European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/6049

6.11.2025

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2025/6049)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Antequera”

Numru ta’ Ref tal-UE: PDO-ES-0327-AM02 - 31.7.2025

1.   Isem il-prodott

Antequera

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☐

IĠP

☑

DOP

☐

IĠ

3.   Settur

☑

Prodotti agrikoli

☐

Inbejjed

☐

Xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Spanja

5.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

Isem/Ismijiet

Id-Direttorat Ġenerali għall-Industriji, għall-Innovazzjoni u għall-Katina Agroalimentari

6.   Kwalifika bħala emenda standard

L-emenda approvata tissodisfa d-definizzjoni ta’ emenda standard, kif stabbilita fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143, peress li ma tinkludix bidla fl-isem jew fl-użu tal-isem, ma hemm l-ebda riskju li tiġi annullata r-rabta stabbilita maż-żona ġeografika jew li tinvolvi restrizzjonijiet ġodda fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott. Din l-emenda tikkonsolida l-emenda temporanja approvata bl-Ordni tal-11 ta’ Marzu 2024 mill-Ministeru Reġjonali tal-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ilma u l-Iżvilupp Rurali tal-Gvern Reġjonali ta’ Andalusija, iġġustifikata mill-impatt qawwi tan-nixfa u t-tibdil fil-klima fuq l-imsaġar taż-żebbuġ u l-ħsad taż-żebbuġ, li tkompli taffettwa l-karatteristiċi fiżikokimiċi taż-żjut taż-żebbuġa ekstra verġni taż-żona ġeografika koperta mid-DOP “Antequera”.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

Titolu

Emenda tal-limiti għall-aċidu olejku u għall-aċidu linolejku

Deskrizzjoni

Se jiġi emendat il-punt B.3.) Karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi taż-żjut tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Din l-emenda tikkonċerna l-punt 5. “Rabta maż-żona ġeografika”, taqsima “Natura speċifika tal-prodott” tad-Dokument Uniku.

— Emenda tal-limiti għall-aċidu olejku b’valuri “bejn 78 u 81 %” sa “bejn 72 u 81 %” u tal-limiti għall-aċidu linolejku b’valuri “bejn 5 u 8 %” għal “bejn 4 u 10 %”.

Raġunijiet:

Diversi studji u rekords minn dawn l-aħħar 5 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni juru li t-tibdil fil-klima qed jaffettwa b’mod sinifikanti l-profil tal-aċidi grassi taż-żejt taż-żebbuġa, speċjalment il-kontenut tal-aċidu olejku, li t-tnaqqis tiegħu huwa assoċjat ma’ nuqqas frekwenti ta’ ilma u mat-temperaturi għoljin. Dan it-tnaqqis iwassal għal bidla fil-proporzjon tal-aċidi grassi saturati u mhux saturati u hu relatat b’mod invers mal-kontenut tal-aċidu linolejku, li jiżdied b’mod parallel.

Għalhekk, minn approċċ tekniku, il-meded stabbiliti għall-aċidi olejċi u linolejċi ġew emendati, f’konformità mar-regolamenti fis-seħħ u jiggarantixxu l-kwalità taż-żejt protett mid-DOP “Antequera”.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku

Titolu

Tneħħija tal-analiżi tal-parametri li għandhom x’jaqsmu mal-aċidi grassi

Deskrizzjoni

Se jiġi emendat il-punt B.3.) Karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi taż-żjut tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Din l-emenda tikkonċerna l-punt 5. “Rabta maż-żona ġeografika”, taqsima “Natura speċifika tal-prodott” tad-Dokument Uniku.

— Tħassret l-analiżi tal-parametri relatati mal-proporzjon tal-aċidi grassi monoinsaturati/saturati u l-aċidi olejċi/linolejċi.

Raġunijiet:

Abbażi tal-evidenza xjentifika attwali, it-tħassir tal-parametri relatati mal-proporzjonijiet tal-aċidi grassi monoinsaturati/saturati u olejċi/linolejċi huwa ġġustifikat bħala indikaturi indiretti għall-istabbiltà ossidattiva taż-żejt taż-żebbuġa. Dan diġà huwa vvalutat kif xieraq bl-użu tal-parametri tal-kwalità K270 u l-valur tal-perossidu, li janalizzaw direttament il-grad ta’ ossidazzjoni.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku

Titolu

Emenda editorjali.

Deskrizzjoni

Se jiġi emendat il-punt B.3.) Karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi taż-żjut tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Din l-emenda tikkonċerna l-punt 5. “Rabta maż-żona ġeografika”, taqsima “Natura speċifika tal-prodott” tad-Dokument Uniku.

— Ir-raba’ paragrafu taż-żewġ dokumenti tħassar:

“Fi ħdan il-frazzjoni mhux saponifikabbli taż-żjut tal-Antequera joħroġ biċ-ċar il-livelli għoljin tal-isteroli tal-metil, li jaqbżu t-30 mg/100 mg ta’ żejt.”

Raġunijiet:

Ir-rekwiżit rigward il-kontenut tal-isteroli tal-metil ta’ aktar minn 30 mg/100 mg żejt jitħassar peress li bħalissa ma hemm l-ebda metodu uffiċjali vvalidat għall-analiżi fiż-żjut taż-żebbuġa ekstra verġni, f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2105 tad-29 ta’ Lulju 2022 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-metodi analitiċi għall-karatterizzazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa.

Għaldaqstant, mhuwiex possibbli li tintalab din l-analiżi minn kwalunkwe laboratorju akkreditat, peress li ma għandhomx metodu speċifiku jew standardizzat għal dan il-parametru. Għalhekk, il-korp taċ-ċertifikazzjoni ma jistax jimmonitorja jew jivverifika l-konformità, li jagħmilha impossibbli li din tiġi applikata fi ħdan il-qafas ta’ kontroll uffiċjali.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku

Titolu

Aġġornament tal-muniċipalitajiet mingħajr ma tinbidel iż-żona ġeografika demarkata.

Deskrizzjoni

Il-punt C) “ŻONA ĠEOGRAFIKA” tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, it-taqsimiet “Sitwazzjoni u demarkazzjoni taż-żona” u “Erja totali taż-żona u erja tal-imsaġar taż-żebbuġ”, ġie emendat. Din l-emenda tikkonċerna l-punt 4. “Deskrizzjoni qasira taż-żona ġeografika” fid-Dokument Uniku.

Fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott:

Il-paragrafu:

“Iż-żona tal-produzzjoni tinkludi 17-il muniċipalità taż-żona tat-Tramuntana tal-provinċja ta’ Málaga, li huma: Alameda, Almargen, Antequera, Archidona, Campillos, Cañete La Real, Cuevas Bajas, Cuevas de San Marcos, Fuente de Piedra, Humilladero, Mollina, Sierra de Yeguas, Teba, Villanueva de Algaidas, Villanueva del Rosario, Villanueva del Trabuco u Villanueva de Tapia, u muniċipalità waħda fil-provinċja ta’ Córdoba: Palenciana.”

Huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Iż-żona tal-produzzjoni tinkludi 18-il muniċipalità taż-żona tat-Tramuntana tal-provinċja ta’ Málaga, li huma: Alameda, Almargen, Antequera, Archidona, Campillos, Cañete La Real, Cuevas Bajas, Cuevas de San Marcos, Fuente de Piedra, Humilladero, Mollina, Sierra de Yeguas, Teba, Villanueva de Algaidas, Villanueva de la Concepción, Villanueva del Rosario, Villanueva del Trabuco u Villanueva de Tapia, u muniċipalità waħda fil-provinċja ta’ Córdoba: Palenciana.”

Raġunijiet:

Il-muniċipalità ta’ Villanueva de la Concepción ġiet inkluża fil-lista tal-muniċipalitajiet li jiffurmaw iż-żona ta’ produzzjoni protetta, peress li s’issa tqieset bħala korp lokali awtonomu tal-muniċipalità ta’ Antequera. Għaldaqstant, l-erja totali taż-żona protetta u l-erja tal-imsaġar taż-żebbuġ jibqgħu l-istess, u l-lista tal-muniċipalitajiet biss hija mitluba li tiġi aġġornata.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Emenda tar-rekwiżiti relatati mad-demarkazzjoni taż-żona u tal-erja tal-imsaġar taż-żebbuġ.

Deskrizzjoni

Il-punt C) “ŻONA ĠEOGRAFIKA” tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, it-taqsimiet “Sitwazzjoni u demarkazzjoni taż-żona” u “Erja totali taż-żona u erja tal-imsaġar taż-żebbuġ”, ġie emendat. Din l-emenda tikkonċerna l-punt 4. “Deskrizzjoni qasira taż-żona ġeografika” fid-Dokument Uniku.

Jitħassar il-paragrafu:

“Erja totali taż-żona u erja tal-imsaġar taż-żebbuġ: L-erja totali taż-żona tal-produzzjoni hija ta’ 2 150 Km2 u l-erja totali tal-imsaġar taż-żebbuġ hija ta’ madwar 75 000 ettaru, imqassma fil-muniċipalitajiet li ġejjin:”

It-tabella ta’ wara l-paragrafu ta’ hawn fuq tħassret ukoll.

Raġunijiet:

Din l-informazzjoni tħassret minħabba l-varjabbiltà tal-erja użata għat-tkabbir tal-imsaġar taż-żebbuġ, skont fatturi soċjoekonomiċi, klimatiċi, ekonomiċi u tas-suq.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku

Titolu

Flessibbiltà fiċ-ċertifikazzjoni tal-operaturi.

Deskrizzjoni

Il-punt E) DESKRIZZJONI TAL-METODU TA’ PRODUZZJONI TAL-PRODOTT, it-taqsima f) Trasport bl-ingrossa u imballaġġ tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġie emendat kif ġej:

Il-paragrafu li ġej:

“(b)

Sistemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità mill-wasla taż-żejt bl-ingrossa sad-dispaċċ taż-żejt ippakkjat, skont l-Istandard ISO-9001: 2000 u r-reviżjonijiet sussegwenti. Is-sistema tal-kwalità trid tiġi ċċertifikata minn korp akkreditat mill-ENAC (Korp Nazzjonali ta’ Akkreditazzjoni, Entidad Nacional de Acreditación).”

huwa sostitwit bil-kliem:

“(b)

Sistemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità mill-wasla taż-żejt bl-ingrossa sad-dispaċċ taż-żejt ippakkjat, f’konformità mal-istandard ISO 9001: 2000 jew mal-istandards rikonoxxuti tal-Indiċi Globali tas-Sigurtà Alimentari (GFSI, Global Food Security Index) li jirreferu għas-sistemi ta’ ġestjoni tas-Sigurtà Alimentari.”

Raġunijiet:

Ir-rekwiżit attwali għall-operaturi biex jikkonformaw mal-istandard ISO 9001: 2000 jingħata aktar flessibilità billi tiġi permessa konformità, alternattivament, mal-istandards rikonoxxuti mill-GFSI (sistemi ta’ ġestjoni tas-Sigurtà Alimentari u li jinkorporaw ukoll ir-rekwiżiti ta’ ġestjoni tal-kwalità), u b’hekk l-operaturi jkunu jistgħu jadattaw is-sistemi tagħhom għad-domandi tas-suq u jagħżlu ċertifikazzjoni li taqbel bl-aħjar mod mal-proċessi u mal-ħtiġijiet tagħhom.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku

Titolu

L-emendi editorjali

Deskrizzjoni

Il-punt E) DESKRIZZJONI TAL-METODU TA’ PRODUZZJONI TAL-PRODOTT, it-taqsima f) Trasport bl-ingrossa u imballaġġ tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġie emendat kif ġej:

Jitneħħa l-paragrafu:

“(j)

laboratorju fiżikokimiku u bord tad-dewqan taż-żjut proprji jew, fin-nuqqas ta’ dan, akkreditati fl-istandard EN ISO/IEC 17025, biex jikklassifikaw iż-żjut li jaslu, li jinħażnu, u dawk li jiġu ppakkjati, għall-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-Prodott għad-Denominazzjoni tal-Oriġini.”

Qed jiġi propost li jitneħħa dan ir-rekwiżit relatat mal-awtokontrolli tal-operatur u mhux mar-rekwiżiti tal-prodott, peress li, f’konformità mar-regoli li jirregolaw l-indikazzjonijiet ġeografiċi, l-operaturi jridu jwettqu awtokontrolli interni biex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku

DOKUMENT UNIKU

Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli

“Antequera”

Numru ta’ Ref tal-UE: PDO-ES-0327-AM02 - 31.7.2025

1.   Isem/Ismijiet

Antequera

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☑

DOP

☐

IĠP

☐

IĠ

3.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita

Spanja

4.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu

4.1.   Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143

15 – XAĦMIJIET U ŻJUT TAL-ANNIMALI, VEĠETALI JEW MIKROBIĊI U PRODOTTI MILL-QSIM TAGĦHOM; XAĦMIJIET IPPREPARATI TAJBIN GĦALL-IKEL; XEMGĦAT TAL-ANNIMALI JEW VEĠETALI

4.2.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat

Żejt taż-żebbuġa ekstra verġni miksub mill-frott tas-siġra taż-żebbuġ (Olea europea L.), magħmul esklussivament permezz ta’ mezzi fiżiċi jew mekkaniċi, f’temperatura li ma tibdilx il-kompożizzjoni kimika naturali taż-żejt, u filwaqt li tinżamm it-togħma, ir-riħa u l-karatteristiċi tal-frott tagħha.

Mil-lat organolettiku, dawn huma żjut li għandhom togħma ta’ frott taż-żebbuġ aħdar, ta’ frott misjur ieħor, ta’ lewż, ta’ banana u ħaxix aħdar f’intensitajiet li jvarjaw minn moderat sa għoli. Min-naħa l-oħra, l-attributi li jkunu morri u jaħarqu jirriżultaw f’intensitajiet li jvarjaw minn ħafif sa medju u jeżistu f’armonija perfetta b’togħmiet kemxejn ħelwin.

Iż-żjut protetti mid-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Antequera” għandhom iridu jkunu żjut taż-żebbuġa ekstra verġni li jkollhom l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

Parametri fiżikokimiċi:

 

Aċidità (%)

Massimu ta’ 0,3

Valur ta’ perossidi (ossiġnu milliekwivalenti għal kull kg żejt)

Massimu ta’ 10

K270 (Assorbenza ta’ 270 nm)

Massimu ta’ 0,18

Karatteristiċi organolettiċi:

 

Valur medjan tat-togħma tal-frott

Akbar minn jew ugwali għal 4

Punteġġ medjan għad-difetti

Ugwali għal 0

4.3.   Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati deżinjati minn Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss)

Żejt taż-żebbuġa ekstra verġni, miksub mill-frott tas-siġra taż-żebbuġ (Olea europea, L.), tal-varjetà Hojiblanca, u li jista’ jifforma parti minn varjetajiet minuri oħra bħal Picual jew Marteño, Arbequina, Picudo, Lechín de Sevilla jew Zorzaleño, Picudo, Gordal de Archidona, Verdial de Vélez Málaga u Verdial de Huévar.

Il-varjetà Hojiblanca hija l-varjetà prinċipali u l-akbar waħda, peress li tieħu iktar minn 90 % tal-erja totali tal-imsaġar taż-żebbuġ fiż-żona. Il-bqija jitqiesu bħala varjetajiet sekondarji, peress li huma inqas mifruxa fiż-żona. Il-varjetajiet li ġejjin jitqiesu bħala indiġeni, b’oriġini lokali: Hojiblanca u Gordal de Archidona.

4.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita

Iż-żebbuġ użat biex isir il-prodott, għandu jkunu ġej minn imsaġar taż-żebbuġ irreġistrati li jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni u mill-varjetajiet approvati.

Iż-żejt irid jiġi estratt fl-imtieħen irreġistrati, li jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni li jissodisfaw l-kundizzjonijiet stabbiliti.

Il-fażijiet tal-produzzjoni għandhom ikunu: it-tindif, il-ħasil u l-użin taż-żebbuġ, l-għaġin taż-żebbuġ, is-separazzjoni tal-fażijiet solidi u likwidi permezz ta’ ċentrifugazzjoni kontinwa, is-separazzjoni tal-fażijiet likwidi permezz ta’ ċentrifugazzjoni kontinwa, id-dikantazzjoni u l-ħżin.

4.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

L-ibbottiljar għandu jsir f’kontenituri tal-ħġieġ skur, tal-plastik skur, tal-metall miksi b’materjal adattat għal mal-ikel jew taċ-ċeramika adattata għal mal-ikel, f’konformità mar-regolamentazzjoni fis-seħħ, sabiex il-proprjetajiet fiżikokimiċi u organolettiċi taż-żejt jiġu ppreżervati għal perjodu ta’ żmien itwal, u sabiex ma jibdlux il-kwalità tal-kontenut billi ma jħallux id-dawl jgħaddi, inkella d-dawl iħaffef il-proċess ta’ ossidazzjoni taż-żejt.

4.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

Fir-rigward tal-użu tal-logo tad-denominazzjoni, it-tikketti kummerċjali ta’ kull ditta reġistrata għandhom jiġu ssorveljati mill-Kunsill Regolatorju. Għandhom jidhru fuqhom b’mod obbligatorju l-kliem li ġej: “Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta Antequera” jew is-simbolu tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini, u s-simbolu tal-Unjoni.

Kwalunkwe tip ta’ imballaġġ li fih jinħareġ iż-żejt protett għall-konsum għandu jkollu siġill ta’ garanzija, litografija, tikketti jew tikketti sekondarji, numerati u maħruġa jew sorveljati fir-rigward tal-użu tal-logo tad-denominazzjoni mill-Kunsill Regolatorju. Dawn it-tikketti sekondarji għandhom jitwaħħlu biss fl-impjant tal-imballaġġ reġistrat u dejjem b’mod li ma jippermettix li jintużaw mill-ġdid.

4.7.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni hija magħmula mit-territorji li jinsabu fil-muniċipalitajiet li ġejjin fil-provinċja ta’ Málaga: Alameda, Almargen, Antequera, Archidona, Campillos, Cañete La Real, Cuevas Bajas, Cuevas de San Marcos, Fuente de Piedra, Humilladero, Mollina, Sierra de Yeguas, Teba, Villanueva de Algaidas, Villanueva de la Concepción, Villanueva del Rosario, Villanueva del Trabuco u Villanueva de Tapia, u fil-provinċja ta’ Córdoba, fit-territorju muniċipali ta’ Palenciana.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Sommarju tar-rabta

Speċifiċità taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni taqa’ taħt ir-reġjun naturali tal-Ħofra ta’ Antequera (“la Depresión de Antequera”) li tinsab fit-tarf tal-Punent tal-ħofor intrabetiċi ta’ Andalusija. Mit-Tramuntana tmiss mal-provinċji ta’ Córdoba u Seville, mill-Punent mal-provinċji ta’ Seville u Cadiz u mill-Lvant ma’ Granada. Il-konfini tan-Nofsinhar huma fformati minn grupp ta’ firxiet ta’ muntanji Subbéticas li jifirduha mill-Muntanji ta’ Málaga: il-Hoyas tal-wied ta’ Guadalhorce u r-reġjun ta’ Serranía de Ronda, reġjuni li huma kollha parti mill-provinċja ta’ Málaga.

Iż-żona ġeografika għandha karatteristiċi ġeomorfoloġiċi u klimatiċi partikolari. Ir-reġjun ikopri żona fil-baxx ta’ topografija ħafifa (altitudni ta’ 400–600 m), imdawra b’sensiela ta’ sistemi muntanjużi li jinsabu fit-Tramuntana (Sierras Subbéticas) u fin-Nofsinhar (Sistema Penibético), li jipprovdu kundizzjonijiet mikroklimatiċi u tal-ħamrija partikolari għall-kultivazzjoni taż-żebbuġ.

L-imsaġar taż-żebbuġ jinsabu f’altitudnijiet li jvarjaw bejn l-450 u s-600 metru, fuq ħamrija ta’ fond medju u kalkarja ħafna (20-70 % ta’ karbonati). Min-naħa l-oħra, minħabba li l-ilma taż-żona tal-madwar jinżel fil-Ħofra ta’ Antequera, sitwazzjoni li wasslet għal livelli differenti ta’ terrazzi ta’ xmajjar, il-ħamrija għandha kwantità kbira ta’ depożiti terzjarji, li jinkludu tafal aħmar Mijo-plijoċeniku, li jipprovdi livelli għoljin ta’ potassju lill-imsaġar taż-żebbuġ u livell għoli ta’ żamma tal-umdità. Dan kollu jiffavorixxu l-kundizzjonijiet ta’ veġetazzjoni tal-imsaġar taż-żebbuġ, peress li aktar minn 90 % tal-erja ta’ dan ir-raba’ mhuwiex irrigat. Ir-reġjun ta’ Antequera għandu klima Mediterranja moderata-sħuna, kemxejn kontinentali minħabba li jinsab fil-ħofor intrabetiċi ta’ Andalusija. Din is-sitwazzjoni tikkawża kuntrasti kbar fit-temperatura bejn is-sjuf u x-xtiewi, u bejn il-lejl u n-nhar. It-temperaturi medji tax-xahar l-aktar kiesaħ (Jannar jew Diċembru) ivarjaw bejn 6 °C u 9 °C. Ix-xhur l-aktar sħan huma Lulju u Awwissu, b’temperaturi medji li jvarjaw minn 22 °C sa 27 °C.

— Speċifiċità tal-prodott

Iż-żejt taż-żebbuġa ekstra verġni DOP “Antequera” huwa kkaratterizzat, mil-lat organolettiku, bil-preżentazzjoni ta’ intensitajiet bejn moderati sa għoljin tal-attribut tat-togħma tal-frott taż-żebbuġ aħdar, b’medjan ugwali jew ikbar minn 4, li huwa akkumpanjat b’firxa ta’ attributi pożittivi ta’ frott ieħor misjur, lewż, banana u ħaxix aħdar. Dawn huma żjut li jippreżentaw intensitajiet li jvarjaw bejn ħfief sa medji tal-attributi li huma morri u ma jaħarqux, li jeżistu f’armonija perfetta b’togħmiet kemxejn ħelwin. F’dak li jikkonċerna l-karatteristiċi fiżikokimiċi tiegħu, il-prodott huwa kkaratterizzat minn aċidità baxxa, inqas minn 0,3 %, kontenut baxx ta’ perossidu, inqas minn 10, u assorbenza tar-raġġi ultravjola baxxa (K270), inqas minn 0,18.

Iż-żejt għandu kompożizzjoni ta’ aċidi grassi bbilanċjata tajjeb. Għandu livelli għoljin ta’ aċidu olejku, bejn 78 u 81 % u livelli medji ta’ aċidu linolejku, bejn 4 sa 10 %.

Huma żjut moderatament stabbli permezz tal-konċentrazzjonijiet għoljin tat-tokoferoli tagħhom. Dan għalhekk jiddetermina li ż-żjut ta’ Antequera jkun miżgħuda vitamina E.

Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-karatteristiċi tal-prodott

It-tolleranza għall-ħamrija kalkarja taż-żona ġeografika tal-varjetà lokali Hojiblanca, bir-rekwiżit tas-siġra għall-estrazzjoni tal-kalċju mill-ħamrija, flimkien mal-klima Mediterranja kontinentalizzata tar-reġjun naturali tal-Ħofra ta’ Antequera, bi xtiewi kesħin u nixfin, ippermettew li ż-żebbuġ tal-varjetà lokali Hojiblanca, miġbur mill-imsaġar taż-żebbuġ f’din iż-żona fix-xhur ta’ temperaturi baxxi, mil-lat organolettiku jwassal għal żjut b’togħma tal-frott taż-żebbuġ aħdar b’medjan ugwali jew ikbar minn 4, attributi pożittivi ta’ frott misjur ieħor, lewż, banana u ħaxix aħdar, u attributi li huma morri u ma jaħarqux ta’ intensitajiet ħfief sa medji; fir-rigward tal-proprjetajiet fiżikokimiċi tagħhom, iż-żjut għandhom aċidità baxxa ta’ inqas minn 0,3, valur tal-perossidu ta’ inqas minn 10 u assorbenza tar-raġġi ultravjola ta’ inqas minn 0,18.

Barra minn hekk, it-temperaturi baxxi matul l-istaġun tax-xitwa, tipiċi taż-żona ġeografika, idewmu l-perjodu ta’ maturazzjoni tal-varjetà lokali Hojiblanca, li jwasslu għal bidla tal-profili aċidużi taż-żjut u jżidu l-livelli tal-aċidu olejku, bejn 72 u 81 % filwaqt li jbaxxu l-livelli tal-aċidi grassi saturati u mhux saturati.

Referenza elettronika (url) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://lajunta.es/5kbo7


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6049/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)