|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2479 |
16.12.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (Euratom) 2025/2479
tal-21 ta’ Ottubru 2025
li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fi Programmi tal-Unjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fit-12 ta’ Marzu 2024, permezz tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2024/995 (1), il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Konfederazzjoni Żvizzera għal pakkett wiesa’ ta’ miżuri relatati mar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Unjoni u l-Konfederazzjoni Żvizzera. Dawk il-miżuri kellhom jinkludu dispożizzjonijiet istituzzjonali u dwar l-għajnuna mill-Istat fi, u, fejn meħtieġ, adattamenti speċifiċi għal, ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera f’oqsma relatati mas-suq intern, ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fi programmi tal-Unjoni, u ftehim li jifforma l-bażi għall-kontribut permanenti tal-Iżvizzera lejn it-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali bejn ir-reġjuni. Il-Kunsill kien preċedentament awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Konfederazzjoni Żvizzera dwar ftehimiet ġodda dwar l-elettriku, is-saħħa u s-sikurezza tal-ikel, dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fl-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u għall-Ferroviji, u dwar l-emenda tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-trasport bl-ajru biex ikun jista’ jsir il-kabotaġġ. |
|
(2) |
Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni, pakkett wiesa’ ta’ ftehimiet u protokolli (il-“pakkett”) li jinkludi Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fi Programmi tal-Unjoni (il-“Ftehim”); Protokolli dwar dispożizzjonijiet istituzzjonali, dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat u dispożizzjonijiet li jemendaw il-ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera f’oqsma relatati mas-suq intern li fihom tipparteċipa l-Iżvizzera; Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja regolari tal-Iżvizzera lejn it-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fl-Unjoni Ewropea; Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-Saħħa; Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-elettriku; Protokoll għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli li jistabbilixxi Żona Komuni ta’ Sigurtà Alimentari, u Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali. |
|
(3) |
Il-Ftehim ikopri kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-“Komunità”), jiġifieri l-assoċjazzjoni mal-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom u mal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER. Għalhekk jenħtieġ li l-Ftehim jiġi konkluż f’isem il-Komunità fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (it-“Trattat Euratom”). |
|
(4) |
Il-konklużjoni tal-Ftehim mill-Kummissjoni, li taġixxi f’isem il-Komunità, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom, jenħtieġ li tiġi approvata. Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi konkluż fl-istess ħin bħall-istrumenti l-oħra tal-pakkett u bħala parti integrali minnu. |
|
(5) |
Bl-għan li tiżdied il-firxa tal-kooperazzjoni tagħhom, l-Artikolu 18(1) tal-Ftehim jipprevedi li l-Partijiet għandhom japplikawh b’mod proviżorju, f’konformità mal-proċeduri u l-leġiżlazzjoni interni rispettivi tagħhom, mill-1 ta’ Jannar 2025, sakemm id-data tal-iffirmar ma tkunx wara l-15 ta’ Novembru 2025, f’liema każ il-Partijiet għandhom japplikaw il-Ftehim b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2026. |
|
(6) |
Il-Ftehim jenħtieġ għalhekk li jiġi applikat b’mod proviżorju mill-Komunità fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom. |
|
(7) |
Skont l-Artikolu 18(2) tal-Ftehim, l-applikazzjoni proviżorja tiegħu għandha tieqaf sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2028 jekk l-Iżvizzera, sa dik id-data, ma tkunx lestiet il-proċeduri interni tagħha meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tal-istrumenti l-oħra tal-pakkett. |
|
(8) |
L-iffirmar, l-applikazzjoni proviżorja u l-konklużjoni tal-Ftehim fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huma soġġetti għal proċedura separata, skont dak it-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-konklużjoni mill-Kummissjoni, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fi Programmi tal-Unjoni (il-“Ftehim”), inklużi d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-applikazzjoni proviżorja, hija b’dan approvata fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (it-“Trattat Euratom”) (2).
Artikolu 2
Qabel il-konklużjoni tiegħu, il-Ftehim, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom, għandu jiġi ffirmat u għandu, soġġett għar-reċiproċità, jiġi applikat b’mod proviżorju f’konformità mal-Artikolu 18 tal-Ftehim.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha (3).
Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
M. BJERRE
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/995 tat-12 ta’ Marzu 2024 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Konfederazzjoni Żvizzera dwar dispożizzjonijiet istituzzjonali fi ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera relatati mas-suq intern, dwar ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fi programmi tal-Unjoni u dwar ftehim li jifforma l-bażi għall-kontribuzzjoni permanenti tal-Konfederazzjoni Żvizzera għall-koeżjoni tal-Unjoni (ĠU L, 2024/995, 26.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/995/oj).
(2) It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L, 2025/2480, 16.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2025/2480/oj.
(3) Id-data minn meta l-Ftehim ser jiġi applikat b’mod proviżorju ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2479/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)