SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

26 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Indikazzjoni tal-prezzijiet tal-prodotti – Direttiva 98/6/KE – Artikolu 6a – Reklami ta’ tnaqqis fil-prezz – Kundizzjonijiet – Kunċett ta’ ‘prezz preċedenti’ – Obbligu li t-tnaqqis fil-prezz irreklamat ikun iddeterminat abbażi tal-prezz preċedenti”

Fil-Kawża C‑330/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Mejju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Mejju 2023, fil-proċedura

Verbraucherzentrale Baden‑Württemberg eV

vs

Aldi Süd Dienstleistungs SE & Co. OHG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Piçarra (Relatur), President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukata Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Aldi Süd Dienstleistungs SE & Co. OHG, minn C. Fürsen u A. Starcke, Rechtsanwälte,

–

għall-Gvern Ċek, minn S. Šindelková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

–

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u M. H. S.Gijzen, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–

għall-Gvern Norveġiż, minn F. Bergsjø u P. A. Tønnessen, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann, P. Ondrůšek u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6a(1) u (2) tad-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 32), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019 (ĠU 2019, L 328, p. 7) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/6”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Verbraucherzentrale Baden‑Württemberg eV (l-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi tal-Land ta’ Baden‑Württemberg) (iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi”) u Aldi Süd Dienstleistungs SE & Co. OHG (iktar ’il quddiem “Aldi”), dwar l-indikazzjonijiet ta’ tnaqqis fil-prezz fir-reklamar tal-bejgħ ta’ prodotti tal-ikel.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑Direttiva 98/6

3

Il-premessi 1, 2, 6 u 12 tad-Direttiva 98/6 jiddikjaraw:

“(1)

[…] [i]l-ħidma trasparenti tas-suq u l-informazzjoni korretta hija ta’ benefiċċju għall-protezzjoni tal-konsumatur u kompetizzjoni f’saħħitha bejn l-intrapriżi u l-prodotti;

(2)

[…] [i]l-konsumaturi għandhom ikunu garantiti minn livell għoli ta’ protezzjoni; […] [i]l-Komunità għandha tikkontribwixxi għal dan b’azzjoni speċifika li tappoġġja u tissupplimenta l-politika segwita mill-Istati Membri rigward informazzjoni preċiża, trasparenti u li m’hix ambigwa għall-konsumaturi dwar il-prezzijiet ta’ prodotti offruti lilhom;

[…]

(6)

[…] l-obbligu li jkun indikat il-prezz tal-bejgħ ta’ prodott wieħed jikkontribwixxi sostanzjalment sabiex titjieb l-informazzjoni tal-konsumatur, peress li dan huwa l-eħfef mod li jgħin lill-konsumaturi sabiex jevalwaw u jikkomparaw il-prezz ta’ prodotti fl-aħjar manjiera u b’hekk jagħmlu għażliet informati abbażi ta’ paraguni sempliċi;

[…]

(12)

[…] [i]r-regoli fil-livell tal-Komunità jistgħu jiżguraw informazzjoni ta’ l-istess xorta u trasparenti li tibbenefika lill-konsumaturi kollha fil-kuntest tas-suq intern […]”.

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistipula indikazzjoni tal-prezz tal-bejgħ u l-prezz għal kull unità ta’ kejl ta’ prodotti offruti mill-negozjanti lill-konsumaturi sabiex titjieb l-informazzjoni lill-konsumatur u tiffaċilita l-paragun tal-prezzijiet.”

5

Skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, il-prezz tal-bejgħ ma għandux ikun ambigwu, għandu jkun faċilment identifikabbli u għandu jkun jista’ jinqara b’mod ċar.

6

L-Artikolu 6a(1) u (2) tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.   Kwalunkwe tħabbir ta’ tnaqqis fil-prezz għandu jindika l-prezz preċedenti applikat mill-kummerċjant għal perjodu ta’ żmien determinat qabel l-applikazzjoni tat-tnaqqis fil-prezz.

2.   Il-prezz preċedenti jfisser l-aktar prezz baxx applikat mill-kummerċjant matul perjodu ta’ żmien li mhuwiex iqsar minn 30 jum qabel l-applikazzjoni tat-tnaqqis fil-prezz.”

7

Dan l-Artikolu 6a ddaħħal fid-Direttiva 98/6 permezz tad-Direttiva 2019/2161, li l-premessa 1 tagħha tiddikjara:

“L-Artikolu 169(1), u l-punt (a) tal-Artikolu 169(2) [TFUE] jipprevedu li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ ħarsien għall-konsumatur permezz ta’ miżuri adottati skont l-Artikolu 114 TFUE. L-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea […] jistipula li l-politiki tal-Unjoni għandhom jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.”

Id‑Direttiva 2005/29/KE

8

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86), intitolat “Ambitu ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara transazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.

[…]

4.   Fil-każ ta’ konflitt bejn id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u regoli Komunitarji oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi.”

Il‑Linji Gwida tal‑2021

9

It-Taqsima 2 tal-Avviż tal-Kummissjoni tad‑29 ta’ Diċembru 2021, intitolat “Gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 6a tad-[Direttiva 98/6]” (ĠU 2021, C 526, p. 130, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal‑2021”), tirrigwarda l-“[i]ndikazzjoni tal-prezz ‘preċedenti’”. Il-punt 2.1 ta’ din it-taqsima, intitolat “Regoli ġenerali”, huwa fformulat kif ġej:

“[…]

Ħlief għall-oġġetti koperti mill-għażliet regolatorji msemmija fil-paragrafi 3 sa 5 tal-Artikolu 6a [tad-Direttiva 98/6], l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu perjodu iqsar minn 30 jum biex jistabbilixxu l-prezz ‘preċedenti’. L-għan ta’ dan il-perjodu ta’ referenza ta’ mill-inqas 30 jum huwa li jipprevjeni lill-kummerċjanti milli jilagħbu bil-prezzijiet u joffru tnaqqis falz fil-prezz, bħal meta jżidu l-prezz għal perjodu qasir biex wara jnaqqsuh billi jippreżentawh bħala tnaqqis (sinifikanti) fil-prezz li jqarraq bil-konsumaturi. Għalhekk, il-perjodu ta’ 30 jum għall-iffissar tal-prezz ‘preċedenti’ ta’ referenza jiżgura li l-prezz ta’ referenza jkun reali u mhux biss għodda ta’ kummerċjalizzazzjoni li tagħmel it-tnaqqis jidher attraenti.

[…]

Għaldaqstant, it-tnaqqis fil-prezz irid jiġi ppreżentat bl-użu tal-prezz ‘preċedenti’ indikat bħala referenza, jiġifieri kwalunkwe tnaqqis perċentwali indikat irid ikun ibbażat fuq il-prezz ‘preċedenti’ kif stabbilit f’konformità mal-Artikolu 6a […]”.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

10

Ta’ kull ġimgħa, Aldi tfassal fuljetti tar-reklami bl-offerti tal-varji sussidjarji tal-Grupp Aldi Süd (iktar ’il quddiem il-“Grupp Aldi”). Dawn il-fuljetti huwa aċċessibbli wkoll fuq l-Internet.

11

Il-fuljett għall-ġimgħa mis‑17 sat‑22 ta’ Ottubru 2022 ippreżenta, fost l-oħrajn, “Roħs kbir” fuq “prodotti friski bi prezz baxx”, fosthom il-“banana organika fairtrade, mhux f’għanieqed” u l-“ananas Rainforest Alliance”. Il-prezz ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ prodotti kien indikat maġenb ritratt tagħhom, fil-forma ta’ rettangolu abjad, li kellu fih żewġ prezzijiet differenti, jiġifieri, fin-nofs, prezz b’ittri kbar (EUR 1.29 għall-banana u EUR 1.49 għall-ananas), u fuq in-naħa leminija t’isfel, prezz ieħor, b’ittri iżgħar fid-daqs u ingassat (EUR 1.69 għal kull wieħed miż-żewġ prodotti). Fil-każ tal-banana, rettangolu bil-kuluri tal-bandiera tal-Ġermanja, parti minnu mqiegħda fuq ir-rettangolu li jindika l-prezz, kien jindika t-tnaqqis ta’ dan tal-aħħar fil-forma ta’ perċentwali. Rettangolu simili mqiegħed bl-istess mod intuża wkoll fir-rigward tal-offerta tal-ananas, bil-kliem “Prezzijiet imnaqqsa” (“Preis‑Highlight”). Taħt kull wieħed minn dawn ir-rettangoli bojod bil-prezz kien hemm il-kliem li ġej: “L-aħħar prezz tal-bejgħ. L-irħas prezz fl-aħħar 30 jum”, segwit bit-tielet prezz (EUR 1.29 għall-banana u EUR 1.39 għall-ananas).

12

B’mod iktar preċiż, il-prezzijiet ta’ din il-banana u ta’ dawn l-ananas kienu ppreżentati bil-mod kif ġej:

Image

Image

(banana)

(ananas)

13

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-prezz irreklamat fil-ħwienet tal-Grupp Aldi għall-imsemmija banana kien ta’ EUR 1.69/kg b’mod kontinwu sa minn nofs Settembru 2022, ħlief għall-ġimgħa tad‑19 sal‑24 ta’ Settembru, li matulha prezzha tnaqqas għal EUR 1.29/kg. Fir-rigward tal-ananas, il-prezz ta’ kull waħda kien ta’ bejn EUR 1.39 u EUR 1.79 matul il-ħames ġimgħat ta’ qabel l-offerta li dehret fil-fuljett. Il-prezz li ppreċeda immedjatament din l-offerta kien ta’ EUR 1.69.

14

Billi tqis li tali reklamar kien ta’ ħsara għall-interessi tal-konsumaturi u kien żleali, l-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi adixxiet lil-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż li Aldi tiġi kkundannata tieqaf milli tirreklama lill-konsumaturi, hija stess jew permezz ta’ terzi, il-bejgħ ta’ prodotti tal-ikel, billi jindika tnaqqis fil-prezz fil-forma ta’ perċentwali u dan meta t-tnaqqis ma jkunx iddeterminat abbażi tal-prezz l-iktar baxx iċċarġjat fil-ħwienet tal-Grupp Aldi matul it‑30 jum qabel ma jibda japplika tali tnaqqis. Ir-rikors tal-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi huwa intiż ukoll li Aldi tiġi kkundannata tieqaf milli tirreklama tnaqqis, hija stess jew permezz ta’ terzi, fil-prezz ta’ prodotti tal-ikel bħala “Prezzijiet imnaqqsa”, filwaqt li jindika prezz ogħla minn dak li kien jiġi ċċarġjat mill-ħwienet tal-Grupp Aldi matul it‑30 jum ta’ qabel.

15

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-eżitu tat-tilwima li hija adita biha jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 6a(1) u (2) tad-Direttiva 98/6 u tindika li ma taqbilx mal-pożizzjoni li ħadet l-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi, li l-bażi għad-determinazzjoni tat-tnaqqis fil-prezz offrut lill-konsumatur għandha tkun il-“prezz preċedenti”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 6a(2). Dik il-qorti tqis li tali interpretazzjoni, minkejja li tirriżulta mill-Linji Gwida tal‑2021, ma tistax tiġi dedotta minn din id-direttiva, li tillimita ruħha, essenzjalment, li tiddetermina l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-konsumaturi u l-mument li fih għandu jsir dan, mingħajr, madankollu, ma tippreċiża l-mod li bih din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta.

16

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, sa fejn id-Direttiva 98/6 ma tirregolax l-aspetti speċifiċi tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni, ħlief il-qasam li jaqa’ taħt l-imsemmi Artikolu 6a, għandu minflok jiġi evalwat jekk l-informazzjoni inkwistjoni ġietx ipprovduta lill-konsumaturi skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2005/29. Hija tammetti, madankollu, li, f’ċerti każijiet, l-indikazzjoni ta’ perċentwali ta’ tnaqqis fil-prezz li ma tkunx tirreferi għall-“prezz preċedenti”, fis-sens tal-Artikolu 6a(2) tad-Direttiva 98/6, tkun ta’ natura żleali u, għaldaqstant, tmur kontra d-Direttiva 2005/29. L-istess jista’ jgħodd, mutatis mutandis, għar-reklami li jirreklamaw tnaqqis fil-prezz bħala wieħed allegatament vantaġġuż ħafna.

17

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 6a(1) u (2) tad-[Direttiva 98/6] għandu jiġi interpretat fis-sens li perċentwali msemmija fi tħabbir ta’ tnaqqis fil-prezz tista’ tirreferi biss għall-prezz preċedenti fis-sens tal-Artikolu 6a(2) tad-Direttiva 98/6?

(2)

L-Artikolu 6a(1) u (2) tad-Direttiva 98/6 għandu jiġi interpretat fis-sens li meta enfasi fir-reklamar intiż biex jenfasizza n-natura vantaġġuża ta’ offerta fil-livell tal-prezz (bħall-indikazzjoni tal-prezz bħala ‘prezz-highlight’) jintuża fi tħabbir ta’ tnaqqis fil-prezz, huwa għandu jirreferi għall-prezz preċedenti fis-sens tal-Artikolu 6a(2) tad-Direttiva 98/6?”

Fuq id‑domandi preliminari

18

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6a(1) u (2) tad-Direttiva 98/6 għandux jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li tnaqqis fil-prezz ta’ prodott, irreklamat minn kummerċjant jew fil-forma ta’ perċentwali jew fil-forma ta’ dikjarazzjoni f’reklam intiża li tenfasizza n-natura vantaġġuża tal-prezz irreklamat, għandu jkun iddeterminat abbażi tal-“prezz preċedenti”, fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

19

Skont l-Artikolu 6a(1) tad-Direttiva 98/6, “[k]walunkwe tħabbir ta’ tnaqqis fil-prezz għandu jindika l-prezz preċedenti applikat mill-kummerċjant għal perjodu ta’ żmien determinat qabel l-applikazzjoni tat-tnaqqis fil-prezz”. Il-kunċett ta’ “prezz preċedenti” huwa ddefinit mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu bħala “l-aktar prezz baxx applikat mill-kummerċjant matul perjodu ta’ żmien li mhuwiex iqsar minn 30 jum qabel l-applikazzjoni tat-tnaqqis fil-prezz”.

20

Fl-ewwel lok, huwa minnu li l-mod kif tqiegħed il-kliem fl-Artikolu 6a(1) tad-Direttiva 98/6 ma jippermettix, fih innifsu, li jiġi ddeterminat jekk it-tnaqqis fil-prezz f’reklam partikolari għandux ikun ikkalkolat abbażi tal-“prezz preċedenti”, kif iddefinit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Jibqa’ l-fatt li l-kelma “tnaqqis”, fid-diskors ta’ kuljum, tirreferi għal tnaqqis minn prezz iċċarġjat qabel.

21

Fit-tieni lok, sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, din għandha tiġi interpretata billi jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll, b’mod partikolari, l-għanijiet speċifiċi li tfittex li tilħaq din tal-aħħar u l-għanijiet li tfittex li tilħaq il-leġiżlazzjoni li l-imsemmija dispożizzjoni tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Effetti ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija), C‑719/19, EU:C:2021:506, punt 70).

22

Fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 98/6, din tal-aħħar tfittex, skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 6 tagħha, li ttejjeb l-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi u li tiffaċilita l-paragun tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-prodotti li l-kummerċjanti joffru lill-konsumaturi, b’mod li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jagħmlu għażliet informati. Il-premessa 1 tal-imsemmija direttiva tenfasizza l-importanza tat-trasparenza tal-mod kif jiffunzjona s-suq u l-importanza ta’ informazzjoni korretta għall-protezzjoni tal-konsumaturi. Il-premessa 12 tad-Direttiva 98/6 tiddikjara li din tal-aħħar tfittex li tiżgura informazzjoni tal-istess xorta u trasparenti li tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi kollha fil-kuntest tas-suq intern. Barra minn hekk, mill-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 2 ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li l-prezz tal-bejgħ tal-prodotti offruti lill-konsumaturi ma għandux ikun ambigwu, għandu jkun faċilment identifikabbli u għandu jkun jista’ jinqara b’mod ċar, sabiex din l-informazzjoni tkun preċiża, ċara u mingħajr ambigwità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Verband Sozialer Wettbewerb (Kontenituri li jistgħu jiġu rritornati), C‑543/21, EU:C:2023:527, punt 25).

23

Barra minn hekk, il-premessa 1 tad-Direttiva 2019/2161, li daħħlet l-Artikolu 6a fid-Direttiva 98/6, tirreferi b’mod espliċitu għall-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar, bħall-Artikolu 169 TFUE, tfittex li tiżgura, fil-politika tal-Unjoni, livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 49). L-istess għan huwa stabbilit fil-premessa 2 tad-Direttiva 98/6.

24

Issa, li kellu l-Artikolu 6a(1) tad-Direttiva 98/6 jiġi interpretat fis-sens li jkun biżżejjed, f’reklam ta’ tnaqqis fil-prezz, li jissemma l-“prezz preċedenti”, fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, mingħajr ma dan il-prezz ikun il-bażi effettiv tal-mod li bih jiġi kkalkolat tali tnaqqis, jinħoloq riskju, kif proprju rrilevaw, b’mod partikolari, il-Gvern Ungeriż, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Gvern Norveġiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li jiġu mminati dawn l-għanijiet u, b’mod partikolari, dak li tittejjeb l-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi, liema għan jeżiġi li l-informazzjoni dwar il-prezzijiet u l-metodi li bihom jiġi kkalkolat it-tnaqqis irreklamat tkun nieqsa minn kull ambigwità.

25

Fir-rigward, barra minn hekk, tal-għanijiet speċifiċi li jfittex li jilħaq l-Artikolu 6a tad-Direttiva 98/6, dan tal-aħħar ifittex, bħalma proprju jindikaw il-Linji Gwida tal‑2021 u bħalma rrilevaw il-Gvern Ċek, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li jżomm lill-kummerċjanti milli jqarrqu bil-konsumatur, billi jżidu l-prezz iċċarġjat qabel ma jiġi rreklamat tnaqqis fil-prezz u billi b’hekk jirreklamaw tnaqqis falz fil-prezz.

26

B’hekk, li kellu l-Artikolu 6a(1) tad-Direttiva 98/6 jiġi interpretat fis-sens li jkun biżżejjed, f’reklam ta’ tnaqqis fil-prezz, li sempliċement jissemma l-“prezz preċedenti”, fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, mingħajr ma tali tnaqqis ikun effettivament iddeterminat abbażi ta’ dan il-prezz, jiġri li l-kummerċjanti jkunu jistgħu, bi ksur ta’ dan l-għan speċifiku, jiżvijaw lill-konsumaturi b’reklami ta’ tnaqqis fil-prezz li ma jkunux veri, ħaġa li tmur kontra l-għan innifsu ta’ dan l-Artikolu 6a.

27

Dan ifisser li, sabiex jiġu osservati kemm l-għan speċifiku tal-Artikolu 6a tad-Direttiva 98/6, kif ukoll l-għanijiet li din tal-aħħar ġeneralment tfittex li tilħaq, l-Artikolu 6a(1) u (2) tagħha għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’reklam ta’ tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ ta’ prodott, dan it-tnaqqis għandu jkun iddeterminat skont il-“prezz preċedenti” ta’ dan il-prodott, fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Minn dan isegwi li l-prezz tal-bejgħ ta’ prodott ippreżentat, f’reklam, bħala prezz imnaqqas ma jistax ikun, fil-fatt, l-istess bħal dan il-“prezz preċedenti”, u wisq anqas jista’ jkun ogħla minn dan tal-aħħar.

28

Fit-tielet lok, peress li l-Artikolu 6a tad-Direttiva 98/6 jirregola b’mod speċifiku l-aspetti marbuta mal-indikazzjoni, f’reklam ta’ tnaqqis fil-prezz, tal-prezz preċedenti u mad-determinazzjoni ta’ dan tal-aħħar, huwa fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, kif interpretata fil-punti 24 u 27 ta’ din is-sentenza, li għandha tiġi evalwata l-prassi kummerċjali, fir-relazzjoni bejn il-kummerċjanti u l-konsumaturi, li jiġi rreklamat tnaqqis fil-prezz tal-prodott ikkonċernat li ma jkunx iddeterminat abbażi tal-“prezz preċedenti”, fis-sens tal-Artikolu 6a(2), u mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) u (4) ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Citroën Commerce, C‑476/14, EU:C:2016:527, punti 42 sa 45).

29

Fid-dawl tar-raġunijiet premessi, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 6a(1) u (2) tad-Direttiva 98/6 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li tnaqqis fil-prezz ta’ prodott, irreklamat minn kummerċjant jew fil-forma ta’ perċentwali jew fil-forma ta’ dikjarazzjoni f’reklam intiża li tenfasizza n-natura vantaġġuża tal-prezz irreklamat, għandu jkun iddeterminat abbażi tal-“prezz preċedenti”, fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

Fuq l‑ispejjeż

30

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 6a(1) u (2) tad-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 32) kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jeżiġi li tnaqqis fil-prezz ta’ prodott, irreklamat minn kummerċjant jew fil-forma ta’ perċentwali jew fil-forma ta’ dikjarazzjoni f’reklam intiża li tenfasizza n-natura vantaġġuża tal-prezz irreklamat, għandu jkun iddeterminat abbażi tal-“prezz preċedenti”, fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.