7.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 179/6


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8429 — BNP Paribas/Caisse des Depots et Consignations/Societe Générale/Euronext/Euroclear/S2IEM/CACEIS/JV)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2017/C 179/07)

1.

Fit-30 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha BNP Paribas Securities Services (“BP2S”, Franza), CACEIS Investor Services (“CACEIS”, Franza), Caisse des Dépôts et Consignations (“CDC”, Franza), Euroclear SA/NV (“ESA”, ir-Renju Unit), Euronext NV (“Euronext”, in-Netherlands), S2IEM — Société d’Investissements en Infrastructures Européennes de Marchés (“S2IEM”, Franza) u Société Générale SA (“Société Générale”, Franza), jakkwistaw, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll konġunt ta’ impriża konġunta (joint venture, JV) li għadha kif inħolqot fi Franza (il-“JV”).

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   BP2S: sussidjarja ta’ BNP Paribas SA (kumpanija prinċipali tal-BNP Paribas Group) bbażata fi Franza li tipprovdi servizzi ta’ kustodja u ta’ amministrazzjoni għall-assi tal-klijenti tal-BNP Paribas Group.

—   CACEIS Investor Services: sussidjarja bbażata fi Franza ta’ Crédit Agricole Group li tipprovdi eżekuzzjoni, ikklerjar, kustodja u soluzzjonijiet ta’ amministrazzjoni ta’ fondi għall-investituri istituzzjonali, il-banek, is-sensara u l-kumpaniji.

—   Caisse des Dépôts et Consignations: investitur istituzzjonali regolat Franċiż, attiv f’attivitajiet ta’ servizz pubbliku u ta’ interess ġenerali u f’attivitajiet kummerċjali f’suq miftuħ kompetittiv bħal pereżempju fil-proprjetà u l-ambjent.

—   Euroclear SA/NV (“ESA”): sussidjarja ta’ Euroclear plc li tikkontrolla l-entitajiet operattivi ta’ Euroclear inklużi d-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli u Euroclear Bank, fornitur internazzjonali ċentrali tas-sigurtà li jipprovdu kustodja, saldu u servizzi relatati għal titoli domestiċi u internazzjonali, li jinkludu bonds, ekwitajiet u fondi ta’ investiment.

—   Euronext N.V.: il-kumpanija prinċipali tal-Euronext Group, kumpanija pubblika Olandiża b’sussidjarji fil-Belġju, Franza, in-Netherlands, il-Portugall u r-Renju Unit attiva fil-borża, fin-negozjar fi flus kontanti, kummerċ fid-derivattivi, dejta tas-suq u l-indiċi u soluzzjonijiet ta’ wara l-kummerċ u tas-suq fis-swieq domestiċi tagħha.

—   S2IEM: fond ta’ investiment alternattiv irreġistrat skont il-liġi Franċiża u veikola Sicav ġestita minn OFI Asset Management.

—   Société Générale: il-kumpanija prinċiapli ta’ Société Générale Group, li hija istituzzjoni finanzjarja attiva f’operazzjonijiet bankarji għall-konsumatur fi Franza u kemm internazzjonalment, servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni internazzjonali, u servizzi bankarji korporattivi u ta’ investiment.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f'dan l-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista' jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301), permezz tal-email lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bir-referenza M.8429 — BNP Paribas/Caisse des Depots et Consignations/Societe Générale/Euronext/Euroclear/S2IEM/CACEIS/JV, fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.