25.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/121


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1293

tas-17 ta’ Ġunju 2022

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan it-12-il Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) kien konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.

(2)

Skont l-Artikoli IV:1 u IX:1 tal-Ftehim tad-WTO, il-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tista’ tadotta deċiżjonijiet b’konsensus.

(3)

Matul it-12-il laqgħa tagħha, mit-12 sas-17 ta’ Ġunju 2022, il-Konferenza Ministerjali tad-WTO tista’ tadotta deċiżjonijiet dwar l-abbozz ta’ ftehim dwar is-sussidji tas-sajd, il-Ftehim TRIPS, u dwar l-eżenzjonijiet mill-projbizzjonijiet jew mir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni għax-xiri ta’ prodotti tal-ikel tal-Programm Dinji tal-Ikel.

(4)

Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO, safejn kwalunkwe deċiżjoni adottata jista’ jkollha effetti legali.

(5)

In-negozjati tas-sussidji tas-sajd huma parti mill-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp (DDA) u ġew identifikati bħala prijorità fil-mira 6 tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 14 tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), kif maqbula mill-Kapijiet tal-Istat fl-2015, u fid-Deċiżjoni Ministerjali tad-WTO tat-13 ta’ Diċembru 2017 (WT/MIN(17)/64). Minħabba l-importanza tal-kwistjoni għall-kummerċ u għall-iżvilupp sostenibbli, u l-fatt li l-Unjoni kienet waħda mill-proponenti, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-eżitu maqbul.

(6)

In-negozjati dwar miżuri relatati mal-proprjetà intellettwali, kif previst fil-Ftehim TRIPS huma parti mid-diskussjonijiet li għaddejjin fid-WTO dwar kif is-sistema kummerċjali tista’ ttejjeb l-aċċess globali għall-vaċċini kontra l-COVID-19, it-terapewtika u prodotti mediċi essenzjali oħra. Fil-21 ta’ Mejju 2021 għadd ta’ Membri tad-WTO ppreżentaw lill-Kunsill tad-WTO tat-TRIPS komunikazzjoni bi proposta riveduta għal eżenzjoni minn ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS għall-prevenzjoni, it-trażżin u t-trattament tal-COVID-19 (IP/C/W/669/Rev.1). Fl-4 ta’ Ġunju 2021 l-Unjoni ppreżentat komunikazzjoni dwar rispons urġenti tal-politika kummerċjali għall-kriżi tal-COVID-19 (WT/GC/231) lill-Kunsill Ġenerali tad-WTO u komunikazzjoni dwar rispons urġenti tal-politika kummerċjali għall-kriżi tal-COVID-19 fir-rigward tal-proprjetà intellettwali (IP/C/W/680) lill-Kunsill tad-WTO tat-TRIPS. Fit-18 ta’ Ġunju 2021 l-Unjoni ppreżentat komunikazzjoni b’abbozz ta’ dikjarazzjoni dwar il-Ftehim TRIPS u s-saħħa pubblika fiċ-ċirkostanzi ta’ pandemija (IP/C/W/681) lill-Kunsill tad-WTO tat-TRIPS, li għandha l-għan li tiċċara jew tiffaċilita l-użu tas-sistema ta’ liċenzjar obbligatorja prevista fil-Ftehim TRIPS, sabiex din taħdem bl-aktar mod effiċjenti possibbli fiċ-ċirkostanzi ta’ pandemija. Id-deċiżjoni ministerjali bbażata fuq din il-ħidma hija parti minn pakkett akbar li jinkludi d-dikjarazzjoni ministerjali dwar ir-rispons tad-WTO għall-pandemija tal-COVID u t-tħejjija għal pandemiji futuri. Minħabba l-importanza ta’ din il-kwistjoni, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-eżitu maqbul.

(7)

In-negozjati dwar l-eżenzjoni mir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-Programm Dinji tal-Ikel tan-Nazzjonijiet Uniti, urew li bosta mill-Membri tad-WTO jappoġġaw l-impenn li ma jiġux imposti restrizzjonijiet bħal dawn fuq xiri għal skopijiet umanitarji. Fid-dawl tal-proposta għal deċiżjoni ministerjali dwar din il-kwistjoni u peress li din hija element importanti tal-pakkett tas-sigurtà tal-ikel li għandu jiġi adottat fit-12-il Konferenza Ministerjali, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-eżitu maqbul,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan it-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni tal-abbozz ta’ deċiżjonijiet ministerjali tad-WTO dwar:

(a)

l-abbozz ta’ ftehim dwar is-sussidji tas-sajd (WT/MIN(22)/W/22);

(b)

il-Ftehim TRIPS (WT/MIN(22)/W/15/Rev.2); u

(c)

l-eżenzjonijiet mill-projbizzjonijiet jew mir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni għax-xiri ta’ prodotti tal-ikel tal-Programm Dinji tal-Ikel (WT/MIN(22)/W/18).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

Z. NEKULA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1).