Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
fuq il-programm Nazzjonali ta' Riforma tar-Rumanija għall-2015
u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tar-Rumanija tal-2015
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u partikolarment l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi. L-istrateġija tiffoka fuq il-punti ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni sabiex jissaħħaħ il-potenzjal tal-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u kompetittività.
(2)Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri. Flimkien dawn jagħmlu l-“linji gwida integrati” li l-Istati Membri ġew mistiedna jikkunsidraw fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.
(3)Fit-8 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tar-Rumanija għall-2014 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Konverġenza aġġornat tar-Rumanija għall-2014.
(4)Fit-28 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2015. Fl-istess ġurnata abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih ir-Rumanija ġiet identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li se ssirilhom analiżi fil-fond.
(5)Fit-18 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex tingħata spinta lill-investiment, biex b'hekk kienu aċċellerati r-riformi strutturali u tkompliet it-triq lejn konsolidazzjoni fiskali responsabbli li tiffavorixxi t-tkabbir.
(6)Fis-26 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż tal-2015 għar-Rumanija. Dan ivvaluta l-progress li għamlet ir-Rumanija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fit-8 ta’ Lulju 2014. Ir-rapport tal-pajjiż jinkludi wkoll ir-riżultati tal-analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha għall-konklużjoni li r-Rumanija qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi li jirrikjedu azzjoni politika u monitoraġġ. Fit-tliet programmi UE-FMI konsekuttivi, l-iżbilanċi esterni u interni tnaqqsu b'mod sinifikanti. Madankollu, ir-riskji mill-pożizzjoni ta' investiment internazzjonali netta negattiva relattivament kbira tar-Rumanija u kapaċità ta' esportazzjoni fit-terminu medju dgħajfa jistħoqqilhom l-attenzjoni. Għad hemm vulnerabilitajiet esterni u interni fis-settur bankarju.
(7)Fit-30 ta' April 2015, ir-Rumanija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma għall-2015 tagħha u l-Programm ta' Konverġenza tal-2015 tagħha. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew eżaminati fl-istess żmien.
(8)Fit-22 ta' Ottubru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/531/UE, fejn impenja ruħu li jipprovdi assistenza finanzjarja ta’ terminu medju ta' sa EUR 2 biljun lir-Rumanija, tul il-perjodu sa Settembru 2015. L-assistenza hija bil-kundizzjoni tal-implimentazzjoni ta' politika ekonomika komprensiva. Filwaqt li, bil-kundizzjonijiet tas-suq preżenti, ir-Rumanija mhix beħsiebha titlob l-iżborż ta' ebda ħlas parzjali, l-assistenza prekawzjonarja hija mistennija li tgħin il-konsolidazzjoni tal-istabilità makroekonomika, baġitarja u finanzjarja u, bl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali, iżżid il-potenzjal għat-tkabbir u r-reżiljenza tal-ekonomija. Ladarba r-Rumanija toħroġ mill-programm, tkun riintegrata bis-sħiħ fil-qafas tas-Semestru Ewropew.
(9)Ir-Rumanija bħalissa qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Konverġenza, ir-Rumanija talbet devjazzjoni temporanja ta' 0.5% tal-PDG mill-perkors ta’ aġġustament meħtieġ għall-objettiv ta' terminu medju minħabba pjanijiet għal riformi strutturali. Peress li l-Programm ma pprovdiex informazzjoni dettaljata biżżejjed dwar il-pjanijiet ta' riformi strutturali, il-Kunsill mhux fil-pożizzjoni li jivvaluta l-plawżibbiltà tagħhom. Ir-Rumanija talbet ukoll l-applikazzjoni tal-klawżola ta' riforma tal-pensjonijiet. L-eliġibilità tar-riforma hija suġġetta għal konferma mill-Eurostat. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2015 tal-Kummissjoni, id-defiċit strutturali previst ta' 3.4% tal-PDG fl-2016 ma jiżgurax marġni ta’ sigurtà xierqa fir-rigward tal-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 3% tal-PDG. Għalhekk, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li r-Rumanija ma tissodisfax ir-rekwiżiti biex tibbenefika mid-devjazzjoni temporanja meħtieġa fl-2016.
(10)Fil-Programm ta' Konverġenza tal-2015 tiegħu, il-gvern qed jippjana li jżomm id-defiċit nominali f'1,5 % tal-PDG fl-2015 u li jnaqqsu għal 0,8 % tal-PDG fl-2018. Il-gvern qed jippjana li jilħaq l-objettiv ta' terminu medju – defiċit strutturali ta' 1,0 % tal-PDG – mill-2016 'il quddiem. Skont il-Programm ta' Konverġenza, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG huwa mistenni li jilħaq il-livell massimu tiegħu b'40,1% fl-2015 u li minn hemm jibda jonqos gradwalment għal 37,1% fl-2018. Ix-xenarju makroekonomiku li huwa l-bażi ta' dawn il-previżjonijiet baġitarji huwa favorevoli ħafna.Miżuri importanti li jżidu d-defiċit approvati mill-gvern fil-25 ta' Marzu u mis-senat fis-27 ta' April li ġew ikkunsidrati fit-tbassir tar-rebbiegħa tal-2015 tal-Kummissjoni, mhumiex inklużi fil-Programm ta' Konverġenza, filwaqt li dan hu meħtieġ mill-Kondotta tal-Kondotta. Il-miżuri meħtieġa għall-appoġġ tal-miri tad-defiċit ippjanati mill-2016 'il quddiem ma ġewx speċifikati biżżejjed. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2015 tal-Kummissjoni, fl-2015 il-bilanċ strutturali huwa mbassar li jiddevja b'0,3% tal-PDG mill-objettiv ta' terminu medju. Dan jaqbeż kemm kemm id-devjazzjoni ta' 0,25% tal-PDG konċessa mill-programm tal-Bilanċ tal-Ħlasijiet bil-kundizzjoni li l-kofinanzjament tal-proġetti ffinanzjati mill-UE jkun konformi ma dak li kien previst fil-baġit. Id-devjazzjoni mistennija ssir sinifikanti fl-2016 b'2,4% tal-PDG, filwaqt li huwa meħtieġ aġġustament ta' 0,3% tal-PDG. Għalhekk, se jkun hemm bżonn ta' miżuri ulterjuri fl-2015 u l-2016. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Konverġenza u wara li kkunsidra t-tbassir tar-rebbiegħa tal-2015 tal-Kummissjoni, il-Kunsill hu tal-opinjoni li r-Rumanija mhix se tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.
(11)Il-qafas fiskali tar-Rumanija huwa fil-biċċa l-kbira tajjeb imma mhux applikat b'mod effettiv. Ix-xejriet demografiċi fit-terminu medju u fit-terminu twil u livell baxx ta' żvilupp tas-suq tax-xogħol jista' jipperikola s-sostenibilità fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet. Ir-riforma tal-pensjonijiet varata fl-2010 diġà ġabet magħha xi titjib, imma l-liġi għall-ugwaljanza tal-età statutorja tal-irtirar għall-irġiel u n-nisa mill-2035, proposta mill-gvern f'Diċembru 2013, għadha ma ġietx adottata mill-kamra inferjuri tal-Parlament.
(12)It-tnaqqis reċenti fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali naqqas il-porzjon ta' taxxa fuq ix-xogħol, imma b'mod bla mira. Il-porzjon ta' taxxa għal nies bi dħul baxx għadu għoli (40%) meta mqabbel mal-pajjiżi Ewropej l-oħrajn. L-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa jibqgħu sfida ewlenija u jnaqqsu d-dħul mit-taxxa. L-ewwel passi ttieħdu f'dik li mistennija tkun riorganizzazzjoni kontinwa tal-amministrazzjoni tat-taxxa Rumena. Proġett pilota ta' konformità li jimmira lejn ix-xogħol mhux iddikjarat, il-pagi sottoddikjarati u l-evażjoni tat-taxxa kien implimentat f'żewġ reġjuni fl-2014, u għandu jespandi iktar fl-2015. Il-livell ta' tassazzjoni ambjentali żdied fl-2014 u ġie eqreb il-medja tal-UE.
(13)Filwaqt li kien hemm xi titjib fl-2014, ir-rati tal-impjiegi u tal-attivitajiet għadhom partikolarment baxxi fost in-nisa, iż-żgħażagħ, il-ħaddiema avvanzati fl-età u r-Rom. Politiki attivi fis-suq tax-xogħol ġew riveduti, imma l-parteċipazzjoni kumplessiva fil-miżuri attivi fis-suq tax-xogħol u l-iffinanzjar għalihom għadhom baxxi, partikolarment għat-taħriġ vokazzjonali, l-iskemi li jwasslu għar-rikonoxximent ta' tagħlim preċedenti, inċentivi ta' mobilità, u miżuri li għandhom fil-mira l-qgħad fit-tul. Ir-Rumanija ħadet passi biex tindirizza l-qgħad fost iż-żgħażagħ, b'mod partikolari permezz tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, imma kien hemm dewmien fl-implimentazzjoni. Ma sar l-ebda progress fl-iffissar ta' linji gwida trasparenti għall-iffissar tal-paga minima. Sabiex ikun jista' jkun hemm servizzi personalizzati u riżultati iktar koerenti fost il-gruppi fil-mira, is-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi jkollu jżid il-kapaċità, b'mod partikolari f'termini ta' persunal, u qafas tar-riżultati integrat għall-miżuri kkofinanzjati permezz tal-fondi Stutturali u ta' Investiment Ewropej.
(14)Ir-Rumanija tiffaċċa bosta sfidi fil-qasam tal-edukazzjoni: ir-rata tal-abbandun bikri mill-iskola tibqa' ferm ogħla mill-medja tal-UE; id-disponibilità u l-aċċess għal edukazzjoni u servizzi tal-indukrar ta' tfal żgħar huma limitati, speċjalment fiż-żoni rurali u għall-komunità tar-Rom; il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja għadha ferm iktar baxxa mill-medja tal-UE; il-kwalità u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni għolja hija inadegwata; u r-rata milħuqa fl-edukazzjoni terzjarja għadha t-tieni l-iżgħar fl-UE. Ir-Rumanija bdiet tindirizza dawn l-isfidi, bi gradi differenti ta' progress f'oqsma differenti, u, sal-lum, bi ftit effett aħħari viżibbli. Kien hemm dewmien sinifikanti fl-adozzjoni tal-istrateġija nazzjonali għat-tnaqqis tal-abbandun bikri mill-iskola. Tfassal programm nazzjonali għall-edukazzjoni u l-indukrar ta' tfal żgħar għall-perjodu 2014-2019 u li se jidħol fis-seħħ fis-sena skolastika l-ġdida 2015-2016. L-istrateġija nazzjonali għat-tagħlim tul il-ħajja ġiet ittardjata. Ġiet abbozzata strateġija dwar l-edukazzjoni terzjarja li l-għan tagħha huwa li tiżdied ir-rilevanza tal-edukazzjoni għolja billi tiġi allinjata iktar mill-qrib mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol u li titjieb l-aċċessibilità tal-edukazzjoni għolja għall-gruppi żvantaġġati. Ġew implimentati miżuri li jtejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-iskemi tal-apprendistat.
(15)Is-sistema tal-kura tas-saħħa Rumena hija kkaratterizzata minn riżultati ħżiena fit-trattamenti, aċċessibilità ġeografika u finanzjarja ħażina, ftit finanzjament u użu ineffiċjenti tar-riżorsi. Hemm ħafna dipendenza fuq is-servizzi in-patient u s-sistema tbati min-netwerk ineffiċjenti u estensiv tal-isptarijiet, in-netwerks ta' konsultazzjoni dgħajfa u frammentati u l-proporzjon żgħir ta' nfiq dirett lejn il-kura tas-saħħa primarja. Barra minn hekk, l-użu mifrux ta' pagamenti informali fis-sistema pubblika tal-kura tas-saħħa kompla jnaqqas l-aċċessibilità, l-effiċjenza u l-kwalità tas-sistema. Bosta miżuri u riformi tal-kura tas-saħħa li ġew introdotti naqqsu d-diskrepanza tal-finanzjament u tejbu l-istandard u l-effiċjenza tas-servizzi. L-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa 2014-2020, li tistabbilixxi l-bażi strateġika għar-riformi fis-settur tas-saħħa, kienet approvata f'Diċembru 2014 u issa trid tiġi implimentata. Il-Ministeru tas-Saħħa u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa qed jikkunsidraw bosta miżuri li jtejbu s-sistema għall-iffinanzjar tal-kura tas-saħħa.
(16)It-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali għadha sfida ewlenija għar-Rumanija. Għalkemm qed tonqos, ir-rata ta' nies fir-riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali għadha għolja b'40% fl-2013, ferm ogħla mill-medja tal-UE. L-effikaċja tat-trasferimenti soċjali (esklużi l-pensjonijiet) fit-tnaqqis tal-faqar tidher li hi limitata, u hija partikolarment baxxa fil-każ tat-tfal. It-trasferimenti soċjali mhumiex adegwatament marbuta mal-miżuri ta' attivazzjoni. L-implimentazzjoni tar-riforma tal-assistenza soċjali tal-2011 għadha lura. L-adozzjoni tal-istrateġija għall-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar u l-pjanijiet ta' azzjoni assoċjati ġew posposti. Kien hemm progress limitat fl-introduzzjoni tad-dħul minimu ta' inserzjoni, li jissemplifika l-assistenza soċjali bil-kumbinazzjoni ta' tliet trasferimenti soċjali eżistenti. Liġi dwar l-ekonomija soċjali maħsuba biex issaħħaħ ir-rabta bejn it-trasferimenti soċjali u l-miżuri ta' attivazzjoni ġiet adottata mill-gvern fl-2013, imma għadha tiġi diskussa fil-Parlament. Kienu ftit il-miżuri effettivi meħuda għall-integrazzjoni tal-popolazzjoni Rom. Madankollu, ġiet adottata strateġija riveduta għall-integrazzjoni tar-Rom wara xi dewmien f'Jannar 2015, imma l-implimentazzjoni għadha lura.
(17)[Il-kapaċità amministrattiva tar-Rumanija hija baxxa, frammentata u kkaratterizzata minn delegazzjoni mhux ċara tar-responsabilitajiet u minħabba f'hekk hija żżomm lura l-kompetittività tal-ekonomija. L-għeruq tad-dgħufijiet strutturali ġew identifikati, u f'Ottubru 2014 ġiet adottata strateġija li tittratta l-isfidi fl-amministrazzjoni pubblika u fil-koordinament u l-prijoritizzazzjoni politiċi, flimkien ma' pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tagħha tul il-perjodu 2014-2020. Madankollu l-implimentazzjoni ġiet ittardjata konsiderevolment. Irregolaritajiet fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku rriżultaw f'dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' fondi tal-UE. Dawn iħallu impatt negattiv fuq l-ambjent tan-negozju u jżommu lura l-investiment tant meħtieġ fl-infrastruttura.]
(18)Sar xi progress biż-żieda fl-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha, u l-iżgurar tal-implimentazzjoni effettiva tad-deċiżjonijiet tal-qorti. Madankollu, l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qorti għadha dgħajfa f'ħafna każijiet u sar progress limitat fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli baxxi. Dawn l-oqsma politiċi importanti se jkunu koperti mill-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika.
(19)Kumpaniji Statali jbatu minn produttività inadegwata, jikkontribwixxu lejn in-nuqqas ta' likwidità fl-ekonomija, huma ta' piż fuq il-baġit tal-amministrazzjoni pubblika — bħala obbligazzjonijiet kontinġenti —, u huma responsabbli għal 50% tal-arretrati tat-taxxa tal-kumpaniji kollha kkombinati. Il-governanza korporattiva hija fattur kritiku li jiddetermina l-prestazzjoni ta' kumpaniji statali. L-istruttura tal-governanza attwali ma tipprevjenix l-interferenza politika fil-ġestjoni ta' kuljum tal-kumpaniji u lanqas ma tiggarantixxi separazzjoni bejn is-sjieda tal-awtoritajiet u l-funzjonijiet tat-tfassil tal-politika. Ma ġewx introdotti regoli speċifiċi għall-kumpaniji statali qabel ma għaddiet l-ordinanza ta' emerġenza tal-gvern 109/2011. Bosta oqsma għadhom mhumiex koperti u fil-prattika r-regoli mhux dejjem jiġu rispettati. Ma sar l-ebda progress rigward ir-riforma tal-governanza korporattiva ta' kumpaniji statali fis-setturi tal-enerġija u tat-trasport.
(20)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tar-Rumanija u ppublikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2015. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lir-Rumanija fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Rumanija imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn 1 sa 4 hawn taħt.
(21)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tar-Rumanija, u l-opinjoni tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni 1 ta’ hawn taħt.
(22)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Konverġenza. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn 1 sa 4 hawn taħt.
B'DAN JIRRAKKOMANDA li r-Rumanija tieħu azzjoni fl-2015 u l-2016 biex:
1.Tieħu l-miżuri kollha neċessarji għat-tlestija tal-programm ta' assistenza finanzjarja.
2.Tillimita d-devjazzjoni mill-objettiv fiskali ta' terminu medju fl-2015 għal massimu ta' 0,25% tal-PDG kif speċifikat fil-programm 2013-15 dwar il-programm tal-bilanċ tal-ħlasijiet u tmur lura għall-objettiv ta' terminu medju fl-2016. Timplimenta l-istrateġija ta' konformità fiskali komprensiva, issaħħaħ is-sistemi ta' kontroll tal-verifika sabiex tittratta x-xogħol mhux iddikjarat, u tkompli bl-ugwalizzazzjoni tal-età tal-irtirar għall-irġiel u n-nisa.
3.Issaħħaħ il-provvediment ta' miżura tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari għal żgħażagħ mhux irreġistrati u n-nies qiegħda fit-tul. Tiżgura li l-aġenzija nazzjonali tal-impjiegi jkollha ammont adegwat ta' persunal. Tistabbilixxi, b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u b'konformità mal-prattiki nazzjonali, linji gwida ċari għall-iffissar b'mod trasparenti tal-paga minima. Tintroduċi d-dħul minimu ta' inserzjoni. Iżżid il-provvediment u l-kwalità tal-edukazzjoni u l-indukrar ta' tfal żgħar, b'mod partikolari għar-Rom. Tadotta strateġija nazzjonali għat-tnaqqis tal-abbandun bikri mill-iskola. Issegwi l-istrateġija tas-saħħa nazzjonali 2014-2020 biex tirrimedja kwistjonijiet ta' aċċessibilità ħażina, finanzjament baxx u riżorsi insuffiċjenti.
4.Tadotta l-liġi għar-riforma tal-governanza korporattiva ta' intrapriżi statali.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President