13.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 12/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/104

tat-12 ta’ Jannar 2023

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar wara li ġie adottat rapport mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (1) u b’mod partikolari l-Artikoli 16 u 20 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 13 u 16 tiegħu,

Billi:

 

   Sfond

(1)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1013 (3) (“ir-Regolament Proviżorju”), il-Kummissjoni imponiet miżura ta’ salvagwardja proviżorja fuq ċerti prodotti tal-azzar. Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 (4) (“ir-Regolament Definittiv”), il-Kummissjoni Ewropea imponiet miżura ta’ salvagwardja definittiva fuq ċerti prodotti tal-azzar (“il-miżura ta’ salvagwardja”).

(2)

Fit-13 ta’ Marzu 2020, it-Turkija talbet konsultazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea skont l-Artikoli 1 u 4 tal-Qbil dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li Jirregolaw is-Soluzzjoni tat-Tilwim (“DSU”), l-Artikolu XXIII:1 tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT 1994), u l-Artikolu 14 tal-Ftehim dwar is-Salvagwardji.

(3)

Il-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija saru fid-29 ta’ April 2020 iżda ma solvewx it-tilwima.

(4)

Fis-16 ta’ Lulju 2020, it-Turkija talbet l-istabbiliment ta’ bord. Ġie stabbilit bord fit-28 ta’ Awwissu 2020. Ir-rapport tal-Bord ġie ċċirkolat fid-29 ta’ April 2022. Peress li l-ebda waħda mill-partijiet ma appellat ir-rapport tal-bord, dan ġie adottat mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim (iktar ’il quddiem id-“DSB”) fil-31 ta’ Mejju 2022 (5).

(5)

Permezz ta’ komunikazzjoni lid-WTO tal-5 ta’ Awwissu 2022 (6), it-Turkija u l-Unjoni Ewropea infurmaw li, skont l-Artikolu 21.3(b) tal-Qbil dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li Jirregolaw is-Soluzzjoni tat-Tilwim, huma kienu qablu li l-perjodu raġonevoli ta’ żmien għall-Unjoni Ewropea biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB fit-tilwima Unjoni Ewropea — Miżuri ta’ Salvagwardja fuq Ċerti Prodotti tal-Azzar (DS595) se jiskadi fis-16 ta’ Jannar 2023, li huwa ta’ seba’ xhur u sittax-il jum mid-data tal-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB fil-31 ta’ Mejju 2022.

(6)

Bħala riżultat ta’ dawn l-avvenimenti, fl-24 ta’ Awwissu 2022 il-Kummissjoni ppubblikat Notifika ta’ Bidu (7) li tinforma bl-intenzjoni tagħha li timplimenta r-Rapport tal-Bord billi ġġib il-miżura oriġinali f’konformità mar-regoli tad-WTO f’dawk il-każijiet fejn il-Bord kien sab inkonsistenzi, u tistieden lill-partijiet interessati jissottomettu kummenti.

(7)

Diversi partijiet ippreżentaw kummenti sal-iskadenza stipulata, li tqiesu kif xieraq.

 

   Osservazzjonijiet tal-partijiet interessati

(8)

Diversi partijiet interessati ssottomettew kummenti wara l-pubblikazzjoni tan-Notifika ta’ Bidu. Bħala osservazzjoni preliminari, il-Kummissjoni nnotat li xi wħud mill-kummenti li saru mill-partijiet interessati kienu sempliċiment ripetizzjonijiet tas-sejbiet tal-Bord.

(9)

Il-Kummissjoni l-ewwel analizzat il-kummenti speċifiċi mill-Gvern tat-Turkija, peress li kien il-parti li tikkontesta l-miżura ta’ salvagwardja quddiem id-DSB tad-WTO, u mbagħad analizzat il-kummenti sottomessi mill-partijiet interessati l-oħra.

(10)

Rigward l-iżviluppi mhux previsti, il-Gvern tat-Turkija sostna li ma hemm l-ebda evidenza fir-rekord li tippermetti lill-Kummissjoni torbot l-iżviluppi mhux previsti maż-żieda fl-importazzjonijiet. Huwa nnota li kien hemm nuqqas ta’ koinċidenza fiż-żmien bejn il-kapaċità żejda u ż-żieda fl-importazzjonijiet, li l-Kummissjoni ma għamlitx l-eżami meħtieġ tal-miżuri ta’ rimedju kummerċjali f’pajjiżi terzi u r-rabta tagħhom maż-żieda fl-importazzjonijiet, u li t-Taqsima 232 tal-Istati Uniti ġiet introdotta wara li seħħet iż-żieda fl-importazzjonijiet fl-Unjoni. Qal ukoll li jekk il-Kummissjoni kellha tuża informazzjoni ġdida, jenħtieġ li tikkunsidra wkoll il-bidliet fil-kundizzjonijiet li seħħew matul il-perjodu ta’ żmien li fih il-miżura kienet fis-seħħ, bħall-esklużjoni ta’ diversi pajjiżi inkluż l-UE nnifisha mill-miżuri tat-Taqsima 232.

(11)

Il-Kummissjoni ma qablitx mal-fehmiet tal-Gvern tat-Turkija li dan l-aspett tal-miżura ma setax jissewwa. Kif muri fid-dettall fit-Taqsima 1.1 tal-Anness, kien hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli qabel l-impożizzjoni tas-salvagwardja definittiva li wriet b’mod ċar li l-importazzjonijiet fl-Unjoni kienu żdiedu b’riżultat ta’ żviluppi mhux previsti. Il-Kummissjoni ma użat l-ebda data li ma kinitx disponibbli fiż-żmien tal-impożizzjoni tal-miżura definittiva għall-fini tal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(12)

Rigward is-sejbiet li jappartjenu għat-theddida ta’ dannu serju, il-Gvern tat-Turkija kkunsidra li l-miżuri anti-dumping u kumpensatorji ma setgħux ikunu r-raġuni tal-irkupru tal-industrija domestika. Fir-rigward tal-fatturi l-oħra li l-Kummissjoni kienet ibbażat fuqhom biex tispjega t-titjib parzjali tal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-2017, il-Gvern tat-Turkija nnota li l-Bord kien ikkonkluda li dawk il-fatturi affettwaw l-industrija domestika u l-importazzjonijiet b’modi simili u għalhekk ma setgħux jintużaw bħala spjegazzjoni ta’ tali titjib u li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li turi li l-bidliet f’dawn il-fatturi kienu se jkunu ta’ benefiċċju għall-importazzjonijiet aktar milli għall-industrija domestika.

(13)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rreferiet għas-sejbiet tagħha fit-taqsimiet 1.2.1 u 1.2.2 tal-Anness li jikkontradixxu l-argumentazzjoni tal-Gvern tat-Turkija.

(14)

Fl-aħħar nett, il-Gvern tat-Turkija nnota li l-Bord kien ikkonkluda li anki jekk l-importazzjonijiet kellhom jiżdiedu fl-2018, dan ma jwassalx awtomatikament għall-konklużjoni li hemm ħsara ġenerali sinifikanti fil-pożizzjoni tal-industrija domestika, li hija imminenti b’mod ċar.

(15)

F’dan ir-rigward il-Kummissjoni wriet fl-Anness ta’ dan ir-Regolament l-elementi kollha li qieset biex tiddetermina li: i) l-importazzjonijiet x’aktarx li se jkomplu jiżdiedu; ii) tali żieda jkollha effetti negattivi fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni fid-dawl tal-iżviluppi reċenti u futuri mistennija ta’ fatturi ewlenin fis-suq tal-azzar fl-Unjoni u madwar id-dinja. Għalhekk, l-analiżi sostantiva mwettqa mill-Kummissjoni ma assumietx li, fin-nuqqas ta’ miżura ta’ salvagwardja, żieda fl-importazzjonijiet, fiha nnifisha u mingħajr ma jitqiesu elementi pertinenti oħra, tikkawża dannu serju lill-industrija tal-Unjoni. Minflok, il-Kummissjoni wettqet analiżi dettaljata tal-elementi rilevanti li wassluha biex tasal għall-konklużjoni li, jekk ma tiġi adottata l-ebda miżura, l-industrija tal-Unjoni ġġarrab dannu serju. Għalhekk, l-affermazzjonijiet tal-Gvern tat-Turkija ġew miċħuda.

(16)

Fir-rigward tal-kummenti li waslu mingħand partijiet interessati oħra, xi wħud minnhom argumentaw li l-Kummissjoni għandha ttemm il-miżura għalkollox minħabba li s-sejbiet tal-Bord kienu ta’ tali natura li għamluha impossibbli li l-miżura tiġi implimentata b’mod differenti.

(17)

Fir-rigward ta’ din l-affermazzjoni ġenerali, il-Kummissjoni nnotat li skont ir-regoli tad-WTO hija għandha d-dritt li timplimenta l-miżura u trendiha konformi mar-regoli f’dawk il-ftit aspetti li l-Bord sab li kienu inkonsistenti magħhom. Kif muri fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, is-sejbiet tal-Bord kienu ta’ tip ta’ natura li ppermettew lill-Kummissjoni ġġib il-miżura f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-WTO u, għalhekk, it-terminazzjoni tal-miżura ma kinitx iġġustifikata bħala riżultat tar-Rapport tal-Bord.

 

   Żieda fl-importazzjonijiet b’riżultat ta’ żviluppi mhux previsti u effetti tal-obbligi

(18)

Parti interessata nnotat li l-miżura skont it-Taqsima 232 tal-Istati Uniti kienet inbidlet b’diversi modi u li r-riskju ta’ devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali ma kienx għadu jeżisti jew hu ħafna iżgħar, u b’hekk il-miżura ta’ salvagwardja jenħtieġ li tintemm.

(19)

Il-Kummissjoni nnotat li l-iżviluppi li seħħew wara l-impożizzjoni tal-miżura definittiva jaqgħu barra mill-ambitu tad-data li wieħed jista’ joqgħod fuqha għall-implimentazzjoni tar-rapport tad-DSB. L-għan ta’ din l-investigazzjoni, kif imsemmi fin-Notifika ta’ Bidu huwa li tissupplimenta s-sejbiet oriġinali b’data diġà disponibbli fiż-żmien meta twettqet l-investigazzjoni oriġinali. Ma ġew ikkunsidrati l-ebda fatti ex post.

(20)

Parti interessata ddikjarat li ż-żieda fl-importazzjonijiet fl-Unjoni ma seħħitx b’riżultat ta’ xi wieħed mill-obbligi meħuda mill-Unjoni skont il-GATT tal-1994 u li l-Kummissjoni ma semmiet l-ebda wieħed minn dawn l-obbligi fid-determinazzjoni oriġinali tagħha.

(21)

Il-Kummissjoni rreferiet għall-ispjegazzjonijiet tagħha fit-taqsima 1.3 tal-Anness, li jirribattu dan l-argument.

(22)

Parti interessata qieset li ma kienx hemm żviluppi mhux previsti li rriżultaw f’żieda fl-importazzjonijiet, u minħabba dan il-Kummissjoni ma setgħetx timplimenta dan l-aspett tar-Rapport tal-Bord.

(23)

Il-Kummissjoni nnotat li din id-dikjarazzjoni kienet fattwalment skorretta peress li l-Bord kien ikkonferma (8) l-iżviluppi mhux previsti deskritti mill-Kummissjoni fis-salvagwardja definittiva. Għaldaqstant, din l-allegazzjoni ġiet irrifjutata bħala waħda bla bażi.

(24)

Parti interessata nnutat li r-riskju ta’ devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali u żieda fl-importazzjonijiet bħala riżultat tat-Taqsima 232 tal-Istati Uniti ma kinux pertinenti għall-pajjiż tagħha għal għadd ta’ raġunijiet.

(25)

Il-Kummissjoni nnotat li l-analiżi ta’ żieda fl-importazzjonijiet u r-riskju ta’ devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali ma saritx individwalment għal kull pajjiż esportatur iżda pjuttost, b’mod ġenerali, minħabba li l-miżura ta’ salvagwardja għandha tiġi applikata erga omnes. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni riedet tirrimarka li din il-parti interessata kienet iffukata mhux biss fuq is-sitwazzjoni speċifika ta’ pajjiż esportatur wieħed iżda wkoll fuq is-sitwazzjoni speċifika ta’ industrija waħda li tuża l-azzar, u b’hekk injorat il-prestazzjoni minn dan il-pajjiż esportatur fis-segmenti l-oħra kollha li jużaw l-azzar. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

 

   Theddida ta’ dannu serju

(26)

Xi partijiet interessati qiesu li s-sejbiet tal-Bord rigward dan l-aspett tal-miżura kienu ta’ tali natura li ma ppermettewx lill-Kummissjoni timplimenta l-miżura mingħajr ma tirrevokaha.

(27)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ dan it-tip ta’ argumentazzjoni għar-raġunijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, fejn uriet li s-sejbiet oriġinali kienu validi u l-ġustifikazzjoni tagħhom issaħħet permezz tad-data u l-ispjegazzjonijiet addizzjonali pprovduti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(28)

Xi partijiet interessati fakkru fis-sejba tal-Bord li l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rwol tal-miżuri anti-dumping u kumpensatorji fl-irkupru parzjali tal-industrija tal-Unjoni kienet vizzjata.

(29)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-Bord ikkontesta l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fir-regolament definittiv. Madankollu, l-għan tal-eżerċizzju ta’ implimentazzjoni huwa preċiżament li jippermetti lill-awtorità investigattiva ttejjeb dawk l-aspetti tal-miżura li l-Bord qies li sa ċertu punt kienu vizzjati, bħal dik imsemmija minn dawn il-partijiet interessati. Għalhekk, il-Kummissjoni pprovdiet l-informazzjoni u l-ispjegazzjonijiet addizzjonali meħtieġa fit-Taqsima 1.2.2 tal-Anness sa fejn kienet ikkonċernata din is-sejba tal-Bord.

(30)

Parti interessata argumentat li jekk il-Kummissjoni ma tirreferix b’mod espliċitu għal xi fatturi penalizzanti għas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, hija ma setgħetx tużahom fir-raġunament tagħha meta timplimenta l-miżura.

(31)

Il-Kummissjoni nnotat li l-Bord kien ikkontesta l-livell ta’ dettalji ta’ xi aspetti tal-miżura oriġinali. Fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni ressqet dawk l-elementi li kienet ikkunsidrat meta adottat id-deċiżjoni oriġinali iżda li ma kinux elenkati fir-regolament definittiv. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-aċċettazzjoni tal-argumentazzjoni tal-parti interessata tkun tfisser li kull meta awtorità investigattiva tiġi kkundannata talli ma pprovdietx livell suffiċjenti ta’ dettall fl-ispjegazzjonijiet jew fir-raġunament tagħha, hija ma jkunx jista’ jkollha aktar l-opportunità li tirrimedjaha permezz tal-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din il-fehma, peress li qieset li preċiżament l-iskop ta’ implimentazzjoni huwa li awtorità investigattiva tkun tista’ trendi l-miżura tagħha konformi, billi pereżempju tipprovdi raġunament aħjar u aktar komplet milli fir-regolament definittiv, peress li dawk kienu s-sejbiet mill-Bord. Għaldaqstant, hija ċaħdet l-argumentazzjoni.

(32)

Xi partijiet interessati sostnew li s-sempliċi prospett ta’ aktar żieda fl-importazzjonijiet mhux neċessarjament iwassal għal sitwazzjoni ta’ dannu serju għall-produtturi tal-Unjoni.

(33)

Il-Kummissjoni wettqet analiżi dettaljata ta’ kif se sseħħ żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet u tar-raġunijiet għaliex tali żieda twassal għal sitwazzjoni ta’ dannu serju għall-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, din l-argumentazzjoni ġiet miċħuda.

(34)

Fl-aħħar nett, xi partijiet interessati ressqu argumenti bħall-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fis-snin wara l-impożizzjoni tal-miżura ta’ salvagwardja jew żviluppi li seħħew wara tali avveniment, bħas-sitwazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni u ta’ pajjiżi terzi oħra fid-dawl tal-miżura tat-Taqsima 232 tal-Istati Uniti, l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet jew il-“kriżi tal-enerġija”.

(35)

Il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-affermazzjonijiet kollha peress li kienu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv u temporali tal-eżerċizzju ta’ implimentazzjoni, minħabba li kienu jikkonċernaw avvenimenti mhux relatati mal-impożizzjoni tal-miżura definittiva fil-bidu tal-2019.

(36)

Għar-raġunijiet li jinsabu fl-Anness ta’ dan ir-Regolament il-Kummissjoni qieset li implimentat bis-sħiħ id-deċiżjoni tad-WTO. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 jenħtieġ li jiġi emendat billi jiżdied ir-raġunament inkluż fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, li jissupplimenta s-sejbiet li saru fl-investigazzjoni oriġinali.

(37)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Salvagwardji stabbilit skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 22(3) tar-Regolament (UE) 2015/755 rispettivament;

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-test stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament huwa miżjud bħala l-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/159.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-2 ta’ Frar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Jannar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16.

(2)   ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1013 li jimponi miżuri proviżorji ta’ salvagwardja fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 181, 18.7.2018, p. 39).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 31, 1.2.2019, p. 27).

(5)  WT/DS595/R Unjoni Ewropea — Miżuri ta’ Salvagwardja fuq Ċerti Prodotti tal-Azzar, 29 ta’ April 2022.

(6)  WT/DS595/13, 9 ta’ Awwissu 2022.

(7)   ĠU C 320, 24.8.2022, p. 47.

(8)  Ara r-Rapport tal-Bord, il-paragrafu 7.117.


ANNESS

“ANNESS V

Attraenza tas-suq tal-Unjoni

(1)

Fid-determinazzjoni oriġinali tagħha, il-Kummissjoni spjegat li s-suq tal-azzar tal-Unjoni kien attraenti għall-importazzjonijiet f’termini ta’ daqs u prezzijiet (1). F’dan ir-rigward, skont id-data tal-OECD (2), fis-snin qabel il-bidu tal-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni ta’ miżura ta’ salvagwardja, is-suq tal-Unjoni kien l-akbar territorju importatur f’termini ta’ volumi, li jammontaw minn 13,8 % sa 18,4 % tas-sehem globali tal-importazzjonijiet matul dan il-perjodu.

(2)

Minbarra l-volumi, is-suq tal-Unjoni kien attraenti ħafna wkoll f’termini ta’ prezzijiet. Fil-fatt, analiżi tad-data rilevanti (3) wriet li l-pajjiżi esportaturi ewlenin tal-azzar lejn l-Unjoni kisbu, għal proporzjon kbir tal-esportazzjonijiet tagħhom (minn 46 % sa 78 % tal-kodiċijiet NM ikkonċernati), prezz ogħla fis-suq tal-Unjoni meta mqabbel mal-prezzijiet tal-esportazzjoni miksuba fi swieq terzi oħrajn għall-istess kodiċijiet NM. Għal dawn il-pajjiżi, is-suq tal-Unjoni kien jirrappreżenta wkoll sehem importanti mill-esportazzjonijiet tagħhom, billi huwa dak ewlieni jew fost id-destinazzjonijiet ewlenin tal-esportazzjoni tagħhom, li f’xi każijiet kien jilħaq sehem ta’ aktar minn 25 % u saħansitra laħaq 32 % f’sena partikolari (4).

(3)

L-attraenza tas-suq tal-Unjoni ġiet ikkonfermata wkoll mill-fatt li filwaqt li l-pajjiżi esportaturi ewlenin tal-azzar (5) kienu qed inaqqsu l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi, dawn kienu qed iżidu l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni b’pass mgħaġġel. B’mod partikolari, l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi oħrajn minn dawn il-pajjiżi naqsu b’aktar minn 11-il miljun tunnellata (-8 %) fl-2018 (6) meta mqabbla mal-2017 (7). Min-naħa l-oħra, fl-istess perjodu, l-importazzjonijiet fl-Unjoni minn dawn l-oriġini żdiedu b’aktar minn tliet miljun tunnellata (+14 %) (8). Dawn ix-xejriet opposti wrew li filwaqt li l-importazzjonijiet lejn pajjiżi terzi oħrajn naqsu b’mod ġenerali, f’kuntest ta’ żieda fil-kapaċità eċċessiva u żieda fir-restrizzjoni ta’ aċċess għas-swieq fid-dinja (ara t-Taqsimiet 1.1.1 u 1.1.2 ta’ hawn taħt), u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe żvilupp pożittiv ewlieni fil-konsum domestiku tagħhom, il-produtturi esportaturi ħatfu l-opportunità li jiddisponu minn volumi dejjem akbar fis-suq tal-Unjoni.

(4)

Għalhekk, is-sett ta’ data ta’ hawn fuq juri li, b’mod inekwivoku, is-suq tal-Unjoni kien attraenti għall-produtturi esportaturi f’termini kemm ta’ volumi kif ukoll ta’ prezzijiet.

1.   ANALIŻI

1.1.   Żieda fl-importazzjonijiet bħala riżultat ta’ żviluppi mhux previsti

(5)

Għalhekk, is-sottotaqsimiet ta’ hawn taħt jipprovdu informazzjoni addizzjonali u spjegazzjoni aktar dettaljata li torbot kull wieħed mill-iżviluppi mhux previsti identifikati maż-żieda fl-importazzjonijiet li seħħew, u b’hekk jissupplimentaw is-sejbiet oriġinali.

1.1.1.   Żieda fl-importazzjonijiet lejn l-Unjoni minħabba kapaċità żejda globali fis-settur tal-azzar

(6)

Fid-determinazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni stabbiliet li kienet teżisti kapaċità żejda fis-settur tal-azzar u dan minkejja l-isforzi li kellhom l-għan li jnaqqsuha; xorta waħda kienet żdiedet matul il-perjodu tal-investigazzjoni (9).

(7)

Diversi sorsi kkonfermaw b’mod konsistenti r-rabta diretta bejn il-kapaċità żejda fis-settur tal-azzar u l-effetti tagħha fuq l-esportazzjonijiet. Pereżempju, l-OECD innotat, “Livelli eċċessivi ta’ kapaċità tal-produzzjoni tal-azzar għandhom implikazzjonijiet importanti għall-industrija tal-azzar, spiss assoċjati ma’ provvista żejda, prezzijiet baxxi, u profittabbiltà dgħajfa” (10). Hija nnotat ukoll li “Fil-livell globali, l-effetti tal-kapaċità żejda jiġu trażmessi permezz tal-kummerċ; il-kapaċità żejda tista’ twassal għal żidiet fl-esportazzjoni, li jwasslu għal tnaqqis fil-prezzijiet u telf fis-sehem mis-suq għall-produtturi domestiċi li jikkompetu mal-importazzjoni (11).”

(8)

Bl-istess mod, studji oħrajn jippuntaw lejn l-istess direzzjoni. Dokument tal-“Istitut tal-Politika Ekonomika” tal-2014 (12), li nnota “Kapaċità żejda tfisser li l-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-azzar għandhom il-kapaċità li jipproduċu ħafna aktar azzar mid-domandi tas-suq. Il-kostijiet fissi għoljin, l-intensità tal-kapital, u l-iskala kbira tal-produzzjoni tal-azzar iħeġġu l-esportazzjoni tal-eċċess b’rati inqas mis-suq. […] “Il-kapaċità żejda twassal għal produzzjoni żejda u żidiet fl-esportazzjonijiet” u li “l-intensità għolja tal-kapital tal-industrija twassal lill-produtturi jimmassimizzaw il-produzzjoni biex ikopru l-kostijiet fissi, u dan min-naħa tiegħu jwassal biex isir dumping tal-produzzjoni eċċessiva fis-swieq barranin—b’mod partikolari s-suq attraenti tal-Istati Uniti—meta d-domanda domestika tkun qed tonqos. Dan wassal għal żidiet ripetuti fl-azzar negozjat b’mod inġust matul is-snin.”

(9)

Bl-istess mod, il-Kummissjoni Ewropea, f’Komunikazzjoni tal-2016, iddikjarat ukoll “Il-produzzjoni żejda tal-azzar dan l-aħħar wasslet għal żieda drammatika fl-esportazzjonijiet, id-destabbilizzazzjoni tas-swieq globali tal-azzar u depressjoni tal-prezzijiet tal-azzar madwar id-dinja” (13).

(10)

Għalhekk, hemm raġuni ekonomika aċċettata b’mod ġenerali li tispjega l-azzjoni tal-produtturi esportaturi li jiskarikaw il-kapaċità żejda tagħhom fi swieq ta’ pajjiżi terzi (normalment bi prezzijiet aktar baxxi) biex tal-inqas ikopru parti mill-kostijiet tagħhom.

(11)

Il-Kummissjoni mbagħad ivvalutat f’aktar dettall ir-rabta diretta bejn il-kapaċità żejda eżistenti (u li qed tiżdied) ikkonfermata fis-settur tal-azzar, u ż-żieda fl-importazzjonijiet fl-Unjoni.

(12)

F’sitwazzjoni ta’ kapaċità żejda, u b’inċentiv biex jiskarikaw il-kapaċità żejda tagħhom, il-produtturi esportaturi jimmiraw lejn dawk is-swieq li jippermettulhom ibigħu, fil-prinċipju, volumi akbar bi prezzijiet idealment aħjar (meta mqabbla ma’ swieq terzi oħrajn). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni spjegat fil-premessi (1) sa (4) li l-Unjoni kienet suq attraenti għall-produtturi esportaturi kemm f’termini ta’ daqs kif ukoll ta’ livelli tal-prezzijiet. Id-data dwar l-importazzjoni disponibbli wriet ukoll li l-importazzjonijiet fl-Unjoni żdiedu b’mod rapidu u f’volumi kbar fil-perjodu li fih il-kapaċità żejda kienet qed tiżdied ukoll (14) u li għamlu dan b’pass ħafna aktar mgħaġġel mill-konsum tal-Unjoni (15), u wriet ukoll li l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni komplew jiżdiedu filwaqt li x-xejra tal-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi oħrajn kienet qed turi l-oppost. Barra minn hekk, id-data fir-Regolament Provviżorju wriet li l-produtturi esportaturi kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni b’mod konsistenti (f’xi każijiet b’mod sinifikanti), u dan juri d-determinazzjoni tagħhom li jibqgħu jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet attraenti tas-suq tal-Unjoni (16). Id-daqs u l-pass tal-importazzjonijiet fl-Unjoni bi prezzijiet konsistentement aktar baxxi minn dawk tal-industrija tal-Unjoni, f’kuntest ta’ tkabbir ħafna aktar bil-mod fil-konsum, ma tantx setgħu jiġu spjegati b’mod raġonevoli mill-ewwel li kieku ma kienx għal kuntest ta’ żieda fil-kapaċità żejda, li kien fil-qalba tal-imġiba tal-produtturi esportaturi.

(13)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet fl-Unjoni żdiedu bħala riżultat ta’ kapaċità żejda fis-settur tal-azzar fil-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali.

1.1.2.   Żieda fil-miżuri għad-difiża tal-kummerċ u l-miżuri restrittivi tal-kummerċ f’pajjiżi terzi

(14)

Fil-premessi (33) u (34) tar-Regolament Provviżorju, il-Kummissjoni spjegat li kien hemm żieda sinifikanti fl-użu ta’ strumenti għad-difiża tal-kummerċ fis-settur tal-azzar b’mod partikolari fis-snin ta’ qabel il-bidu tal-investigazzjoni ta’ salvagwardja tal-UE. Ir-Regolament Provviżorju ddikjara li “filwaqt li matul l-2011-2013, bħala medja tnedew madwar 77 investigazzjoni relatata mal-azzar fis-sena, matul l-2015-2016 din il-medja żdiedet għal 117”. Barra minn hekk, matul l-2017 il-pajjiżi terzi komplew jimponu miżuri kummerċjali restrittivi (17).

(15)

F’termini ġenerali, mid-data (18) li analizzat fil-perjodu bejn l-2013-2017, il-Kummissjoni osservat li kienu ġew imposti aktar minn 300 miżura ta’ difiża tal-kummerċ fuq il-prodotti tal-azzar (19).

(16)

Diżaggregazzjoni ta’ dawn iċ-ċifri żvelat li dawn il-miżuri kienu ġew imposti minn għadd kbir ta’ pajjiżi (mill-inqas 24 ġuriżdizzjoni), u fosthom il-pajjiżi importaturi ewlenin tal-azzar kollha (20). Dawn il-pajjiżi kienu imponew 157 miżura fil-perjodu 2013-2017, jiġifieri aktar minn 52 % tat-total.

(17)

Fl-istess ħin, l-akbar tliet pajjiżi esportaturi lejn l-Unjoni f’dan il-perjodu kienu soġġetti għal ammont kbir ta’ miżuri f’diversi ġuriżdizzjonijiet. Meta qieset bħala eżempju l-akbar seba’ esportaturi lejn l-Unjoni (21), il-Kummissjoni osservat li kienu soġġetti għal madwar 200 miżura, jiġifieri madwar 66 % tal-miżuri totali stabbiliti f’mill-inqas 24 pajjiż terz differenti.

(18)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat li d-daqs tal-miżuri ta’ strument għad-difiża tal-kummerċ (TDI), f’termini tal-għadd ta’ miżuri individwali u ta’ pajjiżi affettwati (kemm dawk li jimponu miżuri kif ukoll dawk soġġetti għalihom) kien sinifikanti ħafna. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li d-data fil-fajl oriġinali ssuġġeriet li dawn iċ-ċifri jistgħu jkunu saħansitra pjuttost konservattivi (22). Barra minn hekk, id-dazji imposti skont dawk il-miżuri dehru li huma għoljin biżżejjed biex ikollhom impatt fuq il-livell tal-importazzjonijiet li jidħlu f’dawk is-swieq meta mqabbla mal-perjodu ta’ qabel ma dawn il-miżuri kienu stabbiliti. Dan ġie rifless fi tnaqqis ġenerali fl-esportazzjonijiet minn pajjiżi soġġetti għal miżuri tat-TDI fi swieq terzi (ara l-Premessa (19)), minkejja l-fatt li l-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq ma nbidlux b’mod sinifikanti (23) u għalhekk, fil-prinċipju, ma jiġġustifikawx tnaqqis ta’ tali daqs fil-volumi esportati , li kieku ma kienx għall-effetti tal-livell tal-miżuri.

(19)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonfermat abbażi tad-data analizzata li effett komuni tal-impożizzjoni ta’ miżuri għad-difiża tal-kummerċ kien it-tnaqqis (f’ħafna każijiet sinifikanti) tal-importazzjonijiet fil-pajjiżi soġġetti għal miżuri fil-perjodu ta’ wara l-impożizzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat li, abbażi ta’ analiżi tal-investigazzjonijiet tagħha stess tat-TDI dwar il-prodotti tal-azzar (24), l-importazzjonijiet naqsu bħala medja sa 82 % meta mqabbla mal-livell tal-importazzjonijiet fil-perjodu ta’ investigazzjoni li wasslu għall-impożizzjoni ta’ miżuri. F’dawk il-każijiet, il-volumi tal-importazzjonijiet affettwati kienu sinifikanti (25). Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li l-miżuri tat-TDI fuq l-azzar kellhom effett simili meta ġew imposti minn pajjiżi terzi. F’kampjun ta’ 26 każ ivvalutat (26), il-Kummissjoni kkonfermat li t-tnaqqis tal-importazzjonijiet bħala medja kien 73 %, u li l-volumi affettwati kienu wkoll rilevanti (27). Għalhekk, l-impożizzjoni ta’ miżuri tat-TDI minn pajjiżi terzi naqqset il-volum tal-esportazzjonijiet lejn dawk il-pajjiżi, li kienu, tal-inqas parzjalment, diretti lejn is-suq tal-Unjoni.

(20)

Barra minn hekk, sett ieħor ta’ data li juri r-rabta ċara bejn iż-żieda fl-għadd ta’ miżuri għad-difiża tal-kummerċ f’pajjiżi terzi u ż-żieda fl-importazzjonijiet fis-suq tal-Unjoni huma x-xejriet opposti tal-esportazzjonijiet tal-pajjiżi esportaturi ewlenin tal-azzar lejn l-Unjoni spjegati fil-Premessa (3) (28). Fid-dawl tal-ammont kbir ta’ miżuri għad-difiża tal-kummerċ imposti minn pajjiżi terzi u l-effetti li għandhom fuq il-volumi tal-importazzjonijiet fil-pajjiżi li jimponu miżura (kif spjegat fil-Premessi (18) u (19)), din ix-xejra tikkonferma li l-kapaċità tagħhom li jesportaw lejn pajjiżi terzi ġiet limitata b’mod sinifikanti. Għalhekk, huma fittxew li jiddisponu minn dawn il-volumi addizzjonali (affettwati wkoll mill-kapaċità żejda) fis-suq attraenti tal-Unjoni, li b’riżultat ta’ dan esperjenza żieda konsistenti fl-importazzjonijiet matul l-istess perjodu, b’pass sostanzjalment aktar mgħaġġel mill-evoluzzjoni tal-konsum.

(21)

Il-grafika ta’ hawn taħt (29) turi dawn ix-xejriet.

Image 1

(22)

Il-Kummissjoni osservat ukoll li l-konsum ġenerali tal-azzar ma ra l-ebda tnaqqis kbir f’dak il-perjodu li seta’ jispjega tali tnaqqis fl-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. Għalhekk, it-tnaqqis tal-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi oħrajn jista’ jiġi spjegat b’mod raġonevoli biss mill-effett ta’ limitazzjoni tal-firxa wiesgħa ta’ miżuri tat-TDI jew ta’ miżuri restrittivi kummerċjali oħrajn imposti minn għadd kbir ta’ ġuriżdizzjonijiet.

(23)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żieda fil-miżuri tat-TDI u f’miżuri restrittivi kummerċjali oħrajn madwar pajjiżi terzi kienet irriżultat f’żieda fl-importazzjonijiet fl-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

1.1.3.   Miżura skont it-Taqsima 232 tal-Istati Uniti

(24)

Fil-premessi (58) sa (61) tar-Regolament Definittiv, il-Kummissjoni spjegat ir-rabta bejn il-miżuri tat-Taqsima 232 tal-Istati Uniti u ż-żieda ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni. Barra minn hekk, fil-Premessi (101) sa (110) tar-Regolament Definittiv, il-Kummissjoni vvalutat ukoll l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet kemm fis-suq tal-Unjoni kif ukoll f’dak tal-Istati Uniti (30).

(25)

Minħabba li d-data vvalutata biex tiġi ddeterminata żieda fl-importazzjonijiet waqfet fl-aħħar ta’ Ġunju 2018 (tmiem l-Aktar Perjodu Reċenti jew “MRP”), din kopriet ix-xejriet tal-importazzjoni fl-Unjoni u fl-Istati Uniti għal perjodu relattivament qasir wara li daħlet fis-seħħ it-Taqsima 232 tal-Istati Uniti. Madankollu, kif spjegat fil-Premessa (58) tar-Regolament Definittiv, l-investigazzjoni li wasslet għall-miżura tal-Istati Uniti kienet diġà nbdiet f’April 2017 u r-rapport li jistabbilixxi l-bażi għall-adozzjoni aktar tard tal-miżura ġie ppubblikat f’Jannar 2018, u għalhekk l-ewwel sinjali ta’ devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali diġà kienu ġew identifikati.

(26)

Id-data wriet li filwaqt li matul l-ewwel nofs tal-2018 l-importazzjonijiet fl-Istati Uniti naqsu bi kważi miljun tunnellata (-7 %) meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2017, l-importazzjonijiet fl-Unjoni segwew xejra opposta kważi identika, b’żieda ta’ 1,2 miljun tunnellata (+7 %) fl-importazzjonijiet.

(27)

Din ix-xejra hija spjegata minħabba li l-pajjiżi esportaturi ewlenin tal-azzar lejn l-Unjoni esportaw ukoll volumi rilevanti lejn is-suq tal-Istati Uniti. Filwaqt li l-volumi tal-esportazzjoni lejn l-Istati Uniti kienu qed jonqsu (bħala riżultat tal-effetti tad-dazju ta’ 25 % skont it-Taqsima 232 tal-Istati Uniti), il-volum tal-esportazzjonijiet ta’ xi wħud minn dawn il-pajjiżi lejn l-Unjoni żdied b’mod parallel. Barra minn hekk, u kif spjegat fil-Premessa (3) ta’ hawn fuq, l-esportazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi lejn swieq terzi oħrajn ġeneralment naqsu.

(28)

Għalhekk, l-impossibbiltà li jiġu esportati bl-istess ammonti lejn l-Istati Uniti wara li daħlet fis-seħħ il-miżura tat-Taqsima 232 tal-Istati Uniti, poġġiet lill-pajjiżi esportaturi f’sitwazzjoni li fiha kienu mġiegħla jfittxu żbokki oħrajn għall-azzar tagħhom. F’dan il-każ, minħabba li s-suq tal-Unjoni kien attraenti ħafna f’termini ta’ daqs u prezzijiet meta mqabbel ma’ swieq terzi oħrajn, kien mira naturali għall-pajjiżi esportaturi u dan irriżulta f’żieda fl-importazzjonijiet, b’mod partikolari mill-oriġini li tilfu l-volumi tal-esportazzjoni lejn l-Istati Uniti. Dawn ix-xejriet jidhru fil-grafika ta’ hawn taħt (31).

Image 2

Image 3

(29)

Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, il-Kummissjoni kkonfermat li ż-żieda fl-importazzjonijiet fl-Unjoni li seħħet fil-perjodu ta’ investigazzjoni kienet ir-riżultat (flimkien mal-iżviluppi mhux previsti l-oħrajn stabbiliti) tal-miżura tat-Taqsima 232 tal-Istati Uniti.

Valutazzjoni kumulattiva

(30)

Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li ż-żieda fl-importazzjonijiet seħħet bħala riżultat tal-kombinazzjoni tal-iżviluppi kollha mhux previsti identifikati (kapaċità żejda globali, żieda fil-miżuri għad-difiża tal-kummerċ u miżuri restrittivi kummerċjali f’pajjiżi terzi u l-miżura tat-Taqsima 232 tal-Istati Uniti). L-eżistenza ta’ diversi żviluppi mhux previsti fl-istess ħin issaħħaħ is-sejba ta’ rabta loġika bejn iż-żieda fl-importazzjonijiet fl-Unjoni, li kienet suq attraenti u ewlieni għall-esportazzjonijiet tal-azzar, u l-iżviluppi identifikati mhux previsti.

1.2.   Theddida ta’ dannu serju

(31)

Id-determinazzjoni oriġinali stabbiliet li kieku l-Unjoni ma imponietx miżura ta’ salvagwardja, kien ikun hemm theddida ta’ dannu serju għall-produtturi domestiċi peress li l-importazzjonijiet kienu mistennija jkomplu jiżdiedu, b’mod partikolari minħabba d-devjazzjoni tal-kummerċ (iżda mhux limitat għaliha) li toriġina mill-miżura tat-Taqsima 232 tal-Istati Uniti, u b’hekk tiżdied il-pressjoni tal-importazzjoni f’termini ta’ prezz u volumi (32). Din it-taqsima tar-Regolament se tiżviluppa f’aktar dettall għaliex kienet teżisti theddida ta’ dannu serju u kienet fondata sew fid-dawl tal-evidenza disponibbli meta ġiet imposta l-miżura definittiva. Biex tagħmel dan, din it-taqsima tar-Regolament se tipprovdi spjegazzjonijiet u kjarifiki addizzjonali dwar l-aspetti li ġejjin li jwasslu għas-sejba ta’ theddida ta’ dannu serju: i) is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u r-raġunijiet li jispjegaw l-irkupru parzjali tagħha fl-2017; ii) ir-rwol tal-miżuri tat-TDI tal-UE fis-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni; iii) l-impatt tal-miżura tat-Taqsima 232 tal-Istati Uniti – inkluża l-evoluzzjoni reċenti tal-importazzjoni fl-Unjoni; iv) l-aktar evoluzzjoni reċenti tal-prezzijiet tal-azzar u tal-materja prima; v) is-sitwazzjoni attwali tal-miżuri tat-TDI f’pajjiżi terzi u l-kapaċità żejda; vi) prospettivi u previżjonijiet tas-suq.

Attraenza kontinwa tas-suq tal-Unjoni

(32)

Fil-Premessi (1) sa (4) ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni spjegat kif is-suq tal-Unjoni kien attraenti f’termini ta’ daqs u prezzijiet u kif dawn il-karatteristiċi kkontribwew għal ammont dejjem akbar ta’ importazzjonijiet fis-suq tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(33)

Il-Kummissjoni qieset li dawn il-karatteristiċi baqgħu l-istess fi tmiem l-investigazzjoni u dan wassal għall-impożizzjoni tas-salvagwardja definittiva, u kkonfermat li fl-2018, is-suq tal-Unjoni kompla jkun suq attraenti f’termini ta’ daqs (33) u prezzijiet. Il-pajjiżi esportaturi ewlenin tal-azzar lejn l-Unjoni kisbu prezz ogħla fis-suq tal-Unjoni meta mqabbla mal-prezzijiet tal-esportazzjoni miksuba fi swieq terzi oħrajn għal 48 % sa 81 % tal-kodiċijiet NM ikkonċernati (34). B’hekk ġiet ikkonfermata l-attraenza kontinwa f’termini ta’ prezzijiet. Fir-rigward tad-daqs, l-Unjoni kompliet tkun suq tal-esportazzjoni rilevanti, li jirrappreżenta kważi 40 % għal xi pajjiżi esportaturi u għal xi wħud minnhom madwar 25 % tal-esportazzjonijiet totali tagħhom, skont il-pajjiż tal-esportazzjoni (35).

(34)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda element fost id-data vvalutata, inklużi s-sottomissjonijiet mill-partijiet interessati, li jindika li s-suq tal-Unjoni se jsir inqas attraenti fil-futur qarib. Fil-fatt, kif muri f’dan l-Anness (ara bħala eżempju s-sottotaqsimiet 1.2.3 u 1.2.5 hawn taħt) kien hemm nuqqas dejjem akbar ta’ żbokki alternattivi fejn il-produtturi esportaturi setgħu jilħqu l-istess volumi jew volumi simili ta’ esportazzjonijiet tal-passat, u b’hekk il-pressjoni tal-importazzjoni fuq is-suq attraenti tal-Unjoni żdiedet saħansitra aktar.

1.2.1.   Sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-fatturi li jispjegaw l-irkupru parzjali tagħha fl-2017

(35)

It-Taqsima VI.1 tar-Regolament Provviżorju u t-Taqsimiet 5.1 sa 5.3 tar-Regolament Definittiv spjegaw is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fi tmiem il-perjodu analizzat, u l-evoluzzjoni tal-indikaturi tad-dannu mill-2013, u kkonkludew li l-industrija tal-Unjoni kienet f’pożizzjoni fraġli u vulnerabbli.

(36)

Is-sejba ta’ vulnerabbiltà minkejja titjib parzjali fl-2017, ġiet spjegata minn għadd ta’ fatturi li ppermettew lill-industrija tal-Unjoni tilħaq, fl-2017 biss, livelli ġenerali aktar b’saħħithom ta’ profittabbiltà milli fis-snin ta’ qabel minkejja żieda kontinwa fl-importazzjonijiet (36).

(37)

L-ewwel nett, il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu analizzat uriet prestazzjoni ġeneralment ħażina, billi ġarrbet telf (2013) jew kisbet livell baxx ħafna ta’ profitti (2014-2016). Għalkemm fl-2017, l-industrija kisbet għall-ewwel darba f’perjodu ta’ 5 snin livell ta’ profittabbiltà aktar b’saħħtu, dan ma laħaqx daqs li jagħmel tajjeb għall-prestazzjoni preċedenti matul perjodu ta’ 4 snin. Anke f’dik is-sena, għal għadd kbir ta’ kategoriji ta’ prodotti, il-profittabbiltà baqgħet baxxa. Tliet kategoriji ta’ prodotti baqgħu jagħmlu telf u 13-il kategorija ta’ prodotti kienu qrib li jilħqu ekwilibriju. Seba’ kategoriji ta’ prodotti biss setgħu jirkupraw għal livell ta’ profitt ogħla minn 6 % fl-2017 (37). F’dan ir-rigward, fattur differenti ewlieni fl-2017 kien relatat mal-evoluzzjoni u l-livell tal-prezzijiet tal-bejgħ ta’ unità tal-Unjoni u d-differenza mal-kost tal-produzzjoni meta mqabbel ma’ tas-snin preċedenti. Fir-rigward tal-prezz, fl-2017 dan żdied b’madwar 18 % fir-rigward tas-sena ta’ qabel (żieda ta’ EUR 106/tunnellata). Fl-istess ħin, anke jekk il-kost tal-produzzjoni żdied ukoll f’dik is-sena (bi EUR 82/tunnellata meta mqabbel mas-sena ta’ qabel) (38), l-industrija tal-Unjoni setgħet tikseb l-akbar marġni (pożittiv) bejn dawn it-tnejn fil-perjodu analizzat (EUR 36/tunnellata), li rriżulta fi profittabbiltà akbar (39). Madankollu, din is-sitwazzjoni eċċezzjonali (40), skont l-aktar żviluppi reċenti analizzati fl-investigazzjoni, ma kinitx mistennija li tkun ta’ natura dejjiema u kien hemm xejriet ċari li juru li diġà kienet qed titreġġa’ lura (ara t-Taqsima 1.2.4).

(38)

It-tieni, filwaqt li l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi żżid il-volum tal-bejgħ tagħha f’termini ġenerali b’7 % fl-2017 meta mqabbel mal-2013 (41), u b’hekk ikkontribwiet għat-titjib parzjali tal-prestazzjoni tagħha f’dik is-sena, huwa ċar li ma setgħetx tibbenefika bis-sħiħ minn żieda ferm ogħla fil-konsum fl-istess perjodu (+14 %) (42) fis-suq tal-Unjoni għalkemm baqa’ jkollha biżżejjed kapaċità disponibbli fl-2017 (76 % fl-2017 ta’ użu tal-kapaċità meta mqabbel ma’ 75 % fl-2016) (43) biex tkompli żżid il-bejgħ domestiku tagħha. Ta’ min jinnota li l-industrija tal-Unjoni bilkemm tejbet l-użu tal-kapaċità tagħha fl-2017 meta mqabbla mas-sena preċedenti. Tali prestazzjoni soppressa tista’ tiġi spjegata mill-pressjoni sinifikanti dejjem akbar tal-importazzjoni (f’termini ta’ volumi u prezzijiet) li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet fil-perjodu vvalutat. Fil-fatt, l-importazzjonijiet ibbenefikaw ħafna aktar mill-produtturi tal-Unjoni miż-żieda fil-konsum. Filwaqt li l-produtturi tal-Unjoni tilfu s-sehem mis-suq b’mod konsistenti sena wara sena (minn 87,2 % għal 81,9 %) (44), l-importazzjonijiet esperjenzaw żieda drastika (+71 %) (45), li tirrappreżenta żieda fis-sehem mis-suq tagħhom minn 12,7 % fl-2013 għal 18,8 % fl-2017 (46). Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet fl-MRP kien ta’ 18,8 %, li kien saħansitra ogħla milli fl-2017 (18,1 %). Dawn ix-xejriet jistgħu jiġu spjegati mit-twaqqigħ konsistenti tal-prezz tal-importazzjonijiet (47), li b’hekk impedixxa lill-industrija tal-Unjoni milli tikseb il-potenzjal sħiħ (jew tal-inqas akbar) tal-iżviluppi tas-suq.

(39)

It-tielet, filwaqt li l-kundizzjonijiet tas-suq tjiebu b’mod ġenerali (b’żieda fil-konsum, fil-bejgħ domestiku u fil-livelli tal-prezzijiet), l-industrija tal-Unjoni xorta ma setgħetx issarraf dan f’aktar impjiegi, li kienu ġarrbu t-telf ta’ kważi 10 000 ħaddiem fl-Unjoni fil-perjodu 2013-2017 (48). Fl-2017, il-livell tal-impjiegi naqas bi ftit ħafna meta mqabbel mal-2016. Fl-aħħar nett, l-istokks żdiedu bi 19 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u baqgħu għoljin fl-2017 (49).

(40)

Għalhekk, l-industrija tal-Unjoni tejbet parzjalment il-prestazzjoni tagħha fl-2017 bħala riżultat ta’ taħlita ta’ fatturi, b’mod partikolari ż-żieda fil-konsum u fil-bejgħ domestiku u d-differenza akbar bejn il-prezz tal-azzar u tal-materja prima (50) iżda dan it-titjib xorta kien limitat mil-livell ta’ pressjoni fuq l-importazzjoni li ġarrbet f’dik is-sena, li ma ppermettiex lill-industrija tal-Unjoni tibbenefika aktar minn fatturi eżistenti bħal dawn. It-telf kontinwu tas-sehem mis-suq u t-twaqqigħ persistenti tal-prezz fil-kategoriji tal-prodotti, jew l-impjiegi li ma setgħetx tirkupra, kienu sinjali ċari li s-sitwazzjoni tagħha ma kinitx dik ta’ industrija li kienet irkuprat bis-sħiħ mill-effetti ta’ prestazzjonijiet negattivi preċedenti fis-snin ta’ qabel, u dik il-pressjoni tal-importazzjoni kellha rwol ewlieni fil-prevenzjoni ta’ tali rkupru.

(41)

Peress li xi wħud minn dawn il-fatturi li żviluppaw b’mod pożittiv fl-2017 kienu qed jitreġġgħu lura fl-2018 (ara l-aħħar żviluppi u l-prestazzjoni mistennija għall-prezzijiet tal-azzar u tal-materja prima, kif ukoll ix-xejriet mistennija fil-konsum) f’sitwazzjoni li fiha l-pressjoni tal-importazzjoni kienet mistennija tiżdied f’termini ta’ volumi u prezzijiet, l-impatt fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni jkun negattiv.

(42)

Fi kliem ieħor, filwaqt li l-industrija tal-Unjoni setgħet tirkupra parzjalment minħabba l-iżviluppi pożittivi kumulati ta’ serje ta’ fatturi ewlenin fis-suq u minħabba żieda aktar bil-mod tal-importazzjonijiet fl-2017 meta mqabbla mas-snin preċedenti (51), ir-riżultat negattiv li l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-fatturi kienu qed juru fl-aħħar tal-2018 neċessarjament jirriżulta f’deterjorament tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fid-dawl taż-żieda ulterjuri kontinwa fil-pressjoni tal-importazzjoni, li din id-darba, minħabba d-daqs tagħha u l-kuntest prevalenti tas-suq mistenni, l-industrija tal-Unjoni ma tkunx tista’ tibqa’ ssostni. B’riżultat ta’ dan, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fi tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni kienet dik ta’ vulnerabbiltà għal żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet.

1.2.2.   Rwol tal-miżuri tat-TDI tal-Unjoni fis-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-2017

(43)

F’din it-Taqsima, il-Kummissjoni tipprovdi l-ispjegazzjonijiet addizzjonali u d-data ta’ appoġġ meħtieġa rigward ir-rwol tal-miżuri TDI fuq l-irkupru parzjali tal-industrija tal-Unjoni fl-2017.

(44)

L-ewwel nett, biex twettaq dan l-eżerċizzju, il-Kummissjoni għażlet dawk il-miżuri imposti fis-snin 2015 u 2016 minħabba li l-Kummissjoni qieset li dawk ikunu l-miżuri li l-effetti tagħhom fuq il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-2017 jistgħu jiġu parzjalment attribwiti lilhom (52). Għalhekk, skont dawn il-parametri, qabel l-2017, il-Kummissjoni kienet imponiet sitt miżuri tat-TDI fuq l-importazzjonijiet minn kategoriji ta’ prodotti li sussegwentement kienu soġġetti għall-miżura ta’ salvagwardja (53).

(45)

Dawn il-miżuri kienu dawn li ġejjin (54): Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/501 (55), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/181 (56), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1778 (57), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/113 (58), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1777 (59) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/969 (60).

(46)

Il-Kummissjoni osservat li l-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni f’dawn il-kategoriji ta’ prodotti tjiebet sistematikament fis-sena ta’ wara l-impożizzjoni tal-miżuri. B’mod partikolari, il-Kummissjoni sabet li, fl-2017, il-profittabbiltà ġeneralment tjiebet (61), għalkemm għal għadd kbir ta’ prodotti tal-kategorija, il-profittabbiltà baqgħet baxxa, b’mod partikolari għall-kategoriji ta’ prodotti soġġetti għal miżuri reċenti tat-TDI, u li l-prezzijiet tal-importazzjoni ta’ pajjiżi terzi (minbarra dawk soġġetti għall-miżuri tat-TDI inkwistjoni) ġeneralment żdiedu temporanjament fl-2017 wara l-impożizzjoni tal-miżuri tat-TDI (62).

(47)

Barra minn hekk, il-volumi affettwati mill-miżuri reċenti għad-difiża tal-kummerċ kienu jirrappreżentaw madwar 40 % tal-importazzjonijiet totali fil-kategoriji tal-prodotti soġġetti għal miżuri reċenti tat-TDI fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni (63) u fis-snin ta’ wara l-impożizzjoni ta’ dawk il-miżuri tat-TDI, il-volumi tagħhom fis-suq tal-Unjoni naqsu b’aktar minn 90 % (64). Għalhekk, it-tnaqqis sostanzjali ta’ importazzjonijiet negozjati inġusti li żguraw l-impożizzjoni ta’ miżuri, ġeneralment ippermetta lill-produtturi tal-Unjoni u lil pajjiżi esportaturi oħrajn iżidu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom fl-2017.

(48)

Barra minn hekk, il-kategoriji kollha ta’ prodotti soġġetti għal miżuri reċenti ta’ difiża tal-kummerċ esperjenzaw titjib sinifikanti fil-profittabbiltà (65), li ħafna minnhom qabżu s-6 % fl-2017 (66). Għall-bqija tal-kategoriji, l-istampa kienet aktar varjata, bi ftit kategoriji li jaqbżu jew jilħqu profittabbiltà qrib is-6 % (67), kategoriji oħrajn li qed jitjiebu iżda li għadhom qed juru livelli ta’ profittabbiltà dgħajfa jew baxxi (68), u oħrajn li qed jagħmlu t-telf jew profittabbiltà ta’ madwar 1 % (69), irrispettivament mix-xejriet reċenti. Għalhekk, intwera li l-istampa f’termini tal-evoluzzjoni tal-profittabbiltà ma kinitx omoġenja fost il-kategoriji u li f’termini ġenerali, il-biċċa l-kbira tal-kategoriji (70), fl-2017, jew kienu qed jagħmlu telf jew kellhom livelli batuti ta’ profittabbiltà, anke jekk is-sitwazzjoni tagħhom tjiebet f’xi każijiet meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Għalhekk, ġiet ikkonfermata l-fraġilità tas-sitwazzjoni ġenerali tal-industrija tal-Unjoni minkejja li s-sitwazzjoni hija aħjar mis-sena ta’ qabel.

(49)

Madankollu, kif spjegat hawn taħt, ix-xejra ta’ żieda fl-ipprezzar fl-2017 kienet temporanja u bdiet titreġġa’ lura fl-2018 meta l-Unjoni kienet qed tiffaċċja żieda fl-importazzjonijiet prinċipalment minn pajjiżi terzi mhux soġġetti għal miżuri għad-difiża tal-kummerċ u d-devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali kkawżata mill-miżura tat-Taqsima 232 tal-Istati Uniti. Dan jidher mill-volum tal-importazzjonijiet fl-MRP li laħaq ċifra rekord ta’ 31 314-il tunnellata minkejja l-impożizzjoni ta’ miżuri reċenti għad-difiża tal-kummerċ f’xi kategoriji ta’ prodotti. Dan wera li filwaqt li l-miżuri reċenti tat-TDI kkontribwew għat-titjib parzjali u temporanju tal-industrija tal-Unjoni, huma bbenefikaw ukoll lil dawk il-pajjiżi esportaturi mhux soġġetti għal miżuri, li kienu bdew iżidu wkoll b’mod sinifikanti l-preżenza tagħhom fis-suq tal-Unjoni (71).

(50)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat li l-impożizzjoni ta’ miżuri tat-TDI kkontribwiet għall-prestazzjoni ġenerali tal-produtturi tal-Unjoni, sa fejn kienu kkonċernati dawn il-kategoriji (72).

(51)

Barra minn hekk, ir-raġunament fit-Taqsimiet 1.2.1 u 1.2.2 wera b’mod ċar li xi fatturi li jispjegaw l-irkupru parzjali tal-Unjoni (eż. il-konsum) ma affettwawx jew ma kinux ta’ benefiċċju għall-produtturi tal-Unjoni u għall-pajjiżi esportaturi bl-istess mod jew b’mod simili, peress li dawn tal-aħħar setgħu jżidu bil-kbir (+71 % fil-volumi) il-preżenza tagħhom fis-suq tal-Unjoni għad-detriment tal-produtturi tal-Unjoni li tilfu s-sehem mis-suq, u raw biss żieda relattivament żgħira fil-volumi tal-bejgħ ġenerali (+7 %) meta mqabbla mat-tkabbir kontinwu tal-importazzjonijiet.

1.2.3.   Impatt tal-miżura skont it-Taqsima 232 tal-Istati Uniti

(52)

Fir-Regolament Definittiv (73), il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li t-Taqsima 232 tal-Istati Uniti tkun responsabbli għal devjazzjoni sinifikanti tat-traffiku kummerċjali lejn is-suq tal-Unjoni.

(53)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni wettqet analiżi aktar dettaljata tax-xejriet tal-importazzjoni fl-Unjoni u fl-Istati Uniti, kemm f’termini ġenerali u mbagħad wara analizzat ulterjorment l-imġiba ta’ ċerti pajjiżi esportaturi. Din l-analiżi wriet li meta l-importazzjonijiet fl-Istati Uniti u fl-Unjoni fl-ewwel nofs tal-2018 jitqabblu mal-ewwel nofs tal-2017, l-importazzjonijiet fl-Istati Uniti naqsu bi kważi miljun tunnellata (-7 %) meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2017, l-importazzjonijiet fl-Unjoni segwew xejra opposta kważi identika, b’żieda fl-importazzjonijiet ta’ 1,2 miljun tunnellata (+7 %) (Ara l-Premessa (26) ta’ hawn fuq). Meta jiġu vvalutati l-iżviluppi fit-tieni nofs tal-2018 u fl-istess perjodu fl-2017, dawn ix-xejriet opposti jsiru aktar qawwija. Fil-fatt, l-importazzjonijiet fl-Istati Uniti naqsu b’2,4 miljun tunnellati (-19 %) filwaqt li l-importazzjonijiet fl-Unjoni żdiedu b’aktar minn 2 miljun tunnellati (+15 %) (74).

(54)

Dan irriżulta fi tnaqqis annwali ġenerali tal-importazzjonijiet fl-Istati Uniti ta’ 3,3 miljun tunnellati (-13 %) u żieda fl-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ 3,2 miljun tunnellati (+11 %) li 72 % mill-volumi totali mnaqqsa fl-Istati Uniti u 63 % taż-żieda fl-importazzjonijiet fl-Unjoni seħħew fit-tieni nofs tal-2018 (75).

(55)

Għalhekk, ir-ritmu u d-daqs li bihom dawn ix-xejriet tal-importazzjonijiet ġew aċċellerati fit-tieni nofs tal-2018 urew li l-impatt tal-miżura tat-Taqsima 232 tal-Istati Uniti kien qed jieħu aktar effett progressivament peress li kien diġà stabbilit għal ftit xhur, u li l-pajjiżi esportaturi kienu qed jaġġustaw malajr għas-sitwazzjoni l-ġdida tas-suq (76).

(56)

Meta wieħed iħares lejn l-imġiba tal-pajjiżi esportaturi kemm lejn is-suq tal-Istati Uniti kif ukoll lejn dak tal-UE, il-Kummissjoni kkonfermat din ix-xejra. Pereżempju, pajjiżi bħat-Turkija, ir-Russja, il-Korea t’Isfel u t-Tajwan (77), li kienu jirrappreżentaw volumi sinifikanti ta’ esportazzjonijiet lejn l-Istati Uniti u lejn l-Unjoni, raw ix-xejriet li ġejjin fl-2018 meta mqabbla mal-2017: It-Turkija naqqset l-esportazzjonijiet tagħha lejn l-Istati Uniti b’madwar 850 000 tunnellata (-45 %) u żiedet l-esportazzjonijiet tagħha lejn l-Unjoni b’2,6 miljun tunnellati (+56 %). B’mod simili, l-esportazzjonijiet tar-Russja lejn l-Istati Uniti naqsu b’aktar minn 250 000 tunnellata (-36 %) u żdiedu bi 870 000 tunnellata (+23 %) lejn l-Unjoni, l-esportazzjonijiet tal-Korea t’Isfel lejn l-Istati Uniti naqsu b’aktar minn 880 000 tunnellata (-27 %), mentri lejn l-Unjoni żdiedu b’madwar 250 000 tunnellata (+8 %), u l-esportazzjonijiet tat-Tajwan lejn l-Istati Uniti naqsu b’madwar 160 000 tunnellata (-14 %) filwaqt li żdiedu b’aktar minn 500 000 tunnellata (+40 %) lejn l-Unjoni (78).

(57)

Għalhekk, dawn iċ-ċifri wrew li l-produtturi esportaturi ġeneralment setgħu jittrasportaw, tal-inqas parti mill-volumi mitlufa fl-Istati Uniti, lejn is-suq tal-Unjoni, u f’xi każijiet iżidu l-preżenza tagħhom fis-suq tal-Unjoni ferm ogħla mill-volumi mitlufa fl-Istati Uniti. Minħabba d-daqs tas-suq tal-Istati Uniti (79), il-fatt li l-miżura skont it-Taqsima 232 tal-Istati Uniti kienet għadha fl-ewwel xhur tal-applikazzjoni tagħha u għalhekk kienet għadha ma laħqitx l-effetti intenzjonati sħaħ tagħha (80), kien raġonevoli li wieħed jistenna li l-esportazzjonijiet lejn l-Istati Uniti jkomplu jonqsu f’volumi sinifikanti u li l-produtturi esportaturi jkunu jistgħu jadattaw għal dawn iċ-ċirkostanzi u jżidu ulterjorment il-preżenza tagħhom fis-suq tal-Unjoni.

(58)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat li l-miżura tat-Taqsima 232 tal-Istati Uniti kienet kapaċi tikkawża devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali saħansitra akbar tal-esportazzjonijiet lejn is-suq tal-Unjoni fil-futur qarib.

1.2.4.   L-aktar evoluzzjoni reċenti tal-prezzijiet tal-azzar u tal-materja prima

(59)

Fir-Regolament Definittiv, il-Kummissjoni nnotat li “l-prezzijiet tal-azzar fl-Unjoni bdew isegwu xejra ta’ tnaqqis mit-tielet trimestru tal-2018 (81)”.

(60)

F’dan ir-rigward, fit-Taqsima 1.2.1 ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni osservat li wieħed mill-fatturi li spjega titjib parzjali fil-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-2017 kien li d-differenza bejn il-prezz tal-azzar u l-kost tal-materja prima kienet ogħla milli fi kwalunkwe waħda mis-snin preċedenti tal-perjodu analizzat. Madankollu, analiżi dettaljata ulterjuri tal-aktar żviluppi reċenti qabel l-impożizzjoni ta’ miżura definittiva wriet li x-xejra kienet qed titreġġa’ lura u li d-differenza pożittiva bejn it-tnejn kienet qed tonqos progressivament, u għalhekk dan kien ikollu impatt negattiv fuq il-prestazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(61)

Kif muri fil-grafika 4 ta’ hawn taħt (82), il-prezzijiet tal-azzar fl-Unjoni raw tnaqqis kostanti fit-tieni nofs tal-2018. Din ix-xejra tista’ tkun mistennija li tkompli fid-dawl tal-prospetti inċerti tas-suq (ara t-Taqsima 1.2.6) u b’riżultat tal-pressjoni kontinwa u dejjem tiżdied tal-importazzjoni f’termini ta’ volumi u prezzijiet, li fid-dawl ta’ kundizzjonijiet tas-suq li sejrin għall-agħar jew inċerti, x’aktarx ikollhom effett ’l isfel fuq il-prezzijiet, u b’hekk ma jippermettux lill-industrija tal-Unjoni tadatta l-prezzijiet tagħha għall-kostijiet miżjuda. Fil-grafika 5 (83), ġie osservat kif il-prezz ta’ xi materja prima ewlenija tal-produzzjoni tal-azzar kien qed jiżdied b’mod kostanti matul l-istess perjodu.

Image 4

Image 5

(62)

Għalhekk, xejriet ikkombinati bħal dawn, li għalihom ma kien hemm l-ebda sinjal ta’ treġġigħ lura fil-futur qarib, ipoġġu lill-industrija tal-Unjoni f’sitwazzjoni finanzjarja saħansitra aktar diffiċli.

(63)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li f’xenarju probabbli ta’ pressjoni ulterjuri tal-importazzjoni u f’suq li ma kellu l-ebda tkabbir sinifikanti, ix-xejriet tat-twaqqigħ tal-prezzijiet domestiċi identifikati fl-investigazzjoni oriġinali se jkomplu jaggravaw. B’hekk jinħolqu diffikultajiet addizzjonali għall-produtturi tal-Unjoni li jiffaċċjaw id-deċiżjoni li jew jikkompetu għas-sehem mis-suq, askapitu ta’ prezzijiet aktar sostenibbli, jew li jippreżervaw livell ogħla ta’ prezzijiet askapitu li jkomplu jitilfu s-sehem mis-suq. Fiż-żewġ xenarji, il-prestazzjoni finanzjarja tagħha tkun affettwata b’mod negattiv.

(64)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li din l-evoluzzjoni fil-prezzijiet ikkoinċidiet mal-perjodu meta diġà kienet stabbilita miżura ta’ salvagwardja provviżorja (minn nofs Lulju 2018). Għalhekk, dan juri li l-pajjiżi esportaturi kellhom imġiba ta’ importazzjoni saħansitra aktar aggressiva skont il-miżura, u wrew l-interess kontinwu tagħhom li jidħlu fis-suq tal-Unjoni f’volumi kbar minkejja li hemm stabbilita miżura ta’ salvagwardja provviżorja.

1.2.5.   Sitwazzjoni attwali tal-miżuri tat-TDI f’pajjiżi terzi u kapaċità żejda

(65)

Fit-Taqsimiet 1.1.1 u 1.1.2, il-Kummissjoni spjegat l-evoluzzjoni u s-sitwazzjoni aktar reċenti tal-kapaċità żejda u l-miżuri tat-TDI f’pajjiżi terzi. Fid-dawl ta’ dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni qieset li kien improbabbli ħafna li jkun hemm treġġigħ lura tas-sitwazzjoni eżistenti fil-futur qarib. Pereżempju, il-miżuri tat-TDI normalment jiġu imposti għal perjodu ta’ ħames snin, u jistgħu jiġu estiżi ulterjorment. B’mod partikolari, minħabba li ħafna mill-miżuri kienu ġew imposti fi żmien ftit snin qabel l-adozzjoni tal-miżura ta’ salvagwardja tal-azzar tal-UE (84), dawn kienu mistennija li jibqgħu stabbiliti tal-inqas għall-futur immedjat. Fir-rigward tal-kapaċità żejda, ir-rapporti msemmija mill-Kummissjoni ma indikawx li kien hemm sinjali li l-kapaċità żejda kienet se tonqos b’mod sinifikanti, jekk xejn, huma ssuġġerew li s-sitwazzjoni tal-kapaċità żejda globali fis-settur tista’ tkompli tmur aktar għall-agħar (85). Fil-fatt, il-Forum Globali dwar il-Kapaċità Eċċessiva tal-Azzar kien ċar ħafna wkoll fil-konklużjoni li l-kapaċità żejda kompliet tkun problema li għadha hemm lejn l-aħħar tal-2018. Dan innota, “Il-kapaċità eċċessiva tal-produzzjoni tal-azzar – sfida globali li tkompli xxekkel is-settur – toħloq diffikultajiet sinifikanti għall-produtturi tal-azzar f’ekonomiji avvanzati, emerġenti u li qed jiżviluppaw bl-istess mod” (86).

(66)

L-effetti murija li dawn il-fatturi kienu kkawżaw fis-suq tal-Unjoni fil-forma ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet kienu spjegati fid-dettall fit-Taqsima 1.1 ta’ hawn fuq, kif ukoll fir-Regolament Definittiv. Peress li kienu mistennija li jibqgħu stabbiliti fil-futur qarib, l-effetti tagħhom kienu għalhekk mistennija li jkunu tal-istess natura u għalhekk, flimkien mal-miżura tat-Taqsima 232 tal-Istati Uniti jiġġeneraw żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet fl-Unjoni, bl-effetti negattivi li jirriżultaw fuq l-industrija tal-Unjoni, jekk ma tkun ġiet imposta l-ebda miżura ta’ salvagwardja.

(67)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn l-elementi se jkompli jkollhom rwol importanti fis-suq tal-azzar tal-Unjoni fil-futur qarib u għalhekk kienu pertinenti għall-analiżi ta’ theddida ta’ dannu serju.

1.2.6.   Prospettivi u previżjonijiet tas-suq

(68)

Matul il-perjodu analizzat kollu, il-konsum tal-azzar fis-suq tal-Unjoni żdied minn sena għal sena (87). Din ix-xejra ppermettiet lill-industrija tal-Unjoni, b’mod ġenerali, li żżid ukoll il-volum tal-bejgħ tagħha, u dan ippermettielha ttaffi, sa ċertu punt, l-effetti tal-pressjoni tal-importazzjoni li kienet soġġetta għaliha u murija mit-twaqqigħ persistenti tal-prezz u mit-telf kostanti tas-sehem mis-suq. Kif spjegat fit-Taqsima 1.2.1, fl-2017 din iż-żieda fil-bejgħ f’kuntest ta’ rkupru fil-prezzijiet (kemm f’termini ġenerali kif ukoll meta mqabbla mal-evoluzzjoni tal-kostijiet) ippermettiet lill-industrija tal-Unjoni tirkupra parzjalment minn prestazzjoni finanzjarja negattiva konsistenti fis-snin preċedenti. Fit-Taqsima 1.2.4, il-Kummissjoni osservat xejra ’l isfel fil-prezzijiet tal-azzar fl-Unjoni b’mod parallel ma’ żieda fil-prezzijiet tal-materja prima.

(69)

Imbagħad, il-Kummissjoni vvalutat il-prospettivi u l-previżjonijiet ekonomiċi għall-perjodu li jsegwi l-konklużjoni tal-investigazzjoni sabiex tivvaluta l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu serju, filwaqt li analizzat varjetà ta’ sorsi speċjalizzati tas-suq.

(70)

F’dan ir-rigward, is-sorsi indikaw b’mod konsistenti xenarju ta’ inċertezza u tnaqqis tad-domanda tal-azzar madwar id-dinja fil-futur qarib. Worldsteel Association innotat, “id-deċellerazzjoni fid-domanda tal-azzar se tkompli fl-2019 (…). Ebda ftehim fuq Brexit u gwerra kummerċjali joħolqu riskji” (88). Din fakkret ukoll, “Filwaqt li s-saħħa tal-irkupru tad-domanda tal-azzar li ġiet osservata fl-2017 ġiet trasferita għall-2018, ir-riskji żdiedu. It-tensjonijiet kummerċjali dejjem jiżdiedu u l-movimenti volatili tal-muniti qed iżidu l-inċertezza” (89).

(71)

L-OECD innotat “l-irkupru (tal-kundizzjonijiet tas-suq tal-azzar) jidher fraġli minħabba żbilanċi strutturali persistenti” (90). Sorsi oħrajn tas-suq bħal S&P Global Platts tennew dan is-sentiment ta’ inċertezza fil-Prospettiva tas-Suq Globali tagħha ta’ Diċembru 2018.

(72)

Barra minn hekk, il-Forum Globali dwar il-Kapaċità Eċċessiva tal-Azzar ikkonkluda f’Settembru 2018 “Filwaqt li l-kundizzjonijiet tas-suq tal-azzar urew xi rkupru ekonomiku fl-2017, ix-xejra sottostanti fid-domanda globali għall-azzar għadha dgħajfa u l-kapaċità eċċessiva għadha sinifikanti (91).”

(73)

Bl-istess mod, l-Eurofer (Assoċjazzjoni tal-Azzar tal-UE), innotat “(…) frizzjonijiet kummerċjali kontinwi mal-Istati Uniti, u tnaqqis tad-domanda globali, jissuġġerixxu li r-riskji esterni jistgħu jkomplu jiżdiedu, u dan iżid l-inċertezza u jwassal għal prospetti li qed jiddgħajfu għall-utenti tal-UE tal-azzar” (92).

(74)

Għalhekk, id-data analizzata minn varjetà ta’ sorsi wriet b’mod konsistenti li l-aspettattiva kienet li, fl-aħjar każ, isseħħ żieda żgħira fil-konsum tal-azzar għalkemm dan lanqas biss kien ċert minħabba li l-prospetti kienu qed imorru għall-agħar fost inċertezza dejjem tikber. Bħala riżultat, id-domanda globali staġnata għall-azzar tagħmilha saħansitra aktar probabbli li l-esportaturi tal-azzar ibigħu fis-suq attraenti tal-Unjoni.

Konklużjoni dwar it-theddida ta’ dannu serju

(75)

Id-data analizzata f’din it-Taqsima kkonfermat li l-importazzjonijiet x’aktarx li se jiżdiedu fil-volumi rilevanti u li għalhekk il-pressjoni tal-importazzjoni kienet se tkompli, kemm fuq il-volumi kif ukoll fuq il-prezzijiet, bħala riżultat tal-kapaċità żejda persistenti u ż-żieda fl-għadd ta’ miżuri tat-TDI f’pajjiżi terzi, li l-effetti tagħhom fuq l-esportazzjonijiet jibqgħu hemm. Barra minn hekk, l-effetti tat-Taqsima 232 tal-Istati Uniti x’aktarx jinħassu b’mod aktar qawwi hekk kif jgħaddu x-xhur, u b’hekk tiżdied aktar pressjoni fuq is-suq tal-Unjoni permezz ta’ riskju akbar ta’ devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali, li l-ewwel sinjali ta’ dan kienu diġà mmaterjalizzaw.

(76)

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni kkonfermat ukoll ix-xejriet opposti tal-prezzijiet tal-azzar u tal-materja prima fit-tieni nofs tal-2018, u l-prospettiva inċerta tas-suq għall-futur qarib.

(77)

Għaldaqstant, fid-dawl tal-elementi analizzati f’dan l-Anness, flimkien mas-sejbiet fl-eżami oriġinali, il-Kummissjoni kkonfermat li kien hemm theddida ta’ dannu serju u li dan id-dannu serju kien jimmaterjalizza li kieku l-Kummissjoni ma imponietx miżura ta’ salvagwardja definittiva.

1.3.   Obbligi li l-effett tagħhom irriżulta fiż-żieda fl-importazzjonijiet

(78)

L-Artikolu XIX:1(a) tal-GATT 1994 jistipula, fil-parti rilevanti: “jekk, b’riżultat … tal-effett tal-obbligi mġarrba minn [Membru] skont dan il-Ftehim, inklużi l-konċessjonijiet tariffarji, kwalunkwe prodott ikun qed jiġi importat fit-territorju ta’ dak [il-Membru] fi kwantitajiet akbar bħal dawn …”.

(79)

Il-prodott inkwistjoni jinkludi diversi linji tariffarji (93).

(80)

F’dawn il-linji tariffarji kollha, l-Unjoni Ewropea għandha, b’riżultat tal-konċessjonijiet tariffarji li saru f’sessjonijiet preċedenti ta’ negozjati kummerċjali multilaterali, l-impenji tariffarji li ġejjin (94):

—

0 % ad valorem

(81)

Dawn il-konċessjonijiet inkitbu, fiż-żmien tad-determinazzjoni tas-salvagwardja, fil-Parti I, it-Taqsima II tal-Iskeda ta’ Konċessjonijiet u Impenji tal-Unjoni Ewropea, iċċertifikata bħala Skeda UE CLXXIII – Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Diċembru 2016 (95), kif emendata. Fir-rigward tal-linji tariffarji ta’ hawn il-kolonna għal “dazji u imposti oħrajn” f’dik l-Iskeda kienet vojta.

(82)

B’riżultat ta’ dawn il-konċessjonijiet miktuba fl-Iskeda ta’ Konċessjonijiet u Impenji tal-Unjoni Ewropea, annessi mal-GATT u inkorporati skont l-Artikolu II:7 tal-GATT 1994, l-Unjoni Ewropea, fiż-żmien tad-determinazzjoni tas-salvagwardja, kellha obbligi mġarrba fl-ambitu tal-GATT 1994 b’mod partikolari kif ġej: l-Artikolu XI:1, li jipprojbixxi restrizzjonijiet mhux tariffarji fuq l-importazzjoni tal-prodotti elenkati hawn fuq, u, b’mod importanti, l-Artikolu II:1(a) u l-Artikolu II:1(b), l-ewwel u t-tieni sentenza, tal-GATT 1994. Skont l-Artikolu II:1(b), l-ewwel sentenza, l-UE ma hijiex permessa, fin-nuqqas ta’ eċċezzjoni applikabbli, li timponi dazji doganali ordinarji fuq il-prodott inkwistjoni li jaqbżu dawk stabbiliti u previsti fil-parti rilevanti tal-Iskeda ta’ Konċessjonijiet u Impenji tal-UE, jiġifieri r-rata tat-taxxa żero indikata hawn fuq għal kull waħda mil-linji tariffarji koperti. Fiż-żmien tad-determinazzjoni oriġinali tal-miżuri ta’ salvagwardja kif ukoll ta’ impożizzjoni tal-miżura ta’ salvagwardja definittiva, fl-UE kienet tapplika tariffa tal-importazzjoni ta’ 0 % fuq il-prodott kopert mis-salvagwardja. Fi kliem ieħor, għal dazji doganali ordinarji, dawn it-tariffi applikati kienu diġà l-massimu permess skont l-Artikolu II:1(a) u l-Artikolu II:1(b), l-ewwel sentenza, tal-GATT 1994. Fir-rigward ta’ dazji jew imposti oħrajn, ma kienet teżisti l-ebda flessibbiltà skont it-tieni sentenza tal-Artikolu II:1(b), għall-introduzzjoni ta’ dazji jew imposti addizzjonali minbarra d-dazji doganali ordinarji.

(83)

Il-prodott soġġett għas-salvagwardja kien qed jiġi importat fi kwantitajiet akbar (kif stabbilit fis-salvagwardja definittiva) bħala riżultat tal-obbligi ta’ hawn fuq imwettqa skont il-GATT 1994 (l-Artikolu XI:1, l-Artikolu II:1(a) u II:1(b), l-ewwel u t-tieni sentenzi, tal-GATT 1994), minħabba li dawk l-obbligi, flimkien mal-konċessjonijiet tariffarji li l-Unjoni Ewropea għamlet fiċ-ċikli suċċessivi ta’ negozjati kummerċjali multilaterali, tejbu u żguraw il-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-suq għall-importazzjonijiet tal-prodott soġġett għas-salvagwardja fis-suq tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, l-impenji tariffarji tal-Unjoni Ewropea msemmija hawn fuq irriżultaw fiż-żieda fl-importazzjonijiet u ma taw l-ebda flessibbiltà lill-UE biex iżżid id-dazji doganali ordinarji minflok ma tintroduċi miżura ta’ salvagwardja. Dan jispjega fl-istess ħin kif l-obbligi inkwistjoni rriżultaw fiż-żieda fl-importazzjonijiet li heddew li jikkawżaw dannu serju.

(84)

L-obbligi tal-GATT speċifikati fl-istess ħin żammew lill-UE milli żżid id-dazji tal-importazzjoni applikati fuq il-prodott inkwistjoni. Għalhekk, dawn kienu l-“obbligi tal-GATT 1994” tal-Unjoni Ewropea “[li] [illimitaw] il-kapaċità tagħha li tipprevjeni jew tirrimedja d-dannu minn żieda fl-importazzjonijiet”. Fl-istess ħin, l-Unjoni Ewropea “tissospendi [issospendiet] lil dawk l-obbligi bħala riżultat” tal-miżura ta’ salvagwardja tagħha.
”

(1)  Ara l-premessa (35) tar-Regolament Provviżorju, u t-Taqsima 4 tar-Regolament Definittiv.

(2)  Ara l-OECD, Recent Developments in Steel Trade and Trade Policy Measures, DSTI/SC(2018)3, p. 9, Tabella 3.

(3)  Sors: il-kalkoli tad-DĠ KUMMERĊ dwar id-data tal-Global Trade Atlas (https://ihsmarkit.com/index.html)– data mhux ipproċessata disponibbli mal-abbonament – perjodu analizzat: 2014-2017. Għad-dettalji ara n-Nota mal-fajl bid-data 30.11.2022, it-Tabella 1.

(4)   Ibid.

(5)  Dawn il-pajjiżi kienu: iċ-Ċina, l-Indja, ir-Russja, il-Korea t’Isfel, it-Tajwan, it-Turkija u l-Ukrajna, u rrappreżentaw madwar 75 % tal-importazzjonijiet totali fl-Unjoni fl-2018.

(6)  Id-data għas-sena sħiħa tal-2018 estrapolata abbażi tad-data disponibbli għall-perjodu bejn Jannar u Novembru 2018.

(7)  Sors: Global Trade Atlas (https://ihsmarkit.com/index.html) – disponibbli mal-abbonament.

(8)  Ara l-premessa (32) tar-Regolament Provviżorju.

(9)  Ara l-premessi (31) u (32) tar-Regolament Provviżorju, u l-premessi (51) sa (54) tar-Regolament Definittiv.

(10)  Ara l-OECD, Excess Capacity in the Global Steel Industry: The Current Situation and Ways Forward, 2015, p. 3.

(11)  Ara l-OECD, Evaluating the Financial Health of the Steel Industry, DSTI/SU/SC(2015)12/FINAL, id-9.6.2017, p. 25.

(12)  Disponibbli fuq: https://www.epi.org/publication/surging-steel-imports

(13)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment – “L-azzar: Iż-żamma tal-impjiegi sostenibbli u t-tkabbir fl-Ewropa”; COM(2016) 155 final, 16.3.2016.

(14)  Ara l-OECD, Excess Capacity in the Global Steel Industry: The Current Situation and Ways Forward, 2015, it-Tabella f’paġna 2.

(15)  Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kollu, l-importazzjonijiet żdiedu b’71 % filwaqt li l-konsum żdied b’14 %.

(16)  Speċifikament, it-twaqqigħ tal-prezz ġie stabbilit għal 17-il kategorija ta’ prodotti, b’meded ta’ bejn 1,2 % u 23 %.

(17)  Ara l-premessa (33) tar-Regolament Provviżorju.

(18)  Sors: WTO, Integrated Trade Intelligence Portal (I-TIP) - Estrazzjoni li saret fit-28.11.2018, 10:58.

(19)  Il-kopertura ta’ dawk il-prodotti tal-azzar fl-ambitu tal-miżura ta’ salvagwardja u l-esklużjoni tal-miżuri imposti mill-Unjoni Ewropea, u dawk imposti fuq l-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi tal-UE. Għal ħarsa ġenerali lejn il-miżuri TDI imposti mill-Unjoni Ewropea fuq kategoriji ta’ prodotti soġġetti wkoll għall-miżura ta’ salvagwardja ara l-Anness 1.B. tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1382 tat-2 ta’ Settembru 2019, li jemenda ċerti Regolamenti li jimponu miżuri anti-dumping jew anti-sussidji fuq ċerti prodotti tal-azzar soġġetti għal miżuri ta’ salvagwardja; ĠU L 227, 3.9.2019, p. 1.

(20)  Għal aktar dettalji dwar il-pajjiżi importaturi ewlenin tal-azzar fil-perjodu ta’ investigazzjoni, ara l-OECD Recent developments in steel trade and trade policy measures - A closer look at non-tariff trade measures, DSTI/SC(2018)3, tas-26.1.2018, paġna 9, Tabella 3. Disponibbli mil-link li ġejja. (https://one.oecd.org/document/DSTI/SC(2018)3/en/pdf)

(21)  Dawn il-pajjiżi kienu (elenkati b’mod alfabetiku): Iċ-Ċina (10 %), l-Indja (9 %), il-Korea (10 %), ir-Russja (14 %), it-Tajwan (5 %), it-Turkija (22 %), u l-Ukrajna (7 %). Dawn kienu jirrappreżentaw, bħala medja, madwar 75 % tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni fil-perjodu 2013-2017.

(22)  Ara l-Premessa (76) tas-sottomissjoni tal-EUROFER tas-16 ta’ April 2018 fl-investigazzjoni oriġinali, marbuta ma’ aktar informazzjoni granulari dwar kull waħda mill-miżuri kkunsidrati, ipprovduta fl-Anness A07 D.1. Sors tad-data: SBB Platts.

(23)  Ara d-data tas-CRU: il-konsum għas-snin 2017 u 2018 kien pjuttost stabbli (żieda ta’ madwar 2 % biss).

(24)  Ġiet osservata xejra simili meta ġie vvalutat l-impatt tal-miżuri tat-TDI fuq prodotti għajr l-azzar.

(25)  Madwar 15-il miljun tunnellata ta’ importazzjonijiet kombinati affettwati minn dawn il-miżuri, li minnhom, ftit aktar minn żewġ miljun tunnellati biss komplew jidħlu fis-suq wara l-miżuri. Għad-dettalji, ara n-Nota mal-Fajl, it-Tabella 2.

(26)  Ara n-Nota mal-Fajl bid-data 30 ta’ Novembru 2022, it-Tabella 3.

(27)  Sabiex tiġi imposta miżura tat-TDI, il-volumi kkonċernati minn kull investigazzjoni jeħtieġ li jkunu ogħla mil-limitu de minimis. Barra minn hekk, l-azzar normalment jiġi nnegozjat f’volumi pjuttost kbar kif jidher fl-eżempji mill-prattika tal-TDI tal-UE u mill-każijiet inklużi fil-kampjun ta’ miżuri tat-TDI f’pajjiżi terzi oħrajn.

(28)  Dawn il-pajjiżi kienu jirrappreżentaw b’mod konsistenti madwar 75 % tal-importazzjonijiet totali fl-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(29)  Sors: Għall-importazzjonijiet fl-Unjoni: il-Eurostat; għall-miżuri tat-TDI: WTO, Integrated Trade Intelligence Portal (I-TIP).

(30)  Għall-fini li tiġi spjegata r-rabta tat-Taqsima 232 tal-Istati Uniti u ż-żieda fl-importazzjonijiet, il-Kummissjoni f’dawk il-premessi tirreferi biss għad-data inkluża sa Ġunju 2018. Ir-raġuni hija li ż-żieda fl-importazzjonijiet ivvalutata fir-Regolament Definittiv tkopri sa dak ix-xahar.

(31)  Sors: GTA, esportazzjonijiet kumulati mit-Turkija, il-Korea, ir-Russja u t-Tajwan lejn l-Istati Uniti (grafika 2); u esportazzjonijiet kumulati mill-istess pajjiżi lejn l-Istati Uniti u l-Unjoni (grafika 3).

(32)  Ara l-Premessi (90) u (110) tar-Regolament Definittiv.

(33)  Ara l-Kumitat tal-Azzar tal-OECD – Recent developments in steel trade and trade policy measures, 17-18 ta’ Settembru, 2018, p. 8, it-Tabella 2 (li turi li fl-2018 l-Unjoni kienet qed tikkonsolida aktar il-pożizzjoni tagħha bħala l-pajjiż ewlieni li jimporta l-azzar madwar id-dinja).

(34)  Sors: Kalkoli tad-DĠ KUMMERĊ dwar id-data tal-Global Trade Atlas (https://ihsmarkit.com/index.html)– data mhux ipproċessata disponibbli mal-abbonament. Għad-dettalji ara n-Nota mal-fajl bid-data 30 ta’ Novembru 2022, it-Tabella 1.

(35)   Ibid.

(36)  L-impożizzjoni ta’ miżuri tat-TDI fuq xi kategoriji ta’ prodotti kkontribwiet ukoll għal dan it-titjib, iżda ir-rwol speċifiku tagħhom huwa analizzat fit-Taqsima 1.2.2.

(37)  Il-Premessa (53) tar-Regolament Provviżorju.

(38)  Ara t-Tabella 15 tar-Regolament Definittiv.

(39)  Dawn ix-xejriet ġew ivvalutati għall-prodott ikkonċernat, u mhux għal kategoriji ta’ prodotti individwali.

(40)  Abbażi ta’ paragun tas-snin kollha fil-perjodu analizzat.

(41)  Ara t-Tabella 4 tar-Regolament Definittiv.

(42)   Ibid.

(43)  Ara t-Tabella 5 tar-Regolament Definittiv.

(44)  Ara t-Tabella 4 tar-Regolament Definittiv.

(45)  Ara t-Tabella 2 tar-Regolament Definittiv.

(46)   Ibid.

(47)  Ara l-Anness III tar-Regolament Provviżorju.

(48)  Ara t-Tabella 7 tar-Regolament Definittiv.

(49)  Ara t-Tabella 5 tar-Regolament Definittiv.

(50)  Ara t-Taqsima 1.2.2. għall-ispjegazzjoni tar-rwol tal-miżuri reċenti tat-TDI fil-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-2017.

(51)  L-importazzjonijiet totali żdiedu b’madwar miljun tunnellata u s-sehem mis-suq tagħhom tela’ minn 17,9 % għal 18,1 % mill-2016 sal-2017, li huwa inqas miż-żidiet ta’ qabel sena wara sena kemm f’termini assoluti kif ukoll relattivi.

(52)  F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li, pereżempju, miżura tat-TDI imposta fl-2013 tkun wisq ’il bogħod biex tkun marbuta mal-prestazzjoni mtejba tal-Unjoni fl-2017, u għalhekk il-miżuri magħżula joffru bażi aktar preċiża u xierqa għall-analiżi.

(53)  F’xi każijiet, l-ambitu ta’ miżura tat-TDI fuq ċertu prodott, f’termini tal-kodiċijiet NM koperti, jista’ma jaqbilx kompletament mad-definizzjoni tal-prodott tal-kategorija tal-prodott korrispondenti skont il-miżura ta’ salvagwardja, għalhekk din il-valutazzjoni hija approssimazzjoni.

(54)  Dawn ir-referenzi għal dawn ir-regolamenti jappartjenu għar-regolamenti li jimponu miżura provviżorja, minħabba li għal skopijiet prattiċi, sakemm kien stabbilit dazju (provviżorju jew definittiv), ġie preżunt li għandha impatt simili fuq il-volumi nnegozjati. F’dawn il-każijiet kollha, l-investigazzjoni rriżultat fl-impożizzjoni ta’ miżura definittiva.

(55)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/501 tal-24 ta’ Marzu 2015 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-metall mgħattan mingħajr tisħin f’fuljetti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajwan, ĠU L 79, 25.3.2015, p. 23.

(56)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/181 tal-10 ta’ Frar 2016 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatt fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa; ĠU L 37, 12.2.2016, p. 1.

(57)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1778 tas-6 ta’ Ottubru 2016 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ĠU L 272, 7.10.2016, p. 33.

(58)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/113 tat-28 ta’ Jannar 2016 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ żbarri u vireg tal-azzar b’reżistenza għolja għar-reħi għar-rinfurzar tal-konkrit li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ĠU L 23, 29.1.2016, p. 16.

(59)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1777 tas-6 ta’ Ottubru 2016 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq importazzjonijiet ta’ ċerta pjanċa tqila tal-azzar mhux illigat jew azzar illigat ieħor li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ĠU L 272, 7.10.2016, p. 5.

(60)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/969 tat-8 ta’ Ġunju 2017 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/649 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ĠU L 146, 9.6.2017, p. 17.

(61)  Sors: Analiżi mid-DĠ KUMMERĊ tal-indikaturi tad-dannu ppubblikata fil-miżuri rilevanti u analiżi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju pprovduti mill-industrija tal-Unjoni għal kull kategorija ta’ prodott fil-qafas tal-investigazzjoni ta’ salvagwardja oriġinali. Għad-dettalji ara n-Nota mal-Fajl bid-data 30 ta’ Novembru 2022, it-Tabella 4.

(62)  Sors: Eurostat.

(63)  Is-somma tal-importazzjonijiet soġġetti għall-miżuri tat-TDI minn dawn l-investigazzjonijiet (għalkemm jikkonċernaw perjodi differenti ta’ investigazzjoni u snin differenti, eż. mill-2013 sal-2015) kienet ftit aktar minn 5 miljun tunnellati.

(64)  Sors: Analiżi tad-DĠ KUMMERĊ tal-każijiet tiegħu stess tat-TDI għall-volum tal-importazzjonijiet fil-perjodu ta’ investigazzjoni rilevanti, u l-Eurostat għaċ-ċifri tal-importazzjoni wara l-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ kull waħda minn dawn l-investigazzjonijiet għal din l-implimentazzjoni.

(65)  Il-kategoriji 1, 2, 7, 9, 12 u 13.

(66)  Il-kategoriji 1, 2 u 9.

(67)  Ara l-kategoriji 4, 8 u 14.

(68)  Ara l-kategoriji 5, 6, 15, 16 u 26

(69)  Ara l-kategoriji 3, 17, 18, 20, 21, 22, 23, 25 u 28.

(70)  Mill-inqas 15-il kategorija minn total ta’ 23 soġġetti għal miżura provviżorja (li għalihom ġiet ipprovduta diżaggregazzjoni fl-Anness III tar-Regolament Provviżorju.

(71)  Pereżempju, it-Turkija żiedet il-preżenza tagħha fis-suq tal-Unjoni fil-kategorija 1, fejn iċ-Ċina kienet soġġetta għal miżuri tat-TDI f’Ottubru 2016, minn 1 062 247 tunnellata fl-2016 għal 2 miljun tunnellati fl-2017 (u kważi 3 miljun tunnellati fl-2018). Bl-istess mod, l-Indja żdiedet minn 443 551 tunnellata għal 1 121 334 tunnellata fl-2017, jew l-Eġittu, minn 47 400 tunnellata fl-2016 għal 409 432 tunnellata fl-2017.

(72)  It-Taqsima 1.2.1. spjegat ir-raġunijiet għat-titjib ġenerali tal-industrija tal-Unjoni fir-rigward tal-prodott ikkonċernat.

(73)  Ara l-Premessi (57) sa (62), u t-Tabella 12 tar-Regolament Definittiv.

(74)  Sabiex dan il-volum jitqiegħed f’kuntest, kalkolu bażiku li jqis il-prezz medju tal-azzar fl-Unjoni fl-2017 juri li l-industrija tal-UE tista’ titlef valur ta’ madwar EUR 1,4 biljun f’bejgħ domestiku minħabba importazzjonijiet addizzjonali. B’hekk intwera li l-impatt potenzjali ta’ dan il-bejgħ addizzjonali kien rilevanti.

(75)  Filwaqt li ż-żieda fl-importazzjonijiet fl-Unjoni bejn l-2016 u l-2017 kienet ħafna iżgħar, madwar miljun tunnellata.

(76)  Ara wkoll il-Kumitat tal-Azzar tal-OECD – Recent developments in steel trade and trade policy measures, 17-18ta’ Settembru, 2018, p. 8, it-Tabella 2.

(77)  Fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miżura ta’ salvagwardja definittiva, l-erba’ miżuri tat-TDI li ġejjin bissli jaffettwaw l-importazzjonijiet fl-Unjoni kienu stabbiliti (tlieta kontra r-Russja u waħda kontra t-Tajwan): Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1795 tal-5 ta’ Ottubru 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mill-Brażil, l-Iran, ir-Russja u l-Ukrajna u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mis-Serbja, ĠU L 258, 6.10.2017, p. 24. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1328 tad-29 ta’ Lulju 2016 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Federazzjoni Russa, ĠU L 210, 4.8.2016, p. 1. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1469 tal-1 ta’ Ottubru 2018 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Russja u l-Ukrajna wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 246, 2.10.2018, p. 20. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1429 tas-26 ta’ Awwissu 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli rrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan, ĠU L 224, 27.8.2015, p. 10.

(78)  Sors: għall-importazzjonijiet mill-Istati Uniti (GTA); għall-importazzjonijiet tal-UE (Eurostat).

(79)  Is-suq tal-azzar tal-Istati Uniti kien fost l-aqwa destinazzjonijiet għall-importazzjoni skont id-daqs - Ara l-OECD, Recent Developments in Steel Trade and Trade Policy Measures, DSTI/SC(2018)3, p. 9, tabella 3.

(80)  Ara l-premessa (35) tar-Regolament Proviżorju: “L-Istati Uniti kkalkolaw li l-impożizzjoni ta’ tariffa waħda fuq il-prodotti kollha skont il-miżuri tat-Taqsima 232 bi kważi ebda esklużjoni ta’ pajjiżi għandha tnaqqas l-importazzjonijiet bi kważi 13-il miljun tunnellata – li jikkorrispondu għal 7 % tal-konsum tal-Unjoni.”

(81)  Ara l-Premessa (89) tar-Regolament Definittiv.

(82)  Sors: Eurostat għall-prezzijiet tal-importazzjoni u S&P Global Commodity Insights għall-prezzijiet ta’ galvanizzar f’banju sħun (HDG) u kojl illaminat bis-sħana (HRC).

(83)  Sors: S&P Global Commodity Insights.

(84)  Madwar 140 mill-investigazzjonijiet li wasslu għall-adozzjoni ta’ miżuri nbdew fis-sena 2015 jew aktar tard, u għalhekk id-durata tagħhom kienet mistennija li tkun implimentata, fil-prinċipju, mill-inqas sal-2021 (dan huwa, mill-inqas sentejn wara l-konklużjoni tal-investigazzjoni ta’ salvagwardja tal-UE). Sors: WTO, Integrated Trade Intelligence Portal (I-TIP).

(85)  Ara l-OECD, “Recent Developments in Steelmaking Capacity”, DSTI/SC(2018)2/FINAL: “l-informazzjoni aġġornata dwar proġetti ta’ investiment imħabbra tissuġġerixxi li bħalissa għaddejjin kważi 52 miljun tunnellata ta’ żidiet ta’ kapaċità grossa u dawn jistgħu jiġu introdotti matul il-perjodu ta’ tliet snin bejn l-2018 u l-2020. Bħalissa jinsabu fl-istadji ta’ ppjanar 39 miljun tunnellata addizzjonali ta’ żidiet fil-kapaċità għal bidu possibbli matul l-istess perjodu ta’ żmien”.

(86)  Il-Forum Globali dwar il-Kapaċità Eċċessiva tal-Azzar, Rapport Ministerjali, l-20.9.2018, paragrafu 2.

(87)  Regolament Definittiv, it-Tabella 4.

(88)  Ara Worldsteel Association – Global Steel Market Outlook – Laqgħa tal-Kumitat tal-Azzar tal-OECD, is-17 ta’ Settembru 2018.

(89)  Ara Worldsteel Association - Worldsteel Short Range Outlook October 2018, Stqarrija għall-Istampa.

(90)  Ara l-Iżviluppi tas-Suq tal-Azzar tal-OECD, il-85 Sessjoni tal-Kumitat tal-Azzar, Settembru 2018. Ara wkoll paġni 7 u 8 tal-Prospettiva Ekonomika Globali tal-OECD, is-17 ta’ Settembru 2018, li turi reviżjoni ’l isfel tal-aspettattivi tat-tkabbir (anke fl-Unjoni), u li “l-kummerċ globali naqas fost l-inċertezzi tal-politika kummerċjali li qed jikbru”.

(91)  Il-Forum Globali dwar il-Kapaċità Eċċessiva tal-Azzar, Rapport Ministerjali, l-20.9.2018, paragrafu 2.

(92)  Ara l-EUROFER – Economic and Steel Market Outlook 2018-2019, il-25 ta’ Ottubru 2018.

(93)  Ara l-Anness I tar-Regolament Definittiv.

(94)  Għal aktar dettalji ara n-Nota mal-fajl bid-data 30 ta’ Novembru 2022 it-Tabella 5.

(95)  Dokument tad-WTO WT/Let/1220.