija hawn taħt ikunu
tlestew. 2. B’deroga
mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dan il-Ftehim jidħol
fis-seħħ biss fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim
bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Azerbajġan dwar ir-rijammissjoni
jekk din id-data tkun wara d-data stipulata fil-paragrafu 1 ta’ dan
l-Artikolu. 3. Dan il-Ftehim
huwa konkluż għal perjodu ta’ żmien indefinit, sakemm ma jkunx
terminat skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. 4. Dan il-Ftehim
jista’ jkun emendat bi ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet. L-emendi
jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet ikunu avżaw lil xulxin
dwar it-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma
meħtieġa għal dan l-għan. 5. Kull Parti
tista’ tissospendi dan il-Ftehim parzjalment jew kollu kemm hu għal
raġunijiet ta’ ordni pubbliku, protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u
protezzjoni tas-saħħa pubblika. Id-deċiżjoni dwar
is-sospensjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Parti l-oħra mhux
aktar tard minn 48 siegħa qabel ma tidħol fis-seħħ.
Il-Parti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tgħarraf
minnufih lill-Parti l-oħra malli r-raġunijiet għas-sospensjoni
ma jkunux għadhom japplikaw. 6. Kull Parti
tista’ tittermina dan il-Ftehim billi tavża lill-Parti l-oħra
bil-miktub. Dan il-Ftehim ma jibqax fis-seħħ 90 jum wara d-data
ta’ tali notifika. Magħmul
f'XXX f'XXX, f'żewġ kopji bil-Bulgaru, iċ-Ċek,
id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż,
il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, il-Kroat, il-Latvjan,
il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen,
is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, l-Isvediż, it-Taljan, l-Ungeriż, u
l-Azerbajġan b’kull wieħed minn dawn it-testi jkun awtentiku
bl-istess mod. Għall-Unjoni Għar-Repubblika
tal-Azerbajġan PROTOKOLL għall-Ftehim dwar l-Istati Membri li ma japplikawx
bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen Dawk l-Istati
Membri li huma marbuta bl-acquis ta’ Schengen iżda li għadhom ma
joħorġux il-viżi ta’ Schengen, filwaqt li jistennew
id-deċiżjoni rilevanti tal-Kunsill f’dan is-sens, joħorġu
viżi nazzjonali li l-validità tagħhom hija limitata
għat-territorju tagħhom stess. Skont
id-Deċiżjoni Nru 582/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tintroduċi reġim
simplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun
ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Bulgarija, minn Ċipru u
mir-Rumanija ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti
għall-viżi nazzjonali tagħhom għall-finijiet ta’
tranżitu mit-territorji tagħhom[1]
ittieħdu miżuri armonizzati sabiex jiġi ssimplifikat it-transitu
ta’ detenturi ta’ viżi ta’ Schengen u ta’ permessi ta’ residenza ta’
Schengen madwar it-territorju tal-Istati Membri li għadhom ma japplikawx
bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen. Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 10 tal-Ftehim dwar
passaporti diplomatiċi Kemm l-Unjoni kif
ukoll ir-Repubblika tal-Azerbajġan tista’ tinvoka sospensjoni parzjali
tal-ftehim u partikolarment tal-Artikolu 10, skont il-proċedura
stabbilita bl-Artikolu 14(5), jekk l-implimentazzjoni tal-Artikolu 10
tkun abbużata mill-Parti l-oħra jew twassal għal theddida
għas-sigurtà pubblika. Fil-każ ta’
sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 10, iż-żewġ
Partijiet jibdew konsultazzjonijiet fil-qafas tal-Kumitat Konġunt
stabbilit bil-ftehim bil-ħsieb li jsolvi problemi li jwasslu għal
sospensjoni. Bħala prijorità, iż-żewġ Partijiet jiddikjaraw
l-impenn tagħhom sabiex jiżguraw livell għoli ta' sigurtà
għall-passaporti diplomatiċi, partikolarment billi jintegraw
identifikanti bijometriċi. Għall-Unjoni, dan ikun żgurat
f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE)
Nru 2252/2004 tat-13 ta' Diċembru 2004 dwar l-istandards
għall-karatteristiċi ta' sigurtà u għall-bijometriċi
f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati
Membri[2]. Dikjarazzjoni Konġunta dwar id-Danimarka Il-Partijiet
jieħdu nota li dan il-Ftehim mhux applikabbli għall-proċeduri
tal-ħruġ ta' viżi mill-missjonijiet diplomatiċi u
s-servizzi konsulari tad-Danimarka. F’dawn
iċ-ċirkostanzi, huwa mixtieq li l-awtoritajiet tad-Danimarka u
tar-Repubblika tal-Azerbajġan jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehim
bilaterali dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi
għal żjajjar qosra f’termini simili bħall-Ftehim bejn l-Unjoni
Ewropea u r-Repubblika tal-Azerbajġan. Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Renju Unit u l-Irlanda Il-Partijiet
jinnotaw li dan il-Ftehim preżenti mhux applikabbli fit-territorju
tar-Renju Unit u fl-Irlanda. F'dawn
iċ-ċirkustanzi, ikun xieraq li l-awtoritajiet tar-Renju Unit,
l-Irlanda u r-Repubblika tal-Azerbajġan, jikkonkludu ftehimiet bilaterali
dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi. Dikjarazzjoni Konġunta li tikkonċerna l-Islanda,
in-Norveġja, l-Isvizzera u l-Liechtenstein Il-Partijiet jieħdu
nota tar-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Isvizzera, l-Islanda,
il-Liechtenstein, u n-Norveġja, b’mod partikolari bis-saħħa
tal-Ftehimiet tat-18 ta’ Mejju 1999 u
tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn
il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis
ta’ Schengen. F’dawn
iċ-ċirkostanzi, huwa mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja,
tal-Islanda u tar-Repubblika ta’ Montenegro jikkonkludu, mingħajr dewmien,
ftehimiet bilaterali dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’
viżi għal żjajjar qosra f’termini simili bħall-Ftehim bejn
l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Azerbajġan. Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-kooperazzjoni fejn jidħlu
dokumenti tal-ivvjaġġar Il-Partijiet
jaqblu li l-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim,
meta jkun qed jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim, għandu jevalwa
l-impatt tal-livell ta’ sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar
rispettivi dwar il-funzjonament tal-Ftehim. Għal dan il-għan, il-Partijiet
jaqblu li jinformaw lil xulxin b’mod regolari dwar il-miżuri li jkunu
ttieħdu biex jiġi evitat it-tifrix ta' dokumenti
tal-ivvjaġġar, billi jiġu żviluppati l-aspetti tekniċi
tas-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar kif ukoll dwar
il-proċess tal-personalizzazzjoni tal-ħruġ ta' dokumenti
tal-ivvjaġġar. Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-passaporti tas-servizz Il-Partijiet,
meta jitqies il-qafas ta' dawn in-negozjati, jaffermaw mill-ġdid li dan
il-Ftehim ma jaffettwax il-possibbiltà li l-Istati Membri individwali u
r-Repubblika tal-Azerbajġan jikkonkludu ftehimiet bilaterali li jipprevedu
l-eżenzjoni mir-rekwiżiti tal-viża għad-detenturi
tal-passaporti tas-servizz. *** [1] ĠU L 161, 20.6.2008, p. 30. [2] ĠU L 385, 29.12.2004, p. 1.