Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fit‑13 ta’ Mejju 2026 (1)

Kawża C‑61/25 P

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Ir‑Renju ta’ Spanja

“Appell – Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Infiq eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea – Regolament (UE) Nru 1306/2013 – Artikolu 93(2) – Kundizzjonalità – Anness II – Rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni (RSĠ) 3 – Biodiversità – Speċi protetti tal-flora selvaġġa – Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43/KEE – Nuqqas ta’ speċifikazzjoni tal-obbligi tal-bdiewa”






I.      Introduzzjoni

1.        Dawn il-konklużjonijiet jikkonċernaw appell ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea intiż għall-annullament tas-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2024, Spanja vs Il‑Kummissjoni (T‑508/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2024:855). Permezz ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors ippreżentat mir-Renju ta’ Spanja u annullat, sa fejn kien jikkonċerna lil dan l-Istat Membru, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/908 tat‑8 ta’ Ġunju 2022 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nefqa imġarrab mill-Istati Membri taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (2).

2.        F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet eskludiet ammont ta’ finanzjament, fis-somma ta’ EUR 9 968 215.15, minħabba l-assenza ta’ kontrolli implimentati mill-awtoritajiet Spanjoli, bejn l‑2016 u l‑2017, sabiex jivverifikaw il-konservazzjoni tal-habitats naturali tal-ispeċi protetti tal-flora selvaġġa f’Castilla y León (Spanja). Dawn il-kontrolli kienu meħtieġa, skont il-Kummissjoni, abbażi tar-regoli li jirrigwardaw il-kundizzjonalità stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (3), li jorbot il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (4) mal-osservanza mill-bdiewa ta’ regoli fundamentali b’mod partikolari fil-qasam tal-ambjent. B’mod partikolari, il-Kummissjoni akkużat lir-Renju ta’ Spanja li ma kkontrollax fuq il-post l-osservanza, mill-bdiewa benefiċjarji tal-għajnuna mill-Unjoni, tar-rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni (RSĠ) 3 (5), iddefiniti konformement mal-Anness II tar-Regolament Nru 1306/2013 u, b’riferiment minn dan, mal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43/KEE (6).

3.        Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li l-Artikolu 93(2) tar-Regolament (KE) Nru 1306/2013 jistabbilixxi li l-obbligu li jitwettqu kontrolli ta’ kundizzjonalità japplika biss għall-osservanza tal-miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ din id-direttiva fil-livell nazzjonali. Madankollu, peress li l-ebda pjan ieħor jew miżura oħra ta’ konservazzjoni ma kienet ġiet adottata f’Castilla y León konformement mal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43, ir-rekwiżiti imposti fuq il-bdiewa taħt ir-RSĠ 3 ma kinux preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-awtoritajiet Spanjoli kkontrollaw l-osservanza tagħhom. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata tikkunsidra l-assenza ta’ kontrolli bħala nuqqas ta’ konformità u tapplika minħabba f’hekk korrezzjoni finanzjarja.

4.        Il-Qorti tal-Ġustizzja talbitni neżamina t-tieni aggravju mressaq mill-Kummissjoni fl-appell tagħha, li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013. Din hija dispożizzjoni ewlenija tas-sistema ta’ kundizzjonalità applikabbli fil-kuntest tal-PAK u li għadha ma kinitx is-suġġett ta’ deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ser ikun meħtieġ, b’mod partikolari, li jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, tal-kuntest normattiv tiegħu, u tal-iskop tiegħu, l-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprekludix lill-Kummissjoni milli teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni nfiq magħmul taħt il-fondi FAEG u FAEŻR (7) meta, kif ikkunsidrat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, l-assenza ta’ kontrolli tal-osservanza tar-RSĠ 3 tirriżulta min-nuqqas tal-awtoritajiet nazzjonali li jispeċifikaw l-obbligi li l-bdiewa għandhom jissodisfaw.

II.    Il‑kuntest ġuridiku

5.        Ir‑Regolament Nru 1306/2013, li jinkludi r-regoli prinċipali involuti f’din il-proċedura, stabbilixxa r-regoli relatati mal-finanzjament, mal-ġestjoni u mal-monitoraġġ tal-PAK sat-tħassir tiegħu f’Jannar 2023. Wara dan it-tħassir, huwa ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) 2021/2116 (8). Ir-Regolament Nru 1306/2013 irregola l-Fondi, żgura l-monitoraġġ tal-infiq u impona mekkaniżmi ta’ kontroll għall-għajnuna agrikola. Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1306/2013 ġew stabbiliti permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 (9) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 (10).

6.        Il-premessi 54, 55, 59 u 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 kienu jipprovdu kif ġej:

“(54)      Is-sistema ta’ kondizzjonalità tinkorpora fil-PAK standards bażiċi għall-ambjent [...]. Il-kondizzjonalità għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ agrikoltura sostenibbli b’għarfien aħjar min-naħa ta’ benefiċjarji dwar il-ħtieġa li jiġu rrispettati dawk l-istandards bażiċi. Għandha l-għan ukoll li tikkontribwixxi biex il-PAK issir aktar kompatibbli ma’ dak li s-soċjetà tistenna permezz ta’ konsistenza li titjieb ta’ dik il-politika mal-politiki dwar l-ambjent, is-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti u t-trattament xieraq tal-annimali. Is-sistema ta’ kondizzjonalità tagħmel parti integrali mill-PAK u għandha, għalhekk, tinżamm. Il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, madankollu, li s’issa huwa magħmul minn listi separati ta’ rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni u ta’ standards ta’ kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba ta’ art, għandu jiġi ssimplifikat biex tiġi żgurata l-konsistenza tas-sistema ta’ kondizzjonalità u jsir aktar viżibbli. Għal dan il-għan, ir-rekwiżiti u l-istandards għandhom jiġu organizzati f’lista waħda u mqegħdin fi gruppi skont iż-żoni u l-kwistjonijiet. [...]

(55)      Jeħtieġ li r-rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni jiġu implimentati b’mod sħiħ mill-Istati Membri biex isiru funzjonali f’livell ta’ azjenda agrikola u jiżguraw it-trattament ugwali meħtieġ tal-bdiewa.

[…]

(59)      Il-benefiċjarji għandhom jifhmu b’mod ċar l-obbligi ta’ konformità tagħhom fir-rigward tar-regoli dwar il-kondizzjonalità. Għal dak il-għan, ir-rekwiżiti u l-istandards kollha li jagħmlu parti minn dawk ir-regoli għandhom jiġu kkomunikati mill-Istati Membri b’mod eżawrjenti, li jinftiehem u li jagħti spjegazzjoni, inkluż, fejn ikun possibbli, b’mezzi elettroniċi.

(60)      Implimentazzjoni effikaċi tal-kondizzjonalità teħtieġ verifika fil-livell tal-benefiċjarji li l-obbligi huma rrispettati. [...]”

7.        It-Titolu V tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Sistemi ta’ kontroll u pieni”, kien jinkludi l-Kapitolu I, taħt it-taqsima “Regoli ġenerali”. Dan il-kapitolu kien jinkludi min-naħa tiegħu l-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni”, li kien jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jadottaw, fil-qafas tal-PAK, id-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji u amministrattivi kollha u jieħdu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa biex jiżguraw protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, partikolarment biex:

(a)      jivverifikaw il-legalità u r-regolarità ta’ operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi;

[…]

(c)      ma jħallux li jseħħu, jikxfu u jikkoreġu irregolaritajiet u frodi;

[…]

2.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi effiċjenti ta’ ġestjoni u kontroll biex tiġi żgurata l-konformità mal-leġislazzjoni li tirregola skemi ta’ għajnuna mill-Unjoni bil-għan li jitnaqqas għall-minimu r-riskju ta’ ħsara finanzjarja lill-Unjoni.

[...]”

8.        It-Titolu VI tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Kondizzjonalità”, kien jinkludi l-Kapitolu I, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, li kien jinkludi l-Artikoli 91 sa 95 ta’ dak ir-Regolament, kif ukoll il-Kapitolu II, intitolat, min-naħa tiegħu, “Sistema ta’ kontroll u pieni amministrattivi relatati mal-kondizzjonalità”, li kien jinkludi l-Artikoli 96 sa 101 tal-imsemmi regolament.

9.        Skont l-Artikolu 91 tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Prinċipju ġenerali”:

“1.      Meta benefiċjarju msemmi fl-Artikolu 92 ma jkunx konformi mar-regoli dwar il-kondizzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 93, għandha tiġi imposta piena amministrattiva fuq dak il-benefiċjarju.

2.      Il-piena amministrattiva msemmija fil-  1 għandha tapplika biss meta n-nuqqas ta’ konformità jkun ir-riżultat ta’ att jew omissjoni li tista’ tiġi attribwita direttament lill-benefiċjarju kkonċernat [...].

[...]

3.      Għall-fini ta’ dan it-Titolu għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...] 

(b)      ‘rekwiżit’ tfisser kull rekwiżit individwali statutorju ta' ġestjoni skont il-liġi tal-Unjoni msemmi fl-Anness II f’att speċifiku, li jvarja fis-sustanza minn kwalunkwe rekwiżit ieħor tal-istess att”.

10.      L-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Regoli dwar il-kondizzjonalità”, kien jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.      Ir-regoli dwar il-kondizzjonalità għandhom jikkonsistu mir-rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni skont il-liġi tal-Unjoni u l-istandards għal kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba ta’ art stabbiliti fuq livell nazzjonali kif elenkati fl-Anness II, relatati mal-oqsma li ġejjin:

(a)      l-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-kondizzjoni agrikola tajba tal-artijiet;

(b)      is-saħħa pubblika, tal-annimali u tal-pjanti;

(c)      it-trattament xieraq tal-annimali.

2.      L-atti legali msemmija fl-Anness II b’rabta mar-rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni għandhom japplikaw fil-verżjoni li tkun fis-seħħ u, fil-każ ta’ Direttivi, kif implimentati mill-Istati Membri.”

11.      Skont l-Artikolu 95 tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Informazzjoni għall-benefiċjarji”:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-benefiċjarji kkonċernati, fejn xieraq bl-użu ta’ mezzi elettroniċi, bil-lista tar-rekwiżiti u l-istandards li għandhom jiġu applikati fil-livell tal-azjenda agrikola, kif ukoll informazzjoni ċara u preċiża dwarhom.”

12.      L-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Verifiki tal-kondizzjonalità”, kien jipprovdi kif ġej:

“[...] 

3.      L-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki fuq il-post biex jivverifikaw jekk benefiċjarju partikolari jkunx konformi mal-obbligi stipulati f’dan it-Titolu.

[...]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

13.      Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 2 sa 35 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-iskopijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiġu mqassra kif ġej.

14.      Wara investigazzjoni mwettqa fil-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León, dwar il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tas-sistema ta’ kundizzjonalità prevista fit-Titolu VI tar-Regolament Nru 1306/2013, il-Kummissjoni kkonstatat diversi nuqqasijiet fil-kuntest ta’ tliet kontrolli ewlenin matul is-snin 2016 u 2017, relatati b’mod partikolari mal-portata u mal-kwalità tal-kontrolli fuq il-post imwettqa mill-awtoritajiet Spanjoli. Skont il-Kummissjoni, dawn in-nuqqasijiet kienu tali li joħolqu riskju għall-Fondi u, konsegwentement, li jwasslu għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa fuq l-ammont totali tal-għajnuna mħallsa lill-benefiċjarji li għalihom kienet tapplika s-sistema ta’ kundizzjonalità.

15.      Wara skambji bejn l-awtoritajiet Spanjoli u l-Kummissjoni, partikolarment fir-rigward tal-kalkolu tar-riskju maħluq min-nuqqasijiet ikkonstatati għall-Fondi, u wkoll wara r-rapport tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni, adottat skont l-Artikolu 40 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, il-Kummissjoni kkomunikat il-pożizzjoni finali tagħha lill-awtoritajiet Spanjoli. F’din il-pożizzjoni, hija żammet il-konstatazzjonijiet tagħha dwar in-nuqqasijiet fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni kontroll ewlenin, kif ukoll dwar ir-riskju ġġenerat minn dawn in-nuqqasijiet għall-Fondi.

16.      Dawn il-konstatazzjonijiet kienu jikkonċernaw, fir-rigward tat-tieni mill-erba’ istanzi ta’ ksur li jaqgħu taħt l-ewwel kontroll ewlieni, li huwa l-uniku wieħed ikkonċernat minn din il-proċedura, ir-RSĠ 3 u kienu jirrigwardaw l-assenza ta’ kontrolli għall-konservazzjoni tal-habitats naturali tal-ispeċi protetti tal-flora selvaġġa matul is-snin ta’ applikazzjoni 2016 u 2017. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkonstatat li l-awtoritajiet Spanjoli ma kinux wettqu kontrolli ta’ kundizzjonalità kif meħtieġa fl-Artikolu 96(3) tar-Regolament Nru 1306/2013, kif ukoll fl-Artikolu 24(1) u fl-Artikolu 65(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014.

17.      Fid-dawl tan-nuqqasijiet kollha ikkonstatati, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-pożizzjoni finali tagħha, li għandha tiġi applikata korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 5 % fuq 10 % tal-ammont totali tal-għajnuna għas-snin ta’ applikazzjoni 2016 u 2017, u ta’ 2 % fuq 10 % tal-ammont totali tal-għajnuna għas-sena ta’ applikazzjoni 2018. Għalhekk, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni eskludiet l-ammont gross totali ta’ EUR 9 973 274.36 mill-finanzjament tal-Unjoni, li, meħudin inkunsiderazzjoni l-ammonti diġà rkuprati wara investigazzjonijiet preċedenti, wassal għal korrezzjoni finanzjarja netta ta’ EUR 9 968 215.15.

 Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

18.      Permezz ta’ rikors tad‑19 ta’ Awwissu 2022, ir-Renju ta’ Spanja talab lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn kienet tikkonċernah. Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa qajjem żewġ motivi, li fihom invoka diversi żbalji ta’ fatt, ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni allegatament imwettqa mill-Kummissjoni.

19.      B’mod partikolari, l-ewwel motiv kien jinkludi sitt partijiet, li l-ewwel erbgħa minnhom kienu jikkonċernaw l-assenza ta’ dubju serju u raġonevoli għal dak li jikkonċerna d-diversi nuqqasijiet ikkonstatati fl-ewwel u fit-tieni kontroll ewlenin. Il-ħames parti ta’ dan il-motiv kienet tikkonċerna ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li vvizzja ċ-ċaħda tal-kalkolu tal-ammont li għandu jiġi eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni, ibbażata fuq estrapolazzjoni proposta mir-Renju ta’ Spanja. Is-sitt parti ta’ dan il-motiv, kif ukoll it-tieni motiv, kienu jikkonċernaw ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li vvizzja l-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa imposta mill-Kummissjoni.

20.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet, fl-intier tagħha, it-tieni parti u, parzjalment, ir-raba’ parti tal-ewwel motiv, għar-raġuni li l-Kummissjoni kienet ibbażat b’mod mhux xieraq il-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża b’rata fissa fuq żewġ nuqqasijiet: minn naħa, l-assenza ta’ kontrolli tal-kundizzjonalità tar-RSĠ 3, bi ksur tal-Artikolu 96(3) tar-Regolament Nru 1306/2013 u, min-naħa l-oħra, l-assenza tal-firem tal-benefiċjarji fuq ir-rapporti ta’ kontroll ta’ kundizzjonalità, bi ksur tal-Artikolu 72(1)(b)(ii) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014. Għall-bqija, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel u t-tielet parti tal-ewwel motiv. Hija ma eżaminatx il-ħames u s-sitt parti tal-ewwel motiv u lanqas it-tieni motiv.

21.      Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel motiv, li hija dik ikkonċernata minn dan l-appell, il-Qorti Ġenerali indikat, l-ewwel nett, li, skont l-Artikolu 93(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, ir-regoli dwar il-kundizzjonalità tar-RSĠ huma stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament. Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tar-RSĠ 3, dan l-Anness II jirreferi għall-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni tal-habitats tal-ispeċi protetti tal-flora selvaġġa, il-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji, li jinkludu jekk ikun il-każ, il-pjanijiet ta’ ġestjoni xierqa, u għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jipprevjenu d-deterjorament ta’ dawn l-habitats. Il-Qorti Ġenerali indikat ukoll li, f’Castilla y León, l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43 kien ġie traspost bid-Digriet 63/2007 (11), li jinkludi lista tal-ispeċi protetti tal-flora selvaġġa f’din il-Komunità Awtonoma ta’ Spanja.

22.      Il-Qorti Ġenerali mbagħad ikkonstatat li l-kombinazzjoni, minn naħa, tad-Digriet 63/2007, li jirrikonoxxi l-preżenza ta’ speċi protetti tal-flora selvaġġa f’Castilla y León, u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ kontrolli tal-kundizzjonalità tar-RSĠ 3 speċifikament immirati li jipproteġu dawn l-ispeċi, kienu jikkostitwixxu prova ta’ dubju serju u raġonevoli dwar jekk il-kontrolli mwettqa kinux twettqu. Minn dan hija kkonkludiet, skont il-ġurisprudenza stabbilita applikabbli f’dan il-qasam, li r-Renju ta’ Spanja kellu jipproduċi prova li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma kinux preċiżi.

23.      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, skont l-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, l-obbligu li jitwettqu kontrolli tal-kundizzjonalità tar-RSĠ 3 huwa intiż biss biex il-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 92/43 fil-livell nazzjonali jkunu osservati. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, l-atti legali msemmija fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament, li jirrigwardaw ir-RSĠ, japplikaw biss fil-verżjoni fis-seħħ u, fil-każ ta’ direttivi, fil-verżjoni implimentata mill-Istati Membri. Madankollu, f’dan il-każ, fl-assenza ta’ kwalunkwe miżura ta’ konservazzjoni ddefinita minn qabel mill-awtoritajiet Spanjoli, fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43, ir-rekwiżiti imposti fuq il-bdiewa skont ir-RSĠ 3 ma kinux iddeterminati b’mod suffiċjentement preċiż sabiex jippermettu lill-awtoritajiet Spanjoli jikkontrollaw b’mod effettiv l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li minn dan isegwi li r-Renju ta’ Spanja kien iġġustifikat isostni li l-assenza ta’ kontroll tal-kundizzjonalità tar-RSĠ 3 ma setax jitqies mill-Kummissjoni bħala nuqqas ta’ konformità.

24.      Id-deċiżjoni kontenzjuża ġiet annullata fl-intier tagħha permezz tas-sentenza appellata, sa fejn kienet tikkonċerna lir-Renju ta’ Spanja. Fir-rigward tal-portata ta’ dan l-annullament, il-Qorti Ġenerali indikat, essenzjalment, li, mingħajr ma jitqiesu n-nuqqasijiet ikkontestati fit-tieni u fir-raba’ parti tal-ewwel motiv, il-kalkolu tal-ammont totali tal-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa normalment kien ikun differenti u li għalhekk kienet il-Kummissjoni li kellha tislet il-konsegwenzi tal-imsemmi annullament.

 It-talbiet tal‑partijiet fl-appell

25.      Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata inkwantu dan jilqa’ t-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors;

–        tiċħad it-tieni parti tal-ewwel motiv bħala infondata;

–        tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-ħames u s-sitt parti tal-ewwel motiv kif ukoll fuq it-tieni motiv; u

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

26.      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Analiżi ġuridika

27.      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball fl-applikazzjoni tar-regoli li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-oneru tal-prova fil-kuntest tal-proċedura tal-clearance tal-kontijiet u, it-tieni wieħed, fuq żball fl-interpretazzjoni tal-obbligi imposti fuq l-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-RSĠ 3 u l-kontrolli tal-osservanza tagħhom mill-bdiewa.  

28.      Skont kif talbet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-analiżi tiegħi ser tiffoka fuq it-tieni wieħed minn dawn l-aggravji, li huwa ffokat fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013.

 L‑argumenti tal‑partijiet

29.      Permezz tat-tieni aggravju li hija tressaq insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet li r-Renju ta’ Spanja seta’ jikkonfuta l-prova tal-eżistenza ta’ dubju serju u raġonevoli dwar l-obbligu li jitwettqu kontrolli fuq il-post sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-RSĠ 3 billi jinvoka n-nuqqas tiegħu stess li jispeċifika, fid-dritt nazzjonali, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43. B’mod iktar konkret, il-Kummissjoni tikkunsidra li din il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali ma tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013. Din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li tfisser li Stat Membru ma għandux iwettaq kontrolli fuq il-post fir-rigward tal-kundizzjonalità meta r-rekwiżiti li għandhom jiġu vverifikati ma jkunux ġew iddefiniti minn qabel mill-awtoritajiet nazzjonali. Bil-maqlub, meta Stat Membru ma josservax l-obbligu tiegħu li jimplimenta r-RSĠ u meta, b’riżultat ta’ dan, ma jsiru l-ebda kontrolli fuq il-post, dan l-Istat Membru jkun qiegħed jikser l-obbligu tiegħu li jipprovdi sistema ta’ kontrolli li tiżgura kontroll effikaċi tal-osservanza tar-RSĠ, kif jeżiġi b’mod partikolari l-Artikolu 96(3) tar-Regolament Nru 1306/2013, kif ukoll l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 65(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014. Interpretazzjoni differenti tkun tista’ kemm iċċaħħad mill-effettività r-Regolament Nru 1306/2013 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, kif ukoll tinjora l-iskop tar-rekwiżiti previsti fil-qasam tal-kundizzjonalità.

30.      Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta dawn l-argumenti, billi jikkunsidra li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, kif mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, hija korretta. B’mod partikolari, ir-Renju ta’ Spanja jallega li huma l-Istati Membri li jiddefinixxu l-kontenut tar-RSĠ 3 fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 92/43. Meta implimentaw din id-direttiva f’Castilla y León, l-awtoritajiet Spanjoli qiesu li ma kienx neċessarju li jiġu adottati pjanijiet għar-restawr jew għall-konservazzjoni tal-habitats tal-ispeċi protetti tal-flora selvaġġa, u lanqas miżuri oħra ta’ konservazzjoni, skont l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43, li jimponu obbligi fuq il-bdiewa fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom. F’dan il-kuntest, skont ir-Renju ta’ Spanja, l-assenza ta’ kontrolli fuq il-post kienet iġġustifikata, peress li, skont l-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, ir-RSĠ 3 għandhom ikunu suġġetti għal kontroll li jieħu inkunsiderazzjoni l-mod kif l-Istat Membru ttraspona d-Direttiva 92/43. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, dan ma jfissirx li l-Istat Membru ma għandux sistema ta’ kontroll affidabbli u operattiva skont is-sistema ta’ kundizzjonalità imposta mir-Regolament Nru 1306/2013.

 Evalwazzjoni ġuridika

31.      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li din il-kawża tikkonċerna deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura tal-clearance tal-kontijiet prevista fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013. Din il-proċedura, li sseħħ bejn din l-istituzzjoni u kull wieħed mill-Istati Membri li bbenefikaw mill-finanzjament tal-PAK, għandha l-għan li tivverifika jekk, kif jeżiġi l-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, l-Istat Membru kkonċernat għandux sistema effettiva ta’ kontroll u ta’ ġestjoni li tippermetti li tkun żgurata l-osservanza tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-iskemi ta’ għajnuna tal-Unjoni u li timminimizza r-riskju ta’ dannu finanzjarju għall-Unjoni. Il-proċedura tal-clearance tal-kontijiet tirrigwarda wkoll il-punt dwar jekk, fil-kuntest ta’ din is-sistema, l-Istat Membru kkonċernat wettaqx il-kontrolli meħtieġa sabiex jiddetermina jekk ir-regoli previsti mir-Regolament Nru 1306/2013, inklużi dawk relatati mal-kundizzjonalità, ġewx osservati. Kif il-Qorti Ġenerali ġustament enfasizzat fil-punt 75 tas-sentenza appellata, meta dawn il-kontrolli ma jkunux twettqu jew ma jkunux adegwati, il-Kummissjoni hija obbligata tagħmel korrezzjoni finanzjarja sabiex tipprevjeni li l-Fondi jħallsu ammonti mingħajr ma dawn ikunu ntużaw għall-finanzjament ta’ xi għan imfittex mid-dritt tal-Unjoni (12).

32.      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex tipprova ksur tar-regoli dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tipproduċi prova ta’ dubju serju u raġonevoli rigward il-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali jew l-irregolarità taċ-ċifri trażmessi minnhom, mingħajr ma jkollha, madankollu, turi b’mod eżawrjenti l-insuffiċjenza ta’ dawn il-kontrolli jew l-irregolarità ta’ dawn iċ-ċifri. Dan it-tnaqqis fl-oneru tal-prova tal-Kummissjoni huwa spjegat mill-fatt li huwa l-Istat Membru li jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġbor u jivverifika d-data meħtieġa għall-clearance tal-kontijiet tal-Fondi, u għalhekk huwa l-obbligu tiegħu li jressaq l-iktar prova ddettaljata u kompluta tar-realtà tal-kontrolli jew taċ-ċifri tiegħu u, jekk ikun il-każ, tal-ineżattezza tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni (13).

33.      Fil-każ preżenti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 76 u 77 tas-sentenza appellata, li, fin-nuqqas ta’ kontrolli tal-kundizzjonalità tar-RSĠ 3 mill-awtoritajiet Spanjoli f’Castilla y León, il-Kummissjoni rnexxielha tistabbilixxi, fil-pożizzjoni finali tagħha, prova ta’ dubju serju u raġonevoli, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, u li għalhekk kien l-obbligu tar-Renju ta’ Spanja li jipprova li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma kinux preċiżi. Madankollu, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat min-naħa l-oħra li l-argument tar-Renju ta’ Spanja, ibbażat fuq l-assenza ta’ speċifikazzjonijiet preċiżi skont l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43, li jippermettu lill-bdiewa jipproteġu l-ispeċi tal-flora selvaġġa f’Castilla y León, kien ippermetta li tiġi kkonfutata l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-kontrolli tal-kundizzjonalità tar-RSĠ 3 ma kinux konformi.

34.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-istabbiliment mill-Kummissjoni ta’ dubju serju u raġonevoli, jeħtieġ li jiġi rrilevat li s-sistema ta’ kundizzjonalità stabbilita mir-Regolament Nru 1306/2013 teżiġi, fil-fatt, li l-bdiewa li jibbenefikaw mill-għajnuna msemmija fl-Artikolu 92 ta’ dan ir-regolament josservaw ċerti regoli intiżi li jipproteġu l-ambjent, is-saħħa pubblika, u l-benesseri tal-annimali. Skont l-Artikolu 93(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, dawn ir-regoli jinkludu, b’mod partikolari, ir-RSĠ, li huma ppreżentati f’lista waħda u miġbura skont il-qasam u t-tema fl-Anness  II ta’ dan ir-regolament (14).

35.      Fir-rigward tal-għan speċifiku tal-protezzjoni tal-biodiversità, l-Anness II tal-imsemmi regolament jindika, taħt it-taqsima “RSĠ 3”, li r-regoli li għandhom jiġu osservati mill-bdiewa huma b’mod partikolari dawk previsti mid-Direttiva 92/43, b’mod iktar partikolari l-Artikolu 6(1) u (2) tagħha. Kif innotat il-Qorti Ġenerali fil-punt 72 tas-sentenza appellata, din id-dispożizzjoni tipprevedi, minn naħa, li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni tal-habitats tal-ispeċi protetti tal-flora selvaġġa, il-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji li jinvolvu, jekk ikun il-każ, pjanijiet ta’ ġestjoni xierqa, u, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jevitaw id-deterjorament ta’ dawn l-habitats. F’Castilla y León, li hija l-Komunità Awtonoma Spanjola kkonċernata f’dan il-każ, l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43 ġie traspost bid-Digriet 63/2007. Dan id-digriet inkluda lista tal-ispeċi protetti tal-flora selvaġġa u ppreveda l-adozzjoni ta’ pjanijiet għar-restawr u għall-konservazzjoni tal-habitats tal-imsemmija speċi (15).

36.      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet ipproduċiet prova ta’ dubju serju u raġonevoli, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fis-sens li, għalkemm il-preżenza ta’ speċi protetti tal-flora selvaġġa f’Castilla y León kienet ġiet irrikonoxxuta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 92/43, ma kien twettaq l-ebda kontroll tal-kundizzjonalità tar-RSĠ 3, intiż sabiex jipproteġi ta’ dawn l-ispeċi.

37.      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li r-Renju ta’ Spanja kkonfuta l-eżistenza ta’ tali dubju serju u raġonevoli, għandu jiġi kkonstatat li din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, kif mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 78 tas-sentenza appellata u applikata f’dan il-każ fil-punt 79 ta’ din is-sentenza. Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, skont il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, id-dmir li jitwettqu kontrolli ta’ kundizzjonalità jikkonċerna biss l-osservanza tal-miżuri li jimplimentaw id-Direttiva 92/43 fil-livell nazzjonali, b’tali mod li, fil-każijiet fejn ma jkun ġie adottat l-ebda pjan jew miżura oħra ta’ konservazzjoni, l-obbligi skont ir-RSĠ 3 ma jkunux suffiċjentement preċiżi sabiex jirrikjedu li l-awtoritajiet nazzjonali jikkontrollaw l-osservanza tagħhom.

38.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-interpretazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali u l-applikazzjoni tagħha għall-każ preżenti humiex ivvizzjati b’xi żball, kif issostni l-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament fakkret il-prinċipji ermenewtiċi li fuqhom wieħed għandu jistrieħ sabiex jinterpreta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, għal dan il-għan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (16).

39.      Għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni testwali, l-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprevedi li l-atti legali msemmija fl-Anness II tiegħu, relatati mar-RSĠ, għandhom japplikaw fil-verżjoni tagħhom li tkun fis-seħħ, u “u, fil-każ ta’ Direttivi, kif implimentati mill-Istati Membri”. Minn dan isegwi li, meta r-RSĠ huma ddefiniti fir-rigward ta’ direttiva, kif huwa l-każ hawnhekk, il-kontrolli ta’ kundizzjonalità mwettqa sabiex jivverifikaw l-osservanza ta’ dawn ir-RSĠ għandhom isiru fid-dawl tar-regoli li jagħtu effett lid-direttiva kkonċernata, kif adottati mill-awtoritajiet nazzjonali. L-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 huwa intiż għalhekk li jippreċiża l-kuntest normattiv li abbażi tiegħu l-Istati Membri huma obbligati jeżaminaw jekk il-bdiewa li jibbenefikaw mill-finanzjament tal-PAK josservawx ir-regoli ta’ kundizzjonalità previsti minn dan ir-regolament. Madankollu, għall-kuntrarju tal-interpretazzjoni li ngħatat lilha mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, ma hemm xejn fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li jissuġġerixxi li Stat Membru jkun eżentat mill-obbligu tiegħu li jwettaq kontrolli ta’ kundizzjonalità fil-każ ta’ nuqqas ta’ speċifikazzjoni tar-RSĠ. Dan huwa silloġiżmu li, fil-fehma tiegħi, ma jsib l-ebda appoġġ fit-test tal-imsemmija dispożizzjoni.

40.      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-każijiet fejn ir-RSĠ ikunu ddefiniti fir-rigward ta’ direttiva, l-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 juża, fil-verżjoni tiegħu bil-Franċiż, it-terminu “mise en œuvre ” (“implimentati”), jiġifieri, verb ikkonjugat fil-partiċipju passat, sabiex jirreferi għall-verżjoni li taħtha l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iwettqu l-kontrolli ta’ kundizzjonalità tagħhom (17). Il-formulazzjoni stess tal-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 għalhekk tippreżupponi li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu adottaw minn qabel miżuri taħt ir-RSĠ fir-rigward tad-direttiva inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li t-test ta’ din id-dispożizzjoni ma jistax jintuża sabiex tinstilet kwalunkwe konklużjoni ġuridika fejn il-konkretizzazzjoni tar-RSĠ ma tkunx twettqet.

41.      Minn dan isegwi li, minn perspettiva testwali, l-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma huwiex obbligat iwettaq kontrolli ta’ kundizzjonalità meta l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva msemmija fl-Anness II ta’ dan ir-regolament ma jkunux ġew speċifikati mill-awtoritajiet nazzjonali.

42.      Barra minn hekk, anki fuq is-suppożizzjoni li jista’ jitqies li l-formulazzjoni tal-Artikolu 93(2) tar-Regolament hija ambigwa, il-konstatazzjoni preċedenti jidhirli wkoll li hija kkorroborata mill-interpretazzjoni kuntestwali u dik teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni, li, madankollu, ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali.

43.      Għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni kuntestwali, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 huwa inkluż fit-Titolu VI ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kondizzjonalità”. L-Artikolu 96 tal-istess regolament, li jaqa’ taħt l-istess titolu, jipprevedi l-obbligu tal-Istati Membri li jwettqu kontrolli sabiex jivverifikaw li l-benefiċjarji tal-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni josservaw r-RSĠ, b’mod partikolari fil-forma ta’ kontrolli fuq il-post. Dan l-obbligu huwa rrepetut, f’termini simili, fl-Artikolu 24(1)(c) kif ukoll fl-Artikolu 65(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, li jippreċiżaw li l-kontrolli mill-awtoritajiet nazzjonali għandhom jitwettqu b’tali mod li jiżguraw verifika effettiva tar-rekwiżiti u tal-istandards applikabbli fil-qasam tal-kundizzjonalità. Madankollu, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedu l-ebda eċċezzjoni fir-rigward tat-twettiq tal-kontrolli, l-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 ma jistax jiġi interpretat, għal raġunijiet ta’ koerenza, bħala li jippermetti l-ommissjoni tal-obbligu ewlieni impost fuq l-Istati Membri skont is-sistema ta’ kundizzjonalità.

44.      Iktar minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li dan jimplika ovvjament li r-rekwiżiti li jirriżultaw mir-RSĠ għall-bdiewa jkunu ġew iddefiniti b’mod suffiċjentement preċiż sabiex jippermettu kontroll effikaċi tal-osservanza tagħhom u sabiex il-bdiewa jkunu konxji tagħhom. Minbarra l-fatt li, kif indikat fil-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan l-obbligu jista’ jiġi dedott mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, dan l-aspett isir iktar evidenti meta jinqraw il-premessi 55, 59 u 60 ta’ dan ir-regolament. Dawn il-premessi jippreċiżaw fil-fatt is-sistema ta’ kundizzjonalità stabbilita mir-Regolament Nru 1306/2013, inkwantu jiddikjaraw, minn naħa, li l-Istati Membri huma obbligati jimplimentaw bis-sħiħ ir-RSĠ sabiex dawn isiru operattivi fil-livell tal-azjendi agrikoli u, min-naħa l-oħra, li l-bdiewa għandhom jifhmu preċiżament l-obbligi tagħhom għal dak li jikkonċerna r-RSĠ. Dawn id-dikjarazzjonijiet huma rrepetuti b’mod partikolari fl-Artikolu 95 tar-Regolament Nru 1306/2013, li jgħid li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jipprovdu lill-bdiewa l-lista tar-rekwiżiti u tal-istandards li għandhom jiġu applikati fil-livell tal-azjendi agrikoli, flimkien ma’ informazzjoni ċara u preċiża f’dan ir-rigward.

45.      Minn dan isegwi li, minn perspettiva kuntestwali, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tinterpreta l-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, fil-każ fejn ir-RSĠ kienu għadhom iridu jiġu ddefiniti fir-rigward ta’ direttiva, bħala li jeżenta lil Stat Membru mill-obbligu tiegħu li jwettaq kontrolli ta’ kundizzjonalità minħabba n-nuqqas ta’ speċifikazzjoni tal-obbligi għall-bdiewa. Fil-fatt, l-obbligu tal-Istati Membri li jwettqu tali kontrolli jippreżupponi d-definizzjoni minn qabel mill-awtoritajiet nazzjonali tar-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti mill-bdiewa, b’tali mod li l-assenza ta’ tali preċiżjoni u, konsegwentement, tal-kontrolli ta’ kundizzjonalità kellha twassal lill-Kummissjoni tikkonstata nuqqas ta’ konformità.

46.      Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni teleoloġika, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jidhirli wkoll li jmur kontra l-iskop għan tar-Regolament Nru 1306/2013 u, b’mod partikolari, tar-regoli stabbiliti minn dan ir-regolament fil-qasam tal-kundizzjonalità. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li dawn ir-regoli għandhom l-għan li jiżguraw rabta bejn il-finanzjament tal-Unjoni bbażat fuq il-Fondi u l-kisba, mill-benefiċjarji ta’ dan il-finanzjament, tal-għanijiet imfittxija minn politiki oħra tal-Unjoni, bħall-protezzjoni tal-ambjent. Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 46 tas-sentenza appellata, il-Fondi jiffinanzjaw biss l-interventi mwettqa skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, l-iskop imfittex mir-Regolament Nru 1306/2013 li jistabbilixxi s-sistema ta’ kundizzjonalità, kif ukoll dak tar-regoli li jipprevedi, ikun ippreġudikat jekk l-Artikolu 93(2) ta’ dan ir-regolament jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jevitaw id-dmir ta’ kontroll tagħhom billi jinvokaw in-nuqqas tagħhom stess li jipprovdu l-preċiżazzjonijiet dwar ir-rekwiżiti li l-bdiewa għandhom jissodisfaw skont ir-RSĠ.

47.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ebda wieħed mill-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jippermetti li tintlaqa’ l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali lill-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, kif tirriżulta mill-punt 78 tas-sentenza appellata.

48.      L-argumenti mressqa mir-Renju ta’ Spanja fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu ma jistgħux jikkontestaw il-konklużjoni preċedenti.

49.      L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument li l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, meta, bħal f’dan il-każ, l-ispeċifikazzjonijiet tar-RSĠ ma ġewx adottati mill-awtoritajiet nazzjonali, twassal sabiex jiġu ssanzjonati l-bdiewa għal nuqqas li ma huwiex attribwibbli lilhom. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 91(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, il-bdiewa jistgħu jiġu ssanzjonati biss għall-istanzi ta’ ksur tar-regoli ta’ kundizzjonalità li huma attribwibbli lilhom, fatt li jeskludi kwalunkwe riperkussjoni fuqhom mill-korrezzjoni finanzjarja applikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li hija attribwibbli biss lill-awtoritajiet Spanjoli. Barra minn hekk, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, il-proċedura tal-clearance tal-kontijiet hija proċedura bejn din l-istituzzjoni u l-Istat Membru kkonċernat, li fiha l-Istat Membru huwa l-uniku responsabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità fil-forma ta’ assenza ta’ kontrolli. Id-dannu kkawżat lill-bdiewa minn dan l-aġir tal-Istat Membru jista’, barra minn hekk, jagħti lok għal kumpens għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq minn dan l-Istat.

50.      It-tieni nett, anke jekk wieħed jippreżupponi li l-Kummissjoni ċċitat l-Artikolu 95 tar-Regolament Nru 1306/2013 għall-ewwel darba fl-appell tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif isostni r-Renju ta’ Spanja, tali ċitazzjoni ma tistax tikkostitwixxi argument ġdid li jista’ jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fil-fatt, il-Kummissjoni tirreferi għal din id-dispożizzjoni, li tinsab fit-Titolu VI tar-Regolament Nru 1306/2013, dwar ir-regoli ta’ kundizzjonalità, sabiex tiċċara l-interpretazzjoni kuntestwali li tikkunsidra li l-Artikolu 93(2) ta’ dan ir-regolament jistħoqqlu. Madankollu, kif indikat fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali u l-applikazzjoni tagħha għall-każ inkwistjoni fis-sentenza appellata kinux ivvizzjati bi żball, kien meħtieġ li tiġi ddeterminata t-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl, inter alia, tal-kuntest normattiv tagħha. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-invokazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 95 tar-Regolament Nru 1306/2013 kienet rilevanti u ammissibbli fil-kuntest tal-analiżi ġuridika li għandha titwettaq fil-proċedura preżenti.

51.      It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-argument tar-Renju ta’ Spanja li l-awtoritajiet Spanjoli qiesu li ma kienx meħtieġ li jadottaw pjanijiet għar-restawr jew għall-konservazzjoni tal-habitats tal-ispeċi protetti tal-flora selvaġġa, u lanqas miżuri oħra ta’ konservazzjoni, skont l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43, li jimponi obbligi fuq il-bdiewa fil-kuntest tal-attività tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa kontradett mill-kontenut stess tad-Digriet 63/2007, kif deskritt mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Fil-fatt, mill-punt 79 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-Digriet 63/2007 mhux biss kien fih lista tal-ispeċi protetti tal-flora selvaġġa f’Castilla y León, iżda kien jipprevedi wkoll l-adozzjoni ta’ pjanijiet għar-restawr u għall-konservazzjoni tal-habitats ta’ dawn l-ispeċi. Dan jenfasizza l-fatt li, f’għajnejn l-awtoritajiet Spanjoli, kienu meħtieġa miżuri speċifiċi sabiex jimplimentaw l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43 fiż-żmien tal-adozzjoni tal-lista tal-ispeċi protetti tal-flora selvaġġa f’Castilla y León.

52.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 meta kkonkludiet, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, li r-Renju ta’ Spanja seta’ jikkonfuta l-konklużjoni espressa mill-Kummissjoni fil-pożizzjoni finali tagħha li tgħid li l-kontrolli tal-kundizzjonalità tar-RSĠ 3 minn dan l-Istat ma kinux konformi.

53.      It-tieni aggravju għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi milqugħ, fatt li neċessarjament ikun jimplika l-annullament tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex tagħti deċiżjoni definittiva fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza, hemm lok, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li din il-parti tiġi miċħuda. Fl-aħħar nett, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq il-mertu, fl-ewwel istanza, fir-rigward tal-ħames u tas-sitt parti tal-ewwel motiv, u lanqas fir-rigward tat-tieni motiv imressqa mir-Renju ta’ Spanja, il-kawża għandha tintbagħat lura lilha.

III. Konklużjoni

54.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑20 ta’ Novembru 2024, Spanja vs Il‑Kummissjoni (T‑508/22, EU:T:2024:855);

–        tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex hija tiddeċiedi fuq il-mertu fir-rigward tal-ħames u tas-sitt parti tal-ewwel motiv kif ukoll fir-rigward tat-tieni motiv;

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2022, L 157, p. 15, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”.


3      Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 346, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83).


4      Iktar ’il quddiem il-“PAK”.


5      Iktar ’il quddiem ir-“RSĠ 3”.


6      Direttiva tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 2, p. 102).


7      Iktar ’il quddiem, flimkien, il-“Fondi”.


8      Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU 2021, L 435, p. 187, rettifika fil-ĠU 2022, L 29, p. 45).


9      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas‑17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014”).


10      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas‑6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU 2014, L 255, p. 59, rettifika fil-ĠU 2015, L 114, p. 25), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/56, tat‑12 ta’ Jannar 2018 (ĠU 2018, L 10, p. 9) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014”).


11      Decreto 63/2007 por el que se crean el Catálogo de Flora Protegida de Castilla y León y la figura de protección denominada Microrreserva de Flora (id-Digrie  63/2007 li joħloq il-katalogu tal-flora protetta ta’ Castilla y León u s-sistema ta’ protezzjoni msejħa “mikro riżerva tal-flora”), tal‑14 ta’ Ġunju 2007 (BOCL Nru 119, tal‑20 ta’ Ġunju 2007, p. 13197) (iktar ’il quddiem id-“Digriet 63/2007).


12      Ara, inter alia, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2001, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (C‑247/98, EU:C:2001:4, punt 14), iċċitata fis-sentenza appellata.


13      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2014, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni (C‑610/13 P, EU:C:2014:2349, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14      Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 55 tar-Regolament Nru 1306/2013.


15      Ara, f’dan ir-rigward, ukoll, il-punt 79 tas-sentenza appellata.


16      Ara, inter alia, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, Landkreis Jerichower Land (C‑85/23, EU:C:2024:161, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Ara wkoll, inter alia, il-verżjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni bl-Ingliż (“implemented”), bil-Ġermaniż (“umgesetzt”), bit-Taljan (“attuate”), bil-Portugiż (“transpostas”), bl-Olandiż (“omgezet”), bil-Litwan (“įgyvendintos”), bl-Islovakk (“transponovanom”), bid-Daniż (“gennemført”) jew bl-Estonjan (“rakendatutena”).