|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2350 |
22.10.2026 |
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura, u għall-aċċess għal servizzi ta’ GOVSATCOM u ghas-servizzi governattivi tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura
L-UNJONI EWROPEA (minn hawn ’il quddiem l-“Unjoni”)
u
L-IŻLANDA,
minn hawn ’il quddiem imsejħa b’mod konġunt “il-Partijiet”,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fil-Programm Spazjali tal-Unjoni,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-obbligi tal-Partijiet skont id-dritt internazzjonali,
FILWAQT LI JFAKKRU fir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-“Regolament dwar l-Ispazju”) u fir-Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-“Regolament dwar il-Konnettività Sigura”),
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Iżlanda qed tikkontribwixxi b’mod finanzjarju għall-attivitajiet li jirriżultaw mill-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u mill-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura kif stabbilit f’deċiżjoni separata tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li temenda l-Protokoll 31, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet u fil-Protokoll 37 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea bħala bażi legali u istituzzjonali biex tissaħħaħ u titwessa’ l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Iżlanda fil-qasam tal-konnettività sigura,
FILWAQT LI JFAKKRU fil-Ftehim bejn l-Iżlanda u l-Unjoni Ewropea dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni”) li ġie ffirmat fit-12 ta’ Ġunju 2006 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2007,
FILWAQT LI JFAKKRU fl-Arranġamenti ta’ Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata skambjata bejn l-Iżlanda u l-Unjoni (minn hawn’ il quddiem imsejħa “l-Arranġamenti ta’ Sigurtà”), maqbula fit-22 ta’ Frar 2007,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/698 (3) tistabbilixxi r-responsabbiltajiet li għandhom jiġu eżerċitati mill-Kunsill u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà biex tiġi evitata theddida għas-sigurtà tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru wieħed jew aktar jew biex tiġi mitigata ħsara serja għall-interessi essenzjali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru wieħed jew aktar jew kull meta s-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha tista’ tiġi affettwata mill-operazzjoni tas-sistema jew mill-forniment tas-servizzi governattivi, u li għandha tapplika d-Deċiżjoni (PESK) 2021/698 kif stipulat fl-Artikolu 35 tar-Regolament dwar l-Ispazju u fl-Artikolu 31 tar-Regolament dwar il-Konnettività Sigura,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-interess tal-Iżlanda fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u fis-servizzi tal-Programm tal-Konnettività Sigura tal-Unjoni,
FILWAQT LI JIXTIEQU jistabbilixxu ftehim bilaterali dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Għan tal-Ftehim
1. Dan il-Ftehim jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u għall-aċċess tal-Iżlanda għal servizzi ta’ GOVSATCOM u għas-servizzi governattivi tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura.
2. L-Iżlanda għandha tkun Parteċipant tal-GOVSATCOM u Parteċipant tal-Unjoni għal Konnettività Sigura sa fejn tawtorizza lill-utenti tal-GOVSATCOM u lill-utenti tal-Unjoni għal Konnettività Sigura tal-kapaċitajiet governattivi, jew tipprovdi kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni bis-satellita, siti tas-segmenti terrestri jew parti mill-faċilitajiet tas-segmenti terrestri.
3. Id-drittijiet mogħtija skont dan il-Ftehim għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u għall-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura . Dan il-Ftehim ma għandu jagħti lill-Iżlanda l-ebda setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura.
4. Dan il-Ftehim ma jaffettwax il-qafas legali u l-istruttura istituzzjonali tal-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura stabbiliti bid-dritt tal-Unjoni, l-atti rilevanti tal-Unjoni inkorporati fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew il-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Ftehim ma jaffettwax il-liġijiet, ir-regolamenti u l-politiki applikabbli tal-Unjoni li jimplimentaw l-impenji ta’ nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-esportazzjoni għal oġġetti b’użu doppju.
5. L-Unjoni għandha tkun is-sid tal-assi tanġibbli u intanġibbli kollha li jiffurmaw parti mill-infrastruttura governattiva żviluppata skont il-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u skont il-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura, kif previst fl-Artikoli 5(2) u 19(2) tar-Regolament dwar il-Konnettività Sigura.
6. Dan il-Ftehim ma għandu jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-ebda waħda mill-Partijiet skont kwalunkwe ftehim internazzjonali ieħor.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“token” tfisser l-unità użata għall-ħlas jew għall-kumpens għas-servizzi tal-GOVSATCOM, kif definit fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1055 (4); |
|
(2) |
“kontroll” tfisser il-kapaċità li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq entità legali b’mod dirett jew indirett permezz ta’ entità legali intermedja waħda jew aktar; |
|
(3) |
“struttura maniġerjali eżekuttiva” tfisser il-korp ta’ entità ġuridika li jinħatar f’konformità mad-dritt nazzjonali, u li, meta applikabbli, jirrapporta lill-uffiċjal kap eżekuttiv jew lil kwalunkwe persuna oħra b’setgħa deċiżjonali komparabbli, u li jkollu s-setgħa jistabbilixxi l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni ġenerali tal-entità ġuridika, u li jissorvelja u jimmonitorja t-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-immaniġġjar; |
|
(4) |
“pajjiż terz” tfisser kwalunkwe pajjiż li mhuwiex l-Iżlanda jew kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni jew kwalunkwe Stat taż-ŻEE-EFTA ieħor li jipparteċipa, kif rilevanti, fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni jew fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura; |
|
(5) |
“komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni” jew “GOVSATCOM” tfisser il-komponent tal-GOVSATCOM stabbilit bir-Regolament dwar l-Ispazju; |
|
(6) |
“Parteċipant tal-GOVSATCOM” tfisser parteċipant skont it-tifsira tal-Artikolu 68 tar-Regolament dwar l-Ispazju; |
|
(7) |
“Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura” tfisser il-programm stabbilit bir-Regolament dwar il-Konnettività Sigura; |
|
(8) |
“Parteċipant tal-Unjoni għal Konnettività Sigura” tfisser parteċipant skont it-tifsira tal-Artikolu 11 tar-Regolament dwar il-Konnettività Sigura. |
Artikolu 3
Ambitu tal-Kooperazzjoni
Dan il-Ftehim jirregola l-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u l-aċċess tal-Iżlanda għal servizzi ta’ GOVSATCOM u għas-servizzi governattivi tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura.
Artikolu 4
Parteċipazzjoni fil-GOVSATCOM u fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura
L-Iżlanda għandha tkun Parteċipant tal-GOVSATCOM u Parteċipant tal-Unjoni għal Konnettività Sigura skont it-tifsira tal-Artikolu 68 tar-Regolament dwar l-Ispazju u tal-Artikolu 11 tar-Regolament dwar il-Konnettività Sigura fis-sens li tawtorizza lill-utenti tas-servizzi tal-GOVSATCOM jew tas-servizzi governattivi tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura jew tipprovdi kapaċitajiet, siti jew faċilitajiet.
Il-prijoritizzazzjoni tas-servizzi koperti minn dan il-Ftehim bejn l-utenti awtorizzati mill-Iżlanda għandha tiġi ddeterminata u implimentata mill-Iżlanda.
Artikolu 5
Awtorità kompetenti tal-konnettività sigura
L-Iżlanda għandha taħtar awtorità kompetenti tal-konnettività sigura.
L-awtorità kompetenti tal-konnettività sigura għandha tiżgura li:
|
(a) |
l-użu tas-servizzi koperti minn dan il-Ftehim ikun konformi mar-rekwiżiti ġenerali tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament dwar l-Ispazju u fl-Artikolu 30(3) tar-Regolament dwar il-Konnettività Sigura; |
|
(b) |
id-drittijiet ta’ aċċess għas-servizzi koperti minn dan il-Ftehim ikunu ddeterminati u mmaniġġjati; |
|
(c) |
it-tagħmir tal-utent meħtieġ għall-użu tas-servizzi koperti minn dan il-Ftehim u l-konnessjonijiet u l-informazzjoni ta’ komunikazzjoni elettronika assoċjati jintużaw u jiġu mmaniġġjati f’konformità mar-rekwiżiti ġenerali tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament dwar l-Ispazju u fl-Artikolu 30(3) tar-Regolament dwar il-Konnettività Sigura; |
|
(d) |
jiġi stabbilit punt ċentrali ta’ kuntatt biex jassisti kif meħtieġ fir-rapportar tar-riskji u tat-theddid għas-sigurtà, b’mod partikolari fid-detezzjoni ta’ interferenza elettromanjetika potenzjalment dannuża li taffettwa s-servizzi skont il-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura. |
Artikolu 6
Servizzi governattivi
1. Is-servizzi koperti minn dan il-Ftehim għandhom jiġu pprovduti lill-parteċipanti msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim f’konformità mar-regoli stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1053 (5) u fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1055.
2. L-aċċess għal servizzi ta’ GOVSATCOM u għas-servizzi governattivi tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għandu jkun soġġett għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu tagħhom f’konformità ma’ dan l-Artikolu.
3. L-entitajiet li ġejjin jistgħu jiġu awtorizzati bħala utenti tas-servizzi tal-GOVSATCOM u tas-servizzi governattivi tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura:
|
(a) |
awtorità pubblika Iżlandiża jew korp inkarigat bl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika fl-Iżlanda; kif ukoll |
|
(b) |
persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi f’isem u taħt il-kontroll ta’ entità msemmija fil-punt (a). |
4. L-utenti tas-servizzi tal-GOVSATCOM u tas-servizzi governattivi tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu awtorizzati kif xieraq mill-Iżlanda biex jużaw dawk is-servizzi u għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ġenerali tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament dwar l-Ispazju u fl-Artikolu 30(3) tar-Regolament dwar il-Konnettività Sigura.
Artikolu 7
Fornituri ta’ kapaċitajiet u ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni bis-satellita
L-Unjoni tista’ takkwista kapaċitajiet u servizzi ta’ komunikazzjoni bis-satellita skont il-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni pprovduti mill-entitajiet li ġejjin:
|
(a) |
l-Iżlanda, bħala Parteċipant tal-GOVSATCOM imsemmi fl-Artikolu 68 tar-Regolament dwar l-Ispazju; kif ukoll |
|
(b) |
il-persuni ġuridiċi Iżlandiżi akkreditati kif xieraq biex jipprovdu kapaċitajiet jew servizzi ta’ komunikazzjoni bis-satellita f’konformità mal-proċedura ta’ akkreditazzjoni tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 37 tar-Regolament dwar l-Ispazju, li għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ġenerali tas-sigurtà għall-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament dwar l-Ispazju. |
Is-sistema li twassal dawk il-kapaċitajiet u s-servizzi għandha titqies bħala sistema li twassal servizzi governattivi jekk tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2(2a) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1054 (6). Għall-fini tal-applikazzjoni ta’ dak l-Artikolu, “Stat Membru” għandu jinftiehem bħala “Stat Membru jew l-Iżlanda”.
Artikolu 8
Kapaċitajiet rilevanti għas-servizzi
Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiddefinixxi l-għadd totali ta’ tokens li għandhom jiġu distribwiti għall-perjodi programmatiċi li ġejjin filwaqt li tqis il-baġit disponibbli u l-kundizzjonijiet tal-kuntratti u l-ftehimiet konklużi mal-fornituri tar-riżorsi.
L-Iżlanda għandha tirċievi perċentwal, f’tokens, tas-sehem totali tal-Istati Membri stabbilit fid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1053 u (UE) 2023/1055.
Artikolu 9
Kopertura Artika msaħħa
L-infrastruttura governattiva tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura tista’ tinkludi elementi addizzjonali biex tissaħħaħ il-kopertura ta’ latenza baxxa fuq ir-reġjun tal-Artiku.
Kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali meħtieġa għat-tfassil, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-isfruttament ta’ tali elementi għandha tiġi stabbilita permezz ta’ deċiżjoni tal-kumitat konġunt imsemmi fl-Artikolu 18 li temenda dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 18(4) u implimentata f’konformità mal-Artikolu 12.
Artikolu 10
Kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà u ta’ parteċipazzjoni għall-entitajiet Iżlandiżi
L-Artikolu 24 tar-Regolament dwar l-Ispazju u l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar il-Konnettività Sigura rigward il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà u ta’ parteċipazzjoni skont il-programmi għandhom japplikaw għal dan il-Ftehim.
Meta l-Kummissjoni Ewropea tiddeċiedi dwar eżenzjoni f’konformità mal-Artikolu 24(3) tar-Regolament dwar l-Ispazju mingħajr ma tuża d-deroga stabbilita fl-aħħar subparagrafu ta’ dak il-paragrafu, entità ġuridika eliġibbli għandha tikkonforma mal-kundizzjonijiet parteċipanti li ġejjin:
|
(a) |
l-entità ġuridika eliġibbli tkun stabbilita fl-Iżlanda u l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħha jkunu stabbiliti fl-Iżlanda, jew fi Stat Membru tal-Unjoni, jew fi kwalunkwe Stat taż-ŻEE-EFTA ieħor li jipparteċipa, kif rilevanti, fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni jew fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura; |
|
(b) |
l-entità ġuridika eliġibbli timpenja ruħha li twettaq l-attivitajiet rilevanti kollha fl-Iżlanda jew fi Stat Membru tal-Unjoni jew fi kwalunkwe Stat taż-ŻEE-EFTA ieħor li jipparteċipa, kif rilevanti, fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni jew fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura; u |
|
(c) |
l-entità ġuridikai eliġibbli ma tkunx soġġetta għal kontroll minn pajjiż terz jew minn entità ta’ pajjiż terz. |
Artikolu 11
Deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni
Id-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni rilevanti tal-Kummissjoni applikabbli għall-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u għall-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għandhom japplikaw għall-attivitajiet implimentati skont dan il-Ftehim.
Artikolu 12
Kontribuzzjoni addizzjonali
Skont dan il-Ftehim, l-Iżlanda tista’ toffri kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali biex tkopri elementi addizzjonali bil-kundizzjoni li tali elementi addizzjonali ma joħolqu ebda piż finanzjarju jew tekniku jew ebda dewmien fl-implimentazzjoni xierqa tal-komponent ikkonċernat. Tali kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali għandha tiġi stabbilita permezz ta’ deċiżjoni tal-kumitat konġunt imsemmi fl-Artikolu 18 li temenda dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 18(4) u għandha tintuża biex tiffinanzja l-element addizzjonali assoċjat f’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament dwar l-Ispazju u mal-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-Konnettività Sigura.
Artikolu 13
L-ispettru tar-radju
1. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fi ħdan l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT) rigward kwistjonijiet tal-ispettru li jikkonċernaw il-konnettività sigura Ewropea.
2. Fil-kuntest tal-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Partijiet għandhom jipproteġu l-allokazzjonijiet tal-frekwenzi meħtieġa għas-sistemi Ewropej ta’ konnettività sigura biex jiżguraw id-disponibbiltà tas-servizzi ta’ dawk is-sistemi għall-benefiċċju tal-utenti.
3. Barra minn hekk, il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-protezzjoni tal-ispettru tar-radju użat minn konnettività sigura mill-interruzzjoni u l-interferenza. Għal dak il-għan, għandhom jidentifikaw is-sorsi ta’ interferenza u jfittxu s-soluzzjonijiet aċċettabbli b’mod reċiproku sabiex jilqgħu kontra tali interferenza.
4. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jinftiehem bħala deroga mid-dispożizzjonijiet applikabbli tal-UIT, inkluż ir-Regolamenti tar-Radju tal-UIT.
Artikolu 14
Ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
L-Iżlanda għandha tagħti d-drittijiet neċessarji u l-aċċess meħtieġ biex l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw b’mod komprensiv il-kompetenzi rispettivi tagħhom. Fil-każ tal-OLAF, tali drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jsiru investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).
Artikolu 15
Sigurtà
1. Il-Partijiet għandhom jipproteġu s-sistemi ta’ konnettività sigura minn theddid bħall-użu ħażin, l-interferenza, it-tfixkil u l-atti ostili. Għaldaqstant, il-Partijiet għandhom jieħdu l-passi prattikabbli kollha biex jiżguraw il-kontinwità, is-sikurezza u s-sigurtà tas-servizzi tal-GOVSATCOM u tas-servizzi tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u l-infrastruttura u l-assi kritiċi relatati fit-territorji tagħhom.
2. Il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tiżviluppa miżuri biex tipproteġi minn theddid, tikkontrolla u timmaniġġja l-assi sensittivi, l-informazzjoni u t-teknoloġiji tal-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura.
3. L-Iżlanda għandha tadotta u tinforza fil-ħin, fil-ġuriżdizzjoni tagħha, miżuri li jipprovdu livell ekwivalenti ta’ sigurtà u ta’ sikurezza ekwivalenti għall- dawk applikabbli fl-Unjoni Ewropea.
Artikolu 16
Parteċipazzjoni fil-kumitati
Ir-rappreżentanti tal-Iżlanda għandhom jiġu mistiedna jipparteċipaw bħala osservaturi fil-kumitati u fil-gruppi ta’ ħidma stabbiliti għall-immaniġġjar, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet skont il-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura f’konformità mar-regoli u l-proċeduri rilevanti u mingħajr id-dritt tal-vot.
L-Iżlanda għandha tipparteċipa, mingħajr id-dritt tal-vot, fil-Bord ta’ Akkreditazzjoni tas-Sigurtà tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali stabbilita bir-Regolament dwar l-Ispazju, għall-partijiet rilevanti tal-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura. Il-parteċipazzjoni għandha tkun ristretta f’konformità mal-politika dwar il-ħtieġa ta’ tagħrif stabbilita għall-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u għandha tikkonforma mar-regoli ta’ proċedura tal-Bord ta’ Akkreditazzjoni tas-Sigurtà.
Artikolu 17
Miżuri ta’ salvagwardja
1. Wara konsultazzjoni mal-kumitat konġunt imsemmi fl-Artikolu 18, kull Parti tista’ tieħu miżuri ta’ salvagwardja adatti, inkluż is-sospensjoni ta’ dispożizzjoni waħda jew aktar ta’ dan il-Ftehim, jekk issib li l-Parti l-oħra tonqos milli tikkonforma mal-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim. Wara l-adozzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja, il-Partijiet għandhom jidħlu, mingħajr dewmien, f’konsultazzjonijiet reċiproċi fi ħdan il-kumitat konġunt sabiex jistabbilixxu mill-ġdid l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-Ftehim mill-aktar fis possibbli.
2. Il-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ żmien tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu limitati għal dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni u jiġi żgurat bilanċ ġust tad-drittijiet u l-obbligi skont dan il-Ftehim. Il-Partijiet għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom biex isolvu t-tilwima f’konformità mal-Artikolu 19.
Artikolu 18
Kumitat konġunt
1. Il-Partijiet b’dan jistabbilixxu kumitat konġunt li jikkonsisti minn rappreżentanti uffiċjali ta’ kull Parti li l-ħtieġa ta’ tagħrif tagħhom tkun stabbilita.
2. Il-kumitat konġunt għandu jissorvelja l-funzjonament ta’ dan il-Ftehim u jkun il-forum li fih il-Partijiet għandhom jiskambjaw fehmiet u informazzjoni dwar kwalunkwe kwistjoni mqajma minn kwalunkwe Parti fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
3. Il-kumitat konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Il-kumitat konġunt jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi sottokumitati biex jassistuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Il-kumitat konġunt għandu jistabbilixxi t-termini ta’ referenza ta’ dawk is-sottokumitati.
4. L-Artikoli 9 u 12 jistgħu jiġu emendati b’deċiżjoni adottata mill-kumitat konġunt. Tali emenda għandha tidħol fis-seħħ 30 jum mid-data tal-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.
5. Il-kumitat konġunt għandu jiltaqa’ tal-anqas darbtejn fis-sena u, meta meħtieġ, fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet.
6. Il-kumitat konġunt għandu jkun il-forum li fih jiġu indirizzati t-talbiet għal assistenza teknika mill-Iżlanda.
Artikolu 19
Soluzzjoni ta’ tilwim
Kwalunkwe soluzzjoni ta’ tilwim bejn il-Partijiet li tirriżulta mit-termini, l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew tkun relatata magħhom għandha tissolva biss permezz ta’ konsultazzjoni bejn il-Partijiet u ma għandha tiġi riferuta lil ebda tribunal nazzjonali jew internazzjonali jew lil ebda parti terza għas-soluzzjoni.
Artikolu 20
Dħul fis-seħħ, emendar u terminazzjoni
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri legali interni rispettivi tagħhom meħtieġa għall dak il-fini.
2. Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat bi ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet. Kwalunkwe emenda ta’ dan il-Ftehim għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri legali interni rispettivi tagħhom meħtieġa għall dak il-fini.
3. Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2027. Għandu jiġi estiż awtomatikament għal perjodi suċċessivi ulterjuri ta’ 10 snin, sakemm xi waħda mill-Partijiet ma tinnotifikax lill-Parti l-oħra bil-miktub bl-intenzjoni tagħha li ma testendix dan il-Ftehim mhux aktar tard minn 3 xhur qabel it-tmiem tat-terminu inizjali jew ta’ kwalunkwe perjodu sussegwenti ta’ 10 snin.
4. Kwalunkwe Parti tista’ tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub bl-intenzjoni tagħha li tittermina dan il-Ftehim. It-terminazzjoni għandha sseħħ 6 xhur wara d-data tal-wasla tan-notifika.
5. Wara tmiem it-terminu ta’ dan il-Ftehim skont il-paragrafu 3, jew it-terminazzjoni tiegħu skont il-paragrafu 4, dan għandu jiġi applikat mill-Partijiet għall-proġetti, l-azzjonijiet u l-attivitajiet kollha ffinanzjati skont il-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura jew dan il-Ftehim, sa tmiem l-arranġamenti kuntrattwali relatati ma’ dawk il-proġetti, l-azzjonijiet u l-attivitajiet.
6. Fil-każ li r-Regolament dwar l-Ispazju, ir-Regolament dwar il-Konnettività Sigura, jew waħda jew aktar mid-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni msemmija f’dan il-Ftehim jiġu emendati, imħassra jew riveduti b’xi mod ieħor, ir-referenzi f’dan il-Ftehim għar-Regolament dwar l-Ispazju, ir-Regolament dwar il-Konnettività Sigura jew id-deċiżjonijiet rilevanti ta’ implimentazzjoni, kif applikabbli, għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-att jew għall-atti emendati, imħassra jew riveduti b’xi mod ieħor.
Artikolu 21
Lingwi awtentiċi
Dan il-ftehim għandu jitfassal f’żewġ kopji oriġinali, bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża, Żvediża u Iżlandiża, u t-testi kollha huma ugwalment awtentiċi.
B’XHIEDA ta’ DAN, is-sottoskritti, li huma debitament awtorizzati sabiex jagħmlu dan, iffirmaw dan il-Ftehim.
(1) Ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u, (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (ĠU UE L 170, 12.5.2021, p. 69, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/696/oj).
(2) Ir-Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023–2027 (ĠU UE L 79, 17.3.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/588/oj).
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/698 tad-30 ta’ April 2021 dwar is-sigurtà tas-sistemi u s-servizzi skjerati, operati u użati taħt il-Programm Spazjali tal-Unjoni li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-Unjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/496/PESK (ĠU EU L 170, 12.5.2021, p. 178, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/698/oj).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1055 tat-30 ta’ Mejju 2023 li tistabbilixxi r-regoli dwar il-kondiviżjoni u l-prijoritizzazzjoni tal-kapaċitajiet tas-servizzi u tat-tagħmir tal-utenti ta’ komunikazzjoni bis-satellita biex tiġi ssodisfata l-funzjoni msemmija fl-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU UE L 141, 31.5.2023, p. 57; ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/1055/oj).
(5) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1053 tat-30 ta’ Mejju 2023 li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti operazzjonali għas-servizzi governattivi pprovduti fil-qafas tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u l-portafoll tas-servizzi tiegħu (ĠU EU L 141, 31.5.2023, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/1053/oj).
(6) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1054 tat-30 ta’ Mejju 2023 li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-portafoll tas-servizzi għas-servizzi ta’ Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita offruti mis-sistema stabbilita skont il-Programm Spazjali tal-Unjoni (ĠU UE L 141, 31.5.2023, p. 49, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/1054/oj).
(7) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU EU L 248, 18.9.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/883/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2026/2350/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)