|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2511 |
25.9.2024 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2511
tat-2 ta’ Mejju 2024
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ żidiet fl-ispejjeż tal-operat u l-manutenzjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) bil-għan li jinbidel l-ammont tat-tariffa tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2018/1240 jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (“ETIAS”), applikabbli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżenti mill-obbligu tal-viża li jkunu qed ifittxu li jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) 2018/1240, l-ispejjeż tal-operat u l-manutenzjoni tal-ETIAS għandhom jiġu koperti mid-dħul iġġenerat mit-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS. Sabiex tkun taf l-istruttura tagħhom u tidentifika kwalunkwe żieda sinifikanti jew li ilha teżisti f’dawn l-ispejjeż, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina, fuq bażi annwali, l-ispejjeż tal-operat u tal-manutenzjoni tal-ETIAS kif irrapportati mill-Istati Membri, kif ukoll mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“Frontex”), mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (“eu-LISA”) u mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (“Europol”) (minn hawn ’il quddiem kollettivament imsejħa “aġenziji”) skont l-obbligi ta’ rapportar preeżistenti tagħhom. |
|
(3) |
Żieda sinifikanti jew persistenti f’dawk l-ispejjeż jenħtieġ li twassal għal bidla fl-ammont tat-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqabbel l-ispejjeż tal-operat u l-manutenzjoni tal-ETIAS kif irrapportati mill-Istati Membri u mill-aġenziji f’sena partikolari ma’ dawk irrapportati fis-snin preċedenti, sabiex tidentifika kwalunkwe żieda sinifikanti jew li ilha teżisti. Sabiex jiġu minimizzati l-obbligi ta’ rapportar, dan it-tqabbil jenħtieġ li jitwettaq abbażi tad-data diġà rrapportata mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2021/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Sabiex jiġi ddeterminat jekk żieda fl-ammont tat-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS tkunx ġustifikata, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-aġenziji jipprovdu, fuq talba mill-Kummissjoni, ir-raġunijiet li jirfdu ż-żieda fl-ispejjeż tal-operat u l-manutenzjoni. |
|
(4) |
Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (4). |
|
(5) |
Ġaladarba dak ir-Regolament (UE) 2018/1240 jimxi fuq il-passi tal-acquis ta’ Schengen, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka nnotifikat l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1240 fil-liġi nazzjonali tagħha. Għalhekk id-Danimarka hija marbuta b’dan ir-Regolament. |
|
(6) |
Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (5). Għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. |
|
(7) |
Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (6), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (7). |
|
(8) |
Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (8), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (9). |
|
(9) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (10), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (11). |
|
(10) |
Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jimxi fuq il-passi tal-acquis ta’ Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, jew huwa relatat miegħu b’xi mod ieħor. |
|
(11) |
Meta jitqies in-nuqqas ta’ sena operazzjonali preċedenti biex isservi bħala linja bażi għal tqabbil sinifikanti tal-kostijiet sena wara sena matul l-ewwel sena tal-operat tal-ETIAS, jenħtieġ li l-Artikoli 2 sa 6 ta’ dan ir-Regolament japplikaw biss mit-tieni sena tal-operat tal-ETIAS, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċedura għall-identifikazzjoni ta’ żieda fil-kostijiet tal-operat u l-manutenzjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (“ETIAS”) li tirrikjedi bidla fl-ammont tat-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS imġarrba minn:
|
(a) |
l-Istati Membri; |
|
(b) |
l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“Frontex”), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (“eu-LISA”), u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (“Europol”) (minn hawn ’il quddiem imsejħa kollettivament “aġenziji”). |
Artikolu 2
Spejjeż tat-tħaddim u l-manutenzjoni tal-ETIAS imġarrba mill-Istati Membri
1. Il-Kummissjoni għandha, kull sena, tanalizza l-ispejjeż irrapportati mill-Istati Membri fir-Rapport Annwali dwar il-Prestazzjoni sottomess lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 29(2), il-punt (g), tar-Regolament (UE) 2021/1148 u tidentifika żieda fl-ispejjeż tal-operat u tal-manutenzjoni, imsemmija fl-Artikolu 85(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2018/1240, meta mqabbla ma’ dawk irrapportati mill-Istati Membri fis-snin preċedenti.
2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu, fuq talba mill-Kummissjoni, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw żieda fl-ispejjeż tal-operat u l-manutenzjoni tal-ETIAS imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 3
Spejjeż imġarrba mill-Frontex
1. Il-Kummissjoni għandha, kull sena, tanalizza l-ispejjeż irrapportati mill-Frontex fir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Baġit imsemmi fl-Artikolu 99 tar-Regolament Finanzjarju tal-Frontex adottat skont l-Artikolu 120 tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u tidentifika żieda fl-ispejjeż imġarrba għat-twettiq tar-responsabbiltajiet definiti fl-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) 2018/1240, fir-rigward ta’ dawk irrapportati mill-Frontex fis-snin preċedenti.
2. Il-Frontex għandu jipprovdi, fuq talba mill-Kummissjoni, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw żieda fl-ispejjeż tal-operat u l-manutenzjoni tal-ETIAS imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 4
Spejjeż imġarrba mill-Europol
1. Il-Kummissjoni għandha, kull sena, tanalizza l-ispejjeż irrapportati mill-Europol fir-Rapport dwar il-Ġestjoni Baġitarja u Finanzjarja msemmi fl-Artikolu 60(2) tar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u tidentifika żieda fl-ispejjeż imġarrba għat-twettiq tar-responsabbiltajiet definiti fl-Artikolu 77 tar-Regolament (UE) 2018/1240, fir-rigward ta’ dawk irrapportati mill-Europol fis-snin preċedenti.
2. Il-Europol għandu jipprovdi, fuq talba mill-Kummissjoni, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw żieda fl-ispejjeż tal-operat u l-manutenzjoni tal-ETIAS imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 5
Spejjeż imġarrba minn eu-LISA
1. Il-Kummissjoni għandha, kull sena, tanalizza l-ispejjeż irrapportati mill-eu-LISA fir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja msemmi fl-Artikolu 47(4) tar-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u tidentifika żieda fl-ispejjeż imġarrba għat-twettiq tar-responsabbiltajiet definiti fl-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) 2018/1240, fir-rigward tal-kostijiet irrapportati mill-eu-LISA fis-snin preċedenti.
2. eu-LISA għandha tipprovdi, fuq talba mill-Kummissjoni, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw żieda fl-ispejjeż tal-operat u l-manutenzjoni tal-ETIAS imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 6
Valutazzjoni tal-bidliet fl-ammont tat-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS
Il-Kummissjoni għandha, kull sena u wara li tidentifika kwalunkwe żieda sinifikanti jew persistenti fl-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri u l-aġenziji f’konformità mal-Artikoli 2 sa 5 ta’ dan ir-Regolament, tiddetermina jekk hijiex meħtieġa bidla fl-ammont tat-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS.
Artikolu 7
Informazzjoni dwar ix-xejriet u l-isfidi li jħallu impatt fuq it-tariffa tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS
L-Istati Membri u l-aġenziji jistgħu jinfurmaw lill-Kummissjoni fuq bażi ad hoc meta jidentifikaw xejriet u sfidi li jista’ jkollhom impatt ekonomiku sinifikanti fuq l-operat u l-manutenzjoni tal-ETIAS jew inkella jiġġustifikaw bidla fl-ammont tat-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikoli 2 sa 6 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw mit-tieni sena tal-operat tal-ETIAS.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Mejju 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1240/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 251, 15.7.2021, p. 48, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1148/oj).
(3) Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE.” (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/38/oj).
(4) Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika 2019/C 384 I/01, (ĠU C 384 I, 12.11.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/withd_2019(3)/oj).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/192/oj).
(6) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1999/439(1)/oj.
(7) Id-Deċiżjoni 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/437/oj).
(8) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2008/178(1)/oj.
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/146/oj).
(10) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2011/350/oj.
(11) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/350/oj).
(12) Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1896/oj).
(13) Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/794/oj).
(14) Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1726/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/2511/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)