7.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 47/205


P9_TA(2022)0292

Is-sitwazzjoni tad-difensuri indiġeni u ambjentali fil-Brażil, inkluż il-qtil ta' Dom Philips u Bruno Pereira

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri indiġeni u ambjentali fil-Brażil, inkluż il-qtil ta' Dom Phillips u Bruno Pereira (2022/2752(RSP))

(2023/C 47/16)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Brażil,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq id-drittijiet tal-bniedem u r-rwol tad-difensuri tal-ambjent f'din il-kwistjoni (1),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2018 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-popli indiġeni fid-dinja, inkluż il-ħtif tal-art (2),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2020 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa' lura d-deforestazzjoni globali li l-UE hija responsabbli għaliha (3),

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta' Reporters Mingħajr Fruntieri, l-Unjoni tal-Popli Indiġeni tal-Wied ta' Javari (UNIVAJA), Amnesty International, Survival International, Greenpeace, Human Rights Watch u l-World Wide Fund for Nature dwar il-qtil ta' Bruno Pereira u Dom Phillips,

—

wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil iffirmata f'Lulju 2007,

—

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

—

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, id-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni tal-2007 u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1998,

—

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni (Nru 169) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Popli Indiġeni u Tribali adottata fis-27 ta' Ġunju 1989 u ffirmata mill-Brażil,

—

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil, b'mod partikolari l-Artikolu 231 tagħha dwar ir-rikonoxximent tal-art indiġena,

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fil-5 ta' Ġunju 2022, il-ġurnalist Brittaniku Dom Phillips, kontributur għall-gazzetta The Guardian, u l-espert indiġenu Brażiljan Bruno Pereira, ex impjegat taċ-ċivil fil-Fondazzjoni Nazzjonali Indjana (Funai), sparixxew fil-Wied ta' Javari, bejn il-komunità tax-xmara ta' São Rafael u l-belt ta' Atalaia do Norte fl-istat tal-Amazonas fit-Tramuntana tal-Brażil; billi l-katavri tagħhom instabu fil-15 ta' Ġunju 2022;

B.

billi fil-15 ta' Ġunju 2022 l-Pulizija Federali Brażiljana rrappurtat li waħda miż-żewġ persuni arrestati fuq suspett ta' involviment fl-għajbien tagħhom kienet ammettiet li qatlithom;

C.

billi l-NGO Global Witness irrappurtat li, fl-2020, aktar minn 20 difensur tal-art u tal-ambjent inqatlu fil-Brażil, u b'hekk il-pajjiż tela' fir-raba' post fil-klassifika ta' pajjiżi bl-ogħla numru ta' qtil bħal dan fid-dinja, u l-biċċa l-kbira ta' dawn id-delitti għadhom ma ġewx ikkastigati; billi fil-Brażil, kważi tliet kwarti tal-qtil iseħħ fir-reġjun tal-Amażonja u jinvolvi lil difensuri indiġeni;

D.

billi d-deterjorament kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Brażil qed iseħħ f'kuntest ta' bidliet leġiżlattivi restrittivi u ta' definanzjament tal-aġenziji ambjentali, kif ukoll ta' vjolenza endemika li qed tikber; billi l-popli indiġeni tal-Brażil ilhom iġarrbu aggressjonijiet sistematiċi u nuqqas ta' protezzjoni tad-drittijiet tagħhom, kif ukoll għadd jiżdied ta' attakki u qtil; billi l-pandemija tal-COVID-19 affettwat b'mod sproporzjonat lill-komunitajiet indiġeni fil-Brażil;

E.

billi l-kostituzzjoni Brażiljana attwali adottata fl-1988 u l-qafas legali tal-pajjiż jistabbilixxu d-dritt oriġinali tal-popli indiġeni għall-artijiet tal-antenati tagħhom, mingħajr ebda tip ta' limitu ta' żmien għar-rikonoxximent ta' dan id-dritt; billi huwa d-dmir tal-Istat li jirregola u jipproteġi dan id-dritt;

F.

billi fit-22 ta' Ottubru 2021, diversi gruppi tas-soċjetà ċivili lokali pparteċipaw f'seduta pubblika fil-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) biex jiddenunzjaw vjolazzjonijiet kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u d-difensuri ambjentali fil-Brażil; billi f'Awwissu 2021, l-organizzazzjoni Articulation of Indigenous Peoples of Brazil (APIB) ressqet ilment quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali kontra l-President Bolsonaro għal delitti kontra l-umanità u ġenoċidju “abbażi tal-politiki antiindiġeni espliċiti, sistematiċi u intenzjonali tiegħu”;

G.

billi l-popli indiġeni jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-foresta pluvjali u ekosistemi oħra, u għaldaqstant għandhom rwol kruċjali fil-preservazzjoni tal-bijodiversità fir-reġjun u fil-prevenzjoni tat-tibdil fil-klima; billi Bruno Pereira u Dom Phillips kienu impenjati bis-sħiħ favur il-kompitu kritiku tal-preservazzjoni tal-foresta pluvjali tal-Amażonja u l-bijodiversità tagħha;

H.

billi l-Amażonja hija l-akbar foresta pluvjali fid-dinja u għandha rwol fundamentali fl-assorbiment tad-diossidu tal-karbonju, fit-tnaqqis tal-gassijiet serra u fiż-żamma tax-xejriet tat-temp reġjonali u globali; billi l-Wied ta' Javari jinsab fl-Amażonja fil-fruntiera Brażiljana mal-Perù u l-Kolombja; billi dan ir-reġjun jospita l-akbar konċentrazzjoni ta' popli indiġeni f'iżolament volontarju fid-dinja, u l-aċċess għalih huwa possibbli biss minn żoni oħra u mix-xmara;

I.

billi l-Wied ta' Javari, bħal reġjuni oħra tal-Amażonja Brażiljana, huwa s-sit ta' kunflitti intensi mmexxija mill-kriminalità organizzata u mill-invażuri tal-art involuti fis-sajd, il-kaċċa u l-estrazzjoni minerarja illeċiti, fil-qtugħ illegali tas-siġar u fit-traffikar tad-droga; billi 80 % tad-deforestazzjoni madwar id-dinja hija kkawżata mill-konverżjoni tal-foresti f'art agrikola għal komoditajiet bħaċ-ċanga, is-sojja u ż-żejt tal-palm; billi d-deforestazzjoni fl-Amażonja Brażiljana żdiedet b'mod drammatiku mill-2019 'l hawn, inkluża qabża ta' 22 % fl-2021 meta mqabbla mal-2020, li hija l-ogħla rata mill-2006;

J.

billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt għandhom jibqgħu fil-qofol tar-relazzjoni twila ta' bejn l-UE u l-Brażil, bi qbil mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn il-valuri fl-azzjoni esterna tagħha u l-interess li wera l-Brażil li jirrispettahom fl-iżvilupp u fil-kooperazzjoni internazzjonali tiegħu;

1.

Jikkundanna bil-qawwa l-qtil brutali ta' difensuri ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll ta' popli indiġeni fil-Brażil, l-aktar reċentement il-qtil tal-ġurnalist Dom Phillips u l-attivist Bruno Pereira; jistieden lill-awtoritajiet Brażiljani jwettqu investigazzjoni eżawrjenti, imparzjali u indipendenti dwar dawn l-assassinji u jiżguraw konformità sħiħa mad-drittijiet ta' proċess ġust f'kull ħin;

2.

Jikkundanna bil-qawwa ż-żieda fil-vjolenza, l-attakki u l-fastidju fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent, il-popli indiġeni, il-minoranzi u l-ġurnalisti; jiddeplora r-retorika aggressiva kontinwa, l-attakki verbali u d-dikjarazzjonijiet intimidanti tal-President Bolsonaro; jiddeplora l-vjolenza sesswali u sessista mwettqa kontra n-nisa, il-bniet u d-difensuri ambjentali u indiġeni, u jfakkar li dawn jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità tagħhom;

3.

Jesiġi li l-awtoritajiet Brażiljani jieħdu azzjoni immedjata biex jimpedixxu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jipproteġu d-difensuri ambjentali u indiġeni; jenfasizza r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet Brażiljani u l-importanza li jieħdu miżuri xierqa biex jipproteġu d-drittijiet tal-popli indiġeni għall-art, it-territorji u l-għajxien tradizzjonali tagħhom, kif ukoll biex jipproteġuhom minn kull forma ta' vjolenza u diskriminazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Brażiljani jimplimentaw rakkomandazzjonijiet internazzjonali biex jiżguraw protezzjoni għal dawn id-difensuri, u jieħdu miżuri biex iwaqqfu l-persekuzzjoni, il-kriminalizzazzjoni u l-istigmatizzazzjoni tal-popli indiġeni u ta' komunitajiet tradizzjonali oħra;

4.

Jenfasizza li l-estrazzjoni illegali tad-deheb thedded il-foresti u l-bijodiversità f'żoni protetti u tesponi lill-popolazzjonijiet indiġeni għall-kontaminanti; jiddeplora ż-żieda fir-rati ta' deforestazzjoni fl-artijiet indiġeni, speċjalment fl-Amażonja Brażiljana; jistieden lill-Gvern Brażiljan isaħħaħ u jinforza aħjar il-leġiżlazzjoni kontra d-deforestazzjoni u l-estrazzjoni illegali, u jfittex alternattivi sostenibbli għall-politiki estrattivi li qed jolqtu t-territorji indiġeni;

5.

Jiddeplora l-fatt li l-Gvern Brażiljan attwali qed iżarma aġenziji tal-gvern bħal FUNAI, li tissorvelja l-affarijiet indiġeni, u IBAMA, il-korp ewlieni tal-infurzar ambjentali fil-Brażil; iħeġġeġ lill-Gvern Brażiljan jirristabbilixxi u jsaħħaħ il-kapaċitajiet ta' dawn il-korpi biex jiżgura l-infurzar effettiv tal-liġijiet ambjentali u d-drittijiet tal-popli indiġeni;

6.

Jesprimi tħassib profond dwar l-effetti potenzjali tal-liġi PL 191/2020, magħrufa bħala l-“liġi tad-devastazzjoni”, u l-liġi PL 490/2007 dwar id-demarkazzjoni tal-artijiet indiġeni; jesprimi tħassib serju dwar abbozzi ta' liġijiet li qed jiġu diskussi fil-Kungress Brażiljan bħalissa u li jistgħu jwasslu għal żieda fid-deforestazzjoni u l-qerda tal-għajxien tal-popli indiġeni;

7.

Jesiġi r-rikonoxximent u l-protezzjoni tal-artijiet tradizzjonalment okkupati mill-popli indiġeni, inkluż bit-tkomplija tad-demarkazzjoni tat-territorji indiġeni u l-protezzjoni ta' dawn it-territorji mill-konfiska illegali tal-art; itenni l-importanza li tiġi żgurata l-konformità mal-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Popli Indiġeni u Tribali (Nru 169);

8.

Jisħaq fuq l-importanza ta' diliġenza dovuta korporattiva u responsabbiltà korporattiva sostenibbli u trasparenti bħala mezzi sinifikanti u indispensabbli għall-prevenzjoni u l-protezzjoni minn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent; iħeġġeġ lill-kumpaniji Ewropej jiżguraw id-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem tul il-ktajjen tal-provvista tagħhom fil-Brażil; itenni li r-regolament propost tal-UE dwar prodotti mingħajr deforestazzjoni jrid jinkludi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-popli indiġeni u d-drittijiet tal-bniedem u jiżgura li ma jkunx hemm ksur tad-drittijiet involut fil-produzzjoni ta' prodotti mqiegħda fis-suq Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe qafas ta' kooperazzjoni jinkludi dispożizzjonijiet b'saħħithom, vinkolanti u infurzabbli dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-komunitajiet indiġeni, u tippromwovi r-rispett għall-istandards u l-impenji internazzjonali, inkluż dwar id-deforestazzjoni;

9.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Brażil jirrispetta l-impenji tiegħu skont il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istat Brażiljan jindirizza r-reati ambjentali u jimplimenta approċċ sostenibbli ġdid għall-Amażonja sabiex jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-pjan direzzjonali għall-adeżjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u jallinja ruħu bis-sħiħ mal-istandards tal-OECD biex jikkwalifika għas-sħubija fl-organizzazzjoni;

10.

Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw lis-soċjetà ċivili u lill-organizzazzjonijiet ambjentali u umanitarji, filwaqt li jagħtu prijorità lill-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza u l-libertà tal-midja fil-Brażil, u jikkooperaw mas-sħab internazzjonali biex jippromwovu dawn l-objettivi; jitlob lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Brażil tissorvelja mill-qrib l-istat tad-demokrazija fil-pajjiż u tipprovdi appoġġ loġistiku u teknoloġiku lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ambjentali u indiġeni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-assistenza għall-kooperazzjoni tagħha ssaħħaħ l-appoġġ għas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-popli indiġeni u l-komunitajiet tradizzjonali; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE u lill-Istati Membri li għandhom missjonijiet diplomatiċi fil-Brażil jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u jipprovdu l-appoġġ xieraq kollu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

11.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Presidenza pro tempore tal-Komunità ta' Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lill-President, il-Gvern u l-Kungress tal-Brażil.

(1)  ĠU C 15, 12.1.2022, p. 111.

(2)  ĠU C 118, 8.4.2020, p. 15.

(3)  ĠU C 404, 6.10.2021, p. 175.