26.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 139/34


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1032

tal-25 ta’ Mejju 2023

li jistabbilixxi miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-virus tal-frott imkemmex u kannella tat-tadam (ToBRFV) u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(3) u l-Artikolu 52 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-virus tal-frott imkemmex u kannella tat-tadam (ToBRFV) (“il-pest speċifikat”) bħalissa mhuwiex elenkat bħala pest ta’ kwarantina fl-Unjoni jew bħala pest irregolat mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (3). Madankollu jissodisfa l-kriterji stabbiliti fis-Sottotaqsima 2 tat-Taqsima 3 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/2031 biex issir valutazzjoni preliminari għall-identifikazzjoni tal-pesti li jikkwalifikaw proviżorjament bħala pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni li jeħtieġu miżuri temporanji kif imsemmi fl-Artikolu 30(1) ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1191 (4) stabbilixxa l-miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-pest speċifikat. Dak ir-Regolament se jiskadi fil-31 ta’ Mejju 2023.

(3)

Wara l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191, inġabret informazzjoni xjentifika aktar riċenti dwar it-tixrid tal-pest speċifikat u dwar il-metodi tal-ittestjar, u l-awditi li wettqu s-servizzi tal-Kummissjoni pprovdew feedback dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet u dwar l-impatt li kellhom fuq il-protezzjoni kontra t-tixrid tal-marda. Dan jiġġustifika l-ħtieġa li jiġi adottat att ġdid b’miżuri aktar dettaljati minn dawk previsti f’dak ir-Regolament.

(4)

Sabiex jiġi żgurat l-aktar approċċ proattiv għall-protezzjoni fitosanitarja, jenħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri għal każijiet meta xi persuna, tkun min tkun, tissuspetta jew tinduna bil-preżenza tal-pest speċifikat fit-territorju tal-Unjoni, u miżuri għan-notifika korrispondenti lill-awtorità kompetenti, u l-azzjonijiet li jridu jittieħdu mill-awtorità.

(5)

Meta l-preżenza tal-pest speċifikat tiġi kkonfermata uffiċjalment fit-territorju ta’ Stat Membru, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tistabbilixxi żona demarkata biex tiżgura l-qerda ta’ dak il-pest u l-prevenzjoni tat-tixrid tiegħu fil-bqija tat-territorju tal-Unjoni. Sabiex jiġi żgurat l-aktar approċċ xieraq u proporzjonat, jenħtieġ li jiġu adottati regoli differenti għad-demarkazzjoni f’każ li l-preżenza tal-pest speċifikat tiġi kkonfermata f’siti tal-produzzjoni bi protezzjoni fiżika, billi dik il-protezzjoni tnaqqas ir-riskju fitosanitarju.

(6)

Sabiex ikun żgurat approċċ aktar proattiv għall-protezzjoni tat-territorju tal-Unjoni mill-pest speċifikat, jenħtieġ li l-Istati Membri jwettqu stħarriġ annwali dwar il-preżenza tal-pest speċifikat fit-territorju tagħhom.

(7)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli dwar il-moviment fl-Unjoni ta’ żrieragħ tas-Solanum lycopersicum L. u tal-ibridi tagħha, u tal-Capsicum spp. (“iż-żrieragħ speċifikati”), u tal-pjanti għat-tħawwil, għajr iż-żrieragħ speċifikati, tas-Solanum lycopersicum L. u tal-ibridi tagħha, u tal-Capsicum spp. (“il-pjanti għat-tħawwil speċifikati”), għar-raġuni li huma dawk iż-żrieragħ u dawk il-pjanti għat-tħawwil l-aktar li x’aktarx jospitaw u jxerrdu l-pest speċifikat.

(8)

Jenħtieġ li, skont x’jixraq għat-tip ta’ pjanta u għall-produzzjoni tagħha, ir-regoli jkunu dwar il-ħelsien mill-pest fis-sit tal-produzzjoni, dwar l-ispezzjoni viżiva, il-kampjunar u l-ittestjar, l-immaniġġjar xieraq tal-lottijiet, u dwar il-miżuri għall-pjanti ommijiet. Dan l-approċċ jenħtieġ biex il-miżuri jiġu addattati skont iċ-ċirkostanzi tekniċi ta’ kull każ ta’ produzzjoni u ta’ moviment taż-żrieragħ speċifikati u tal-pjanti speċifikati.

(9)

B’mod partikolari, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tieħu l-kampjuni u tittestja l-lottijiet kollha taż-żrieragħ speċifikati biex jekk ikun hemm il-pest speċifikat, dan jinstab. Jenħtieġ li dawk iż-żrieragħ speċifikati jiġu ttestjati wkoll mill-awtorità kompetenti jew mill-operaturi professjonisti, skont kif ikun japplika, qabel ma jitkompla l-ipproċessar, u jenħtieġ li minn dawk it-testijiet ikun instab li huma ħielsa mill-pest speċifikat. Jeħtieġ li dan isir biex ikun protett it-territorju tal-Unjoni mill-pest speċifikat, billi ż-żrieragħ speċifikati huma l-materjal tal-bidu għall-produzzjoni tal-pjanti rispettivi kollha.

(10)

Biex ikun protett it-territorju tal-Unjoni mill-pest speċifikat, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti għall-introduzzjoni fl-Unjoni minn pajjiżi terzi taż-żrieragħ speċifikati u tal-pjanti għat-tħawwil speċifikati. Dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jkunu simili għal dawk li jikkonċernaw il-moviment taż-żrieragħ speċifikati u tal-pjanti għat-tħawwil speċifikati fl-Unjoni, biex ikun żgurat approċċ mhux diskriminatorju.

(11)

Huwa proporzjonat li minn dawk ir-rekwiżiti jkunu eżentati ż-żrieragħ speċifikati u l-pjanti speċifikati ta’ varjetajiet li hu magħruf li huma reżistenti għall-pest speċifikat għaliex ir-riskju fitosanitarju rispettiv huwa mnaqqas għal livell aċċettabbli fil-każ ta’ dawk il-varjetajiet tal-pjanti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jibagħtu lista ta’ dawk il-varjetajiet reżistenti, aġġornata regolarment, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

(12)

Sabiex jiġu żgurati kontrolli uffiċjali effettivi kontra d-dħul tal-pest speċifikat fl-Unjoni, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tieħu u tittestja l-kampjuni minn mill-inqas 20 % tal-kunsinni taż-żrieragħ speċifikati u tal-pjanti għat-tħawwil speċifikati fil-postijiet ta’ kontroll mal-fruntiera tal-ewwel wasla fl-Unjoni, jew f’punt ta’ kontroll kif imsemmi fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2123 (5). Għall-kunsinni taż-żrieragħ speċifikati u tal-pjanti għat-tħawwil speċifikati li joriġinaw mill-Iżrael u miċ-Ċina, jenħtieġ li r-rata ta’ kampjunar u ttestjar tkun ta’ 50 % u 100 %, rispettivament, minħabba l-għadd kbir ta’ interċettazzjonijiet tal-pest speċifikat f’komoditajiet li joriġinaw minn dawk il-pajjiżi terzi.

(13)

Biex il-pajjiżi terzi, l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi professjonisti jkollhom biżżejjed żmien biex jaddattaw għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jibda japplika mill-1 ta’ Settembru 2023. Għaldaqstant, u biex tiġi evitata kull lakuna legali, l-iskadenza tal-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191 jenħtieġ li tiġi estiża mill-31 ta’ Mejju 2023 sal-31 ta’ Awwissu 2023.

(14)

Il-valutazzjoni sħiħa tal-pest speċifikat biex jiġi ddeterminat ir-riskju tiegħu għat-territorju tal-Unjoni għadha ma saritx. Għal din ir-raġuni jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika sal-31 ta’ Diċembru 2024, biex sa dik id-data jkun ingħata żmien biżżejjed biex issir dik il-valutazzjoni.

(15)

Jenħtieġ li r-regoli ta’ dan ir-Regolament jibdew japplikaw fl-iqsar żmien possibbli biex ir-riskji fitosanitarji tal-pest speċifikat jiġu indirizzati malajr. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(16)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-virus tal-frott imkemmex u kannella tat-tadam (ToBRFV)

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-“pest speċifikat” tfisser il-virus tal-frott imkemmex u kannella tat-tadam (ToBRFV);

(b)

il-“pjanti speċifikati” tfisser pjanti tas-Solanum lycopersicum L. u tal-ibridi tagħhom, u l-pjanti tal-Capsicum spp., minbarra ż-żrieragħ speċifikati u l-frott speċifikat;

(c)

il-“pjanti għat-tħawwil speċifikati” tfisser pjanti għat-tħawwil tas-Solanum lycopersicum L. u tal-Capsicum spp. għajr iż-żrieragħ speċifikati;

(d)

iż-“żrieragħ speċifikati” tfisser iż-żrieragħ tas-Solanum lycopersicum L. u tal-ibridi tiegħu u ż-żrieragħ tal-Capsicum spp.;

(e)

il-“frott speċifikat” tfisser il-frott tas-Solanum lycopersicum L. u tal-ibridi tiegħu, u l-frott tal-Capsicum spp.

Artikolu 3

Projbizzjonijiet li jikkonċernaw il-pest speċifikat

Il-pest speċifikat ma għandux jiġi introdott, jinġarr, jinżamm, jiżdied jew jiġi rilaxxat fit-territorju tal-Unjoni.

Artikolu 4

Miżuri f’każ ta’ suspett jew ta’ għarfien tal-preżenza tal-pest speċifikat

1.   Kull persuna li tissuspetta jew li ssir taf bil-preżenza tal-pest speċifikat fit-territorju tal-Unjoni, għandha tinforma lill-awtorità kompetenti minnufih u tipprovdilha l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna l-preżenza, jew il-preżenza suspettata, ta’ dak il-pest.

2.   Meta tirċievi din l-informazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha:

(a)

minnufih tirreġistra l-informazzjoni li tkun waslitilha;

(b)

tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi kkonfermata jew rifjutata l-preżenza jew il-preżenza suspettata tal-pest speċifikat;

(c)

tiżgura li kull persuna li jkollha mill-pjanti speċifikati, miż-żrieragħ speċifikati jew mill-frott speċifikat li jistgħu jkunu infettati bil-pest speċifikat fil-kontroll tagħha tkun infurmata minnufih b’dan li ġej:

(i)

il-preżenza jew il-preżenza suspettata tal-pest speċifikat; u

(ii)

ir-riskji possibbli assoċjati mal-pest speċifikat u l-miżuri li jridu jittieħdu.

Artikolu 5

Stħarriġ dwar il-preżenza tal-pest speċifikat

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu stħarriġ annwali dwar il-preżenza tal-pest speċifikat fit-territorji tagħhom.

2.   Dak l-istħarriġ għandu:

(a)

jinkludi l-kampjunar u l-ittestjar kif stabbilit fl-Anness; u

(b)

ikun ibbażat fuq:

(i)

ir-riskju vvalutat tal-introduzzjoni tal-pest speċifikat fl-Istat Membru kkonċernat u tat-tixrid fih, u

(ii)

prinċipji xjentifiċi u tekniċi sodi, rigward il-possibbiltà tad-detezzjoni tal-pest speċifikat.

3.   Sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bir-riżultati tal-istħarriġiet li twettqu fis-sena kalendarja preċedenti.

Artikolu 6

Miżuri f’każ ta’ konferma tal-preżenza tal-pest speċifikat

1.   Meta l-preżenza tal-pest speċifikat tiġi kkonfermata uffiċjalment fit-territorju ta’ Stat Membru, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tiżgura li jittieħdu l-miżuri x-xierqa biex jinqered il-pest speċifikat f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/2031.

Dik l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031 fir-rigward tal-pest speċifikat.

Il-miżuri stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għall-pjanti għat-tħawwil speċifikati tal-varjetajiet magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lista aġġornata regolarment ta’ dawk il-varjetajiet reżistenti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

2.   L-awtorità kompetenti għandha, mingħajr dewmien, tistabbilixxi żona demarkata kif ġej:

(a)

jekk ikun hemm il-pest speċifikat f’siti tal-produzzjoni bi protezzjoni fiżika, iż-żona demarkata għandha tkun mill-inqas is-sit tal-produzzjoni fejn ikun instab il-pest speċifikat;

(b)

jekk ikun hemm il-pest speċifikat f’siti tal-produzzjoni għajr dawk imsemmija fil-punt (a), iż-żona demarkata għandha tikkonsisti minn:

(i)

żona infestata li tinkludi mill-inqas is-sit tal-produzzjoni fejn ikun instab il-pest speċifikat;

(ii)

żona ta’ lqugħ ta’ mill-inqas 30 m madwar iż-żona infestata.

3.   Fiż-żona demarkata, l-awtorità kompetenti, jew l-operatur professjonist taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti, għandhom:

(a)

fis-siti tal-produzzjoni maħsuba għall-produzzjoni tal-pjanti għat-tħawwil speċifikati jew għall-produzzjoni taż-żrieragħ speċifikati:

(i)

minnufih jaqilgħu u jeqirdu l-lottijiet infettati kollha tal-pjanti għat-tħawwil speċifikati u, fejn japplika, il-materjal li fih qed jitkabbru u ż-żrieragħ speċifikati li joriġinaw minn dawk il-lottijiet. Biex jinqalgħu u jinqerdu l-pjanti u ż-żrieragħ għandu jintuża metodu li jelimina kull riskju li l-pest speċifikat jinxtered;

(ii)

jużaw miżuri tal-iġjene speċifiċi fuq il-persunal, fuq l-istrutturi, l-għodod u l-makkinarju fis-sit tal-produzzjoni, fuq il-materjali u fuq il-mezzi tat-trasport, biex jipprevjenu li l-pest speċifikat jinxtered għal ġol-lottijiet l-oħra li jkun hemm fis-sit tal-produzzjoni u fl-għelejjel suċċessivi tal-pjanti speċifikati jew f’siti oħra tal-produzzjoni;

(iii)

jeqirdu jew jittrattaw il-materjal għat-tkabbir mill-inqas fi tmiem l-istaġun tal-kultivazzjoni b’tali mod li ma jkun hemm l-ebda riskju identifikabbli li jinxtered il-pest speċifikat;

(b)

fis-siti tal-produzzjoni maħsuba għall-produzzjoni tal-frott speċifikat:

(i)

jaqilgħu u jeqirdu l-pjanti speċifikati infettati kollha mis-sit tal-produzzjoni, mill-inqas fi tmiem l-istaġun tal-kultivazzjoni. It-tneħħija għandha titwettaq b’tali mod li ma jkun hemm l-ebda riskju identifikabbli ta’ tixrid tal-pest speċifikat;

(ii)

japplikaw miżuri tal-iġjene speċifiċi fuq il-persunal, fuq l-istrutturi, l-għodod u l-makkinarju fis-sit tal-produzzjoni, fuq il-materjali u l-mezzi tal-ippakkjar u tat-trasport tal-frott, biex jipprevjenu t-tixrid tal-pest speċifikat fl-għelejjel suċċessivi tal-pjanti speċifikati jew f’siti oħra tal-produzzjoni;

(iii)

jeqirdu jew jittrattaw il-materjal għat-tkabbir mill-inqas fi tmiem l-istaġun tal-kultivazzjoni b’tali mod li ma jkun hemm l-ebda riskju identifikabbli ta’ tixrid tal-pest speċifikat.

Artikolu 7

Moviment tal-pjanti għat-tħawwil speċifikati fl-Unjoni

1.   Il-pjanti għat-tħawwil speċifikati jistgħu jinġarru biss fl-Unjoni jekk ikunu akkumpanjati minn passaport tal-pjanti, maħruġ wara li l-awtorità kompetenti jew l-operatur professjonist ikkonċernat ikunu kkonkludew li l-kundizzjonijiet ta’ hawn taħt ikunu kollha ssodisfati:

(a)

il-pjanti għat-tħawwil speċifikati ikunu ġew minn żrieragħ speċifikati li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 8 u 10;

(b)

il-pjanti għat-tħawwil speċifikati jkunu tkabbru f’sit tal-produzzjoni fejn ikun magħruf li ma jinsabx il-pest speċifikat, abbażi ta’ spezzjonijiet uffiċjali li jkunu twettqu fiż-żmien ix-xieraq meta l-pest speċifikat ikun jista’ jinstab;

(c)

il-pjanti għat-tħawwil speċifikati li jkunu wrew sintomi tal-pest speċifikat ikunu ġew ikkampjunati u ttestjati mill-awtorità kompetenti, u dawk it-testijiet ikunu wrew li dawk il-pjanti kienu ħielsa mill-pest speċifikat;

(d)

il-lottijiet tal-pjanti għat-tħawwil speċifikati jkunu nżammu separati minn lottijiet oħra tal-pjanti speċifikati billi jkunu ġew applikati miżuri ta’ iġjene xierqa.

Il-kampjunar għall-ittestjar, kif imsemmi f’dan il-paragrafu, għandu jsir kif stabbilit fl-Anness.

2.   Il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 għall-ħruġ ta’ passaport tal-pjanti ma għandhomx japplikaw għall-pjanti għat-tħawwil speċifikati ta’ varjetajiet li huwa magħruf li huma reżistenti għall-pest speċifikat. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lista aġġornata regolarment ta’ dawk il-varjetajiet reżistenti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 8

Il-moviment ta’ żrieragħ speċifikati fl-Unjoni

1.   Iż-żrieragħ speċifikati jistgħu jinġarru biss fl-Unjoni jekk ikunu akkumpanjati minn passaport tal-pjanti li jkun inħareġ wara li l-awtorità kompetenti jew l-operatur professjonist ikkonċernat ikunu kkonkludew li huma ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-pjanti ommijiet taż-żrieragħ speċifikati jkunu ġew prodotti f’sit tal-produzzjoni fejn ikun magħruf li ma jinsabx il-pest speċifikat, abbażi ta’ spezzjonijiet uffiċjali li jkunu twettqu fiż-żmien ix-xieraq biex issir detezzjoni tal-pest speċifikat;

(b)

fil-każ ta’ lott taż-żrieragħ speċifikati li joriġina minn aktar minn 30 pjanta omm li, qabel l-ipproċessar, ikun sarilhom kampjunar u ttestjar mill-awtorità kompetenti għall-preżenza tal-pest speċifikat kif stabbilit fl-Anness, jew ikun sarilhom kampjunar u ttestjar mill-operaturi professjonisti taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti, u jkun instab, skont dawk it-testijiet, li huwa ħieles mill-pest speċifikat. Jekk ikun instab il-pest speċifikat, ikun ġie nnotifikat lill-awtorità kompetenti u l-lottijiet taż-żrieragħ speċifikati infettati ma għandhomx jinġarru fit-territorju tal-Unjoni;

(c)

fil-każ ta’ lott taż-żrieragħ speċifikati li joriġina minn 30 pjanta omm jew inqas, ikunu twettqu l-kampjunar u l-ittestjar għall-preżenza tal-pest speċifikat fuq iż-żrieragħ speċifikati jew fuq kull pjanta omm ta’ dawk iż-żrieragħ speċifikati, mill-awtorità kompetenti jew mill-operaturi professjonisti taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti, kif stabbilit fl-Anness. Skont dawk it-testijiet, iż-żrieragħ jew il-pjanti ommijiet speċifikati jkunu nstabu ħielsa mill-pest speċifikat. Kull fejn ikun instab il-pest speċifikat ikun ġie nnotifikat lill-awtorità kompetenti, u l-lottijiet taż-żrieragħ speċifikati li joriġinaw mill-pjanti ommijiet infettati ma għandhomx jinġarru fit-territorju tal-Unjoni;

(d)

fil-każ li jkun hemm suspett tal-preżenza tal-pest speċifikat, dak il-kampjunar u l-ittestjar għandu jitwettaq biss mill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-Artikolu 87(3)(c) tar-Regolament (UE) 2016/2031;

(e)

l-oriġini tal-lottijiet kollha taż-żrieragħ speċifikati tiġi rreġistrata u ddokumentata.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-punti (a), (b), (c) u (d), iż-żrieragħ speċifikati li jkunu nħasdu qabel il-31 ta’ Awwissu 2023 u qabel ma jkunu nġarru għall-ewwel darba fl-Unjoni jkunu nstabu mill-awtorità kompetenti jew mill-operatur professjonist ikkonċernat li jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191, jistgħu jinġarru fl-Unjoni akkumpanjati minn passaport tal-pjanti li jattesta l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti.

3.   Il-lottijiet taż-żrieragħ speċifikati li jinġarru għall-ewwel darba fl-Unjoni mill-1 ta’ April 2021 ’il quddiem, u li ġew ittestjati qabel it-30 ta’ Settembru 2020 bl-assaġġ ta’ immunoassorbiment enzimatiku (Elisa), għandhom jerġgħu jiġu ttestjati b’metodu ta’ ttestjar, għajr l-ELISA, kif imsemmi fil-punt 3 tal-Anness.

4.   Il-kampjunar u l-ittestjar għandhom isiru kif stipulat fl-Anness.

5.   Il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 għall-ħruġ ta’ passaport tal-pjanti ma għandhomx japplikaw għaż-żrieragħ speċifikati ta’ varjetajiet magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lista aġġornata regolarment ta’ dawk il-varjetajiet reżistenti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 9

Introduzzjoni fl-Unjoni tal-pjanti għat-tħawwil speċifikati

1.   Il-pjanti għat-tħawwil speċifikati, minbarra dawk tal-varjetajiet magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat, li joriġinaw minn pajjiżi terzi jistgħu jiddaħħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju li, taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni addizzjonali”, jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

dikjarazzjoni uffiċjali li l-pjanti għat-tħawwil speċifikati ġew minn żrieragħ li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10;

(b)

dikjarazzjoni uffiċjali li l-pjanti għat-tħawwil speċifikati ġew prodotti f’sit tal-produzzjoni li huwa rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti fil-pajjiż tal-oriġini u magħruf li huwa ħieles mill-pest speċifikat abbażi ta’ spezzjonijiet uffiċjali, kampjunar u ttestjar imwettqa fiż-żmien ix-xieraq biex jiġi identifikat dak il-pest;

(c)

isem is-sit tal-produzzjoni rreġistrat.

2.   Il-pjanti għat-tħawwil speċifikati tal-varjetajiet magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat, li joriġinaw minn pajjiżi terzi jistgħu jiddaħħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju li, taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni addizzjonali”, jikkonferma dik ir-reżistenza.

Artikolu 10

Introduzzjoni fl-Unjoni taż-żrieragħ speċifikati

1.   Iż-żrieragħ speċifikati, li joriġinaw minn pajjiżi terzi, minbarra dawk tal-varjetajiet magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat, jistgħu jiddaħħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju li, taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni addizzjonali”, jinkludi dawn kollha li ġejjin:

(a)

dikjarazzjoni uffiċjali li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ġew issodisfati:

(i)

il-pjanti ommijiet taż-żrieragħ speċifikati kkonċernati jkunu ġew prodotti f’sit tal-produzzjoni fejn ikun magħruf li ma jinsabx il-pest speċifikat, abbażi ta’ spezzjonijiet uffiċjali mwettqa fiż-żmien ix-xieraq biex issir detezzjoni tal-pest speċifikat;

(ii)

fil-każ ta’ lott taż-żrieragħ speċifikati li joriġinaw minn aktar minn 30 pjanta, qabel l-ipproċessar dak il-lott ta’ żrieragħ speċifikati jkun għadda minn kampjunar u ttestjar uffiċjali għall-pest speċifikat kif stabbilit fl-Anness, u skont dawk it-testijiet, ikun instab ħieles mill-pest speċifikat;

(iii)

fil-każ ta’ lott taż-żrieragħ speċifikati li joriġinaw minn 30 pjanta omm jew inqas, ikunu twettqu l-kampjunar u l-ittestjar, kif stabbilit fl-Anness, fuq iż-żrieragħ speċifikati, jew fuq kull pjanta omm individwali ta’ dawk iż-żrieragħ speċifikati. Iż-żrieragħ jew il-pjanti ommijiet speċifikati jkunu nstabu minn dawk it-testijiet, li huma ħielsa mill-pest speċifikat;

(b)

informazzjoni li tiżgura t-traċċabbiltà tas-sit tal-produzzjoni tal-pjanti ommijiet.

2.   Iż-żrieragħ speċifikati tal-varjetajiet magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat, li joriġinaw minn pajjiżi terzi jistgħu jiddaħħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju li, taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni addizzjonali”, jikkonferma dik ir-reżistenza.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (a), iż-żrieragħ speċifikati li jkunu nħasdu qabel il-31 ta’ Awwissu 2023 u qabel l-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni jkunu nstabu li jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191, jistgħu jiddaħħlu fit-territorju tal-Unjoni akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju li taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, ikun fih id-dikjarazzjoni li ġejja: “Dawn iż-żrieragħ inħasdu qabel il-31 ta’ Awwissu 2023 u nstab li jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2020/1191”.

Artikolu 11

Kontrolli uffiċjali mal-introduzzjoni fl-Unjoni

Għandhom jiġu kkampjunati u ttestjati mill-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll mal-fruntiera tal-ewwel wasla fl-Unjoni jew f’punt ta’ kontroll kif imsemmi fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2123, mhux inqas minn 20 % tal-kunsinni taż-żrieragħ speċifikati u tal-pjanti għat-tħawwil speċifikati, kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Għall-kunsinni taż-żrieragħ speċifikati u tal-pjanti għat-tħawwil speċifikati li joriġinaw minn Iżrael u miċ-Ċina, dik ir-rata ta’ teħid ta’ kampjuni u ttestjar għandha tkun ta’ 50 % u 100 %, rispettivament.

Artikolu 12

Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191

Fl-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1191, id-data “Il-31 ta’ Mejju 2023” tinbidel bid-data “Il-31 ta’ Awwissu 2023”.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Settembru 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1191 tal-11 ta’ Awwissu 2020 li jistabbilixxi miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-virus tal-frott imkemmex u kannella tat-tadam (ToBRFV) u li jħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1615 (ĠU L 262, 12.8.2020, p. 6).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2123 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-każijiet meta l-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi fuq ċerti oġġetti jistgħu jitwettqu f’punti ta’ kontroll u l-verifiki dokumentarji jistgħu jitwettqu ’l bogħod mill-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u l-kundizzjonijiet li bihom isiru dawn il-verifiki (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 64).


ANNESS

1.   Skemi ta’ kampjunar taż-żrieragħ speċifikati, għajr dawk tal-varjetajiet magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat

Il-kampjunar taż-żrieragħ għall-ittestjar għandu jitwettaq bl-iskemi ta’ kampjunar li ġejjin, skont il-lottijiet taż-żrieragħ kif imsemmija fit-tabelli rilevanti tal-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 31 “Methodologies for sampling of consignments” (ISPM31):

(a)

għal lott ta’ żrieragħ li joriġina minn 30 pjanti ommijiet jew inqas:

—

tintuża skema ta’ kampjunar iperġeometrika li kapaċi tidentifika livell ta’ preżenza ta’ pjanti infettati ta’ 10 % jew iżjed b’affidabbiltà ta’ 95 %; jew

—

l-ittestjar ta’ kull pjanta omm tal-lott taż-żrieragħ;

(b)

għal-lott li fih 3 000 żerriegħa jew inqas: tintuża skema ta’ kampjunar iperġeometrika li kapaċi tidentifika livell ta’ preżenza ta’ pjanti infettati ta’ 10 % jew iżjed b’affidabbiltà ta’ 95 %;

(c)

għal lott li jkun fih aktar minn 3 000 żerriegħa iżda inqas minn 30 000: tintuża skema ta’ kampjunar li kapaċi tidentifika livell ta’ preżenza ta’ pjanti infettati ta’ 1 % jew iżjed b’affidabbiltà ta’ 95 %;

(d)

għal lott li fih aktar minn 30 000 żerriegħa: tintuża skema ta’ kampjunar li kapaċi tidentifika livell ta’ preżenza ta’ pjanti infettati ta’ 0,1 % jew iżjed b’affidabbiltà ta’ 95 %.

Is-sottokampjuni għandhom jikkonsistu minn massimu ta’ 1 000 żerriegħa għall-metodi ta’ Reazzjoni Katina bil-Polimerażi (PCR).

2.   Skemi ta’ kampjunar tal-pjanti speċifikati, għajr dawk tal-varjetajiet magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat

(a)

Fil-każ ta’ dawk il-pjanti speċifikati, għandu jinġabar mill-inqas kampjun wieħed li jkun fih sa 200 werqa żgħira min-naħa ta’ fuq tal-pjanta, jew sepali mill-frott, għal kull sit tal-produzzjoni u għal kull kultivar, fejn japplika.

(b)

Fil-każ ta’ pjanti sintomatiċi, il-kampjunar għall-ittestjar għandu jsir fuq mill-inqas 3 werqat sintomatiċi.

(c)

Fil-każ tal-ittestjar tal-pjanti ommijiet, għandhom jinġabru l-weraq iż-żgħar min-naħa ta’ fuq tal-pjanta, jew is-sepali mill-frott, skont il-każ.

3.   Metodi ta’ ttestjar għad-detezzjoni u l-identifikazzjoni tal-pest speċifikat fuq iż-żrieragħ, għajr iż-żrieragħ tal-varjetajiet magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat

Għad-detezzjoni tal-pest speċifikat fuq iż-żrieragħ speċifikati għandu jintuża wieħed minn dawn il-metodi tal-ittestjar li ġejjin:

—

RT-PCR f’ħin reali bl-użu tal-primers u tas-sondi deskritti fil-protokoll tal-ISF (2020) (1);

—

RT-PCR f’ħin reali bl-użu ta’ primers u ta’ sonda ta’ Menzel u Winter (2021) (2);

—

PCR f’ħin reali bl-użu ta’ primers u sonda skont Bernabé-Orts et al. (2021) (3).

Fil-każ ta’ riżultat pożittiv tat-test ta’ detezzjoni, għandu jitwettaq metodu tal-ittestjar ieħor, differenti minn dak użat għad-detezzjoni, b’wieħed mill-metodi tal-RT-PCR f’ħin reali elenkati hawn fuq, billi jintuża l-istess kampjun biex tiġi kkonfermata l-identifikazzjoni. F’każ li tinkiseb inkonsistenza bejn ir-riżultati tad-detezzjoni u tal-identifikazzjoni għaż-żrieragħ miksija, għandu jitneħħa l-kisi taż-żrieragħ u ż-żrieragħ għandhom jiġu ttestjati mill-ġdid jekk ikun japplika.

4.   Metodi ta’ ttestjar għad-detezzjoni u għall-identifikazzjoni tal-pest speċifikat fuq il-pjanti speċifikati, għajr dawk tal-varjetajiet magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat, u fuq il-frott speċifikat

Għandu jitwettaq wieħed mill-metodi ta’ ttestjar li ġejjin għad-detezzjoni tal-pest speċifikat fuq il-pjanti speċifikati, għajr dawk tal-varjetajiet magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat, u fuq il-frott speċifikat:

—

ELISA, għall-materjal sintomatiku biss;

—

RT-PCR konvenzjonali bl-użu tal-primers skont Alkowni et al. (2019) (4);

—

RT-PCR konvenzjonali bl-użu tal-primers skont Rodriguez-Mendoza et al. (2019) (5);

—

RT-PCR f’ħin reali bl-użu tal-primers u tas-sondi deskritti fil-protokoll tal-ISF (2020) (1);

—

RT-PCR f’ħin reali bl-użu ta’ primers u ta’ sonda skont Menzel u Winter (2021) (2);

—

PCR f’ħin reali bl-użu ta’ primers u ta’ sonda skont Bernabé-Orts et al. (2021) (3).

Fil-każ ta’ riżultat pożittiv tat-test ta’ detezzjoni, għandu jitwettaq metodu tal-ittestjar ieħor, differenti minn dak użat għad-detezzjoni, b’wieħed mill-metodi RT-PCR elenkati hawn fuq, billi jintuża l-istess kampjun biex tiġi kkonfermata l-identifikazzjoni.


(1)  ISF (2020) Detection of Infectious Tomato brown rugose fruit virus (ToBRFV) in Tomato and Pepper Seed. https://worldseed.org/our-work/seed-health/ishi-methods/, verżjoni 1.5, imtellgħa 29.3.2023.

(2)  Menzel, W. & Winter, S. (2021). Identification of novel and known tobamoviruses in tomato and other solanaceous crops using a new pair of generic primers and development of a specific RT- qPCR for ToBRFV. Acta Horticulturae 1316, pp. 143-148.

(3)  Bernabé-Orts, J.M., Torre, C., Méndez-López, E., Hernando, Y., Aranda, M.A. (2021) New Resources for the Specific and Sensitive Detection of the Emerging Tomato Brown Rugose Fruit Virus. Viruses 13, 1680.

(4)  Alkowni, R, Alabdallah, O., Fadda, Z. (2019) Molecular identification of tomato brown rugose fruit virus in tomato in Palestine. Journal of Plant Pathology 101(3), 719–723.

(5)  Rodríguez-Mendoza, J., Garcia-Avila, C.J., López-Buenfil, J.A., Araujo- Ruiz, K., Quezada, A., Cambrón-Crisantos, J.M., Ochoa-Martínez, D.L. (2019) Identification of Tomato brown rugose fruit virus by RT-PCR from a coding region or replicase. Mexican Journal of Phytopathology 37(2), 346–356.