|
20.3.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 76/19 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/461
tad-19 ta' Marzu 2015
li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċess biex tittieħed deċiżjoni konġunta dwar l-applikazzjoni biex jintuża mudell intern ta' grupp skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 231(4) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Skambju effiċjenti ta' informazzjoni xierqa bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali konċernati huwa essenzjali għall-provvediment ta' proċess effettiv biex tintlaħaq deċiżjoni konġunta dwar il-mudelli interni ta' grupp. |
|
(2) |
Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni tal-proċess konsistenti biex tintlaħaq deċiżjoni konġunta, huwa importanti li kull pass jiġi ddefinit sew. Proċess ċar jiffaċilita wkoll l-iskambju tal-informazzjoni, jippromwovi għarfien reċiproku, jiżviluppa relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet superviżorji u jippromwovi superviżjoni effettiva. |
|
(3) |
Ippjanar f'waqtu u realistiku għall-proċess ta' deċiżjoni konġunta huwa essenzjali. Kull awtorità superviżorja konċernata għandha tipprovdi lis-superviżur tal-grupp bl-informazzjoni rilevanti fil-ħin. |
|
(4) |
L-istabbiliment u d-dokumentazzjoni ta' proċessi ċari għall-kontenut u l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni konġunta għandhom jiżguraw li din tkun motivata bis-sħiħ. |
|
(5) |
Il-proċess biex tittieħed deċiżjoni konġunta dwar l-applikazzjoni biex jintuża mudell intern ta' grupp għandu jkun konsistenti għad-deċiżjoni konġunta dwar bidliet kbar u għal bidliet fil-politika tal-bdil tal-mudell għall-mudelli interni ta' grupp. |
|
(6) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni sottomess mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (EIOPA) lill-Kummissjoni. |
|
(7) |
L-EIOPA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Konċernati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
|
(8) |
Sabiex titjieb iċ-ċertezza legali dwar ir-reġim superviżorju matul il-perjodu ta' introduzzjoni progressiva previst fl-Artikolu 308a tad-Direttiva 2009/138/KE, li se jibda fl-1 ta' April 2015, huwa importanti li jiġi żgurat li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun, fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u Kamp ta' Applikazzjoni
Dan ir-Regolament jispeċifika l-proċeduri li jiġu segwiti mill-awtoritajiet superviżorji sabiex jilħqu deċiżjoni konġunta, imsemmija fl-Artikolu 231(2) tad-Direttiva 2009/138/KE, dwar l-applikazzjoni għal permess biex jintuża mudell intern ta' grupp biex jiġi kkalkulat ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvibbiltà tal-grupp konsolidat, kif ukoll ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvibbiltà tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fil-grupp.
Artikolu 2
Definizzjoni
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “awtoritajiet superviżorji konċernati” huma l-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri kollha fejn ikun hemm l-uffiċċji prinċipali ta' kull impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni relatata li tkun qed tapplika għall-użu ta' mudell intern ta' grupp biex tikkalkula r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvibbiltà.
Artikolu 3
Il-ftehim dwar il-proċess
1. L-awtoritajiet superviżorji konċernati jaqblu dwar il-proċess biex jilħqu deċiżjoni konġunta u l-mod kif jifformalizzawha, inkluż l-iskeda ta' żmien, l-istadji ewlenin u r-riżultati, filwaqt li jqisu r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2009/138/KE kif speċifikat aktar fir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 (3) li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE. Sabiex jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex jilħqu deċiżjoni konġunta skont l-Artikolu 231(2) tad-Direttiva 2009/138/KE, kull awtorità superviżorja konċernata tiżgura li l-passi ewlenin u r-riżultati stabbiliti għall-proċess miftiehem jiġu segwiti fil-ħin.
2. Meta jiftiehmu dwar il-proċess l-awtoritajiet superviżorji konċernati jqisu kwalunkwe impediment legali jew proċessi interni li jistgħu jirristinġuhom milli jagħtu l-opinjoni formali tagħhom dwar l-applikazzjoni fiiż-żmien speċifikat. Għal dan l-għan, l-awtoritajiet superviżorji kollha konċernati jinformaw lill-oħrajn dwar kwalunkwe impediment legali jew proċess intern li jista' jeżisti fl-awtorità superviżorja rispettiva tagħhom.
3. Malli jkun prattikabbli l-awtoritajiet superviżorji konċernati jipprovdu lill-awtoritajiet l-oħra konċernati bi kwalunkwe informazzjoni li tista' tkun rilevanti għad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.
4. Fil-każ li awtorità superviżorja konċernata tqajjem kwistjoni dwar il-proċess, b'mod partikolari meta aktarx li ma jkunx se jintlaħaq kunsens dwar xi deċiżjoni, din tispjega r-raġunijiet għal dan lill-awtoritajiet superviżorji l-oħra konċernati u tindika jekk għandhiex l-intenzjoni tirreferi l-kwistjoni lill-EIOPA skont l-Artikolu 231(3) tad-Direttiva 2009/138/KE. Is-superviżur tal-grupp jiddiskuti mal-awtoritajiet superviżorji kollha konċernati bl-għan li tinstab soluzzjoni għal din il-kwistjoni. L-awtoritajiet superviżorji jiftiehmu dwar perjodu ta' żmien sabiex tinstab soluzzjoni.
5. Jekk ma tinstabx soluzzjoni sodisfaċenti fil-perjodu miftiehem u l-awtorità superviżorja rilevanti tiddeċiedi li tirreferi l-kwistjoni lill-EIOPA, din għandha tagħmel hekk mingħajr dewmien.
Artikolu 4
Proposta għal deċiżjoni
1. Qabel ma jagħmlu proposta għal deċiżjoni, l-awtoritajiet superviżorji konċernati jikkonfermaw li l-valutazzjoni tal-applikazzjoni ġiet iffinalizzata u li l-eżitu ta' din il-valutazzjoni jikkostitwixxi l-bażi biex tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.
2. L-awtoritajiet superviżorji l-oħra konċernati jagħtu l-kontribut tagħhom dwar il-proposta għal deċiżjoni lis-superviżur tal-grupp bil-miktub billi jiġbru fil-qosor l-eżitu tal-valutazzjoni li saret.
3. Is-superviżur tal-grupp, bil-kontribut tal-awtoritajiet superviżorji l-oħra konċernati msemmija fil-paragrafu 2, jabbozza proposta għal deċiżjoni bil-miktub, inkluż jekk applikabbli, it-termini u l-kundizzjonijiet li d-deċiżjoni proposta tkun suġġetta għalihom. Din il-proposta tinkludi r-raġunijiet għad-deċiżjoni u, jekk applikabbli għat-termini u l-kundizzjonijiet.
4. Meta jabbozza proposta għal deċiżjoni, is-superviżur tal-grupp jikkunsidra, jekk xieraq, il-fehmiet espressi matul il-valutazzjoni tal-applikazzjoni mill-awtoritajiet superviżorji l-oħra konċernati fir-rigward tal-adegwatezza tal-mudell intern tal-grupp biex jiġi kkalkulat ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvibbiltà tal-grupp konsolidat. Jekk rilevanti, is-superviżur tal-grupp jqis ukoll l-opinjonijiet tal-awtoritajiet superviżorji l-oħra fil-kulleġġ tas-superviżuri dwar il-mudell intern tal-grupp.
5. Is-superviżur tal-grupp jibgħat il-proposta għal deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji konċernati u, fejn xieraq, lill-membri u l-parteċipanti l-oħra tal-kulleġġ.
6. L-awtoritajiet superviżorji l-oħra konċernati jipprovdu bil-miktub lis-superviżur tal-grupp l-opinjoni tagħhom dwar il-proposta għal deċiżjoni, inkluż jekk applikabbli, l-opinjoni tagħhom dwar it-termini u l-kundizzjonijiet li tkun suġġetta għalihom id-deċiżjoni proposta. Is-superviżur tal-grupp jiġbor flimkien l-opinjonijiet li jkun irċieva u jipprovdi sinteżi tagħhom lill-awtoritajiet superviżorji l-oħra konċernati.
7. Is-superviżur tal-grupp jorganizza mill-inqas sessjoni waħda mal-awtoritajiet superviżorji konċernati l-oħra biex jiddiskutu l-proposta għal deċiżjoni u l-opinjonijiet provduti. Dawn is-sessjonijiet jistgħu jseħħu bħala laqgħa fiżika jew, meta maqbul bejn l-awtoritajiet superviżorji konċernati kollha, permezz ta' mezzi oħra. Id-diskussjoni għandha l-għan li jintlaħaq kunsens dwar deċiżjoni konġunta. Kull awtorità superviżorja konċernata tikkonferma l-fehmiet tagħha jew tibgħat bil-miktub il-fehmiet u r-riżervi finali tagħha lis-superviżur tal-grupp.
Artikolu 5
Deċiżjoni finali
1. Fil-każ stipulat fl-Artikolu 231(5) tad-Direttiva 2009/138/KE meta tintlaħaq deċiżjoni konġunta, is-superviżur tal-grupp:
|
(a) |
jiddokumenta d-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni, u jekk ikun applikabbli, dwar it-termini u l-kundizzjonijiet li d-deċiżjoni tkun suġġetta għalihom; |
|
(b) |
jibgħat id-deċiżjoni finali li l-membri kollha tal-kulleġġ u fejn xieraq lill-parteċipanti, flimkien mal-opinjonijiet tal-awtoritajiet superviżorji konċernati. |
Fil-każ imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-ftehim dwar id-deċiżjoni finali jiġi kkonfermat bil-miktub minn rappreżentanti tal-awtoritajiet superviżorji konċernati b'awtorità xierqa biex jimpenjaw lill-awtoritajiet rispettivi tagħhom.
2. Fil-każ stipulat fl-Artikolu 231(6) tad-Direttiva 2009/138/KE meta ma tintlaħaqx deċiżjoni konġunta, is-superviżur tal-grupp:
|
(a) |
jiddokumenta d-deċiżjoni finali tiegħu; |
|
(b) |
jiddokumenta l-fehmiet u r-riżervi msemmija fl-Artikolu 4(7); |
|
(c) |
meta s-superviżur tal-grupp jipprovdi lill-awtoritajiet superviżorji konċernati b'dokument li jistabilixxi d-deċiżjoni tiegħu skont l-Artikolu 231(6) tad-Direttiva 2009/138/KE huwa jiddikjara l-opinjonijiet u r-riżervi tal-awtoritajiet superviżorji konċernati rilevanti u jekk applikabbli għalfejn iddevja minn dawn l-opinjonijiet; |
|
(d) |
jibgħat id-deċiżjoni finali lil bqija tal-membri tal-kulleġġ u fejn xieraq lill-parteċipanti, flimkien mal-opinjonijiet u r-riżervi tal-awtoritajiet superviżorji konċernati. |
Artikolu 6
Notifikazzjoni tad-deċiżjoni
1. Meta tittieħed deċiżjoni finali, is-superviżur tal-grupp jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni mingħajr dewmien.
2. F'każ ta' permess biex jintuża mudell intern tal-grupp, fid-deċiżjoni is-superviżur tal-grupp jinkludi:
|
(a) |
jekk id-deċiżjoni kinitx deċiżjoni konġunta skont l-Artikolu 231(5) tad-Direttiva 2009/138/KE jew ittiħdix mis-superviżur tal-grupp skont l-Artikolu 231(6) tad-Direttiva 2009/138/KE; |
|
(b) |
ir-raġunijiet għad-deċiżjoni; |
|
(c) |
l-ismijiet tal-impriżi relatati inklużi fl-ambitu tal-mudell intern għall-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvibbiltà tal-grupp; |
|
(d) |
l-ismijiet tal-impriżi relatati li għandhom il-permess jużaw il-mudell intern tal-grupp biex jikkalkulaw ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvibbiltà tagħhom; |
|
(e) |
jekk rilevanti, ir-riskji u l-unitajiet tal-operat prinċipali fl-ambitu ta' mudell intern parzjali; |
|
(f) |
id-data minn meta r-rekwiżiti kapitali ta' solvibbiltà elenkati fil-punti (c) u (d) jibdew jiġu kkalkulati bil-mudell intern ta' grupp; |
|
(g) |
jekk rilevanti, it-termini u l-kundizzjonijiet li għalihom ikun suġġett il-permess biex jintuża mudell intern għall-grupp u r-raġunijiet għal dawn it-termini u l-kundizzjonijiet; |
|
(h) |
jekk rilevanti, rekwiżit li l-impriża tiżviluppa u tipprovdi pjan biex testendi l-ambitu tal-mudell intern, inkluż deskrizzjoni u l-perjodu ta' żmien tal-pjan; |
|
(i) |
jekk rilevanti t-teknika ta' integrazzjoni approvata biex tintuża biex il-mudell intern parzjali jiġi integrat fil-formola standard tar-rekwiżit kapitali tas-solvibbiltà. |
3. Fil-każ li jiġi rrifjutat li jintuża l-mudell intern tal-grupp, fid-deċiżjoni, is-superviżur tal-grupp jinkludi deskrizzjoni qasira tal-partijiet jew l-aspetti tal-mudell intern li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti biex jintuża mudell intern tal-grupp, kif ukoll ir-referenza preċiża tar-rekwiżiti li ma jkunx hemm konformità magħhom. In-notifika tgħid ukoll li r-rifjut ma jimplikax li ġie vvalutat li hemm konformità ma' rekwiżiti oħra.
Artikolu 7
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).
(3) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1).