|
18.12.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 336/52 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-17 ta’ Diċembru 2009
li tapprova l-programm nazzjonali ppreżentat mill-Bulgarija għall-kontroll u l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet ta’ trasport ta’ annimali bovini ħajjin esportati mill-Unjoni via l-port ta’ Bourgas u l-kontribut finanzjarju mill-Unjoni għall-2010
(notifikata bid-dokument numru C(2009) 10004)
(It-test Bulgaru biss huwa awtentiku)
(2009/979/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 37 tagħha,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ ir-“Regolament Finanzjarju”), u b’mod partikolari l-Artikolu 75 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ ir-“Regoli Implimentattivi”), u b’mod partikolari l-Artikolu 90 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni 2009/470/KE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja fil-kamp veterinarju. |
|
(2) |
B’mod partikolari, l-Artikolu 37(1) tad-Deċiżjoni 2009/470 jipprovdi li fil-każ li Stat Membru jesperjenza, mil-lat strutturali jew geografiku, problemi ta’ persunal jew infrastrutturali sabiex jimplimenta l-istrateġija ta’ kontroll li jġib miegħu il-funzjonament tas-suq intern għal annimali ħajjin, hu jista’, għal perjodu ta’ tranżizzjoni, jikseb assistenza finanzjarja Komunitarja. Barra minn hekk, l-Artikolu 37(2) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE jipprovdi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti lill-Kummissjoni programm nazzjonali flimkien mal-informazzjoni finanzjarja kollha xierqa, imfassal bl-iskop li jtejjeb is-sistema ta’ kontroll tiegħu. |
|
(3) |
It-tħaddim tas-suq intern jirrikjedi sistema ta’ kontroll armonizzata għall-annimali ħajjin inkluż dawk li qed jiġu esportati lejn pajjiżi terzi. Huwa xieraq li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dik l-istrateġija billi tiġi pprovduta kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija. |
|
(4) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 639/2003 tad-9 ta’ April 2003 li jistabbilixxi regoli ddettaljati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-għoti tar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni relatati mal benessri tal-annimali bovini ħajjin waqt it-trasport (4) jipprevedi li l-ħruġ tal-annimali mit-territorju doganali tal-Unjoni jista’ jsir permezz ta’ punt ta’ ħruġ fejn il-veterinarju uffiċjali jista’ jivverifika għal dawk l-annimali li għalihom hija aċċettata dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (5) ġewx issodisfatti min-naħa tat-tluq sal-punt tal-ħruġ u li l-kundizzjonijiet tat-trasport għall-bqija tal-vjaġġ jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1/2005. |
|
(5) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1/2005 jipprevedi li meta l-annimali huma ppreżentati fil-punti tal-ħruġ, il-veterinarji uffiċjali tal-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-annimali jiġu ttrasportati skont dan ir-Regolament. Fejn l-awtorità kompetenti tikkunsidra li l-annimali mhumiex f’kondizzjoni li jkomplu l-vjaġġ tagħhom, dawn għandhom jitħattew, mogħtija l-ilma, mitmugħa u mistrieħa f’post ta’ kontroll. |
|
(6) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/97 tal-25 ta’ Ġunju 1997 dwar kriterji tal-Komunità għal postijiet ta’ waqfien u li jemenda l-pjan ta’ rotta msemmi fl-Anness tad-Direttiva 91/628/KEE (6) jistipula l-kriterji applikabbli madwar il-Komunità li jridu jintlaħqu mill-postijiet ta’ kontroll sabiex jiżguraw l-aħjar kundizzjonijiet tal-benessri għall-annimali li jkunu qed jgħaddu minnhom u biex jipprovdu wkoll għal ċerti kwistjonijiet inċidentali tas-saħħa tal-annimali. |
|
(7) |
Il-Bulgarija esperjenzat problemi ta’ persunal u infrastrutturali fil-punt tal-ħruġ tal-port ta’ Bourgas waqt li kienu qed jimpimentaw kontrolli veterinarju, meħtieġa ġewwa l-Komunità permezz tal-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 u l-Artikolu 2 tar-Regoalment (KE) Nru 639/2003, dwar annimali bovini ħajjin esportati via dan il-port. B’mod partikolari, la ma hemmx faċilitajiet għal veterinarji uffiċjali biex jispezzjonaw l-annimali bovini ħajjin u lanqas post ta’ kontroll skont ir-Regolament (KE) Nru 1255/97 fil-viċinanza immedjata tal-port fejn wieħed jista’ jħott, jitma’, jisqi u jserraħ l-annimali jekk ma jkunux tajbin biex ikomplu l-vjaġġ tagħhom jew jekk ma jistgħux jiġu ttrasportati fil-ħinijiet ta’ vjaġġ stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1/2005. |
|
(8) |
Fis-17 ta’ Settembru 2009, il-Bulgarija ressqet programm lill-Kummissjoni għall-kontroll u l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet ta’ trasport ta’ annimali bovini ħajjin esportati mill-Unjoni via l-port ta’ Bourgas għall-2010 li għalih il-Bulgarija tixtieq tirċievi kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni. |
|
(9) |
Il-Kummissjoni evalwat dan il-programm ippreżentat mill-Bulgarija għall-2010 kemm mil-lat veterinarju kif ukoll mil-lat finanzjarju. Dan il-programm instab li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Unjoni u b’mod partikolari mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 21(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 u fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1255/97. |
|
(10) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-programm nazzjonali, ippreżentat mill-Bulgarija fis-17 ta’ Settembru 2009 għall-kontroll u l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet ta’ trasport tal-annimali bovini ħajjin esportati mill-Unjoni via l-port ta’ Bourgas għall-2010 huwa b’dan approvat għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2010. Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament fit-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju.
Artikolu 2
Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni se tkun bir-rata ta’ 80 % tal-ispejjeż ta’ disinn u kostruzzjoni li jridu jiġġarrbu mill-Bulgarija għall-bini ta’ faċilitajiet ta’ spezzjoni u post ta’ kontroll bil-kapaċità ta’ 120 sa 140 annimali bovini fil-port ta’ Bourgas.
Il-kontribuzzjoni finanzjarja ma għandhiex taqbeż l-EUR 152 000 li jridu jiġu ffinanzjati mil-Linja Baġitarja tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2010, sakemm din tiġi adottata:
|
— |
Il-Linja tal-Baġit nru 17 04 02. |
Artikolu 3
1. In-nefqa ppreżentata mill-Bulgarija għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għandha tiġi espressa f’euro u għandha teskludi t-taxxa fuq il-valur miżjud u taxxi oħra.
2. Fejn in-nefqa tal-Bulgarija hija f’munita li mhijiex l-euro, il-Bulgarija għandha taqlibha għall-euro billi tapplika l-aktar rata ta’ skambju riċenti mfassla mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-ewwel jum tax-xahar li fih l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mill-Bulgarija.
Artikolu 4
1. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-programmi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1 għandha tingħata sakemm il-Bulgarija:
|
(a) |
Timplimenta l-programmi skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni, inklużi regoli tal-kompetizzjoni u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. |
|
(b) |
Tibgħat lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2010 r-rapporti tekniċi u finanzjarji intermedji għall-programmi msemmija fl-Artikolu 1, skont l-Artikolu 27(7)(a) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE; |
|
(c) |
Tibgħat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 27(7)(b) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2011 rapport tekniku finali ddettaljat li jinkludi l-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba u verifika ddettaljata tan-nefqa mġarrba mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2010. |
|
(d) |
Tibgħat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 27(8) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2011, l-applikazzjoni tal-ħlas marbuta mal-ispiża mġarrba fir-rigward tal-programm imressaq fis-17 ta’ Settembru 2009. |
|
(e) |
Ma tippreżentax, għall-programm imsemmi fl-Artikolu 1, aktar talbiet għal kontribuzzjonijiet tal-Unjoni għal dawn il-miżuri, u preċedentement ma ppreżentatx talbiet bħal dawn. |
2. Fil-każ ta’ applikazzjonijiet li jaslu tard, it-tnaqqis fil-kontribuzzjoni finanzjarja previst fl-Artikolu 27(8) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE huwa applikabbli.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2009.
Għall-Kummissjoni
Androulla VASSILIOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.
(2) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(3) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.