|
27.4.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 150/1 |
OPINJONI NRU 1/2016
(skont l-Artikolu 325, TFUE)
dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, fir-rigward tas-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)
(2016/C 150/01)
IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 325(4) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-proposta tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ Marzu 2016 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, fir-rigward tas-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (1),
Wara li kkunsidrat it-talba tal-Parlament Ewropew għal opinjoni dwar il-proposta msemmija hawn fuq, riċevuta mill-Qorti fl-4 ta’ April 2016,
Wara li kkunsidrat it-talba tal-Kunsill għal opinjoni dwar il-proposta msemmija hawn fuq, riċevuta mill-Qorti fil-15 ta’ Marzu 2016,
ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA:
Introduzzjoni
|
1. |
L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) huwa direttorat ġenerali tal-Kummissjoni iżda huwa funzjonalment indipendenti fir-rigward tax-xogħol investigattiv tiegħu. L-Uffiċċju nħoloq fl-1999 u r-regoli applikabbli għal investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju (minn hawn ‘il quddiem “Ir-Regolament OLAF”) ġew riveduti fl-2013 (2). |
|
2. |
L-istruttura tal-OLAF tinkludi kumitat ta’ sorveljanza li għandu l-kompitu li “jimmonitorja regolarment l-implimentazzjoni mill-Uffiċċju tal-funzjoni investigattiva tiegħu, sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-Uffiċċju fit-twettiq tajjeb tal-kompetenzi mogħtija lilu” (3). B’mod partikolari l-Kumitat għandu jimmonitorja l-iżviluppi dwar l-applikazzjoni ta’ garanziji proċedurali u t-tul tal-investigazzjonijiet tal-OLAF. |
|
3. |
Il-Kumitat ta’ Sorveljanza huwa kompost minn ħames membri indipendenti li għandhom esperjenza f’funzjoni ġudizzjarja jew investigattiva għolja jew funzjoni komparabbli marbuta mal-oqsma ta’ attività tal-Uffiċċju. Huma jinħatru bi qbil komuni mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. |
|
4. |
Skont l-Artikolu 15(8) tar-Regolament OLAF, is-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza huwa pprovdut mill-OLAF, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kumitat ta’ Sorveljanza. L-Artikolu 18 tar-Regolament OLAF iqiegħed l-approprjazzjonijiet baġitarji għall-Kumitat ta’ Sorveljanza u għas-segretarjat tiegħu fi ħdan il-linja baġitarja tal-Uffiċċju u jipprovdi li l-pjan ta’ stabbiliment (tabella tal-persunal) tal-Uffiċċju jinkludi dak tal-Kumitat ta’ Sorveljanza u tas-segretarjat tiegħu. |
|
5. |
Filwaqt li s-segretarjat huwa affiljat funzjonalment mal-Kumitat ta’ Sorveljanza, il-persunal tas-segretarjat huwa subordinat amministrattivament għad-Direttur Ġenerali tal-OLAF. Id-Direttur Ġenerali għandu s-setgħat tal-awtorità tal-ħatra u jiddeċiedi, pereżempju, dwar promozzjonijiet u trasferimenti tal-persunal tas-segretarjat. Skont il-Kumitat ta’ Sorveljanza din is-sitwazzjoni wasslet għal kunflitti ta’ interess u esponiet lill-persunal tas-segretarjat għal struzzjonijiet kunfliġġenti, bħalma kien il-każ, pereżempju, bid-divulgazzjoni tal-Opinjoni Nru 2/2012 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza (4). |
|
6. |
Taħt ir-Regolament propost, is-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jiġu pprovdut mill-Kummissjoni, u mhux aktar mill-OLAF. L-approprjazzjonijiet baġitarji għas-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza se jiġu mċaqilqa mil-linja baġitarja u l-pjan ta’ stabbiliment tal-OLAF għal dik tal-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, il-proposta tipprovdi li l-kompetenza tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-OLAF se jkompli jkopri l-ipproċessar ta’ data mis-segretarjat u li l-persunal tas-segretarjat se jkompli jkun soġġett għall-istess regoli ta’ kunfidenzjalità bħal qabel. |
Osservazzjonijiet
|
7. |
Il-Qorti tfakkar li fl-2011, waqt ir-reviżjoni l-aktar reċenti tar-Regolament OLAF, hija diġà kienet irrakkomandat li tiġi inkluża dispożizzjoni li s-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza jrid jaġixxi biss skont l-istruzzjonijiet tal-Kumitat u b’mod indipendenti mill-OLAF, u ma jistax jinħatar minn jew ikun suġġett tal-awtorità tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF (5). |
|
8. |
F’dan l-isfond, il-Qorti tilqa’ l-proposta li s-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza ma għandux jibqa’ jiġi pprovdut mill-OLAF. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ġodda għas-sostituzzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 15(8) (6) jistgħu jiġu kkompletati sabiex jiġi kkjarifikat li huwa meħtieġ li s-segretarjat jaġixxi independentement mhux biss mill-OLAF iżda wkoll mill-Kummissjoni, u li huwa jaqa’ taħt l-awtorità tal-Kumitat ta’ Sorveljanza. Għalhekk, il-Qorti tipproponi l-formulazzjoni emendata li ġejja:
|
|
9. |
Il-Qorti tinnota li l-evalwazzjoni kumplessiva li jmiss tar-Regolament OLAF fl-2017 se tkun opportunità biex tiġi eżaminata u, jekk meħtieġ, riveduta l-governanza tal-OLAF inklużi l-arranġamenti tagħha ta’ sorveljanza (7). Madankollu, fid-dawl ta’ żviluppi reċenti (8), ikun aħjar jekk wieħed ma jistenniex sakemm issir din l-evalwazzjoni kumplessiva biex tiġi kkjarifikata l-proċedura għat-tneħħija tal-immunità (9) tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF jew ta’ kwalunkwe membru ieħor tal-persunal tal-OLAF fuq it-talba ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali. Meta awtorità ġudizzjarja nazzjonali tagħmel talba bħal din, hemm possibbiltà li l-indipendenza tal-OLAF tkun teħtieġ salvagwardja addizzjonali. Għalhekk, il-Qorti tirrakkomanda li l-Artikolu 17 tar-Regolament OLAF għandu jiġi kkompletat b’dispożizzjoni li l-Kummissjoni trid tinforma lill-Kumitat ta’ Sorveljanza dwar kwalunkwe talba bħal din b’mod f’waqtu u li trid tikkonsulta l-Kumitat qabel ma tieħu deċiżjoni (10). |
Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-5 ta’ April 2016.
Għall-Qorti tal-Awdituri
Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA
President
(1) COM(2016) 113 final tal-4 ta’ Marzu 2016.
(2) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(3) Ara l-Artikolu 15(1) tar-Regolament OLAF.
(4) Ara l-paragrafu 56 tar-Rapport tal-Attività 2014 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF.
(5) Ara l-paragrafu 44 tal-opinjoni Nru 6/2011 (ĠU C 254, 30.8.2011, p. 1).
(6) Ara l-Artikolu 1(2) tal-proposta.
(7) L-Artikolu 19 tar-Regolament OLAF jipprovdi li, sat-2 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat minn opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza u għandu jiddikjara jekk hemmx bżonn li jiġi emendat dan ir-Regolament.
(8) F’Marzu 2016, il-Kummissjoni neħħiet l-immunità mill-proċedimenti legali tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF, fuq talba tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru.
(9) L-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet (PPI) tal-Unjoni Ewropea jistipula li l-membri tal-persunal għandu “jkollhom immunità minn proċedimenti legali fir-rigward ta’ atti magħmulin minnhom fil-kapaċità uffiċjali tagħhom, inklużi kliem li jkunu qalu jew kitbu […]. Ikomplu jgawdu din l-immunità wara li jkunu temmew il-kariga tagħhom.”
(10) B’mod simili, l-Artikolu 17(9) tar-Regolament OLAF diġà jipprovdi li l-Kummissjoni trid tikkonsulta l-Kumitat qabel ma timponi kwalunkwe penali dixxiplinari fuq id-Direttur Ġenerali.