15.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 423/65


LINJA GWIDA (UE) 2020/2091 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-4 ta’ Diċembru 2020

li temenda l-Linja Gwida BĊE/2003/5 dwar l-infurzar ta’ miżuri kontra r-riproduzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro irregolari u dwar il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro (BĊE/2020/61)

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 128(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 12.1 u 14.3 u l-Artikolu 16 tiegħu,

Billi:

(1)

Kien hemm żieda fin-numru ta’ riproduzzjonijiet ta’ karti tal-flus tal-euro rtirati miċ-ċirkolazzjoni li l-pubbliku ġenerali jista’ jirriskja li jfixkilhom ma’ karti tal-flus tal-euro ġenwini, minkejja l-fatt li wħud minn dawn ir-riproduzzjonijiet għandhom indikazzjonijiet żgħar jew li ma jistgħux jiġu identifikati faċilment li huma “kopji”, “mhux valuta legali” jew li għandhom “jintużaw biss għall-films jew bħala props”, peress li għandhom id-dehra ta’ karti tal-flus tal-euro u jikkopjaw ċerti karatteristiċi ta’ sigurtà tal-karti tal-flus. Dawn ir-riproduzzjonijiet huma offruti u mixtrija l-aktar permezz ta’ swieq online jew siti web. Ir-riproduzzjonijiet li l-pubbliku ġenerali jista’ jfixkel ma’ karti tal-flus ġenwini huma illegali skont il-Linja Gwida BĊE/2003/5 (1). Għaldaqstant huwa importanti li jiġu ppromulgati miżuri li jnaqqsu u eventwalment iwaqqfu t-tixrid ulterjuri tagħhom u li jikkomplementaw il-miżuri eżistenti li l-Eurosistema għandha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi proċedimenti ta’ ksur li jistgħu jirriżultaw f’sanzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 (2).

(2)

Minn meta ġew introdotti l-karti tal-flus tal-euro, il-membri tal-Eurosistema skambjaw opinjonijiet dwar jekk ċerti riproduzzjonijiet humiex legali jew illegali sabiex jiżguraw interpretazzjonijiet armonizzati fiż-żona tal-euro kollha. Madankollu, biex jiġu ttrattati talbiet futuri għal eżenzjonijiet għal tipi ta’ riproduzzjonijiet li ma jistgħux jiġu evalwati fid-dawl tal-prattika stabbilita, jeħtieġ li tiġi stabbilita proċedura li tiżgura interpretazzjonijiet armonizzati f’sitwazzjonijiet bħal dawn.

(3)

Għaldaqstant, il-Linja Gwida BĊE/2003/5 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

Il-Linja Gwida BĊE/2003/5 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ din il-Linja Gwida:

1.

“riproduzzjoni irregolari” tfisser kwalunkwe riproduzzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni BĊE/2013/10 tal-Bank Ċentrali Ewropew (*1) li:

(a)

ma tikkonformax mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni BĊE/2013/10 u ma hijiex eżentata mill-BĊE jew mill-BĊN rilevanti skont l-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni BĊE/2013/10; jew

(b)

tikser id-drittijiet tal-awtur tal-BĊE fuq il-karti tal-flus tal-euro billi pereżempju taffettwa b’mod negattiv il-prestiġju tal-karti tal-flus tal-euro;

2.

“attività irregolari” tfisser il-produzzjoni, il-pussess, it-trasport, it-tixrid, il-bejgħ, il-promozzjoni, l-importazzjoni fl-Unjoni u l-użu jew it-tentattiv ta’ użu ta’ riproduzzjonijiet irregolari.

(*1)  Deċiżjoni BĊE/2013/10 tad-19 ta’ April 2013 dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro (ĠU L 118, 30.4.2013, p. 37).” "

2.

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu tal-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-infurzar ta’ miżuri kontra attivitajiet irregolari”;

(b)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Meta BĊN jsir jaf b’attività irregolari mibdija fit-territorju nazzjonali tiegħu, huwa għandu, permezz ta’ komunikazzjoni standardizzata ipprovduta mill-BĊE, jordna lill-produttur tar-riproduzzjoni irregolari biex jieqaf iwettaq waħda jew aktar mill-attivitajiet rilevanti irregolari, u meta jitqies f’loku għandu jordna lill-parti fil-pussess tar-riproduzzjoni irregolari biex tgħaddilu din ir-riproduzzjoni.”;

(c)

jiddaħħlu l-paragrafi 1a, 1b u 1c li ġejjin:

“1a.   Meta BĊN jsir jaf bl-involviment, kemm jekk dirett jew indirett, f’attività irregolari, inkluż fil-forma elettronika fuq siti web bid-dominji url nazzjonali rilevanti, b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, jew bi kwalunkwe mezz ieħor li jagħti aċċess lill-membri tal-pubbliku għar-riproduzzjoni irregolari minn post jew f’ħin li huma jagħżlu individwalment, huwa għandu jinnotifika lill-BĊE mingħajr dewmien. Il-BĊN għandu wkoll, permezz ta’ mudell standardizzat ipprovdut mill-BĊE, jordna lill-produttur tar-riproduzzjoni irregolari biex iwaqqaf l-attività irregolari. Il-BĊE għandu mbagħad jieħu l-passi kollha possibbli sabiex ineħħi r-riproduzzjoni irregolari mis-sit elettroniku.

1b.   Il-BĊE jista’ wkoll jordna lill-produttur tar-riproduzzjoni irregolari biex jieqaf iwettaq waħda jew aktar mill-attivitajiet irregolari rilevanti fit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ diversi Stati Membri u barra mill-Unjoni. Fejn jitqies xieraq, il-BĊE għandu jordna lill-parti fil-pussess tar-riproduzzjoni irregolari biex tgħaddilu r-riproduzzjoni irregolari.

1c.   Qabel ma jieħu xi waħda mill-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu, BĊN għandu jinforma lill-BĊE u l-BĊE għandu jikkoordina l-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex il-BĊN jew il-BĊE, kif applikabbli, ikun qed jaġixxi fil-kompetenza meħtieġa tiegħu meta jieħu kwalunkwe miżura.”;

(d)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Għandha tittieħed deċiżjoni sussegwenti mill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE jew mill-BĊN rilevanti, sabiex jingħata bidu għal proċedura ta’ ksur abbażi tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 (*2) li tista’ twassal biex jiġu imposti sanzjonijiet skont dak ir-Regolament. Qabel ma tittieħed din id-deċiżjoni, il-BĊE u l-BĊN rilevanti għandhom jikkonsultaw lil xulxin, u l-BĊN għandu jgħarraf lill-BĊE dwar jekk ingħatax bidu, jew jekk jistax jingħata bidu, għal proċedura ta’ ksur separata skont il-liġi kriminali nazzjonali, u barra minn hekk, dwar jekk hemmx xi bażi legali oħra xierqa għal azzjoni kontra l-attività irregolari, bħal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur. Meta jkun diġà ingħata bidu, jew jekk ikun se jingħata bidu għal proċedura ta’ ksur skont il-liġi kriminali nazzjonali, jew jekk ikun hemm xi bażi legali oħra xierqa għal azzjoni kontra l-attività irregolari, m’għandu jingħata bidu għall-ebda proċedura ta’ ksur skont ir-Regolament (KE) Nru 2532/98.

(*2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998, dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4).”;"

(e)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-BĊE għandu jaġixxi waħdu fit-teħid tal-passi deskritti f’dan l-Artikolu jekk:

(a)

l-oriġini tal-attività irregolari ma tistax tiġi stabbilita b’mod raġonevoli; jew

(b)

l-attività irregolari saret jew sejra ssir fit-territorji ta’ bosta Stati Membri parteċipanti; jew

(c)

l-attività irregolari saret jew sejra ssir barra t-territorji tal-Istati Membri parteċipanti.”;

3.

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Talbiet għal eżenzjoni għar-riproduzzjonijiet

1.   It-talbiet kollha għal eżenzjoni skont l-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni BĊE/2013/10 għandhom jiġu ttrattati:

(a)

mill-BĊN rispettiv, f’isem il-BĊE, jekk ir-riproduzzjonijiet ġew jew se jiġu prodotti biss fit-territorju tal-Istat Membru tiegħu; jew

(b)

mill-BĊE fil-każijiet l-oħrajn kollha deskritti fl-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni BĊE/2013/10.

2.   Jekk BĊN jirċievi talba għal eżenzjoni ta’ tip ġdid, il-BĊN għandu jinforma lill-BĊE dwar it-talba u l-intenzjoni tiegħu li jagħti jew jiċħad l-eżenzjoni. Jekk il-fehmiet tal-BĊE u tal-BĊN ivarjaw minn xulxin f’dan ir-rigward, għandu jiddeċiedi l-Bord Eżekuttiv. Meta jieħu d-deċiżjoni tiegħu, il-Bord Eżekuttiv għandu jikkunsidra l-fehmiet tal-Kumitat tal-Karti tal-Flus u tal-Kumitat Legali, b’mod partikolari kull fehma espressa dwar is-sitwazzjoni individwali tal-Istat Membru inkwistjoni soġġett għall-fehmiet espressi dwar l-implikazzjonijiet tad-deċiżjoni għaż-żona tal-euro kollha kemm hi. Il-BĊE għandu jiġbor id-data fuq it-talbiet riċevuti minnu (kemm jekk indirizzati lilu kif ukoll jekk le) u t-tweġibiet għal dawk it-talbiet u jinforma lill-BĊNi dwarhom. Il-BĊE jista’ wkoll jippubblika d-data konsolidata minn żmien għal żmien.”.

Artikolu 2

Dħu fis-seħħ

Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-4 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Il-Linja Gwida BĊE/2003/5 tal-20 ta’ Marzu 2003 dwar l-infurzar ta’ miżuri kontra r-riproduzzjoni tal-karti tal-flus euro irregolari u dwar il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus euro (ĠU L 78, 25.3.2003, p. 20).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4).