European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3487

2.7.2026

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2026/3487)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Arancia Rossa di Sicilia”

Numru ta’ referenza tal-UE: PGI-IT-0317-AM01 — 15.4.2026

1.   Isem il-prodott

“Arancia Rossa di Sicilia”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☐

DOP

☑

IĠP

3.   Settur

☑

Prodotti agrikoli

☐

Inbejjed

☐

Xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

L-Italja

5.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

Isem

Il-Ministeru tal-Agrikoltura, is-Sovranità tal-Ikel u l-Forestrija – Il-promozzjoni tal-Kwalità Agroalimentari (PQA) 1

6.   Kwalifika bħala emenda standard

L-emendi huma emendi standard skont it-tifsira tal-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143 peress li ma jinkludux bidla fl-isem, ma jirriskjawx li jxejnu r-rabta u ma jinvolvux restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

Titolu

L-inseriment tat-titoli tal-artikoli fl-ispeċifikazzjoni

Deskrizzjoni

Ġew inseriti t-titoli tal-artikoli fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-Artikolu 1 tal-ispeċifikazzjoni: referenza iktar speċifika għall-varjetajiet

Deskrizzjoni

Fl-Artikolu 1 tal-ispeċifikazzjoni, ġie speċifikat li l-varjetajiet huma pigmentati.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-Artikolu 2 tal-ispeċifikazzjoni u l-punt 4.2 tad-dokument uniku

Deskrizzjoni

Fl-Artikolu 2 tal-ispeċifikazzjoni u l-punt 4.2 tad-dokument uniku, żdiedu l-kultivari b’laħma pigmentata li huma magħrufin u li ġew ittestjati fi Sqallija. Għandhom il-karatteristiċi tal-IĠP “Arancia Rossa di Sicilia” u ddaħħlu fir-reġistru nazzjonali tal-ispeċijiet ta’ għelejjel tal-frott li jistgħu jinbiegħu.

Xi kultivari tneħħew ukoll mill-ispeċifikazzjoni.

Barra minn hekk, il-kultivari Tarocco, Moro u Sanguinello ġew elenkati b’iktar dettall.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-Artikolu 2 tal-ispeċifikazzjoni u l-punt 4.2 tad-dokument uniku

Deskrizzjoni

Informazzjoni li kienet ingħatat qabel fl-Artikolu 6 preċedenti tal-ispeċifikazzjoni ġiet miżjuda mat-test tal-Artikolu 2 tal-ispeċifikazzjoni u l-punt 4.2 tad-dokument uniku. It-test ġie rrevedut biex tiżdied, għal kull kultivar, tolleranza f’termini tal-piż jew tan-numru ta’ larinġ u rekwiżit rigward il-kontenut minimu ta’ meraq. Barra minn hekk, il-paragrafu dwar il-larinġ maħsub għall-ipproċessar inkiteb mill-ġdid. Fl-aħħar nett, tneħħiet id-dispożizzjoni skont liema l-Ministeru seta’ jistabbilixxi limiti fuq ir-residwi mill-prodotti għas-saħħa tal-pjanti u seta’ jirregola l-operazzjonijiet tal-biedja.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-Artikolu 3 tal-ispeċifikazzjoni u l-punt 5 tad-dokument uniku

Deskrizzjoni

Iż-żona tal-produzzjoni ġiet iddefinita b’mod aktar akkurat mingħajr tibdil fil-konfini tagħha. L-ismijiet ta’ żewġ muniċipalitajiet ġew ikkoreġuti.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-Artikolu 4 tal-ispeċifikazzjoni: it-test inkiteb mill-ġdid kompletament

Deskrizzjoni

It-test tal-Artikolu 4 tal-ispeċifikazzjoni tressaq għall-Artikolu 5 u ġie ssostitwit kif ġej: “Kull fażi fil-proċess tal-produzzjoni trid tkun immonitorjata, billi jiġu rreġistrati l-inputs u l-outputs kollha. Il-produtturi u l-imballaturi jiddaħħlu f’reġistri speċifiċi ġestiti mill-korp ta’ spezzjoni u l-kwantitajiet prodotti jiġu nnotifikati lill-korp ta’ kontrol fi skadenzi speċifiċi, savbiex tiġi żgurata t-traċċabilità tal-prodott. Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha li l-ismijiet tagħhom jidhru fir-reġistri se jkunu soġġetti għal kontrolli mill-korp ta’ spezzjoni f’konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-pjan ta’ kontroll.”

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-Artikolu 5 tal-ispeċifikazzjoni: it-test inkiteb mill-ġdid kompletament

Deskrizzjoni

Peress li t-test tal-Artikolu 5 preċedenti ma kienx għadu konformi mad-dritt tal-UE, dan tħassar u ġie ssostitwit bit-test tal-Artikolu 4 preċedenti, emendat kif meħtieġ. L-emendi kienu jikkonċernaw b’mod partikolari il-possibbiltà ta’ żbir mekkaniku, żieda fid-densità tat-tħawwil, id-definizzjoni ta’ salvaġġ xieraq u ż-żieda fil-produzzjoni massima għal kull unità ta’ tħawwil.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-Artikolu 6, “Ir-rabta maż-żona ġeografika”, tal-ispeċifikazzjoni

Deskrizzjoni

It-test tal-Artikolu 6 preċedenti tressaq għall-Artikolu 2 u ġie ssostitwit bit-test tal-punt 5, “Rabta maż-żona ġeografika”, tad-dokument uniku.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-Artikolu 7 tal-ispeċifikazzjoni: kontrolli

Deskrizzjoni

It-test tal-Artikolu 7 tal-ispeċifikazzjoni dwar l-imballaġġ u t-tikkettar tressaq għall-Artikolu 8 u ġie ssostitwit kif ġej:

“Il-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandha tiġi vverifikata minn korp ta’ spezzjoni f’konformità mal-Artikoli 39 u 40 tar-Regolament (UE) Nru 2024/1143.”

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-Artikolu 8 tal-ispeċifikazzjoni u l-punti 4.5 u 4.6 tad-dokument uniku

Deskrizzjoni

It-test tal-Artikolu 8 tal-ispeċifikazzjoni tħassar u ġie ssostitwit bir-regoli tal-imballaġġ u t-tikkettar li kienu stabbiliti qabel fl-Artikolu 7. Ir-regoli ġew estiżi u emendati kif meħtieġ. B’mod partikolari, ir-rekwiżiti speċifiċi tal-imballaġġ ġew stabbiliti għal kull kultivar, imqassmin skont id-daqs, u r-regoli tat-tikkettar ġew emendati biex ikun jista’ jiġi inkluż l-isem tal-varjetà. Finalment, ġie miżjud il-logo tad-denominazzjoni li jista’ jintuża wkoll fuq stickers fuq larinġ individwali.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

DOKUMENT UNIKU

Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli

“Arancia Rossa di Sicilia”

Numru ta’ referenza tal-UE: PGI-IT-0317-AM01 — 15.4.2026

1.   Isem/Ismijiet

“Arancia Rossa di Sicilia”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☐

DOP

☑

IĠP

3.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita

L-Italja

4.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu

4.1.   Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143

11 — Prodotti tal-industrija tat-tħin; malt; lamti; inulina; glutina tal-qamħ

07 — Ħaxix u ċerti għeruq u tuberi tajbin għall-ikel

10 — Ċereali

20 — Preparati ta’ ħaxix, frott, ġewż jew partijiet oħrajn tal-pjanti

08 — Frott u ġewż tajbin għall-ikel; qoxra tal-frott taċ-ċitru jew tal-bettieħ

4.2.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat

L-indikazzjoni ġeografika protetta tal-“Arancia Rossa di Sicilia” hija rriżervata għall-frott tal-varjetajiet li ġejjin:

—

Tarocco, bil-kultivari li ġejjin: Tarocco Comune, Tarocco Gallo, Tarocco dal Muso M403, Tarocco Nucellare 57-1E-1, Tarocco Scirè, Tarocchino, Tarocco Gallo M128, Tarocco Gallo Nucellare C898, Tarocco Gallo V.C.R., Tarocco Fondaconovo VCR, Tarocco Gabella M230, Tarocco Ippolito M2016, Tarocco Lempso Nuc. C5787, Tarocco Meli Nucellare C8158, Tarocco Messina Nucellare C1635, Tarocco Messina rotondo nuc. C 2014, Tarocco Rosso V.C.R., Tarocco Rosso M55, Tarocco S. Alfio M509, Tarocco Sciara Nucellare C1882, Tarocco Scirè M11, Tarocco Scirè Nucellare D2062, Tarocco Scirè Nucellare D2071, Tarocco Scirè V.C.R., Tarocco Tapi, Tarocco TDV u Vigo;

—

Moro, bil-kultivari li ġejjin: Moro, Moro di Lentini M45 u Moro Nucellare 58-8D-1;

—

Sanguinello, bil-kultivari li ġejjin: Sanguinello Comune, Sanguinello Moscato, Sanguinello Moscato M308, Sanguinello Moscato Nucellare 49-5-5, Sanguinello Moscato Cuscunà Nucellare 58-52F-1 u Sanguinello S.S.A. Nucellare 66-SSA-12;

imkabbrin fi msaġar ta’ varjetà waħda fiż-żona rilevanti tar-Reġjun ta’ Sqallija.

L-“Arancia Rossa di Sicilia” hija kkaratterizzata mill-preżenza tal-antoċjanini u jrid ikollha l-proprjetajiet li ġejjin meta tiġi rrilaxxata għall-konsum:

“Arancia Rossa di Sicilia” – Tarocco

Dijametru minimu: 73-84 mm.

Daqs minimu: 5.

Tolleranza: massimu ta’ 10 % tal-frott, skont in-numru jew il-piż, jista’ jkun eżatt taħt id-daqs indikat fuq it-tikketta.

Forma: tonda, sferika jew ovali b’bażi xi ftit jew wisq prominenti (“imnieħer” twil jew qasir).

Kulur tal-qoxra: oranġjo newtrali b’xi partijiet bil-kulur tal-granata ta’ intensità li tvarja, u b’wiċċ lixx ħafna, skont iż-żona tal-produzzjoni u ż-żmien tal-ħsad.

Laħma: ta’ kulur ambra bi strixxi ħomor ta’ intensità li tvarja, skont iż-żona tal-produzzjoni u ż-żmien tal-ħsad.

Kontenut minimu ta’ meraq: ≥ 30 % tal-piż tal-frotta.

Kulur tal-meraq: kulur id-demm minħabba pigmenti li jinħallu fl-ilma (antoċjanini) fil-laħma u l-qoxra.

Proporzjon bejn is-solidi li jinħallu u l-aċidi organiċi titrabbli: mhux inqas minn 8,0.

Kontenut ta’ zokkor fil-meraq, espress fi g/100 ml: minimu ta’ 10 gradi Brix.

“Arancia Rossa di Sicilia” – Moro

Dijametru minimu: 67-76 mm.

Daqs minimu: 7.

Tolleranza: massimu ta’ 10 % tal-frott, skont in-numru jew il-piż, jista’ jkun eżatt taħt id-daqs indikat fuq it-tikketta.

Forma: tonda, sferika jew ovali.

Kulur tal-qoxra: oranġjo bi sfumaturi ta’ nbid aħmar, iktar qawwi fuq naħa waħda tal-frotta, skont iż-żona tal-produzzjoni u ż-żmien tal-ħsad.

Laħma: kulur uniformi ta’ nbid aħmar skur u pjuttost aċiduża.

Kontenut minimu ta’ meraq: ≥ 30 % tal-piż tal-frotta.

Kulur tal-meraq: aħmar kulur id-demm b’intensità li tvarja minħabba l-pigmenti li jinħallu fl-ilma (antoċjanini) fil-laħma u l-qoxra.

Proporzjon bejn is-solidi li jinħallu u l-aċidi organiċi titrabbli: mhux inqas minn 8,0.

Kontenut ta’ zokkor fil-meraq, espress fi g/100 ml: minimu ta’ 9 gradi Brix.

“Arancia Rossa di Sicilia” – Sanguinello

Dijametru minimu: 67-76 mm.

Daqs minimu: 7.

Tolleranza: massimu ta’ 10 % tal-frott, skont in-numru jew il-piż, jista’ jkun eżatt taħt id-daqs indikat fuq it-tikketta.

Forma: tonda għall-kultivari Moscato u Moscato Cuscunà, sferika jew ovali.

Kulur tal-qoxra: oranġjo bi sfumaturi ħomor ta’ intensità li tvarja, b’wiċċ kemxejn aħrax, skont iż-żona tal-produzzjoni u ż-żmien tal-ħsad.

Laħma: ta’ kulur ambra bi strixxi ħomor ta’ intensità li tvarja, skont iż-żona tal-produzzjoni u ż-żmien tal-ħsad.

Kontenut minimu ta’ meraq: ≥ 30 % tal-piż tal-frotta.

Kulur tal-meraq: kulur id-demm minħabba pigmenti li jinħallu fl-ilma (antoċjanini) fil-laħma u l-qoxra.

Proporzjon bejn is-solidi li jinħallu u l-aċidi organiċi titrabbli: mhux inqas minn 8,0.

Kontenut ta’ zokkor fil-meraq, espress fi g/100 ml: minimu ta’ 9 gradi Brix.

Il-larinġ tal-IĠP “Arancia Rossa di Sicilia” b’daqs li jvarja bejn id-daqs minimu ta’ kull varjetà u d-daqs 10 jistgħu jiġu rilaxxati wkoll għall-konsum bħala prodott frisk bl-indikazzjoni “da spremuta” (“għall-għasir”). Il-larinġ mid-daqs 11 huwa biss għall-użu industrijali.

Madanakollu, il-ħsad sħiħ jista’ jkun maħsub għall-produzzjoni ta’ squash jew meraq jew għal użu industrijali. Ir-rekwiżiti l-oħrajn kollha stabbiliti għall-varjetajiet individwali jibqgħu japplikaw.

4.3.   Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati ddeżinjati minn indikazzjoni ġeografika protetta biss)

-

4.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita

Il-fażijiet kollha tal-produzzjoni tal-“Arancia Rossa di Sicilia” sal-ħsad tal-prodott iridu jseħħu esklużivament fi ħdan iż-żona ġeografika.

4.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

L-“Arancia Rossa di Sicilia” trid tiġi mballata f’konformità mar-regoli ġenerali tal-kummerċ tal-frott u l-ħaxix u l-istandards tal-kejl meta tiġi rilaxxata għall-konsum. Trid tidher l-isticker bil-logo muri hawn taħt: fuq mill-inqas 80 % tal-frott sad-daqs 5 għall-kultivari Tarocco, tad-daqs 7 għall-kultivari Moro u tad-daqs 7 għall-kultivari Sanguinello mibjugħin f’imballaġġ b’saff wieħed; fuq mill-inqas 50 % tal-frott sad-daqs 5 għall-kultivari Tarocco, tad-daqs 7 għall-kultivari Moro u tad-daqs 7 għall-kultivari Sanguinello mibjugħin f’imballaġġ b’żewġ saffi. Sa 20 % tal-frott jista’ jiġi mgeżwer f’karta tixju li ġġib il-loġo tal-IĠP minflok ma jkollhom stickers imwaħħlin fuqhom. Il-prodott jista’ jinbiegħ fi xbieki speċjali, boroż girsac, pakketti li fihom żewġ frottiet jew iktar jew simili fil-każ ta’ larinġ sad-daqs 5 għall-Tarocco, tad-daqs 7 għall-Moro u tad-daqs 7 għall-kultivari Sanguinello. Ma hemmx għalfejn jitwaħħlu stickers fuq il-frott mibjugħ f’dak l-imballaġġ magħluq u ssiġillat li, fi kwalunkwe każ, ma jippermettix li jintmiss il-frott. Dawn il-pakketti ma jistgħux jiżnu aktar minn 1,5 kg. Il-prodott jista’ jinbiegħ permezz tal-kummerċ elettroniku, online jew lil gruppi xerrejja f’kaxex tal-kartun magħluqin fil-każ ta’ larinġ sad-daqs 5 għat-Tarocco, tad-daqs 7 għall-Moro u tad-daqs 7 għall-kultivari Sanguinello. Ma hemmx għalfejn jitwaħħlu stickers fuq il-frott mibjugħ f’dak l-imballaġġ magħluq u ssiġillat li, fi kwalunkwe każ, ma jippermettix li jintmiss il-frott. Dawn il-pakketti ma jistgħux jiżnu inqas minn 3 kg. Il-larinġ tad-daqsijiet 6 sa 10 għat-Tarocco, tad-daqsijiet 8 sa 10 għall-Moro u tad-daqsijiet 8 sa 10 għall-kultivari Sanguinello jistgħu jinbigħu fi xbieki speċjali, boroż girsac jew pakketti oħrajn li jġibu l-kliem “da spremuta” “(għall-għasir)”. Ma hemmx għalfejn jitwaħħlu stickers fuq il-frott mibjugħ f’dak l-imballaġġ magħluq u ssiġillat li, fi kwalunkwe każ, ma jippermettix li jintmiss il-frott. Dawn il-pakketti ma jistgħux jiżnu inqas minn 2 kg. Il-frott mid-daqs 6 għall-kultivari Tarocco, id-daqs 8 għall-kultivari Moro u d-daqs 8 għall-kultivari Sanguinello jista’ jinbiegħ bl-ingrossa mingħajr stickers f’diversi tipi ta’ imballaġġ. Il-pakketti jridu jkunu magħluqin u/jew issiġillati b’rita trasparenti u/jew mikroperforata, inkluż meta dawn jinbigħu lill-industrija tal-lukandi, tar-ristoranti u tal-catering jew lill-canteens ta’ kull xorta. It-tikkettar ta’ dawn il-pakketti jrid jinkludi l-kliem “da spremuta” (“għall-għasir”). Il-larinġ maħsub għall-ipproċessar irid jiġi fornut lill-industrija fi bramel, ċestuni jew kontenituri bil-varjetajiet indikati fuqhom. Id-dokumenti tal-ivvjaġġar użati matul it-trasportazzjoni jridu jiddikjaraw b’mod ċar li l-merkanzija hija l-IĠP “Arancia Rossa di Sicilia”. Jistgħu jintużaw it-tipi kollha ta’ imballaġġ u ta’ materjali tal-imballaġġ permessi mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

4.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

L-imballaġġ kollu, jew il-pakketti individwali li jkun fih, inklużi x-xbieki u simili, iridu jġibu, b’karattri ċari u li ma jitħassrux, li faċilment jintgħarfu minn kull kitba oħra fuq it-tikketta, il-kliem “Arancia Rossa di Sicilia”, segwit immedjatament bl-isem tal-varjetà (“Tarocco”, “Moro” jew “Sanguinello”). Il-kliem “Indicazione geografica protetta” [Indikazzjoni Ġeografika Protetta] jew l-akronimu “IGP” [IĠP] irid jidher taħt eżatt. L-indikazzjoni ta’ hawn fuq ma tistax tkun akkumpanjata minn xi deskrizzjoni jew terminu ħlief dawk previsti espressament, inklużi aġġettivi bħal “tip”, “fin”, “ekstra”, “superjuri”, “magħżul” jew “għażla”. Barra minn hekk, huwa pprojbit li jintużaw ismijiet ta’ varjetajiet ħlief dawk previsti espressament fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. L-isem tal-varjetà jista’ jinkiteb b’mod sħiħ. L-użu ta’ indikazzjonijiet li jirreferu għal xi ismijiet, ismijiet ta’ kumpaniji jew marki privati huwa awtorizzat, sakemm dawn ma jkollhomx għan ta’ tifħir u ma jkunux tali li jqarrqu bil-konsumatur. L-ismijiet tal-azjendi speċifiċi jew l-imsaġar minn fejn ġej il-larinġ jistgħu jiġu indikati wkoll. L-isem, l-isem tal-kumpanija u l-indirizz tal-imballatur iridu jidhru wkoll fuq l-imballaġġ, l-istess bħall-piż oriġinali gross. L-indikazzjoni tal-ġimgħa meta nħasad il-frott hija fakultattiva. Jistgħu jiġu indikati wkoll id-dettalji tal-imballatur u ta’ kwalunkwe distributur kif imdaħħlin fil-Banca Nazionale Degli Operatori Ortofrutticoli (ir-reġistru tal-operaturi tal-frott u l-ħaxix). Kwalunkwe imballaġġ, tikketti, eċċ. li juru l-logo tal-IĠP iridu jġibu s-simbolu tal-IĠP tal-UE.

Il-logo tal-“Arancia Rossa di Sicilia”

Image 1

5.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tal-IĠP “Arancia Rossa di Sicilia” hija territorju ddefinit sew tal-Lvant ta’ Sqallija li l-kundizzjonijiet klimatiċi u tal-ħamrija tiegħu jiffavorixxu l-bijosinteżi tal-antoċjanini li jiddeterminaw il-pigmentazzjoni tal-frott. Iż-żona hija ddefinita kif ġej:

Il-provinċja ta’ Katanja: Catania, Adrano, Belpasso, Biancavilla, Caltagirone, Castel di Iudica, Grammichele, Licodia Eubea, Mazzarrone, Militello Val di Catania, Mineo, Misterbianco, Motta Sant’Anastasia, Palagonia, Paternò, Ramacca, Santa Maria di Licodia u Scordia;

Il-provinċja ta’ Siracusa: Lentini, Francofonte, Carlentini con la Frazione di Pedagaggi, Buccheri, Melilli, Augusta, Priolo, Siracusa, Floridia, Solarino u Sortino;

Il-provinċja ta’ Enna: Centuripe, Regalbuto u Catenanuova.

6.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta kawżali mal-oriġini ġeografika hija bbażata fuq

☑

reputazzjoni

☑

kwalità nominali

☑

karatteristiċi oħra.

Sommarju tar-rabta

Speċifiċità taż-żona ġeografika

Iż-żona fejn titkabbar l-“Arancia Rossa di Sicilia” hija kkaratterizzata minn esponiment għal xemx intensa matul il-ġurnata, temperaturi baxxa matul il-lejl minħabba kurrenti ta’ arja kiesħa neżlin mill-massif vulkaniku tal-Etna, u minn livelli baxxi ta’ xita. Dawn huma kundizzjonijiet ottimali għat-tkabbir ta’ larinġ ta’ kwalità għolja tad-diversi kultivari tal-varjetajiet Tarocco, Moro u Sanguinello.

Speċifiċità tal-prodott

L-“Arancia Rossa di Sicilia” hija kkaratterizzata mill-ħlewwa tagħha u mill-kulur qawwi tal-epikarpju u l-laħma tagħha. Hija partikolarment apprezzata għal-laħma tagħha, li tagħti meraq aħmar kulur id-demm meta tingħasar bis-saħħa tal-istrixex ħomor ta’ intensità li tvarja.

Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi speċifiċi oħrajn tal-prodott

Il-kultivazzjoni tal-frott taċ-ċitru għandha tradizzjoni twila ħafna fi Sqallija, kif iddokumentata minn sorsi li jmorru lura għal żmien il-ħakma Għarbija. B’mod partiolari, l-għoljiet u l-pjanura madwar il-Muntanja Etna raw l-iżvilupp u l-irfinar tat-tradizzjoni tat-tkabbir tal-larinġ bil-karatteristiċi distintivi tagħha stess. L-effett tal-varjazzjonijiet konsiderevoli tat-temperatura f’din iż-żona huwa l-akkumulazzjoni sinifikanti ta’ zokkor u pigmenti antoċjanini, li jagħtu lill-frott aspett pjaċevoli ferm bis-saħħa tal-kulur qawwi tal-epikarpju u togħma ħelwa karatteristika. Matul is-sekli, il-varjetajiet Tarocco, Moro u Sanguinello adattaw ruħhom aħjar għall-ambjent fejn titkabbar l-“Arancia Rossa di Sicilia”. L-“Arancia Rossa di Sicilia” għaldaqstant toffri eżempju ċar ħafna tar-rabta qawwija li teżisti bejn il-kundizzjonijiet klimatiċi taż-żona tat-tkabbir u l-karatteristiċi tal-prodott. Fil-fatt, l-istess varjetajiet ta’ laring imkabbrin fi klimi oħrajn ma għandhomx il-kulur karatteristiku u l-karatteristiċi organolettiċi speċifiċi li hija famuża għalihom l-“Arancia Rossa di Sicilia”.

Referenza elettronika (URL) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://www.masaf.gov.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3343


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3487/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)