|
9.7.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 220/1 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/980
tas-6 ta’ Lulju 2020
li tawtorizza lill-Ġermanja biex tidderoga minn rekwiżiti tekniċi tal-Annessi II u V tad-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-bastimenti tal-passiġġieri Innogy u Alsterwasser
(notifikata bid-dokument C(2020) 4435)
(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, li temenda d-Direttiva 2009/100/KE u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(1)(b) tagħha,
Wara konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/672/KEE tas-16 ta’ Diċembru 1991 dwar ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-boatmasters nazzjonali għat-trasportazzjoni ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri permezz ta’ passaġġi interni fuq l-ilma (2),
Billi:
|
(1) |
Il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tidderoga minn ċerti rekwiżiti tekniċi tal-Annessi II u V tad-Direttiva (UE) 2016/1629 għall-bastimenti tal-passiġġieri Innogy u Alsterwasser |
|
(2) |
Id-deroga proposta tikkonċerna l-użu tat-teknoloġija taċ-ċelloli tal-fjuwil bil-metanol bħala fjuwil għall-bastimenti tal-passiġġieri “Innogy” u “Alsterwasser”. |
|
(3) |
Iċ-ċelloli tal-fjuwil huma teknoloġija promettenti fil-kuntest tas-sostenibbiltà tal-enerġija nadifa u tal-fjuwils alternattivi għall-bastimenti. |
|
(4) |
Fl-ambitu tat-trasport marittimu, attwalment jeżistu diversi żviluppi speċifiċi fir-rigward taċ-ċelloli tal-fjuwil; dan bis-saħħa ta’ proġetti ta’ riċerka u proġetti pilota li żvelaw potenzjal qawwi għal implimentazzjoni ulterjuri fuq skala akbar (FCShip, Felicitas, METHAPU u MC-WAP). |
|
(5) |
Id-deroga proposta tinkoraġġixxi l-innovazzjoni u l-użu ta’ teknoloġija ġdida fin-navigazzjoni interna permezz tal-implimentazzjoni pilota tat-teknoloġija taċ-ċelloli tal-fjuwil f’bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni. |
|
(6) |
Dawn it-testijiet huma parti mill-implimentazzjoni tat-teknoloġija, li hija l-uniku mod biex tinbeda l-fażi ta’ produzzjoni possibbli. |
|
(7) |
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni huma pprovduti fl-Istandard Ewropew li jistabbilixxi r-Rekwiżiti Tekniċi għall-bastimenti tan-Navigazzjoni Interna (l-istandard ES-TRIN) (3), li ġie stabbilit mis-CESNI. L-istandard ES-TRIN 2017/1, applikabbli attwalment, ma fih l-ebda regola dwar l-użu tal-metanol bħala fjuwil għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni. |
|
(8) |
Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet regolatorji għall-użu tal-metanol bħala fjuwil għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, jeħtieġ li jiġi żgurat livell adegwat ta’ sikurezza għall-użu propost tal-metanol bħala fjuwil. |
|
(9) |
L-awtoritajiet Ġermaniżi spjegaw li bil-mezzi definiti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni jista’ jinkiseb livell adegwat ta’ sikurezza. |
|
(10) |
Dawn il-mezzi ġew żviluppati filwaqt li tqiesu d-dispożizzjonijiet attwali tal-Kapitolu 30 tal-ES-TRIN (Dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għall-inġenji mgħammra b’sistemi ta’ propulsjoni jew b’sistemi awżiljarji li jaħdmu bi fjuwils b’punt ta’ fjammabbiltà ta’ 55 °C jew inqas) u tal-Anness 8 tal-ES-TRIN (Dispożizzjonijiet supplimentari applikabbli għall-inġenji mgħammra b’sistemi ta’ propulsjoni jew b’sistemi awżiljarji li jaħdmu bi fjuwils b’punt ta’ fjammabbiltà ta’ 55 °C jew inqas). |
|
(11) |
Il-Kummissjoni vvalutat l-użu tat-teknoloġija taċ-ċelloli tal-fjuwil bil-metanol bħala fjuwil għall-bastimenti tal-passiġġieri kif ukoll il-livell adegwat ta’ sikurezza tad-deroga proposta, abbażi tal-eżami tekniku mwettaq mill-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-rekwiżiti tekniċi tal-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ Standards fin-Navigazzjoni Interna (CESNI). Ir-riżultati ta’ dak l-eżami tekniku huma stabbiliti fl-abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet Nru 3/2017 u Nru 4/2017 tas-CESNI, tat-28 ta’ Settembru 2019. |
|
(12) |
Il-valutazzjoni tar-riskju annessa mal-abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet tidentifika u tivvaluta l-perikli possibbli li jirriżultaw mill-użu tal-metanol bħala fjuwil u mit-tħaddim ta’ sistema ta’ ċelloli tal-fjuwil abbord il-bastiment tal-passiġġieri, fejn tqiesu l-miżuri ta’ protezzjoni eżistenti. Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskju hija li t-tħaddim, il-bunkering u l-manutenzjoni tas-sistema jistgħu jitwettqu b’mod sikur, fejn jitqiesu l-miżuri u l-proċeduri ppjanati definiti fl-abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet. |
|
(13) |
Abbażi tar-riżultati tal-eżami tekniku mwettaq mill-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-rekwiżiti tekniċi tas-CESNI, il-Kummissjoni hija sodisfatta li jkun żgurat livell adegwat ta’ sikurezza, diment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-rekwiżiti tekniċi tas-CESNI. Għal raġunijiet ta’ ċarezza u ċertezza legali dawk il-kundizzjonijiet jenħtieġ li jiġu stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(14) |
Id-deroga tikkonċerna l-ħruġ ta’ ċertifikat tal-Unjoni għan-navigazzjoni interna għal skopijiet ta’ prova li jinkorpora speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tal-Anness 8 tal-istandard ES-TRIN 2017/1, u dan jingħata għal perjodu limitat sal-1 ta’ Ottubru 2022, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ġermanja tista’ tidderoga mir-rekwiżiti tekniċi stabbiliti fl-Anness 8 tal-istandard ES-TRIN 2017/1 f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness (4) ta’ din id-Deċiżjoni, għall-bastimenti tal-passiġġieri li ġejjin:
|
— |
Innogy, bin-Numru Uniku Ewropew ta’ Identifikazzjoni tal-Bastiment 04804940, |
|
— |
Alsterwasser, bin-Numru Uniku Ewropew ta’ Identifikazzjoni tal-Bastiment 04807190. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-1 ta’ Ottubru 2022.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2020.
Għall-Kummissjoni
Adina VĂLEAN
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 252, 16.9.2016, p. 118.
(2) ĠU L 373, 31.12.1991, p. 29.
(3) L-Istandard Ewropew li jistabbilixxi r-Rekwiżiti Tekniċi għall-bastimenti tan-Navigazzjoni Interna http://cesni.eu/en/documents/es-trin-2017/
(4) It-test awtentiku tad-Deċiżjoni, inklużi l-Annessi tagħha, jinstab fuq: https://ec.europa.eu/transport/modes/inland/vessels_en