Brussell, 8.2.2023

COM(2023) 69 final

2023/0031(BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2022/002 BE TNT


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) huma stipulati fir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 1 .

2.Fit-18 ta’ Ottubru 2022, il-Belġju ppreżenta applikazzjoni EGF/2022/002 BE/TNT għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara s-sensji f’TNT Express Worldwde (Euro Hub) SRL (minn hawn ’il quddiem imsejħa TNT) fil-Belġju.

3.Wara l-valutazzjoni li għamlet ta’ din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’konformità mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament (UE) 2021/691, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ġew issodisfati.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

L-applikazzjoni tal-FEG

EGF/2022/002 BE/TNT

Stat Membru

Il-Belġju

Reġjun(i) ikkonċernat(i) (il-livell NUTS 2 2)

Il-Provinċja ta’ Liège (BE33)

Id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni

It-18 ta’ Ottubru 2022

Id-data tal-konferma tal-wasla tal-applikazzjoni

It-3 ta’ Novembru 2022

Id-data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali

It-3 ta’ Novembru 2022

L-iskadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali

Il-25 ta’ Novembru 2022

L-iskadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni

L-14 ta’ Frar 2023

Il-kriterju ta’ intervent

L-Artikolu 4(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2021/691.


L-intrapriża primarja

TNT Express Worldwide (Euro Hub) SRL (TNT)


L-għadd ta’ intrapriżi kkonċernati

1

Is-settur(i) tal-attività ekonomika

(Id-diviżjoni NACE Reviżjoni 2) 3

Diviżjoni 52 (Attivitajiet ta’ ħażna u appoġġ għat-trasport)

Il-perjodu ta’ referenza (4 xhur):

Mis-27 ta’ Marzu 2022 sas-27 ta’ Lulju 2022

Għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza (a)

548

Għadd ta’ sensji qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza (b)

11

Għadd totali ta’ sensji (a + b)

559

Għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli

559

Għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira

559

Baġit għal servizzi personalizzati (EUR)

2 270 644

Baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG 4 (EUR)

31 000

Baġit totali (EUR)

2 301 644

Kontribuzzjoni tal-FEG (85 %) (EUR)

1 956 397

VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI

Proċedura

4.Fit-18 ta’ Ottubru 2022, il-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni EGF/2022/002 BE/TNT fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta’ intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/691. Fit-3 ta’ Novembru 2022 il-Kummissjoni kkonfermat il-wasla tal-applikazzjoni u talbet informazzjoni addizzjonali mill-Belġju. Din l-informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien 15-il jum ta’ xogħol mit-talba. L-iskadenza ta’ 50 jum ta’ xogħol mill-wasla tal-applikazzjoni mimlija li fiha l-Kummissjoni għandha tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, tiskadi fl-14 ta’ Frar 2023.

Eliġibbiltà tal-applikazzjoni

L-intrapriżi u l-benefiċjarji kkonċernati

5.L-applikazzjoni hija relatata ma’ 548 ħaddiem issensjat li l-attività tagħhom waqfet f’TNT Express Worldwide (Euro Hub) SRL fis-settur ekonomiku klassifikat taħt id-diviżjoni 52 tan-NACE Reviżjoni 2 (Attivitajiet ta’ ħażna u ta’ appoġġ għat-trasport). Is-sensji mogħtija minn TNT jinsabu fir-reġjun NUTS 2 tal-Provinċja ta’ Liège (BE33).

Kriterji ta’ intervent

6.Il-Belġu ressaq l-applikazzjoni fl-ambitu tal-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 4(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/691, li jirrikjedi l-waqfien tal-attività ta’ mill-anqas 200 ħaddiem issensjat fuq perjodu ta’ referenza ta’ 4 xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema ssensjati f’fornituri u fi produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet.

7.Il-perjodu ta’ referenza ta’ 4 xhur għall-applikazzjoni jibda mis-27 ta’ Marzu 2022 sas-27 ta’ Lulju 2022.

8.Matul il-perjodu ta’ referenza kien hemm 548 ħaddiem issensjat minn TNT. 

Kalkolu tas-sensji u tal-waqfien ta’ attività

9.Skont l-Artikolu 6, l-ewwel paragrafu, il-punt (a), flimkien mal-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/691, il-waqfien tal-attivitajiet tal-548 ħaddiem issensjat matul il-perjodu ta’ referenza ġie kkalkolat mid-data tat-terminazzjoni de facto tal-kuntratt ta’ impjieg jew l-iskadenza tiegħu.

Benefiċjarji eliġibbli

10.Minbarra l-ħaddiema diġà msemmija, il-benefiċjarji eliġibbli jinkludu 10 ħaddiema ssensjati li l-attività tagħhom waqfet bejn it-tmiem tal-perjodu ta’ referenza u l-jum qabel l-adozzjoni ta’ din il-proposta skont l-Artikolu 6, l-ewwel paragrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/691. Tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali ċara mal-avveniment li wassal għall-waqfien tal-attività tal-ħaddiema ssensjati matul il-perjodu ta’ referenza kif meħtieġ mill-Artikolu 6, it-tieni paragrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691.

11.L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa ta’ 559.

Deskrizzjoni tal-avvenimenti li wasslu għas-sensji u għall-waqfien tal-attività

12.Fid-19 ta’ Jannar 2021, TNT Express Worldwide (Euro Hub) SRL – is-sussidjarja Belġjana tal-grupp li jirriżulta mill-akkwiżizzjoni tal-Grupp TNT Olandiż mill-Grupp ta’ FedEx tal-Istati Uniti fl-2016 – ħabbret l-intenzjoni tagħha li tagħti s-sensja lil 671 5  ħaddiem u li timmodifika l-kuntratti ta’ 861 ħaddiem ieħor.

13.L-intrapriża qed tippjana li tuża l-ajruport ta’ Liège bħala ċentru sekondarju, illinkjat biss ma’ xi ajruporti Ewropej, filwaqt li Paris-Charles de Gaulle jsir iċ-ċentru primarju ta’ FedEx, illinkjat mal-ajruporti kollha Ewropej, kif ukoll ma’ ajruporti fl-Amerika, fl-Asja u fil-Lvant Nofsani. B’riżultat ta’ dan, il-forza tax-xogħol fl-ajruport ta’ Liège trid titnaqqas f’konformità mat-tnaqqis fl-ammont ta’ xogħol u mat-tnaqqis fl-għadd ta’ titjiriet fl-ajruport ta’ Liège, u dan jirriżulta f’sensji u f’kundizzjonijiet tax-xogħol riveduti għal mijiet ta’ impjegati.

14.Il-bidliet għandhom l-għan li jevitaw duplikazzjoni tal-attivitajiet u li jsaħħu l-pożizzjoni tal-grupp f’kuntest ta’ kompetizzjoni ħarxa fis-settur fil-livell Ewropew u dak nazzjonali.

Impatt mistenni tal-għoti tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali u l-impjiegi

15.Ir-rata tal-qgħad fil-Wallonia (8,7 %) hija 2,8 punti perċentwali ogħla mir-rata tal-qgħad fil-livell nazzjonali (5,9 %) 6 . Barra minn hekk, is-suq tal-impjiegi fil-Provinċja ta’ Liège huwa partikolarment żvantaġġat meta mqabbel ma’ provinċji oħrajn fil-Wallonia.

16.Il-Provinċja ta’ Liège flimkien mal-Provinċja ta’ Hainaut għandha l-ogħla rata ta’ domanda għax-xogħol (is-sehem ta’ persuni qiegħda rreġistrati li qed ifittxu impjieg fil-popolazzjoni attiva) fil-Wallonia, bi 13,8 % f’Marzu 2022 7 .

17.Il-varjazzjoni sena wara sena fl-għadd ta’ persuni li qed ifittxu impjieg fil-Provinċja ta’ Liège turi xejra pożittiva: dan ilu jonqos għal dawn l-aħħar sentejn (sena wara sena, -1,7 % fit-tieni trimestru 2021 u -2,1 % fit-tieni trimestru 2022). Madankollu, filwaqt li tiġi osservata l-istess xejra għall-persuni qiegħda għal żmien qasir, dan ma huwiex il-każ għall-persuni qiegħda fit-tul (aktar minn 12-il xahar). Ir-riintegrazzjoni fl-impjieg qed issir partikolarment diffiċli għall-persuni qiegħda fit-tul, li ilhom ifittxu impjieg għal mill-anqas sentejn iżda għal anqas minn ħames (5) snin. F’Marzu 2022, 28 % tal-persuni kollha li kienu qed ifittxu impjieg kienu jappartjenu għall-grupp ta’ bejn sentejn u ħames (5) snin, ħames (5) punti perċentwali aktar milli f’Marzu 2020 8 .

18.L-età hija assoċjata ma’ diffikultajiet fit-tiftix ta’ impjieg fil-Provinċja ta’ Liège, fejn dawk li għandhom aktar minn 50 sena kienu jirrappreżentaw 27,5 % ta’ dawk li kienu qed ifittxu impjieg f’Marzu 2022 9 . Kważi nofs (47 %) il-ħaddiema preċedenti ta’ TNT jappartjenu għal dan il-grupp ta’ età.

19.Filwaqt li l-kriżi tal-COVID-19 aċċellerat it-tiftix għal ħaddiema bi profili aktar kwalifikati fis-suq tax-xogħol Belġjan, 60 % tal-ħaddiema preċedenti ta’ TNT kellhom impjiegi bi kwalifiki baxxi, bħal handler, persunal tar-rampi, eċċ. Għalhekk, dawn il-ħaddiema jistgħu jsibuha diffiċli biex jerġgħu jintegraw ruħhom f’impjieg; aktar u aktar biex isibu kuntratti stabbli, peress li s-settur jiffavorixxi kuntratti qosra.

20.L-awtoritajiet ta’ Wallonia jargumentaw li s-sensji f’TNT se jkollhom impatt partikolari fuq żewġ kategoriji ta’ ħaddiema (dawk b’livell baxx ta’ ħiliet u dawk li għandhom aktar minn 50 sena) li diġà huma żvantaġġati fis-suq tax-xogħol reġjonali.

21.Barra minn hekk, il-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19 flimkien mal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna jaggravaw il-perspettiva għall-iżvilupp ekonomiku. Iż-żieda attwali fl-inflazzjoni, b’mod partikolari ż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima u tal-enerġija, inaqqsu l-marġnijiet tal-intrapriżi u l-kompetittività tagħhom. Dan jissuġġerixxi anqas reklutaġġ fl-2022. L-IWEPS (l-Istitut tal-Wallonia għall-Evalwazzjoni, il-Prospettiva u l-Istatistika) jistma r-rata medja annwali ta’ tkabbir fl-impjiegi nazzjonali Belġjani għall-2022, bħala 1,3 % anqas milli fl-2021 10 . Għalhekk, il-ħaddiema preċedenti ta’ TNT se jeħtieġu appoġġ addizzjonali u mmirat biex iżidu l-possibbiltajiet tagħhom li jsibu impjiegi ġodda.

Applikazzjoni tal-Qafas ta’ Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar (QFR)

22.Il-Belġu ddeskriva kif tqiesu r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Qafas ta’ Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar.

23.TNT kienet konformi mal-liġi Belġjana dwar is-sensji kollettivi, li tistabbilixxi proċedura obbligatorja għall-informazzjoni u konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Il-proċedura tagħmilha possibbli li tiġi esplorata kwalunkwe possibbiltà li jiġi evitat jew li jitnaqqas l-għadd ta’ sensji. Din tfittex ukoll li ttaffi l-konsegwenzi tat-telf ta’ impjiegi permezz ta’ miżuri soċjali komplementari, bħall-appoġġ għar-riallokazzjoni jew għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja.

24.Il-proċedura ta’ informazzjoni u konsultazzjoni wasslet għal għadd imnaqqas ta’ sensji u ppermettiet lill-ħaddiema japplikaw għal sensja volontarja u jirċievu l-inċentivi finanzjarji rilevanti. In-negozjati żguraw ukoll baġit speċifiku mingħand TNT biex tkopri l-kostijiet tat-taħriġ mill-ġdid.

25.Il-leġiżlazzjoni reġjonali tal-Wallonia 11 tipprevedi appoġġ speċifiku għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja, fil-forma ta’ unità ta’ riallokazzjoni (cellule de reconversion) 12 mis-Servizz Pubbliku Reġjonali għall-Impjiegi u t-Taħriġ Vokazzjonali (Forem), fuq talba tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-ħaddiema. L-unità ta’ riallokazzjoni ma tikkostitwix obbligu għall-impjegatur, u lanqas għal Forem. L-implimentazzjoni tal-miżuri kofinanzjati tal-FEG se tiġi ġestita permezz ta’ tali unità ta’ riallokazzjoni.

26.Fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa biex jgħinu lill-ħaddiema ssensjati, il-Belġju rrapporta li l-liġi nazzjonali tax-xogħol 13 dwar il-ġestjoni attiva tar-ristrutturar tirrikjedi li l-intrapriżi li jkunu qegħdin jiġu rristrutturati jistabbilixxu unità tal-impjiegi (cellule pour l’emploi) 14 , li l-għan tagħha jkun li tipprovdi lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja fil-kuntest ta’ sensji kollettivi, bi 30 siegħa ta’ servizzi ta’ rikollokament f’perjodu ta’ tliet (3) xhur (60 siegħa f’sitt (6) xhur għall-ħaddiema ta’ 45 sena u aktar). Is-servizzi tal-unità tal-impjiegi bdew immedjatament wara s-sensji.

Komplementarjetà ma’ azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni

27.Il-Belġju kkonferma li l-miżuri deskritti hawn taħt li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma humiex se jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni.

28.Il-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati jikkomplementa azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-UE oħrajn, ara s-servizzi ta’ rikollokament deskritti fil-paragrafu 26.

Proċeduri għall-konsultazzjoni tal-benefiċjarji fil-mira jew tar-rappreżentanti tagħhom jew tas-sħab soċjali kif ukoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

29.Il-Belġju indika li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal f’konsultazzjoni ma’ rappreżentanti tal-benefiċjarji fil-mira, f’konformità mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) 2021/691.

30.Bil-għan li jitħejja pakkett sod ta’ miżuri mfassla apposta biex jappoġġaw l-isforzi tal-ħaddiema ta’ TNT biex jerġgħu lura għax-xogħol, fis-6 ta’ April, fil-11 ta’ Mejju u fil-21 ta’ Ġunju 2022, il-Forem, it-trade unions (FGTB 15 u CSC 16 ), u sħab oħrajn iltaqgħu, biex jifhmu aħjar il-ħtiġijiet ta’ taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema. Il-konsulenti soċjali li akkumpanjaw lill-ħaddiema wara li ngħataw is-sensja ġew ikkonsultati wkoll. Dawn il-laqgħat irriżultaw f’pakkett ikkoordinat ta’ miżuri tal-FEG li jikkomplementa l-miżuri standard proposti mill-unità tal-impjiegi.

Il-benefiċjarji fil-mira u l-miżuri proposti

Il-benefiċjarji fil-mira

31.Il-559 ħaddiem kollha ssensjati huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri. Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/691, id-diżaggregazzjoni pprovduta ta’ dawn il-ħaddiema skont il-ġeneru, il-grupp ta’ età u l-livell edukattiv hija kif ġej:
 

Kategorija

Numru ta’
benefiċjarji mistennija

Ġeneru:

Irġiel:

486

(86,9 %)

Nisa:

73

(13,1 %)

Mhux binarji

0

(0,0 %)

Grupp ta’ età:

Taħt it-30 sena:

13

(2,3 %)

Bejn it-30 u l-54 sena:

366

(65,7 %)

Aktar minn 54 sena:

180

(32,0 %)

Livell ta’ edukazzjoni

Edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jew anqas 17  

289

(51,7 %)

Edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell 18 jew edukazzjoni postsekondarja 19

212

(37,9 %)

Edukazzjoni terzjarja 20

58

(10,4 %)

Miżuri proposti

32.Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2021/691, il-pakkett ikkoordinat li għandu jiġi pprovdut lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsisti mill-miżuri li ġejjin:

–Servizzi ta’ informazzjoni, gwida okkupazzjonali u assistenza għar-rikollokament. Dan is-sett ta’ servizzi jespandi l-attivitajiet standard b’appoġġ għall-ħaddiema preċedenti ta’ TNT imwettqa mill-unità tal-impjiegi ta’ Forem f’isem l-intrapriża li tat is-sensji. L-offerta standard se tiġi estiża lil hinn mill-perjodu obbligatorju u se jiġu proposti servizzi speċifiċi addizzjonali bħal ikkowċjar individwali, servizzi ta’ tiftix attiv għal impjieg u servizzi ta’ tqabbil tal-impjieg. Se tingħata attenzjoni partikolari lil persuni vulnerabbli f’sitwazzjoni ta’ diffikultà psikoloġika, dejn, jew diżabilità rikonoxxuta permezz ta’ professjonisti speċjalizzati fl-assistenza ta’ dawn il-gruppi.

–Taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali. Il-ħaddiema se jkollhom aċċess għall-offerta ta’ taħriġ standard ta’ Forem u s-sħab tiegħu. Se jintużaw ukoll moduli speċifiċi għat-tiftix għall-impjiegi. Barra minn hekk, wara t-tfassil tal-profili u l-ftehim dwar proġetti individwali mal-konsulent vokazzjonali, se jiġi offrut taħriġ speċifiku biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet identifikati. Qiegħed jiġi offrut ukoll modulu biex jittejbu l-ħiliet tal-IT u biex tinkiseb awtonomija diġitali, żviluppat speċifikament għall-ħaddiema preċedenti ta’ TNT. Dan il-modulu jikkomplementa l-modulu għall-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali li huwa parti mill-offerta ta’ taħriġ standard ta’ Forem.

–Appoġġ lejn il-ħolqien tan-negozju. Il-miżura hija mmirata lejn ħaddiema li jixtiequ jiftħu n-negozju tagħhom. Din se tinkludi fażi ta’ dijanjożi u gwida, azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-intraprenditorija, sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar il-potenzjal għall-ħolqien tan-negozju permezz ta’ dijanjożi ekonomika territorjali u networking ma’ intraprendituri rilevanti u ma’ coaches iċċertifikati fil-ħolqien tan-negozju.

–Kontribuzzjoni għall-ħolqien tan-negozju. Il-ħaddiema li jibdew negozju jew attività bħala persuni li jaħdmu għal rashom se jirċievu kontribuzzjoni sa EUR 15 000. Il-kontribuzzjoni se titħallas f’żewġ pagamenti, wara li tingħata prova tal-bidu tal-attività ta’ negozju b’dokumenti ta’ sostenn.

–Inċentivi u allowances: (1) Tiftix għal impjieg u allowances għat-taħriġ. Il-ħaddiema se jirċievu EUR 1 fis-siegħa għall-parteċipazzjoni effettiva fit-taħriġ jew fl-attivitajiet ta’ tiftix għal impjieg. (2) Bonus għat-titjib tal-ħiliet tal-IT. Il-ħaddiema li jsegwu l-modulu għall-aċċess għall-awtonomija diġitali żviluppat ad hoc għalihom, se jirċievu somma f’daqqa ta’ EUR 400 kondizzjonali fuq il-parteċipazzjoni attiva tagħhom u t-tlestija tat-taħriġ. Il-bonus għandu l-għan li jnaqqas l-illitteriżmu diġitali billi jħeġġeġ lill-ħaddiema preċedenti ta’ TNT itejbu l-ħiliet tal-IT tagħhom. (3) Allowance għar-ritorn għall-iskola. Se jingħata allowance ta’ EUR 350 fix-xahar lil ħaddiema li jibdew studji sekondarji u terzjarji full-time għal mill-anqas sena waħda, jew taħriġ kwalifikanti ta’ mill-anqas 3 xhur biex jiksbu l-ħiliet meħtieġa għall-impjiegi li hemm domanda għalihom u li għalihom ir-reklutaġġ huwa diffiċli, huma relatati ma’ funzjonijiet kritiċi 21 , jew li fihom hemm żbilanċ sinifikanti bejn il-ġeneri. (4) Allowance għall-ħolqien ta’ negozju. Sabiex il-ħaddiema jiġu appoġġati waqt l-istabbiliment tan-negozju tagħhom, se jingħata benefiċċju ta’ kull xahar ta’ EUR 350 għal massimu ta’ 12-il xahar.

33.It-taħriġ biex tinkiseb l-awtonomija diġitali msemmi hawn fuq li jikkomplementa t-taħriġ standard tal-Forem biex jiġu żviluppati l-ħiliet diġitali, flimkien ma’ modulu dwar l-ekonomija ċirkolari u l-użu effiċjenti tar-riżorsi huma f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2021/691. Il-modulu dwar l-ekonomija ċirkolari u l-użu effiċjenti tar-riżorsi żviluppat għall-ħaddiema preċedenti ta’ Swissport (EFG/2020/005 BE) 22 se jkun parti mill-offerta ta’ taħriġ standard ta’ Forem kofinanzjata mill-FSE+. Għalhekk, dan ma huwiex ibbaġitjat f’din il-proposta. Barra minn hekk, l-ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi hija fil-qalba tal-offerta ta’ taħriġ taċ-ċentru ta’ taħriġ “ambjent” ta’ Forem 23 .

34.L-azzjonijiet proposti deskritti hawnhekk jikkostitwixxu miżuri ta’ politika attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli, stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2021/691. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwux miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.

35.Il-Belġju informa li t-30/60 siegħa ta’ servizzi ta’ rikollokament li huma l-obbligu legali tal-impjegatur bdew immedjatament wara s-sensji. L-unità ta’ riallokazzjoni kofinanzjata mill-FEG ġiet inkarigata wara t-tmiem tal-obbligu legali mingħajr diskrepanza fiż-żmien.

36.Il-Belġju pprovda l-informazzjoni meħtieġa dwar miżuri li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata permezz tal-liġi nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi. F’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2021/691, il-Belġju kkonferma li dawn il-miżuri ma humiex se jiġu sostitwiti b’kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.

Baġit stmat

37.Il-kostijiet totali stmati huma ta’ EUR 2 301 644 li jinkludu nefqa ta’ EUR 2 270 644 għal servizzi personalizzati u nefqa ta’ EUR 31 000 għal attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar.

38.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 1 956 397 (85 % tal-kostijiet totali).

39.Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (m), il-Belġju speċifika li l-prefinanzjament u l-kofinanzjament nazzjonali huma pprovduti minn Région Wallonne.

Miżuri

L-għadd stmat ta’ parteċipanti

Il-kost stmat għal kull parteċipant 
(EUR) 24

Il-kostijiet totali stmati

(EUR) 25  

Servizzi personalizzati (miżuri fl-ambitu tal-Artikolu 7(2) , it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/691)

Servizzi ta’ informazzjoni, gwida okkupazzjonali u assistenza għar-rikollokament
(
Reconversion: accompagnement/orientation/mobilisation)

559

2 898

1 620 081

Taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali
(
formations et modules spécifiques)

500

152

76 000 26

Appoġġ lejn il-ħolqien ta’ negozju (dispositif d'accompagnement à l'entrepreneuriat) 

60

720

43 186

Kontribuzzjoni għall-ħolqien ta’ negozju
(
bourse de lancement)

25

10 000

250 000

Subtotal (a):

Il-perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati

–

1 989 267

(87,61 %)

Allowances u inċentivi (miżuri fl-ambitu tal-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/691)

Inċentivi u allowances
(
allocation de recherche d'emploi et de formation, prime numérique, allocation de reprise d'études, allocation d'entrepreneuriat) 

559

503

281 377

Subtotal (b):

Il-perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:

–

281 377

(12,39 %)

Attivitajiet fl-ambitu tal-Artikolu 7(5) tar-Regolament (UE) 2021/691.

1. L-attivitajiet preparatorji

–

0 27

2. Il-maniġment

–

2 000

3. L-informazzjoni u l-pubbliċità

–

10 000

4. Kontroll u rapportar

–

19 000

Subtotal (c):

Perċentwal tal-kostijiet totali:

–

31 000

(1,35 %)

Kostijiet totali (a + b + c):

–

2 301 644

Kontribuzzjoni tal-FEG (85 % tal-kostijiet totali)

–

1 956 397

40.Il-kostijiet tal-miżuri identifikati fit-tabella ta’ hawn fuq bħala miżuri skont l-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/691 ma jaqbżux 35 % tal-kostijiet totali tal-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati. Il-Belġju kkonferma li dawn il-miżuri huma kondizzjonali għall-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira f’attivitajiet ta’ tiftix għal impjieg jew ta’ taħriġ.

41.Il-Belġju, f’konformità mal-Artikolu 7(2), ir-raba’ subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691, ikkonferma li l-kostijiet tal-investimenti għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, għan-negozji l-ġodda u għall-akkwiżizzjoni maġġoritarja mill-impjegati ma humiex se jaqbżu t-EUR 22 000 għal kull benefiċjarju.

Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa

42.Il-Belġju beda jipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta’ April 2022. Għalhekk, in-nefqa fuq il-miżuri se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ April 2022 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.

43.Il-Belġju beda jġarrab in-nefqa amministrattiva biex jimplimenta l-FEG fid-19 ta’ Jannar 2021. In-nefqa għal attivitajiet preparatorji, amministrattivi, ta’ informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar għandha għalhekk tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mid-19 ta’ Jannar 2021 sa 31 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.

Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll

44.L-applikazzjoni fiha deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll meħtieġa fl-ambitu tal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2021/691, li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. Il-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess korpi li jimmaniġġaw u li jikkontrollaw l-FSE+.

L-impenji pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat

45.Il-Belġju ta l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

–il-prinċipji tal-ugwaljanza tat-trattament u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-miżuri proposti u għall-implimentazzjoni tagħhom,

–ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi jkunu ġew issodisfati,

–TNT, li ssoktat bl-attivitajiet tagħha wara s-sensji, ikkonformat mal-obbligi legali tagħha u pprovdiet għall-ħaddiema tagħha kif xieraq,

–kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi evitat,

–il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta baġitarja

46.Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 186 miljun (il-prezzijiet tal-2018), kif stipulat fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 28 .

47.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/691, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira, il-miżuri proposti u l-kostijiet stmati, il-Kummissjoni tipproponi li l-FEG jiġi mmobilizzat għall-ammont ta’ EUR 1 956 397, li jirrappreżenta 85 % tal-kostijiet totali tal-miżuri proposti, sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.

48.Id-deċiżjoni proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE) 2021/691 u kif stabbilit fil-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 29 .

Atti relatati

49.Fl-istess waqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni sabiex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 1 956 397 għal-linja baġitarja rilevanti.

50.Fl-istess ħin li adottat din il-proposta għal deċiżjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja li tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 110 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 30 . Dik id-deċiżjoni ta’ finanzjament se tidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tiġi nnotifikata bl-approvazzjoni tat-trasferiment baġitarju mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(2), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (UE) 2021/691.

2023/0031 (BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2022/002 BE TNT

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 31 , u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 32 , u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) għandu l-għan li juri solidarjetà u li jippromwovi impjieg deċenti u sostenibbli fl-Unjoni billi jipprovdi appoġġ għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u għal dawk li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet fil-każ ta’ avvenimenti kbar ta’ ristrutturar u jgħinhom jirritornaw għal xogħol deċenti u impjieg sostenibbli mill-aktar fis possibbli.

(2)Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta’ EUR 186 miljun (fi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 33 u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/691.

(3)Fit-18 ta’ Ottubru 2022, il-Belġju ppreżenta applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2021/691, fir-rigward tas-sensji tal-ħaddiema f’TNT Express Worldwide (Euro Hub) SRL (TNT) fil-Belġju. Din ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali pprovduta f’konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2021/691. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mal-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 2021/691.

(4)Għalhekk, il-FEG jenħtieġ li jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 1 956 397 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata mill-Belġju.

(5)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, din id-deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja tal-2023, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati għandu jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 1 956 397 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha] 34*.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.
(2)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2019/1755 tat-8 ta’ Awwissu 2019 li jemenda l-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS). ĠU L 270, 24.10.2019, p. 1–56.
(3)    ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.
(4)    F’konformità mal-Artikolu 7(5) tar-Regolament (UE) 2021/691.
(5)    L-għadd maħsub ta’ sensji tnaqqas matul il-proċedura obbligatorja għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, kif deskritt fil-paragrafi 23 u 24.
(6)    Medja tal-aħħar erba’ trimestri disponibbli (it-tielet trimestru tal-2021-it-tieni trimestru tal-2022). Sors: Statbel . “Population active (travailleurs et chômeurs) et inactive depuis 2017 basé sur l’Enquête sur les Forces de Travail reformée, par trimestre, province, sexe, classe d’âge et niveau d’éducation. Dernières 4 Trimestre (2ème trimestre 2021, 3ème trimestre 2021, 4ème trimestre 2021, 1er trimestre 2022) ».
(7)     Le Forem , « Emploi du temps. Photo locale de la demande d’emploi ».
(8)     Le Forem , « Emploi du temps. Photo locale de la demande d’emploi ».
(9)    Ibid
(10)    IWEPS, Tendances Économiques nru 63, p. 21.
(11)    Id-Digriet tal-Gvern tal-Wallonia tad-29 ta’ Jannar 2004, kif emendat bid-Digriet tat-30 ta’ April 2009.
(12)     Forem. Avveniment ta’ ristrutturar: unitajiet ta’ riallokazzjoni
(13)    Id-Digriet Reġju (Arrêté Royal) tal-10 ta’ Novembru 2006 li jemenda d-Digriet Reġju tad-9 ta’ Marzu 2006
(14)     Forem. Avveniment ta’ ristrutturar: unitajiet ta’ impjieg
(15)    Fédération générale du travail de Belgique.
(16)    Conféderation des syndicats chrétiens.
(17)    ISCED 0-2
(18)    ISCED 4
(19)    ISCED 3
(20)    ISCED 5-8
(21)     Lista ta’ impjiegi li hemm domanda għalihom u li diffiċli jiġu koperti jew li huma marbuta ma’ funzjonijiet kritiċi. « Métiers en tension de recrutement en Wallonie. Liste des métiers/fonctions critiques et en pénurie ». Le Forem 2020 .  
Aġġornamenti għal-lista huma disponibbli fuq is-
sit web ta’ Forem .
(22)    COM(2021) 212.
(23)     www.formation-environnement.be
(24)    Sabiex jiġu evitati d-deċimali, il-kostijiet stmati għal kull ħaddiem tqarrbu għall-eqreb numru sħiħ. Madankollu, it-tqarrib ma għandu l-ebda impatt fuq il-kost totali ta’ kull miżura, li jibqa’ bħal fl-applikazzjoni sottomessa mill-Belġju.
(25)    It-totali ma jaqblux minħabba li ċ-ċifri tqarrbu għall-eqreb numru sħiħ.
(26)    Il-kofinanzjament tal-FEG huwa mitlub għal taħriġ li ma huwiex inkluż fl-offerta ta’ Forem, u lanqas ma huwa kopert mill-baġit speċifiku ta’ TNT għat-taħriġ mill-ġdid imsemmi fil-punt nru 24.
(27)    L-attivitajiet preparatorji huma ffinanzjati mill-baġit operattiv ta’ Forem għal rikonverżjonijiet kollettivi.
(28)    ĠU L 433, 22.12.2020, p. 11.
(29)    ĠU L 433, 22.12.2020, p. 29.
(30)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1
(31)    ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.
(32)    ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 29
(33)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).
(34) *    Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.