4.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 366/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1627

tat-3 ta’ Novembru 2020

dwar miżuri eċċezzjonali għat-tielet perjodu ta’ referenza (2020-2024) tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti tal-ajru uniku Ewropew minħabba l-pandemija tal-COVID-19

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 11(6) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta’ servizz) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 (3) jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema tal-prestazzjoni u tal-imposti, inkluż il-prestazzjoni tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u l-funzjonijiet tan-network kif ukoll id-determinazzjoni, l-impożizzjoni u l-infurzar tal-imposti tan-navigazzjoni bl-ajru fuq l-utenti ta’ spazju tal-ajru.

(2)

Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal tnaqqis kbir fit-traffiku tal-ajru bħala riżultat ta’ tnaqqis sinifikanti fid-domanda u ta’ miżuri diretti meħudin mill-Istati Membri kif ukoll minn pajjiżi terzi biex jikkontrollaw il-pandemija. Iċ-ċirkostanzi straordinarji kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 għandhom impatt sinifikanti fuq il-proċessi u l-miżuri attwali għall-implimentazzjoni tal-iskema tal-prestazzjoni u tal-imposti fit-tielet perjodu ta’ referenza 2020-2024 (“RP3”), inkluż l-istabbiliment ta’ miri tal-prestazzjoni u rati unitarji kif ukoll l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ inċentivi u mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni tar-riskji. Dan ħoloq sitwazzjoni eċċezzjonali li jeħtieġ li tiġi indirizzata b’miżuri temporanji speċifiċi.

(3)

L-Istati Membri ppreżentaw lill-Kummissjoni l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni tagħhom għall-RP3 sal-1 ta’ Ottubru 2019, kif ukoll l-abbozzi aġġornati sussegwenti tal-pjanijiet tal-prestazzjoni sal-21 ta’ Novembru 2019. Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-konsistenza ta’ dawk l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 (4). Madankollu, kemm l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni kif ukoll il-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha tfasslu qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19 u għalhekk ma jqisux iċ-ċirkostanzi li rriżultaw u li nbidlu b’mod sinifikanti għat-trasport bl-ajru.

(4)

Minħabba l-impatt sinifikanti u bla preċedent tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tal-avjazzjoni, u b’mod partikolari fuq il-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, ċerti regoli li jidderogaw mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 jenħtieġ li japplikaw għall-fini tal-RP3. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 jenħtieġ li japplika għal dak il-perjodu ta’ referenza sakemm dan ir-Regolament ma jipprevedix mod speċifiku ieħor. Bl-istess mod, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax l-aġġustamenti tar-rati unitarji li joriġinaw mit-tieni perjodu ta’ referenza u abbażi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013 (5).

(5)

Minħabba l-inċertezzi dwar l-evoluzzjoni tat-traffiku wara t-tifqigħa tal-pandemija COVID-19, sa issa għadhom mhumiex disponibbli previżjonijiet tat-traffiku robusti biżżejjed għas-snin sal-2024. Għalhekk jeħtieġ li jiġu previsti regoli speċjali għall-istabbiliment ta’ miri tal-prestazzjoni reveduti għall-Unjoni kollha għall-RP3 sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni kontinwa ta’ dan il-perjodu ta’ referenza. Ingħataw garanziji li fil-bidu ta’ Novembru 2020 se tiġi ppubblikata previżjoni aġġornata tat-traffiku ta’ STATFOR għall-RP3. Din il-previżjoni tat-traffiku se tipprovdi l-bażi biex tinbeda r-reviżjoni tal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP3. Filwaqt li jitqiesu l-limiti taż-żmien, l-istabbiliment ta’ dawk il-miri reveduti, jenħtieġ li b’mod eċċezzjonali ma jkunx soġġett għall-proċessi u għal-limiti taż-żmien kollha stabbiliti fl-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi l-miri reveduti, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jipprovdu lill-Kummissjoni bid-data tal-kostijiet inizjali u bl-informazzjoni dwar il-previżjonijiet tat-traffiku għas-snin kalendarji rilevanti sal-15 ta’ Diċembru 2020, bħala inputs għall-istabbiliment tal-miri tal-prestazzjoni reveduti għall-Unjoni kollha għall-RP3. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miri tal-prestazzjoni reveduti għall-Unjoni kollha għall-RP3 sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Mejju 2021.

(6)

Mal-istabbiliment ta’ miri tal-prestazzjoni reveduti għall-Unjoni kollha mill-Kummissjoni għall-RP3, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu pjanijiet tal-prestazzjoni li jinkludu miri tal-prestazzjoni reveduti għall-RP3. Il-proċess għall-istabbiliment tal-miri tal-prestazzjoni fil-livell nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru jenħtieġ li jitlesta biss wara li jkunu ġew adottati l-miri tal-prestazzjoni reveduti għall-Unjoni kollha. Jenħtieġ li abbażi ta’ dan jiġi stabbilit limitu taż-żmien ġdid għall-preżentazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni.

(7)

Minħabba li ċ-ċirkostanzi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 wasslu għal dewmien inevitabbli fil-proċeduri relatati mal-iżvilupp, mal-valutazzjoni u mal-adozzjoni ta’ pjanijiet tal-prestazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, il-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza inklużi fil-verżjoni finali tal-pjanijiet tal-prestazzjoni jenħtieġ li jkollhom effett retroattiv mill-bidu tal-perjodu ta’ referenza, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Madankollu, dawn jenħtieġ li jipproduċu biss effetti permezz ta’ aġġustamenti tar-rati unitarji fis-snin kalendarji sussegwenti.

(8)

F’Settembru 2019, il-Maniġer tan-Network ippreżenta lill-Kummissjoni abbozz ta’ Pjan tal-Prestazzjoni tan-Network għall-RP3 f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Il-Kummissjoni vvalutat il-Pjan tal-Prestazzjoni tan-Network f’konformità mal-Artikolu 19(2) ta’ dak ir-Regolament. Minħabba l-bidla materjali fiċ-ċirkostanzi kkawżata mill-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, li seħħet wara li ġie ppreżentat l-abbozz tal-Pjan tal-Prestazzjoni tan-Network, il-Maniġer tan-Network jenħtieġ li jfassal abbozz ġdid ta’ Pjan tal-Prestazzjoni tan-Network u jippreżentah għal valutazzjoni mill-Kummissjoni. L-iskadenza għall-preżentazzjoni ta’ dan il-pjan jenħtieġ li tiġi stabbilita skont dan.

(9)

Huwa mistenni li l-kostijiet iddeterminati reveduti għas-snin kalendarji 2020 u 2021 ikkombinati jirriflettu l-inċertezza addizzjonali u jqisu kif xieraq il-volumi iktar baxxi tat-traffiku li rriżultaw miċ-ċirkostanzi tal-pandemija tal-COVID-19.

(10)

Sabiex jittaffa l-impatt sever tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-utenti tal-ispazju tal-ajru matul l-RP3, jeħtieġ li jiġu applikati dispożizzjonijiet speċifiċi għall-finijiet tas-snin kalendarji 2020 u 2021 fir-rigward tar-reviżjoni tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza fil-livelli lokali u tal-Unjoni kollha, l-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ inċentivi u mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni tar-riskji, kif ukoll l-aġġustamenti tar-rati unitarji li jirriżultaw minn dawk is-sentejn kalendarji.

(11)

Għall-fini li tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-iskema tal-prestazzjoni u tal-imposti fl-RP3, u fid-dawl tan-natura li tħares ’il quddiem tal-istabbiliment tal-miri tal-prestazzjoni, ir-reviżjoni tal-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza fil-livell tal-Unjoni u f’dak lokali jenħtieġ li tkopri l-kostijiet iddeterminati tas-snin kalendarji 2020 u 2021 bħala perjodu wieħed. Waqt l-istabbiliment ta’ dawk il-miri reveduti tal-kosteffiċjenza fil-livell lokali u tal-Unjoni, jenħtieġ li jitqiesu kif xieraq il-kostijiet reali li jkunu ġarrbu l-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u l-Istati Membri.

(12)

Ir-regoli li jirregolaw il-konsegwenzi ta’ adozzjoni tard tal-pjanijiet tal-prestazzjoni stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 jenħtieġ li jiġu adattati sabiex jittaffa l-impatt finanzjarju negattiv sever li dawn il-mekkaniżmi kieku jkollhom fuq l-utenti tal-ispazju tal-ajru kif ukoll sabiex tiġi evitata volatilità eċċessiva tar-rati unitarji matul l-RP3. Għal dan l-għan, l-aġġustamenti korrispondenti tar-rati unitarji jenħtieġ li b’mod eċċezzjonali jiġu mifruxa fuq perjodu ta’ żmien ta’ ħames snin kalendarji. L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jenħtieġ li jitħallew jestendu l-perjodu ta’ żmien għal seba’ snin kalendarji, meta dan ikun meħtieġ, sabiex jiġi evitat effett sproporzjonat tar-riportar fuq ir-rati unitarji imposti fuq l-utenti tal-ispazju tal-ajru.

(13)

L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri addizzjonali biex jikkumpensaw għall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-livell tal-imposti tan-navigazzjoni bl-ajru matul l-RP3, permezz tal-applikazzjoni tal-Artikolu 29(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(14)

Sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u mill-Kummissjoni tal-kompiti ta’ monitoraġġ tagħhom, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jenħtieġ li jkunu obbligati jippreżentaw rapport lil dawk l-awtoritajiet sal-15 ta’ Diċembru 2020 rigward il-miżuri implimentati sabiex jindirizzaw l-impatt finanzjarju u operattiv tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-attivitajiet tagħhom.

(15)

Id-dispożizzjonijiet eċċezzjonali jenħtieġ li jiġu applikati immedjatament sabiex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu malajr il-miżuri xierqa fir-rigward tal-proċess tal-istabbiliment tal-miri tal-prestazzjoni għall-RP3 u l-mitigazzjoni tal-impatt finanzjarju tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-utenti tal-ispazju tal-ajru. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

(16)

Il-Kumitat dwar l-Ajru Uniku ma ħariġx opinjoni. Tqies li kien meħtieġ att ta’ implimentazzjoni u l-President ippreżenta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni lill-Kumitat tal-Appell għal deliberazzjoni ulterjuri. Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Appell,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri eċċezzjonali li jridu jiġu applikati għat-tielet perjodu ta’ referenza (“RP3”) tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti tal-Ajru Uniku Ewropew imsemmija fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Ir-regoli stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 japplikaw, sakemm dan ir-Regolament ma jipprevedix mod ieħor speċifikament.

Artikolu 2

L-istabbiliment ta’ miri tal-prestazzjoni reveduti għall-Unjoni kollha għall-RP3

1.   B’deroga mill-Artikolu 9(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi miri tal-prestazzjoni reveduti għall-Unjoni kollha għall-RP3 sal-1 ta’ Mejju 2021.

2.   B’deroga mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, bħala inputs għall-istabbiliment ta’ miri tal-prestazzjoni reveduti għall-Unjoni kollha, b’data dwar il-kostijiet inizjali u b’informazzjoni dwar il-previżjonijiet tat-traffiku li jkopru l-RP3, sal-15 ta’ Diċembru 2020.

3.   Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 ma għandhomx japplikaw għall-preparazzjoni tal-miri tal-prestazzjoni reveduti għall-Unjoni kollha għall-RP3 imsemmija fil-paragrafu 1. Il-konsultazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 għandha, b’deroga minn din id-dispożizzjoni, tkopri l-abbozzi tal-valuri tal-miri tal-prestazzjoni reveduti għall-Unjoni kollha.

4.   B’deroga mill-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 9(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-miri tal-prestazzjoni reveduti għall-Unjoni kollha għall-RP3 imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom, minbarra l-miri tal-prestazzjoni għall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni kif definiti fit-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, jinkludu miri tal-prestazzjoni għall-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni kif emendat fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Preżentazzjoni u valutazzjoni ta’ abbozzi ta’ pjanijiet tal-prestazzjoni

1.   B’deroga mill-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-Istati Membri għandhom iħejju u jippreżentaw lill-Kummissjoni, sal-1 ta’ Ottubru 2021, abbozzi ta’ pjanijiet tal-prestazzjoni, imfassla skont l-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni u li jkun fihom miri tal-prestazzjoni reveduti li jiżguraw konsistenza mal-miri tal-prestazzjoni reveduti għall-Unjoni kollha msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

2.   B’deroga mill-Artikolu 8(2) u mill-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, minbarra l-miri tal-prestazzjoni għall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni kif definiti fit-Taqsima 2 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, għandhom jinkludu miri tal-prestazzjoni għall-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni kif emendat fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament.

3.   B’deroga mill-Artikolu 11(1)(b) u 11(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-iskemi ta’ inċentivi rigward il-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità msemmija fl-Artikolu 11(3) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti li ġejjin fir-rigward tal-RP3:

(a)

l-iskemi ta’ inċentivi għandhom ikopru biss is-snin kalendarji mill-2022 sal-2024. L-Istati Membri għandhom jirriflettu dan il-perjodu mnaqqas tal-iskemi ta’ inċentivi fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1;

(b)

l-iskemi ta’ inċentivi għandhom jipproduċu effetti finanzjarji fil-forma ta’ riportar u aġġustamenti sussegwenti tar-rati unitarji mill-ewwel sena wara l-adozzjoni tal-pjan tal-prestazzjoni.

4.   Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, il-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fil-pjanijiet tal-prestazzjoni finali tal-RP3 adottati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 għandhom japplikaw retroattivament mill-bidu tal-perjodu ta’ referenza f’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

5.   B’deroga mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2019/317, il-Maniġer tan-Network għandu jippreżenta sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2021 abbozz revedut ta’ Pjan tal-Prestazzjoni tan-Network għall-RP3 lill-Kummissjoni għall-valutazzjoni.

Artikolu 4

Derogi li jikkonċernaw l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-RP3

1.   B’deroga mill-punti 4.1(a) u 4.1(b) tat-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, għandu jiġi definit l-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni għall-bidla minn sena għal sena tal-“kost unitarju ddeterminat” (DUC) għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route, fir-rigward tas-snin kalendarji 2020 u 2021, bħala valur ikkombinat għal dawk is-sentejn, espress bħala bidla perċentwali mill-valur bażi għall-Unjoni kollha msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għalhekk, id-DUC medju uniku għall-Unjoni kollha għas-snin kalendarji 2020 u 2021 għandu jiġi kkalkulat bħala proporzjon bejn il-kostijiet iddeterminati en route totali fil-livell tal-Unjoni għal dawk is-sentejn kalendarji u t-total tal-unitajiet ta’ servizz en route fil-livell tal-Unjoni għal dawk is-sentejn kalendarji.

2.   B’deroga mill-punti 4.1(a)(i) u 4.1(a)(iii) tat-Taqsima 2 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni tad-DUC għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route fil-livell lokali għandu jiġi ddefinit, fir-rigward tas-snin kalendarji 2020 u 2021, bħala valur ikkombinat għal dawk is-sentejn. Għal dan l-għan, DUC medju uniku għas-snin kalendarji 2020 u 2021 għandu jiġi kkalkulat bħala proporzjon bejn il-kostijiet iddeterminati en route totali għal dawk is-sentejn kalendarji u l-unitajiet tas-servizzi en route totali għal dawk is-sentejn kalendarji, fir-rigward taż-żona tal-imposti kkonċernata.

Artikolu 5

Derogi li jikkonċernaw il-kalkolu u l-istabbiliment ta’ rati unitarji u aġġustamenti relatati

1.   Fir-rigward tas-snin kalendarji 2020 u 2021, l-aġġustamenti tar-rati unitarji skont l-Artikolu 27(2) sa (5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-kostijiet totali rilevanti ddeterminati għal dawk is-sentejn u tat-telf tad-dħul totali jew tad-dħul addizzjonali totali li jirriżulta mid-differenza bejn l-unitajiet ta’ servizz previsti fil-pjan tal-prestazzjoni u l-unitajiet ta’ servizz attwalment irreġistrati għal dawk is-sentejn. Dawk is-sentejn għandhom jitqiesu bħala perjodu wieħed u għandhom jissostitwixxu l-perjodu msemmi f’dawk id-dispożizzjonijiet bħala “sena n”. Mingħajr preġudizzju għall-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 29(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-aġġustamenti tar-rati unitarji għandhom isiru fis-snin kalendarji 2023 u 2024.

2.   Fir-rigward tas-snin kalendarji 2020 u 2021, l-aġġustamenti għar-rati unitarji skont l-Artikolu 27(8) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-kostijiet totali rilevanti ddeterminati għal dawk is-sentejn u tat-telf tad-dħul totali jew id-dħul addizzjonali totali li jirriżulta mid-differenza bejn l-unitajiet ta’ servizz previsti fil-pjan tal-prestazzjoni u l-unitajiet ta’ servizz attwalment irreġistrati għal dawk is-sentejn. Dawk is-sentejn għandhom jitqiesu bħala perjodu wieħed u għandhom jissostitwixxu l-perjodu msemmi f’dawk id-dispożizzjonijiet bħala “sena n”. Mingħajr preġudizzju għall-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 29(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-aġġustamenti tar-rati unitarji għandhom isiru fis-snin kalendarji 2023 u 2024.

3.   Fir-rigward tas-snin kalendarji 2020 u 2021, it-tnaqqis jew iż-żidiet tar-rati unitarji skont l-Artikolu 28(4) sa (6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-kostijiet totali rilevanti ddeterminati u l-kostijiet reali totali rilevanti għal dawk is-sentejn. Dawk is-sentejn għandhom jitqiesu bħala perjodu wieħed u għandhom jissostitwixxu l-perjodu tas-sena kalendarja msemmi f’dawk id-dispożizzjonijiet. Mingħajr preġudizzju għall-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 29(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, it-tnaqqis jew iż-żidiet tar-rati unitarji li jridu jiġu applikati fis-sena n+2 għandhom isiru fis-sena kalendarja 2023.

4.   Fir-rigward tal-RP3, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 29(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-aġġustamenti għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni, kif ikun rilevanti għall-istabbiliment tar-rati unitarji skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

B’deroga mill-Artikolu 29(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, dawk l-aġġustamenti għandhom jitqassmu ugwalment fuq ħames snin kalendarji, li jibdew fis-sena ta’ wara s-sena li fiha jkun ġie adottat il-pjan tal-prestazzjoni.

5.   L-awtorità superviżorja nazzjonali tista’ tiddeċiedi li testendi l-perjodu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 4 għal massimu ta’ seba’ snin kalendarji, meta dan ikun meħtieġ, sabiex jiġi evitat effett sproporzjonat tar-riportar fuq ir-rati unitarji imposti fuq l-utenti tal-ispazju tal-ajru.

Artikolu 6

Rappurtar u monitoraġġ addizzjonali

1.   Minbarra l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 36 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandhom jippreżentaw, sal-15 ta’ Diċembru 2020, rapport lill-awtorità superviżorja nazzjonali li jagħti dettalji dwar il-miżuri stabbiliti sabiex jiġi indirizzat l-impatt finanzjarju u operattiv tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-attivitajiet tagħhom. Ir-rapport għandu jintbagħat lill-Kummissjoni mill-awtorità superviżorja nazzjonali malli tirċevih.

2.   L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u l-Kummissjoni jistgħu jużaw l-informazzjoni inkluża fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għall-fini tal-kompiti ta’ monitoraġġ speċifikati fl-Artikolu 37 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(2)   ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 tad-29 ta’ Mejju 2019 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu ta’ referenza li jibda fl-1 ta’ Jannar 2020 u li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2024 (ĠU L 144, 3.6.2019, p. 49).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013 tat-3 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi skema komuni ta’ imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (ĠU L 128, 9.5.2013, p. 31).