|
24.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 340/405 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1642 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tad-29 ta’ April 2021
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2019
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2019, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0093/2021), |
|
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (l-"Awtorità") għas-sena finanzjarja 2019 kien ta' EUR 47 379 354, ammont li jirrappreżenta żieda ta' 7,21 % meta mqabbel mal-2018; billi l-Awtorità hija ffinanzjata minn kontribuzzjoni mill-Unjoni (28,73 %), kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-Istati Membri (45,76 %) u tariffi riċevuti minn entitajiet sorveljati (24,33 %); |
|
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), tiddikjara li kisbet aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,95 %, li tirrappreżenta tnaqqis żgħir ta' 0,03 % meta mqabbel mal-2018; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 88,77 % u din tirrappreżenta tnaqqis ta' 0,11 % meta mqabbel mas-sena preċedenti; |
|
2. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Awtorità, f'konformità mar-regolament dwar it-tariffi relatati, timponi tariffi fuq l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu u fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u li dawn it-tariffi għandhom ikopru biss in-nefqa tal-Awtorità relatata mat-tariffi imposti; jinnota, madankollu, li l-Qorti sabet li t-tariffi imposti qabżu l-infiq assoċjat, u b'hekk inħolqu s-surpluses; josserva li, għalkemm l-Awtorità segwiet il-gwida pprovduta mill-Kummissjoni, is-surpluses u d-defiċits jistgħu jwasslu għal sussidju inkroċjat annwali tal-attivitajiet; jinnota li, skont it-tweġiba tal-Awtorità, dan ma wassal għall-ebda sussidju inkroċjat rikorrenti sinifikanti fil-qafas tal-baġit tal-Awtorità u li fl-2019 id-devjazzjoni bejn l-ispejjeż superviżorji kienet ta' 2,8 % għall-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu u ta' 1,8 % għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet; jistieden lill-Awtorità tkompli tillimita dan is-sussidju inkroċjat; |
|
3. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-baġit tal-Awtorità jinkludi kontribuzzjonijiet li saru mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs) f'ammont ta' EUR 1 363 258 fl-2019, li kien ibbażat fuq ċifri stmati u li qatt ma ġie aġġustat biex jaqbel maċ-ċifri reali; jinnota mir-risposta tal-Awtorità li kemm l-ammonti stmati kif ukoll dawk reali ġew ikkalkulati iżda l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni (Ares(2016)2772696) dwar il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni jindikaw li l-aġenziji ma għandhomx jaġġustaw is-sehem tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tal-NCAs għal-livelli reali u li d-differenza bejn l-ammonti reali mqabbla mal-ammonti stmati tal-kontribuzzjoni tal-pensjoni tal-NCAs fl-2019 kienet immaterjali, jiġifieri EUR 27 888; |
|
4. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, it-tariffi imposti fuq l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, f'konformità mar-regolament relatat dwar it-tariffi, huma bbażati fuq id-dħul tagħhom bħala entitajiet ġuridiċi, iżda mhux bħala grupp jew grupp ta' entitajiet relatati, u b'hekk tinħoloq opportunità biex jitnaqqsu jew jiġu evitati tariffi billi jiġi ttrasferit dħul minn aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Unjoni lill-entitajiet relatati tagħhom barra l-Unjoni u l-effett finanzjarju probabbli ta' din il-lakuna fir-regolamenti mhuwiex magħruf; jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, filwaqt li l-Awtorità applikat b'mod korrett ir-regolament relatat dwar it-tariffi, hija identifikat ir-riskju u indirizzatu lill-Kummissjoni; jinnota li, skont ir-risposta tal-Awtorità, din se tipparteċipa b'mod attiv fl-inizjattivi kollha mmirati biex tiġi evitata kwalunkwe lakuna fir-regolament relatat dwar it-tariffi; |
|
5. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, għall-kalkoli tat-tariffi tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, l-Awtorità pprovdiet l-opinjonijiet ta' awdituri indipendenti li jiddikjaraw li r-rapporti finanzjarji tagħhom tal-2018 taw stampa vera u ġusta; iżda l-informazzjoni li ppreżentaw dwar l-għadd ta' tranżazzjonijiet irrappurtati lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet matul l-2018 u l-għadd ta' tranżazzjonijiet pendenti rreġistrati fil-31 ta' Diċembru 2018 kienu soġġetti biss għal rieżami limitat minn awdituri indipendenti; jinnota li, skont ir-risposta tal-Awtorità, din ma għandhiex bażi ġuridika biex titlob rieżamijiet indipendenti tal-awditjar mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet dwar l-għadd tagħhom u l-Awtorità pproponiet lill-Kummissjoni temenda r-regolament delegat dwar it-tariffi għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet sabiex tarmonizza s-sistema tal-kalkolu f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tas-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS); jinnota li, skont ir-risposta tal-Awtorità, fl-2019, l-akbar repożitorju tat-tranżazzjonijiet ipprovda ċ-ċertifikazzjoni tal-awditur indipendenti fuq bażi volontarja fuq il-kriterji kollha użati fil-kalkolu; |
Prestazzjoni
|
6. |
Jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità tuża ċerti miżuri bħall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u miżuri oħra biex ittejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha, bħall-għadd ta' evalwazzjonijiet bejn il-pari mwettqa, l-għadd ta' suġġetti tar-riskju analizzati u r-rata tal-eżitu tal-baġit; |
|
7. |
Jinnota li l-Awtorità ikkompletat 95 % tal-attivitajiet inklużi fil-programm ta' ħidma annwali tagħha fl-2019, u dan jirrappreżenta żieda ta' 5 % meta mqabbel mal-2018; |
|
8. |
Jinnota li l-Awtorità, flimkien mal-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, tifforma parti minn kumitat konġunt li għandu l-għan li jiżgura konsistenza transsettorjali u pożizzjonijiet konġunti fil-qasam tas-superviżjoni tal-konglomerati finanzjarji u fuq kwistjonijiet transsettorjali oħra, u li tikkondividi uffiċjal tal-kontabbiltà mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li ħadet sehem f'ħafna akkwisti konġunti ma' aġenziji oħra, u dejjem fittxet effiċjenzi permezz tal-kooperazzjoni; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Awtorità biex b'mod attiv tipprova tikseb aktar kooperazzjoni u kooperazzjoni usa' mal-aġenziji kollha tal-Unjoni; |
|
9. |
Jilqa' l-isforzi tal-Awtorità favur reġim superviżorju aktar ikkoordinat fis-sistema finanzjarja Ewropea kollha; jissottolinja r-rwol tagħha li tiżgura suq finanzjarju stabbli, integrat tajjeb, effiċjenti u sikur; jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tal-konsumatur fl-Unjoni billi jiġu promossi l-ġustizzja u t-trasparenza fis-suq tal-prodotti u tas-servizzi finanzjarji, u jistenna b'interess li jirċievi aġġornament dwar il-miżuri futuri li se jittieħdu f'din id-direzzjoni, inklużi r-reazzjonijiet għall-isfidi tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u l-miżuri ta' sostenibbiltà; |
|
10. |
Jissottolinja d-dmir tas-sistema finanzjarja li tirrispondi b'mod xieraq għall-isfidi tas-sostenibbiltà finanzjarja, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Ftehim ta' Pariġi; jilqa', għalhekk, l-isforzi tal-Awtorità biex tinkorpora għadd addizzjonali ta' ekwivalenti full-time (FTEs) fil-baġit tagħha għall-2020 sabiex tkopri l-mandat il-ġdid tagħha dwar is-sostenibbiltà; jistenna b'interess, fit-tieni nofs tal-2021, aġġornament dwar il-progress f'dan il-qasam; |
|
11. |
Jirrimarka li l-Awtorità ngħatat aktar setgħat fil-qasam tas-superviżjoni diretta u t-tisħiħ tal-konverġenza; jilqa' b'sodisfazzjon l-għoti ta' din ir-responsabbiltà iżda jwissi li, biex ikun effettiv, dan il-proċess irid ikun gradwali u kontinwu; |
|
12. |
Jissottolinja li f'ċerti każijiet il-mandati adottati fil-livell 1 tal-leġiżlazzjoni ma jqisux il-perjodi minimi meħtieġa biex l-Awtorità twettaq ix-xogħol neċessarju biex tiżviluppa u tadotta miżuri tal-livell 2, u dan jirriżulta fil-ħtieġa ta' riallokazzjoni tar-riżorsi u jikkawża dewmien fl-implimentazzjoni ta' ċerti miżuri; |
|
13. |
Jirrikonoxxi li l-kompożizzjoni tal-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità tidher adatta biex tindirizza s-setgħat regolatorji tal-Awtorità, iżda mhux daqstant fir-rigward tal-funzjonijiet superviżorji tagħha; iqis li l-kapaċità tal-Awtorità li tikseb informazzjoni preċiża mingħand l-istituzzjonijiet finanzjarji mhijiex biżżejjed biex tippermettilha teżerċita r-responsabbiltajiet differenti tagħha; |
|
14. |
Jirrimarka li l-Awtorità, fit-twettiq tal-attivitajiet tagħha, jeħtieġ li toqgħod attenta għall-iżgurar tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni, ir-rispett tal-prinċipju tal-proporzjonalità – meta rilevanti – u l-konformità mal-prinċipji fundamentali li jirregolaw is-suq intern; jilqa' t-twaqqif ta' Kumitat Konsultattiv dwar il-Proporzjonalità għas-sorveljanza tal-prinċipju tal-proporzjonalità u jistenna b'interess li jirċievi l-metodoloġija proposta dwar kif il-Kumitat se jikkontribwixxi għall-programm ta' ħidma annwali tal-Awtorità; jirrimarka li l-prinċipju tal-proporzjonalità għandu jkun prinċipju gwida għall-ħidma tal-Awtorità, meta rilevanti; |
|
15. |
Jinnota li, peress li l-volum tax-xogħol tal-Awtorità qiegħed jinbidel dejjem aktar minn kompiti regolatorji għall-infurzar u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ir-riżorsi baġitarji u tal-persunal iridu jiġu riallokati internament; jirrimarka li ffukar strett fuq il-mandat assenjat mill-leġiżlatur tal-Unjoni jiżgura użu aktar effettiv u effiċjenti tar-riżorsi; iwissi li sabiex ikun hemm superviżjoni effettiva huwa essenzjali li l-Awtorità jkollha l-kapaċità li tadotta miżuri biex tadatta ruħha għar-riskji jew il-problemi li jistgħu jinqalgħu fis-suq; josserva li ż-żidiet fil-baġit għandhom ikunu gradwali u kontinwi fuq tul ta' żmien, b'mod parallel maż-żieda fil-kompetenzi; iqis li r-responsabbiltajiet futuri li se jirriżultaw, fost l-oħrajn, mill-Istrateġija għall-Finanzi Diġitali kif ukoll ir-responsabbiltajiet inerenti għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jirrikjedu adattament fil-finanzjament tal-Awtorità; jisħaq fuq l-urġenza li l-Awtorità tingħata biżżejjed riżorsi li jippermettulha twettaq il-kompiti assenjati lilha b'mod adegwat u effiċjenti; |
|
16. |
Jilqa' r-rapport tal-Awtorità tat-3 ta' Novembru 2020 dwar ir-rieżami rapidu bejn il-pari dwar l-applikazzjoni tal-linji gwida dwar l-infurzar tal-informazzjoni finanzjarja (ESMA/2014/1293) minn BaFin u FREP fil-kuntest ta' Wirecard, li fih inkixfu dgħufijiet kbar fis-sorveljanza tas-suq u tal-istituzzjonijiet, speċjalment fir-rigward tal-protezzjoni tal-investituri u l-integrità tas-suq; jissuġġerixxi li l-Awtorità tirrifletti t-tagħlimiet meħuda minn dan l-iskandlu fil-linji gwida tagħha u fir-rieżamijiet bejn il-pari tagħha tal-implimentazzjoni ta' dawk il-linji gwida; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex ikun hemm armonizzazzjoni akbar fir-regoli tal-Unjoni dwar is-superviżjoni finanzjarja; |
|
17. |
Jirrikonoxxi l-inkjesta dwar skemi ta' negozju ta' arbitraġġ tad-dividendi bħal cum-ex jew cum-cum, kif mitlub mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Novembru 2018 dwar l-iskandlu cum-ex: il-kriminalità finanzjarja u l-lakuni fil-qafas ġuridiku kurrenti (2); jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għar-reqqa li biha qed issir din l-investigazzjoni dwar l-integrità ta' qasam speċifiku ta' attività tas-swieq finanzjarji; |
|
18. |
Jemmen li l-Awtorità għandha tqis l-isfidi diġitali l-ġodda u dawk relatati mas-sostenibbiltà; iqis li t-twettiq ta' dawn l-objettivi stabbiliti u l-integrazzjoni tagħhom fil-qafas regolatorju u superviżorju jridu jkunu dejjem allinjati mat-tisħiħ tas-suq, mingħajr ma tiddgħajjef il-kompetittività tiegħu u mingħajr ma jitqies piż eċċessiv fuq l-atturi tas-suq, speċjalment dawk ta' daqs żgħir u medju; jemmen li l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dawn l-objettivi jrid ikun akkumpanjat minn riżorsi adegwati; |
Politika dwar il-persunal
|
19. |
Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2019, 73,81 % tat-tabella tal-persunal kienet ġiet implimentata, u 155 aġent temporanju minn total ta' 210 aġenti temporanji awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni kienu ġew maħtura (meta mqabbel ma' 156 post tax-xogħol awtorizzati fl-2018); jinnota li l-eżekuzzjoni relattivament baxxa tat-tabella tal-persunal tista' tiġi spjegata bl-adozzjoni aktar tard milli mistenni tar-Rieżami tal-Awtorità Superviżorja Ewropea u tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew) li kieku kienu jawtorizzaw ir-reklutaġġ ta' persunal addizzjonali għall-Awtorità; jinnota li, barra minn hekk, 68 aġent kuntrattwali u 10 esperti nazzjonali sekondati kienu qed jaħdmu għall-Awtorità fl-2019; |
|
20. |
Jilqa' l-aħbar li l-Awtorità qed toqrob lejn il-kisba ta' bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bord maniġerjali tagħha (6 irġiel u 5 nisa) u fil-livell tal-persunal (52 % rġiel u 48 % nisa); jinnota b'sodisfazzjon il-bilanċ bejn il-ġeneri rrappurtat fir-rigward tal-maniġment superjuri (raġel wieħed u mara waħda); jilqa' l-intenzjoni tal-Awtorità li tippubblika lista qasira li tkun tikkonsisti f'tal-anqas mara waħda u raġel wieħed għan-nomina bħala l-President tagħha, u jistieden lill-Awtorità tagħmel l-istess fir-rigward tan-nomina tad-Direttur Eżekuttiv tagħha; jistieden lill-Awtorità tieħu spunt mill-inizjattivi tal-Bank Ċentrali Ewropew li jipproponu programmi interni għall-promozzjoni tan-nisa u għal aktar diversità fost il-persunal tagħha; |
|
21. |
Jinnota li r-rata ta' dawran tal-persunal tal-Awtorità kienet ta' 5 % fl-2019, liema rata tilħaq il-mira tal-Awtorità ta' inqas minn 10 %; |
|
22. |
Jinnota li l-Awtorità adottat politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju; jinnota li, kull sena, id-dipartiment tar-riżorsi umani tal-Awtorità jħejji rapport dwar l-attivitajiet imwettqa mill-Awtorità għall-prevenzjoni tal-fastidju fuq il-post tax-xogħol; jinnota wkoll li d-dipartiment tar-riżorsi umani u l-konsulenti kunfidenzjali tal-Awtorità jorganizzaw sessjonijiet regolari ta' sensibilizzazzjoni; |
|
23. |
Huwa tal-fehma li t-taħlita ta' esperjenza pubblika-privata li jġib miegħu l-persunal tagħha hi ta' benefiċċju għall-Awtorità; iqis li għandhom jiġu esplorati sistemi li jattiraw talent mis-settur privat lejn is-settur pubbliku u viċeversa, bl-implimentazzjoni ta' salvagwardji minimi għall-promozzjoni tal-indipendenza taż-żewġ setturi; jemmen li l-implimentazzjoni tar-regoli f'dan il-qasam għandha tkun sorveljata minn korpi komuni tal-Unjoni u għandha tqis iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' kull każ; |
|
24. |
Jikkondividi bi tħassib l-osservazzjoni tal-Qorti li biex tikkumpensa għal nuqqas ta' postijiet tax-xogħol l-Awtorità qegħda sserraħ dejjem aktar fuq konsulenti u persunal interim, u dan jista' joħloq riskji ta' superviżjoni inadegwata ta' xogħol kumpless minn kuntratturi esterni u kwistjonijiet ta' litigazzjoni kuntrattwali minħabba responsabbiltajiet imċajpra; jinnota, bħala segwitu mis-sejbiet tas-snin preċedenti tal-Qorti, li l-Awtorità tuża kuntratti ma' kumpaniji tal-IT li huma fformulati b'mod li jista' jimplika l-istazzjonar ta' ħaddiema interim minflok il-forniment ta' servizzi jew prodotti tal-IT definiti b'mod ċar; jinnota li l-użu ta' kuntratti ta' servizzi tal-IT għall-provvediment ta' manodopera ma jikkonformax mar-regoli tal-Unjoni dwar is-servizzi soċjali u l-impjiegi, u jesponi lill-Awtorità għal riskji ġuridiċi u reputazzjonali; jinnota li, skont ir-risposta tal-Awtorità, kwalunkwe riskju potenzjali f'dan il-kuntest kien limitat u hija adottat il-proċeduri kollha meħtieġa biex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni possibbli bejn l-akkwist ta' servizzi tal-IT u l-istazzjonar ta' ħaddiema interim fil-kuntratti; iħeġġeġ lill-Awtorità tiżgura li l-kuntratti jevitaw kwalunkwe konfużjoni bejn l-akkwist ta' servizzi u l-ingaġġ ta' ħaddiema interim; |
Akkwist
|
25. |
Jinnota l-isforzi tal-Awtorità biex tfittex titjib fl-effiċjenza billi tgħaqqad il-proċeduri ta' akkwist ma' aġenziji oħra; jinnota li fl-2019 l-Awtorità ffirmat kuntratt qafas, flimkien mal-Awtorità Bankarja Ewropea, dwar servizzi ta' konsulenza fil-qasam tal-ġestjoni tal-faċilitajiet u issa qed tmexxi proċedura ta' akkwist għas-servizzi tal-ħaddiema interim flimkien mat-tliet aġenziji l-oħra bi kwartieri ġenerali fi Franza; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza
|
26. |
Jinnota li 25,41 % tal-baġit tal-Awtorità ġej minn tariffi imposti fuq l-entitajiet li jinsabu taħt is-superviżjoni tagħha; jinnota li ġew implimentati miżuri sabiex jittaffa kwalunkwe kunflitt ta' interess, u li dawk l-istrutturi u l-proċessi ġew awditjati minn korpi tal-Unjoni u awdituri esterni; jistieden lill-Awtorità tkompli tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri li ħadet biex tiżgura li ma jseħħ l-ebda kunflitt ta' interess; jinnota, barra minn hekk, li l-Awtorità temmen li, jekk tkun il-Kummissjoni li tiġbor it-tariffi, jinħolqu ineffiċjenzi, u r-riskji ta' ineżattezza u ta' kalkolu ħażin jiżdiedu, bil-konsegwenza li ssir ħsara għar-reputazzjoni; |
|
27. |
Jilqa' l-passi ulterjuri li ttieħdu sabiex tissaħħaħ it-trasparenza fl-attivitajiet tal-Awtorità permezz tar-rapportar tal-laqgħat li l-persunal tal-Awtorità jkollu ma' partijiet ikkonċernati esterni u d-disponibbiltà tagħhom fuq is-sit web tal-Awtorità; |
|
28. |
Jilqa' l-fatt li l-Awtorità tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-maniġment superjuri tagħha; |
|
29. |
Ifakkar fil-kummenti u l-osservazzjonijiet mill-awtorità ta' kwittanza fir-riżoluzzjoni li takkumpanja d-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-Awtorità għas-sena finanzjarja 2018 relatati mal-problema tal-kunflitti ta' interess li jirriżultaw minn sitwazzjonijiet ta' "revolving doors" u jisħaq fuq il-ħtieġa ta' approċċ unifikat fost l-aġenziji; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li jkun sar; |
|
30. |
Jissottolinja l-importanza ta' amministrazzjoni miftuħa, effiċjenti u indipendenti għal kull waħda mill-aġenziji tal-Unjoni u għall-Unjoni kollha kemm hi; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja: il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku (4), u fid-deċiżjoni tat-18 ta' Novembru 2020 u r-rakkomandazzjoni tas-7 ta' Mejju 2020 tal-Ombudsman Ewropew fil-każ 2168/2019/KR; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' qafas ġuridiku unifikat biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet; jistieden lill-Awtorità timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew fil-każ 2168/2019/KR, b'mod partikolari, fejn meħtieġ, billi tinvoka l-possibbiltà li tipprojbixxi l-persunal f'kariga għolja tagħha milli jieħu ċerti karigi wara tmiem il-mandat tiegħu, tistabbilixxi kriterji għall-possibbiltà li l-persunal imur jaħdem fis-settur privat, tinforma lill-applikanti għal karigi għolja tal-Awtorità dwar il-kriterji meta dawn japplikaw, u tistabbilixxi proċeduri interni biex tiżgura li meta membru tal-persunal tagħha jmur jaħdem f'impjieg ieħor, l-aċċess tiegħu jew tagħha għall-informazzjoni kunfidenzjali jiġi rtirat b'effett immedjat; jistieden ukoll lill-Awtorità tikkunsidra li testendi l-perjodu obbligatorju ta' preklużjoni ta' 12-il xahar għall-membri tal-persunal f'kariga għolja li jikkontemplaw mossa li tista' twassal għal kunflitti ta' interess wara impjieg pubbliku; jistieden lill-Awtorità tieħu spunt mill-pubblikazzjoni tal-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Etika tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar każijiet ta' kunflitt ta' interess u impjieg bi ħlas wara mandat, sabiex tiżdied it-trasparenza dwar il-possibbiltà ta' kunflitti ta' interess u l-impjieg bi ħlas wara mandat; |
Kontrolli interni
|
31. |
Jinnota, fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet mill-awtorità ta' kwittanza relatati mar-rapport tal-IAS dwar "Dħul u Ġestjoni Bbażata fuq l-Attività fl-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq", li l-azzjonijiet relatati li ntlaħaq qbil dwarhom ittieħdu; |
|
32. |
Jinnota li l-IAS fl-2019 ħareġ rapport tal-awditjar dwar "proċessi ta' sigurtà tal-IT u proċessi relatati ta' governanza" u li l-Awtorità ħejjiet pjan ta' azzjoni biex tindirizza l-oqsma għal titjib; jistieden lill-Awtorità tgħarraf lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda f'dan ir-rigward; |
|
33. |
Jinnota li l-bord maniġerjali tal-Awtorità adotta l-qafas ta' kontroll intern il-ġdid f'Novembru 2018; jinnota li l-Awtorità wettqet l-ewwel valutazzjoni annwali tal-effettività tal-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-kontroll intern fl-ewwel trimestru tal-2020 u kkonkludiet li s-sistema ta' kontroll intern qed tiffunzjona tajjeb; jinnota li ġew identifikati 24 nuqqas, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu żgħar u li ebda wieħed minnhom ma xeħet dubju fuq il-preżenza u l-funzjonament xieraq tal-prinċipji, u li t-tali nuqqasijiet kienu prinċipalment relatati mal-komponenti tal-ambjent ta' kontroll u tal-attivitajiet ta' kontroll, kif ukoll il-komponenti tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni; |
Kummenti oħra
|
34. |
Jinnota li, bl-inċertezza kontinwa rigward il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, l-Awtorità kompliet tieħu miżuri preparatorji prattiċi għal xenarju possibbli ta' "ebda ftehim" billi ppubblikat dikjarazzjonijiet u miżuri aġġornati għall-applikazzjonijiet tal-IT u għall-bażijiet ta' data; |
|
35. |
Jinnota l-isforzi li saru biex jiżdiedu ċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data tal-Awtorità; |
|
36. |
Jinnota li f'Novembru 2019 l-Awtorità mxiet lejn bini ġdid f'Pariġi fil-binja magħrufa bħala "iBox", li għandha ċertifikazzjoni ambjentali ta' kwalità għolja u hija irħas għal kull metru kwadru meta mqabbel mal-bini l-antik; |
|
37. |
Jistieden lill-Awtorità tiffoka fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tagħha mal-pubbliku ġenerali; |
|
38. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ April 2021 (5) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 107, 31.3.2020, p. 233.
(2) ĠU C 363, 28.10.2020, p. 102.
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0017.
(5) Testi adottati, P9_TA(2021)0215.