Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fid‑19 ta’ Novembru 2026 (1)
Kawża C‑236/25 P
Il‑Kummissjoni Ewropea
vs
AH
“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Remunerazzjoni – Allowance tal-espatrijazzjoni – Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII – Kalkolu tal-perijodu ta’ riferiment ta’ ħames snin – Kunċett ta’ ‘dħul fil-kariga’ – Kunċett ta’ ‘dħul fis-servizz’ – Rifjut li tingħata l-allowance tal-espatrijazzjoni”
1. Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑22 ta’ Jannar 2025, AH vs Il‑Kummissjoni (T‑1093/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2025:50), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat id-deċiżjoni tal-Uffiċċju ta’ Amministrazzjoni u ta’ Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) tal-Kummissjoni tad‑9 ta’ Frar 2023 li tirrifjuta li tagħti lil AH il-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).
2. Dak li wassal għall-kawża huwa r-reklutaġġ ta’ AH, li sa dak iż-żmien kien jaħdem mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (SĠK). Fil-fatt, filwaqt li AH kien ingħata l-allowance tal-espatrijazzjoni matul l-impjieg tiegħu mal-KtR, il-PMO qies li, minkejja l-fatt li l-kuntratt tiegħu mas-SĠK kien isegwi l-impjieg tiegħu mal-KtR mingħajr interruzzjoni, l-impjieg tiegħu fi ħdan dan is-SĠK kien jikkostitwixxi dħul ġdid fil-kariga li insegwitu għalih kellu jiġi ddeterminat jekk huwa setax jibbenefika minn din l-allowance, skont l-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), flimkien mal-Artikolu 92 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Kundizzjonijiet tal-impjieg”). Issa, il-PMO qies li dan ma kienx il-każ, sa fejn AH kien ħadem u rrisjeda fil-Belġju matul il-perijodu ta’ riferiment kollu previst minn din id-dispożizzjoni (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ riferiment”) u li huwa kkalkola billi bbaża ruħu fuq id-data ta’ dan id-dħul ġdid fil-kariga.
3. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina jekk, meta żewġ kuntratti konklużi minn membru tal-persunal bil-kuntratt ma’ korp u sussegwentement ma’ istituzzjoni tal-Unjoni jseħħu wara xulxin mingħajr interruzzjoni fiż-żmien, il-perijodu ta’ riferiment li matulu dan il-membru tal-persunal ma għandux ikun għex jew eżerċita l-attività professjonali prinċipali tiegħu fit-territorju tal-Istat li fih jinsabu dan il-korp u din l-istituzzjoni, sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-allowance tal-espatrijazzjoni prevista fl-Artikolu 69 tar-Regolamenti tal-Persunal u kkalkolata skont l-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, għandux jiġi evalwat abbażi tad-data tal-bidu tal-ewwel jew tat-tieni wieħed minn dawn il-kuntratti.
I. Il-kuntest ġuridiku
4. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 69 tar-Regolamenti tal-Persunal:
“L-allowance ta’ l-espatrijazzjoni għandu jkun daqs 16 % tat-total tas-salarju bażiku, l-allowance tal-familja, u l-allowance tat-tfal dipendenti li għalihom huwa intitolat l-uffiċjal.”
5. L-Artikolu 69 ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, li jirrigwarda l-allowance tal-espatrijazzjoni, japplika b’analoġija għall-persunal temporanju, bis-saħħa tal-Artikolu 20(2) tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg.
6. L-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi:
“L-allowance ta’ l-espatrijazzjoni għandu jitħallas daqs 16 % ta’ l-ammont totali tas-salarju bażiku, bl-addizzjoni tal-allowance tal-familja, u l-benefiċċju tat-tfal dipendenti mħallsa lill-uffiċjal:
(a) lill-uffiċjali:
– li m’humiex u qatt ma kienu ċittadini ta’ l-Istat li fih territorju tiegħu qiegħed il-post fejn huma impjegati, u
– li matul il-ħames snin li jispiċċaw sitt xhur qabel daħlu fis-servizz [fil-kariga] ma kienux jgħixu jew iwettqu l-okkupazzjoni ewlenija tagħhom ġewwa t-territorju Ewropej ta’ dak l-Istat. Għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni, iċ-ċirkostanzi li jinħolqu minn xogħol li sar fi Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali ma jkunux ikkunsidrati;
(b) għall-uffiċjali li huma jew kienu ċittadini ta’ l-Istat li fit-territorju jinsab il-post fejn huma impjegati iżda li matul l-għaxar snin li jispiċċaw fid-data ta’ meta daħlu fis-servizz jgħixu barra t-territorju Ewropew ta’ dak l-Istat għal raġunijiet minbarra l-qadi tad-dmirijiet fis-servizz ta’ Stat jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali.
[...]”
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża
7. Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti b’mod iddettaljat fil-punti 2 sa 9 tas-sentenza appellata u, għall-finijiet ta’ dan l-appell, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.
8. AH huwa ċittadin Taljan li ilu jirrisjedi fi Brussell (il-Belġju) mis‑16 ta’ Mejju 2017. Huwa ġie impjegat bħala membru tal-persunal bil-kuntratt mal-KtR fl‑1 ta’ Ottubru 2022. Il-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni ngħatalu meta ġew stabbiliti d-drittijiet pekunjarji tiegħu mad-dħul tiegħu fil-kariga. Sussegwentement, huwa ġie rreklutat mis-SĠK, dejjem bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, u għalhekk temm il-kariga tiegħu mal-KtR fil‑31 ta’ Jannar 2023. Il-kuntratt tiegħu mas-SĠK daħal fis-seħħ l-għada. Fid‑9 ta’ Frar 2023, il-PMO kkomunikalu d-deċiżjoni kontenzjuża, li tistabbilixxi d-drittijiet pekunjarji tiegħu u li minnha jirriżulta, essenzjalment, li huwa ma kienx ser jibbenefika mill-allowance tal-espatrijazzjoni abbażi tal-impjieg tiegħu mas-SĠK.
9. Permezz ta’ ittri elettroniċi membru tal-persunal tal-PMO spjega lil AH li, minn naħa, l-impjieg tiegħu fi ħdan is-SĠK kien jikkostitwixxi dħul ġdid fil-kariga, minkejja l-fatt li l-kuntratt tiegħu mas-SĠK kien isegwi l-impjieg tiegħu mal-KtR mingħajr interruzzjoni u, min-naħa l-oħra, peress li huwa kien ħadem u rrisjeda fil-Belġju matul il-perijodu ta’ riferiment kollu, huwa ma kellux dritt għall-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni.
10. Fit‑28 ta’ April 2023, AH ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li ġie miċħud mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) tal-Kummissjoni fil‑11 ta’ Awwissu 2023.
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
11. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Novembru 2023, AH ippreżenta rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll għall-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallsu s-somma ta’ EUR 5 000 bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab.
12. Insostenn tat-talbiet għal annullament tiegħu, AH invoka żewġ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, u t-tieni wieħed ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
13. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv u ddeċidiet li għalhekk ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni motiv imressaq minn AH. Essenzjalment, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq l-elementi li ġejjin.
14. Fl-ewwel lok, hija qieset li s-sitwazzjoni ta’ AH ma kinitx tikkorrispondi għal dawk li diġà ġew eżaminati fil-ġurisprudenza li tirrigwarda l-allowance tal-espatrijazzjoni għaliex, fis-sentenzi preċedenti (2), kienet seħħet interruzzjoni fiż-żmien bejn il-kuntratti konklużi mill-membri tal-persunal ikkonċernati mal-istituzzjonijiet u mal-aġenziji tal-Unjoni inkwistjoni. Fit-tieni lok, hija rrilevat li l-evalwazzjoni tad-dritt li wieħed jibbenefika mill-allowance tal-espatrijazzjoni adottata f’dan il-każ ma kinitx neċessarjament segwita minn istituzzjonijiet u aġenziji oħra tal-Unjoni. Fit-tielet lok, hija kkonstatat, l-ewwel nett, li l-bidla fl-impjieg kontenzjuża kienet seħħet mingħajr interruzzjoni fiż-żmien u mingħajr ma wasslet għal bidla fl-Istat ta’ impjieg. It-tieni nett li, fid-dawl tal-għan li l-allowance tal-espatrijazzjoni tfittex li tilħaq, is-sitwazzjoni ta’ AH fil-mument tad-dħul tiegħu fil-kariga mas-SĠK ma kinitx inbidlet meta mqabbla ma’ dik li kienet mad-dħul tiegħu fil-kariga mal-KtR. F’dan il-kuntest, it-tielet nett, hija ddeċidiet li kienet teżisti kontinwità bejn dawn il-kuntratti li tiġġustifika t-tiġdid tad-dritt ta’ AH għall-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni.
15. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża u ddeċidiet li AH kellu dritt jibbenefika mill-allowance tal-espatrijazzjoni mill‑1 ta’ Frar 2023 u, min-naħa l-oħra, ikkonstatat li d-dannu morali invokat minn AH kien ikkumpensat permezz tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
16. Permezz ta’ rikors ippreżentat fis‑27 ta’ Marzu 2025, il-Kummissjoni appellat mis-sentenza appellata.
17. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenza appellata;
– tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u
– tirriżerva l-ispejjeż.
18. AH titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell u
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
V. Fuq l-appell
A. Osservazzjonijiet preliminari
19. Il-lokalizzazzjoni f’diversi Stati Membri tas-sedi tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni hija kkaratterizzata minn diversità li hija spjegata min-natura supranazzjonali ta’ din tal-aħħar u li tissodisfa, b’mod partikolari, in-neċessità li jiġi ggarantit ċertu bilanċ ġeografiku (3). B’mod simetriku, in-neċessità li jiġi żgurat bilanċ ġeografiku fi ħdan il-persunal ilha talimenta wkoll id-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni sa mill-bidu nett tiegħu, kif kienet diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1964, Lassalle vs Il‑Parlament meta qieset li din kienet “meħtieġa mill-ispirtu Komunitarju” (4). Illum il-ġurnata wkoll, din tal-aħħar hija riflessa fl-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal li skontu “ir-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali […] magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni” u hija riprodotta fl-Artikolu 12(1) u fl-Artikolu 82(1) tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg (5).
20. Il-leġiżlatur huwa obbligat jikkonforma ruħu ma’ dawn ir-rekwiżiti billi jiżgura li t-tixrid tal-postijiet ta’ impjieg tal-membri tal-persunal tal-Unjoni ma jippreġudikax il-bilanċ ġeografiku tal-kompożizzjoni ta’ dan il-persunal. Għaldaqstant, huwa obbligat jiżgura, pereżempju, li ċittadini ta’ nazzjonalitajiet differenti minn dik tal-post fejn ikunu jinsabu istituzzjoni, korp jew organu partikolari jkunu jistgħu jiġu impjegati hemmhekk. Konsegwentement, dawn il-membri tal-persunal, sabiex jeżerċitaw l-attività tagħhom, sikwit kellhom jitilqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom sabiex jirrisjedu fi Stat Membru ta’ impjieg. Huwa preċiżament sabiex jiġu kkumpensati l-inkonvenjenzi kkawżati minn tali ċaqliq li nħolqot l-allowance tal-espatrijazzjoni li hija inkwistjoni hawnhekk u li minnha jistgħu jibbenefikaw kemm l-uffiċjali (Artikolu 69 ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal) kif ukoll, b’analoġija, il-persunal temporanju (Artikolu 20(2) tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg) (6) u bil-kuntratt (Artikolu 92 ta’ dawn il-Kundizzjonijiet tal-impjieg).
21. Din l-allowance, imħallsa kull xahar, tikkostitwixxi element tar-remunerazzjoni tal-membri tal-persunal tal-Unjoni, mingħajr ma l-ħlas tagħha jista’ jitqies li jagħti lok għal drittijiet kweżiti li jistgħu jostakolaw il-possibbiltà tat-tħassir tagħha. L-amministrazzjoni ma tistax tkompli tħallasha meta jseħħ avveniment li jbiddel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni tal-persuna li tibbenefika minnha sa fejn dan l-avveniment ikollu effett fuq il-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-għoti tagħha (7), li għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal.
22. B’mod iktar speċifiku, din il-kawża tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, li jipprovdi li l-uffiċjali (8) li, minn naħa, ma humiex u qatt ma kienu ċittadini tal-Istat li fit-territorju tiegħu jinsab il-post ta’ impjieg tagħhom (l-ewwel inċiż ta’ dan il-punt) u, min-naħa l-oħra, matul il-perijodu ta’ ħames snin li jiskadi sitt xhur qabel id-dħul tagħhom fil-kariga, ma kinux jgħixu jew jeżerċitaw l-attività professjonali prinċipali tagħhom, b’mod abitwali, fit-territorju Ewropew ta’ dan l-Istat (it-tieni inċiż ta’ dan il-punt) (9), għandhom jibbenefikaw minnha. Għaldaqstant, l-għoti tal-imsemmija allowance huwa b’mod partikolari kkundizzjonat mill-post, jew ta’ residenza jew ta’ eżerċizzju tal-attività professjonali, tal-uffiċjal ikkonċernat matul il-perijodu ta’ riferiment. Il-bidu tad-dekorrenza ta’ dan il-perijodu ta’ riferiment għandu jiġi evalwat abbażi tad-data tad-dħul fil-kariga ta’ dan l-uffiċjal.
23. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali bbażat ir-raġunament tagħha fuq l-assenza ta’ interruzzjoni fiż-żmien bejn il-kuntratti konklużi suċċessivament minn AH u fuq il-fatt li l-bidla fl-impjieg li kienet irriżultat minn dan ma kinitx wasslet għal bidla fl-Istat ta’ impjieg. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali qieset li kienet teżisti kontinwità bejn dawn il-kuntratti li, minkejja l-bidla fil-persuna li timpjega u fid-dawl tal-għanijiet li l-allowance tal-espatrijazzjoni tfittex li tilħaq, kienet tiġġustifika t-tiġdid tad-dritt għall-benefiċċju ta’ din l-allowance li kien ingħatalu mad-dħul tiegħu fil-kariga mal-KtR.
24. Il-Kummissjoni tikkontesta din l-evalwazzjoni, b’mod partikolari, minħabba li d-determinazzjoni tad-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt għandha ssir fl-okkażjoni ta’ kull dħul fil-kariga ma’ persuna li timpjega ġdida, anki jekk il-kuntratti konklużi minn dan il-membru tal-persunal ikunu seħħew wara xulxin mingħajr interruzzjoni fiż-żmien (l-ewwel aggravju). Barra minn hekk, hija tqis li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni (it-tieni aggravju).
25. F’dan il-kuntest u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kwistjoni ġuridika prinċipali mqajma mill-appell hija dik tad-determinazzjoni tal-avveniment li jiskatta l-perijodu ta’ riferiment. Fil-fehma tiegħi, din il-kwistjoni hija marbuta mill-qrib mal-punt dwar kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “[dħul] fis-servizz [fil-kariga]”, kif imsemmi fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.
B. Fuq l-ewwel aggravju
26. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, qieset, essenzjalment, li huwa minnu li mis-sentenza Grazyte jirriżulta li l-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat fis-sens li, għal membru tal-persunal tal-Unjoni li jkun ħadem ma’ diversi aġenziji, hija d-data tal-aħħar dħul fil-kariga li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-perijodu ta’ riferiment. Madankollu, hija osservat li t-tagħlim ta’ din is-sentenza ma setax jiġi traspost għal dan il-każ, sa fejn, kuntrarjament għal AH, il-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid mill-membru tal-persunal inkwistjoni kienet wasslet għal bidla fl-Istat ta’ impjieg tiegħu. Sussegwentement, hija qieset ukoll li, fis-sentenzi Quadri di Cardano, KO, kif ukoll LF u b’differenza mill-każ preżenti, kienet seħħet interruzzjoni fiż-żmien bejn il-kuntratti konklużi mill-membri tal-persunal ikkonċernati mal-istituzzjonijiet u mal-aġenziji tal-Unjoni inkwistjoni. Fl-aħħar nett, hija osservat li, fid-dawl tal-għan li l-allowance tal-espatrijazzjoni tfittex li tilħaq, is-sitwazzjoni ta’ AH kif ukoll il-piżijiet u l-iżvantaġġi li din l-allowance tfittex li tikkumpensa baqgħu l-istess mad-dħul tiegħu fil-kariga mal-KtR u mas-SĠK. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, sa fejn ma kienx hemm interruzzjoni fiż-żmien bejn il-kuntratti inkwistjoni u sa fejn AH baqa’ fl-istess Stat ta’ impjieg, kienet teżisti kontinwità bejn dawn il-kuntratti minkejja l-bidla fil-persuna li timpjega li kienet tirriżulta minnhom, ħaġa li kienet tiġġustifika t-tiġdid tad-dritt tiegħu għall-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni kif stabbilit mad-dħul tiegħu fil-kariga mal-KtR.
1. L-argumenti tal-partijiet
27. L-ewwel aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet.
28. Permezz tal-ewwel parti, li tirrigwarda l-punti 38, 42, 46, 47, 48, 53 u 60 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li d-determinazzjoni tad-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt għandha titwettaq fl-okkażjoni ta’ kull dħul fil-kariga ma’ persuna li timpjega ġdida, u dan indipendentement mill-fatt jekk il-kuntratti inkwistjoni jseħħux immedjatament wara xulxin jew le. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mis-soluzzjonijiet adottati f’diversi sentenzi preċedenti (10), li l-Qorti Ġenerali tbiegħdet minnhom għar-raġuni żbaljata li s-sitwazzjoni ta’ AH ma tikkorrispondix għal dawk tal-membri tal-persunal inkwistjoni f’kull waħda minn dawn is-sentenzi. Issa, skont il-Kummissjoni, is-sitwazzjoni ta’ AH hija, b’mod partikolari, simili għal dik tal-membru tal-persunal inkwistjoni fil-kawża Quadri di Cardano li s-sitwazzjoni tiegħu kienet ikkaratterizzata mill-fatt li l-aħħar żewġ kuntratti li huwa kien ikkonkluda mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu ġew konklużi mingħajr interruzzjoni fiż-żmien. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li, fis-sentenzi kollha inkwistjoni, inkluża s-sentenza Quadri di Cardano, kienet seħħet interruzzjoni fiż-żmien bejn il-kuntratti konklużi mill-membri tal-persunal inkwistjoni mal-istituzzjonijiet u mal-aġenziji tal-Unjoni kkonċernati, ħaġa li kienet tispjega għalfejn seta’ jiġi konkluż fis-sentenza appellata li ma kienx hemm kontinwità f’dawn il-kuntratti.
29. Permezz tat-tieni parti, il-Kummissjoni ssostni li, kuntrarjament għall-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 46 u 47 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat fis-sens li ma teżistix kontinwità bejn kuntratti konklużi, anki mingħajr interruzzjoni fiż-żmien, minn membru tal-persunal bil-kuntratt ma’ żewġ persuni li jimpjegaw distinti. Dan jirriżulta, minn naħa, mis-sentenzi diġà msemmija fil-kuntest tal-ewwel parti u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li l-għan li l-allowance tal-espatrijazzjoni tfittex li tilħaq ma jistax jiġi invokat sabiex jiġi injorat il-fatt li l-konklużjoni ta’ kuntratt ma’ persuna li timpjega ġdida timplika dħul ġdid fil-kariga fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Issa, huwa fil-mument tad-dħul fil-kariga li għandu jiġi ddeterminat jekk għandhomx jiġu kkumpensati l-piżijiet u l-iżvantaġġi marbuta mal-espatrijazzjoni ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt.
30. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispeċifika li uffiċjal jista’ jiġi assenjat f’sit ieħor filwaqt li jżomm rabta ta’ impjieg mal-istess istituzzjoni, filwaqt li, għall-membri tal-persunal bil-kuntratt, it-tmiem ta’ kuntratt ifisser neċessarjament terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, b’mod li ma jistax ikun hemm kontinwità ta’ din ir-relazzjoni fil-każ fejn kuntratt ieħor jiġi konkluż – anki immedjatament – ma’ istituzzjoni, aġenzija jew organu oħra li jkollhom personalità ġuridika distinta. Issa, l-approċċ segwit fis-sentenza appellata jkun ifisser li l-kuntratti ta’ AH mal-KtR u mas-SĠK kienu jagħmlu parti minn kontinwità funzjonali tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu mal-Unjoni, kif barra minn hekk kien sostna AH quddiem il-Qorti Ġenerali. Madankollu, dan l-approċċ ġie aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja biss fil-kuntest speċifiku tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji li jirrigwardaw l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni (11).
31. AH jikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.
2. Evalwazzjoni
32. Mis-sunt tal-argumenti tal-partijiet espost fil-punti 27 sa 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-applikabbiltà tat-tagħlim mislut minn ċertu numru ta’ sentenzi għas-sitwazzjoni ta’ AH, filwaqt li t-tieni parti tirrigwarda l-interpretazzjoni nnifisha tad-dispożizzjoni inkwistjoni f’dan il-każ, jiġifieri t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Konsegwentement u kif enfasizzajt fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija din it-tieni parti li tqajjem l-iktar kwistjoni ta’ liġi sostanzjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li huwa preferibbli li l-ewwel tiġi eżaminata t-tieni parti, u mbagħad l-ewwel parti.
a) Fuq it-tieni parti
33. Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi għaliex, skontha, il-konklużjoni ta’ kuntratt ma’ persuna li timpjega ġdida timplika neċessarjament dħul ġdid fil-kariga fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Konsegwentement, u indipendentement mill-għanijiet li l-allowance tal-espatrijazzjoni tfittex li tilħaq, huwa b’effett minn dan id-dħul fil-kariga li għandu jiġi kkalkolat il-perijodu ta’ riferiment.
34. F’dan ir-rigward, infakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (12).
1) Fuq il-formulazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal
35. Diġà ġie enfasizzat fil-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet li t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi b’mod partikolari kundizzjoni dwar il-post ta’ residenza kif ukoll tal-eżerċizzju tal-attività professjonali prinċipali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tal-Unjoni kkonċernati, li ma jistax ikun jinsab fit-territorju Ewropew tal-Istat Membru li fih jinsab il-post ta’ impjieg tagħhom. Il-preżenza tagħhom f’dan il-post ta’ residenza jew ta’ eżerċizzju tal-attività professjonali prinċipali għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kriterju ratione temporis, li l-iskadenza tiegħu hija stabbilita b’riferiment għad-data tad-dħul fil-kariga tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat.
36. Għaldaqstant, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, nikkonstata minnufih li l-kriterju li għandu jsir riferiment għalih sabiex jiġi ddeterminat jekk għandhiex titwettaq id-determinazzjoni tad-dritt ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal għall-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni ma huwiex dak tal-“persuna li timpjega” iżda dak tad-“dħul fil-kariga”, fis-sens li huwa fid-dawl ta’ dan tal-aħħar li għandu jiġi evalwat il-perijodu ta’ riferiment. Konsegwentement, huwa dan il-kunċett ta’ “dħul fil-kariga” li jikkostitwixxi l-element ċentrali tal-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal.
37. Dan premess, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jeskludux neċessarjament, a priori, li tali “dħul fil-kariga” jista’ jikkorrispondi għal bidla fil-persuna li timpjega tal-membru tal-persunal ikkonċernat fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, ħaġa li għalhekk għandha tiġi vverifikata fid-dawl tat-tifsira letterali ta’ dan il-kunċett.
38. F’dan ir-rigward, la r-Regolamenti tal-Persunal nnifishom u lanqas il-Kundizzjonijiet tal-impjieg ma jiddefinixxu espressament il-kunċett ta’ “dħul fil-kariga”, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, nirrileva li t-tifsira ta’ dan il-kunċett tidher li hija relattivament evidenti. Fil-fatt, fis-sens ordinarju, jidhirli li d-dħul fil-kariga jindika l-mument tal-bidu effettiv tal-“funzjonijiet” ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, liema “funzjonijiet” jirreferu min-naħa tagħhom għall-kompiti u għar-responsabbiltajiet kollha marbuta mal-pożizzjoni tiegħu. F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-membri tal-persunal bil-kuntratt, jidhirli li din id-definizzjoni hija iktar u iktar rilevanti peress li tikkorrispondi, essenzjalment, għall-approċċ adottat fl-Artikolu 80 ta’ dawn il-Kundizzjonijiet tal-impjieg, li jiddetermina l-“gruppi tal-funzjoni” (13) fid-dawl tal-kompiti li dawn il-membri tal-persunal huma mitluba jwettqu.
39. Jidher, prima facie, li l-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma ta’ natura li jikkorroboraw l-argumenti tal-Kummissjoni. Fil-fatt, bidla fil-persuna li timpjega timplika neċessarjament bidla fil-pożizzjoni u għalhekk fil-funzjonijiet, ħaġa li, fid-dawl tad-definizzjoni letterali tal-kunċett ta’ “dħul fil-kariga” li għadni kemm enfasizzajt, tista’ timplika wkoll dħul ġdid fil-kariga li minnu għandu għalhekk jiġi kkalkolat il-perijodu ta’ riferiment.
40. Madankollu, nosserva, qabelxejn, li, b’mod parallel, l-Artikolu 4(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi alternattivament għall-kunċetti ta’ “[dħul] fis-servizz [fil-kariga]” (punt (a) ta’ dan il-paragrafu) u “[ta’ dħul] fis-servizz” (punt (b) tal-imsemmi paragrafu) mingħajr ma jispjega bl-ebda mod jekk dawn iż-żewġ kunċetti għandhomx jitqiesu li huma analogi, jew saħansitra sinonimi, jew jekk, għall-kuntrarju, l-użu ta’ żewġ termini differenti jfissirx li huma jirreferu għal kunċetti differenti u għalhekk jindikaw avvenimenti distinti.
41. Sussegwentement, infakkar f’dan ir-rigward li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni huma redatti b’diversi lingwi u li d-diversi verżjonijiet lingwistiċi huma ugwalment awtentiċi, b’mod li ebda waħda minnhom ma tista’ tipprevali u li paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi jista’ jirriżulta li jkun neċessarju (14). F’dan ir-rigward, nosserva fl-aħħar nett, li, fil-biċċa l-kbira ħafna tal-verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa l-kunċett ta’ dħul fis-servizzi jew frażi semantikament paragunabbli li tintuża fil-punti (a) u (b) tal-istess paragrafu. Dan huwa l-każ, pereżempju, fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża (“Dienstantritt” / “Dienstantritt”), fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża (“entered the service” / “entering the service”) u fil-verżjoni bil-lingwa Spanjola (“entrada al servicio de la Unión” / “entrada en servicio”), fil-verżjoni bil-lingwa Taljana (“entrata in servizio” / “entrata in servizio”), jew fil-verżjoni tal-lingwa Latvjana (“dienesta attiecību uzsākšanai” / “dienesta attiecību uzsākšanas dienu”). Min-naħa l-oħra, minbarra l-verżjoni bil-lingwa Franċiża, huma biss il-verżjonijiet bil-lingwa Finlandiża (“tehtäviensä aloittamista”), bil-lingwa Griega (“ανάληψη των καθηκόντων του”) u bil-lingwa Portugiża (“início de funções”) li jużaw il-frażi “dħul fil-kariga” jew frażi semantikament paragunabbli, fil-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal.
42. Issa, fuq livell letterali, jidhirli li n-nom “servizzi” (15) jirreferi, iktar milli għal dak ta’ “kariga”, għall-azzjoni li wieħed “iservi” u għalhekk għall-idea ta’ twettiq ta’ missjoni f’isem l-amministrazzjoni jew l-organizzazzjoni kkonċernata. Għalhekk, f’dak li jirrigwarda t-tifsira semantika, hija sfumatura li tiddistingwi a priori l-kunċetti ta’ “dħul fil-kariga” u ta’ “dħul fis-servizz”. Fil-fatt, filwaqt li d-dħul fil-kariga jidher li jirrigwarda iktar il-bidu tal-eżerċizzju ta’ funzjoni partikolari, min-naħa l-oħra d-dħul fis-servizz jidher pjuttost li jindika l-bidu ta’ relazzjoni ta’ impjieg ma’ amministrazzjoni (16).
43. Madankollu, fil-kuntest tar-Regolamenti tal-Persunal, l-analiżi preċedenti bbażata fuq approċċ purament letterali tal-kunċetti ta’ “dħul fil-kariga” u ta’ “dħul fis-servizz” għandha titqiegħed fil-perspettiva tagħha. Fil-fatt, minn naħa u kif indikajt fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn ir-Regolamenti tal-Persunal jirrikorru mingħajr distinzjoni għal wieħed jew għall-ieħor minn dawn iż-żewġ kunċetti skont il-verżjonijiet lingwistiċi tal-istess dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, fl-istess verżjoni lingwistika, iż-żewġ kunċetti jintużaw ukoll alternattivament, kif inhu l-każ fl-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal mingħajr ma hemm xejn li jindika li l-użu ta’ termini differenzjati huwa intiż li jindika avvenimenti li, huma wkoll, huma differenti. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (17).
44. Għaldaqstant, għalkemm interpretazzjoni strettament letterali taż-żewġ kunċetti għandha, loġikament, twassal sabiex tagħtihom tifsira differenti, jidhirli madankollu li dawn tal-aħħar huma perfettament sinonimi fir-rigward tal-effetti legali li jistgħu jiġu dedotti minnhom fil-kuntest tal-interpretazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal innifishom u, għalhekk, tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tagħhom.
45. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-analiżi letterali tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, waħedha, la tippermetti li jiġi kkonfermat u lanqas li jiġi invalidat l-argument tal-Kummissjoni li bidla fil-persuna li timpjega twassal neċessarjament għal dħul ġdid fil-kariga li minnu għandu jiġi kkalkolat il-perijodu ta’ riferiment fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, xejn ma jippermetti, fi tmiem din l-analiżi biss, li tiġi eskluża interpretazzjoni bħal dik difiża minn AH, li tiddetermina t-tifsira tal-kunċett ta’ “dħul fil-kariga” billi dan jitqarreb lejn dak ta’ “dħul fis-servizz”, u għalhekk billi jiġi ddefinit pjuttost bħala l-mument li fih inħolqot ir-relazzjoni ta’ impjieg ta’ membru tal-persunal partikolari mal-amministrazzjoni tal-Unjoni iktar milli ma’ persuna li timpjega partikolari.
46. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi konkluż li l-interpretazzjoni letterali tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal ma tippermettix, waħedha, li tiġi ċċarata t-tifsira tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa iktar u iktar importanti li wieħed jibbaża ruħu fuq il-kuntest kif ukoll fuq l-iskop tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.
2) Fuq il-kuntest tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal
47. F’dak li jirrigwarda l-kuntest tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, nosserva l-elementi li ġejjin.
48. Fl-ewwel lok, minn diversi dispożizzjonijiet tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg jirriżulta li, bl-istess mod bħal fil-każ tal-uffiċjali, il-perijodu li matulu membru tal-persunal bil-kuntratt ikun impjegat minn istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni jixbah perijodu ta’ servizz fis-sens spjegat fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, fost eżempji oħra, l-Artikolu 84 ta’ dawn il-Kundizzjonijiet tal-impjieg jipprevedi perijodu ta’ prova obbligatorju matul l-ewwel xhur ta’ servizz ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt. L-Artikolu 95 tal-imsemmija Kundizzjonijiet tal-impjieg jipprovdi li l-Artikolu 72(2) u (2a) ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal li jirrigwarda l-kopertura mill-assigurazzjoni għall-mard wara t-tmiem tal-funzjonijiet, “ma għandux japplika għal membru tal-persunal bil-kuntratt li jkun baqa’ fis-servizz tal-Unjoni sal-età tal-pensjoni, sakemm ma kienx impjegat għal aktar minn tliet snin bħala membru tat-tali persunal” (18). Barra minn hekk, l-Artikolu 110 tal-istess Kundizzjonijiet tal-impjieg jsemmi l-“perijodu ta’ servizz tal-persunal bil-kuntratt mal-Unjoni [li] għandu jkun ikkunsidrat bil-għan li jinħadmu s-snin tas-servizz tal-pensjoni” (19). Barra minn hekk, mill-Artikolu 1 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg jirriżulta wkoll li dawn il-Kundizzjonijiet tal-impjieg “għandhom jgħoddu għall-impjegati mqabbda biex jaħdem taħt kuntratt mill-Unjoni” (20) pjuttost milli minn persuna li timpjega separata.
49. Jidhirli li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma ta’ natura li jsostnu, fil-kuntest tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “dħul fil-kariga” li jiddefinixxih bħala l-mument li fih il-membru tal-persunal ikkonċernat ikun beda r-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu mal-Unjoni pjuttost milli ma’ persuna li timpjega partikolari. Barra minn hekk, l-imsemmija kunsiderazzjonijiet jaqgħu, b’mod koerenti, fil-loġika li tirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita li minnha jirriżulta li “l-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni għandu l-għan li jikkumpensa l-piżijiet u l-iżvantaġġi partikolari li jirriżultaw mill-bidu tal-funzjonijiet mal-Unjoni għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal li huma, minħabba f’hekk, obbligati jittrasferixxu r-residenza tagħhom mill-Istat tad-domiċilju tagħhom lejn l-Istat ta’ impjieg u jintegraw ruħhom f’ambjent ġdid” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (21). Barra minn hekk, huwa paċifiku f’dan ir-rigward li, għalkemm uffiċjal jew membru tal-persunal huwa marbut mal-istituzzjoni, mal-korp jew mal-organu li huwa jiddependi minnhom permezz ta’ relazzjoni ġuridika ta’ impjieg (22), huwa xorta jibqa’ uffiċjal jew “membru tal-persunal tal-Unjoni” (23).
50. Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, kif speċifikajt fil-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-allowance tal-espatrijazzjoni li minnha jibbenefikaw l-uffiċjali skont l-Artikolu 69 tar-Regolamenti tal-Persunal tapplika, b’analoġija (24), għall-persunal bil-kuntratt (Artikolu 92 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg).
51. F’dan ir-rigward, huwa minnu li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħra jirrappreżentaw żewġ kategoriji differenti tal-persunal tal-Unjoni, b’mod partikolari għaliex ir-rabta ġuridika bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni hija ta’ natura statutorja u mhux kuntrattwali (25). Madankollu, minn ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal jew minn dawn il-Kundizzjonijiet tal-impjieg ma jirriżulta li l-portata tal-applikazzjoni, b’analoġija, tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandha tiġi ristretta f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal l-oħra li, bħall-uffiċjali, jibqgħu fis-servizz mal-Unjoni b’mod kontinwu, anki jekk jagħmlu dan permezz ta’ persuni li jimpjegaw differenti.
52. Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, in-natura statutorja jew kuntrattwali tar-relazzjoni ta’ impjieg ma hijiex il-kriterju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk, fil-każ ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ AH f’dan il-każ, huwiex il-mument tal-bidu tal-funzjonijiet tiegħu fl-aħħar impjieg tiegħu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-perijodu ta’ riferiment.
53. Għall-kuntrarju, mill-kunċett ta’ “b’analoġija” inkluż fl-Artikolu 92 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija intiża li tiggarantixxi lill-membri tal-persunal bil-kuntratt il-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni f’kundizzjonijiet analogi għall-uffiċjali, u dan minkejja d-differenzi eżistenti bejn l-uffiċjali u dawn il-membri tal-persunal (26). F’dan is-sens, għalkemm id-differenza fin-natura bejn id-diversi kategoriji tal-persunal tal-Unjoni jista’, mingħajr dubju, ikollha influwenza fuq il-permanenza tar-rabta ta’ impjieg, u d-drittijiet u r-responsabbiltajiet li jsegwu minnha, ma jidhirlix, min-naħa l-oħra, li din tal-aħħar hija rilevanti f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kriterju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom jiġi eżerċitat id-dritt li wieħed jibbenefika minn dritt pekunjarju.
54. Konsegwentement, u konformement mar-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali, huwa fid-dawl tal-għanijiet li l-allowance tal-espatrijazzjoni tfittex li tilħaq li għandha tinqata’ din il-kwistjoni.
3) Fuq l-għanijiet li l-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ifittex li jilħaq
55. Kif semmejt fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet u kif fakkret korrettament il-Qorti Ġenerali fil-punt 32 tas-sentenza appellata, l-iskop li l-allowance tal-espatrijazzjoni tfittex li tilħaq huwa li jiġu kkumpensati l-piżijiet u l-iżvantaġġi kkawżati mit-trasferiment tar-residenza tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat, sabiex jaħdmu għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dan l-għan li għandhom jiġu interpretati l-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u l-applikazzjoni tiegħu, b’analoġija, għall-membri tal-persunal l-oħra.
56. Fil-kuntest deskritt fil-punti 47 sa 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jidhirli qabelxejn li huwa ċar li ma jistax jitqies li s-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt, bħal dik ta’ AH f’dan il-każ, tista’ tiġi kkaratterizzata bħala terminazzjoni tas-servizz ta’ dan tal-aħħar mal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-fatt li d-drittijiet pekunjarji ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt ikunu regolarment suġġetti għal verifika, inkluż meta dan jibdel il-persuna li timpjega, huwa formalità amministrattiva ordinarja li ma tistax madankollu tkun suffiċjenti sabiex turi li seħħ dħul ġdid fil-kariga li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-perijodu ta’ riferiment, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li kienet teżisti kontinwità bejn il-kuntratti inkwistjoni f’dan il-każ (27).
57. Sussegwentement, fid-dawl tal-għan imfakkar fil-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet u ta’ tali kontinwità, inqis li membru tal-persunal bil-kuntratt li jibdel il-persuna li timpjega jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ uffiċjal ittrasferit minn istituzzjoni lejn istituzzjoni oħra tal-Unjoni skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, indipendentement mid-differenza fin-natura bejn ir-rabta ta’ impjieg, statutorja jew kuntrattwali, li tiddistingwi lill-uffiċjali mill-membri tal-persunal temporanju u bil-kuntratt, jibqa’ l-fatt li l-piżijiet u l-iżvantaġġi marbuta mat-trasferiment tar-residenza tal-membru tal-persunal inkwistjoni sabiex jaħdem fis-servizz tal-Unjoni huma identiċi għal dawk tal-uffiċjal li jkun għamel użu mill-possibbiltà ta’ trasferiment offruta fl-Artikolu 8 tal-istess Regolamenti tal-Persunal. Issa, f’dan il-każ, il-kwistjoni ġuridika li tqum ma hijiex dik tal-eżistenza ta’ allegat dritt għall-mobbiltà tal-membri tal-persunal tal-Unjoni, iżda dik tal-evalwazzjoni tal-piżijiet u tal-iżvantaġġi li dawn jaffaċċjaw minħabba l-bidu tal-funzjonijiet tagħhom mal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni ta’ AH dwar dan il-punt baqgħet identika, fil-kuntest ta’ servizz kontinwu mal-Unjoni li jinkludi l-perijodu ta’ xogħol tiegħu mal-KtR u dak mas-SĠK, għal dik ta’ uffiċjal li jkun ġie ttrasferit minn istituzzjoni lejn oħra.
58. Fl-aħħar nett, huwa għaldaqstant paċifiku li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, għalkemm ir-relazzjoni ta’ impjieg ta’ AH ġiet tabilħaqq interrotta ma’ aġenzija partikolari, jiġifieri l-KtR, dan min-naħa l-oħra ma huwiex il-każ fir-rigward tas-servizz tiegħu mal-Unjoni, li ġie eżerċitat mingħajr interruzzjoni sa mill-iffirmar tal-kuntratt tiegħu u mid-dħul tiegħu fil-kariga ma’ dan il-KtR. Peress li jidhirli li l-kontinwità tal-kuntratti u l-assenza ta’ effett tal-bidla fil-persuna li timpjega fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dritt li wieħed jibbenefika minn din l-allowance huma għalhekk stabbiliti, inqis li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat korrettament li ma kienx hemm lok li jiġi rrevedut id-dritt ta’ AH li jibbenefika mill-imsemmija allowance.
59. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.
b) Fuq l-ewwel parti
60. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta tbiegħdet minn ġurisprudenza stabbilita li minnha jirriżulta li d-dritt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt għall-allowance tal-espatrijazzjoni għandu jiġi ddeterminat fl-okkażjoni ta’ kull waħda mill-istanzi ta’ dħul tiegħu fil-kariga ma’ persuna li timpjega ġdida.
61. Nosserva minnufih li l-argumenti żviluppati mill-Kummissjoni insostenn ta’ din l-ewwel parti tal-ewwel aggravju ma humiex nieqsa mill-ambigwità. Fil-fatt, minn naħa, dawn jidhru li jirrigwardaw essenzjalment il-punti 38 sa 42 tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali spjegat ir-raġunijiet li, fil-fehma tagħha, jiġġustifikaw li s-sitwazzjoni ta’ AH ma tiġix evalwata fid-dawl tar-raġunament segwit fis-sentenzi Grazyte, Quadri di Cardano, KO u LF. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-evalwazzjonijiet iktar ġenerali esposti fil-punti 46 sa 48 u 53 sa 60 tas-sentenza appellata. Madankollu, din it-tieni parti tal-argumenti tal-Kummissjoni, fil-fehma tiegħi, tikkoinċidi ma’ dawk żviluppati fil-kuntest tat-tieni parti tal-istess aggravju, li diġà ġiet analizzata fil-punti 35 sa 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalhekk, f’dan l-istadju, huma biss l-argumenti tal-Kummissjoni li jirrigwardaw il-punti 38 sa 42 tas-sentenza appellata li ser jiġu analizzati ulterjorment.
62. Kif indikajt fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, esponiet ir-raġunijiet għaliex hija qieset li t-tagħlim mislut mis-sentenzi Grazyte, Quadri di Cardano, KO u LF u ma setax japplika għas-sitwazzjoni ta’ AH, fil-punti 38 sa 42 tas-sentenza appellata. Dawn tal-aħħar kienu jirrigwardaw prinċipalment il-fatt li, fil-każ ta’ AH u kuntrarjament għal dawn is-sentenzi, ma kien hemm ebda interruzzjoni fiż-żmien bejn il-kuntratti inkwistjoni.
63. Issa, għalkemm il-Kummissjoni tafferma diversi drabi li qiegħda tikkontesta l-evalwazzjoni li skontha ma setgħet tiġi stabbilita l-ebda analoġija bejn is-sitwazzjoni ta’ AH u dik tal-membri tal-persunal tal-Unjoni inkwistjoni fl-imsemmija sentenzi minħabba li dawn tal-aħħar kienu kkaratterizzati mill-interruzzjonijiet fiż-żmien li seħħew bejn il-kuntratti inkwistjoni, nosserva madankollu li l-argumenti kollha tagħha jirrigwardaw biss il-paragunabbiltà tas-sitwazzjoni ta’ AH ma’ dik tar-rikorrent fil-kawża Quadri di Cardano vs Il‑Kummissjoni (T‑273/17).
64. F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li tali interruzzjonijiet fiż-żmien kienu jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal tal-Unjoni kkonċernati fis-sentenzi Grazyte, KO u LF. Min-naħa l-oħra, il-konklużjoni li tinsab fil-punt 42 tas-sentenza appellata, fi tmiem il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 38 sa 41 tagħha li jirrigwardaw dawn is-sentenzi, hija bbażata preċiżament fuq l-eżistenza ta’ tali interruzzjoni fiż-żmien (28). Konsegwentement, huwa biss l-allegat żball ta’ liġi bbażat fuq il-fatt li fir-realtà ma seħħet ebda interruzzjoni fiż-żmien bejn il-kuntratti konklużi mill-membru tal-persunal bil-kuntratt inkwistjoni fis-sentenza Quadri di Cardano, li minnha tirriżulta l-analoġija bejn is-sitwazzjoni tiegħu u dik ta’ AH, li ser neżamina fil-kuntest ta’ din l-ewwel parti tal-ewwel aggravju.
65. Mill-fatti li wasslu għall-kawża, kif esposti fis-sentenza Quadri di Cardano, u b’mod partikolari fil-punti 7 sa 20 ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li r-rikorrent inkwistjoni kien ikkonkluda kuntratti ma’ diversi aġenziji u istituzzjonijiet tal-Unjoni bejn l‑1 ta’ Awwissu 2009 u l-perijodu li beda jiddekorri mis‑16 ta’ Lulju 2016. Minn naħa, kienu seħħew diversi interruzzjonijiet fiż-żmien fis-sekwenza ta’ dawn il-kuntratti, li kienu jikkorrispondu għal perijodi ta’ qgħad jew ta’ impjieg permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol temporanju konklużi ma’ kumpannija rregolata mid-dritt privat, li fil-kuntest tagħhom kien tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, l-aħħar żewġ kuntratti konklużi minn dan ir-rikorrent kienu ġew konklużi, min-naħa tagħhom, mingħajr interruzzjoni fiż-żmien.
66. F’dan il-kuntest, inqis li l-argumenti tal-Kummissjoni jirriżultaw minn qari żbaljat tas-sentenza appellata.
67. Fil-fatt, sabiex tistabbilixxi li s-sitwazzjoni ta’ AH kienet differenti minn dik tar-rikorrent fis-sentenza Quadri di Cardano, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li, għalkemm kienet seħħet interruzzjoni fiż-żmien bejn uħud mill-kuntratti konklużi bejn dan ir-rikorrent u l-aġenziji u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkonċernati, dan madankollu ma kienx il-każ bejn l-aħħar żewġ kuntratti li kienu inkwistjoni. Għaldaqstant, dan il-punt 41 jikkostitwixxi biss deskrizzjoni purament fattwali, u barra minn hekk eżatta, tal-fatti tal-kawża.
68. Għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni magħmula fil-punt 42 ta’ din is-sentenza hija daqstant ieħor eżatta, peress li minnha jirriżulta li, fil-kawżi eżaminati preċedentement, u b’mod partikolari fil-kawża Quadri di Cardano vs Il‑Kummissjoni (T‑273/17), kienet seħħet interruzzjoni fiż-żmien bejn il-kuntratti konklużi mill-membri tal-persunal inkwistjoni mal-istituzzjonijiet u mal-aġenziji tal-Unjoni kkonċernati. F’dan ir-rigward, il-fatt li dan ma huwiex il-każ biss bejn l-aħħar żewġ kuntratti konklużi mill-membru tal-persunal inkwistjoni fis-sentenza Quadri di Cardano ma jfissirx, madankollu, li l-kuntratti kollha konklużi minn dan il-membru tal-persunal ma’ istituzzjonijiet u ma’ aġenziji matul il-perijodu kollu li matulu huwa kien impjegat mill-Unjoni kienu mingħajr interruzzjoni. Issa, fil-kuntest tal-punti 38 sa 41 tas-sentenza appellata, xejn ma jindika li l-evalwazzjoni kontenzjuża tal-Qorti Ġenerali kienet intiża li tistabbilixxi assenza ta’ kontinwità li tirrigwarda biss l-aħħar żewġ kuntratti inkwistjoni fis-sitwazzjoni speċifika tas-sentenza Quadri di Cardano.
69. Konsegwentement, ma jista’ jiġi kkonstatat ebda żball ta’ liġi f’dan ir-rigward. Għalhekk inqis li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju u, għaldaqstant, l-aggravju kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.
C. Fuq it-tieni aggravju
70. It-tieni aggravju jirrigwarda l-motivazzjoni tas-sentenza appellata u jkopri l-punti 34, 38, 46 sa 48, 53 u 60 ta’ din tal-aħħar. Il-Kummissjoni tqis li, kif kienet sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-determinazzjoni tal-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni ta’ membru tal-persunal li jkollu kuntratt ma’ istituzzjoni jew organu tal-Unjoni għandha ssir fl-okkażjoni ta’ kull dħul fil-kariga ma’ persuna li timpjega ġdida, inkluż meta ma jkunx hemm interruzzjoni fiż-żmien bejn il-kuntratti inkwistjoni. Issa, il-Qorti Ġenerali eskludiet din l-interpretazzjoni mingħajr ma spjegat ir-raġunijiet għaliha.
71. AH jikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.
72. Preliminarjament, nosserva li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ tweġiba tal-Qorti Ġenerali għall-argumenti invokati fl-ewwel istanza jammonta, essenzjalment, għall-invokazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut, u mill-Artikoli 117 u 119 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Dan l-obbligu ma jeżiġix li l-Qorti Ġenerali tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha fformulati mill-partijiet fil-kawża, u l-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali tista’ għalhekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet interessati li jkunu jafu r-raġunijiet għaliex din tal-aħħar ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (29).
73. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tindika, l-ewwel nett, li huwa fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta, minn naħa, mal-għan tal-allowance tal-espatrijazzjoni u, min-naħa l-oħra, mal-ispeċifiċità tas-sitwazzjoni ta’ AH, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-soluzzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza preċedenti tagħha ma setgħux japplikaw għal din is-sitwazzjoni u li għalhekk kellha tiġi adottata interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Hija saħansitra tispeċifika, it-tieni nett, li kienet invokat in-natura żbaljata ta’ tali kunsiderazzjonijiet fil-kuntest tal-ewwel aggravju tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, nosserva, it-tielet nett, li din l-evalwazzjoni hija wkoll, essenzjalment, is-suġġett tal-ewwel aggravju.
74. Issa, il-Kummissjoni ma tistax issostni li l-Qorti Ġenerali ma esponietx l-argumenti li għalihom hija adottat l-interpretazzjoni kontenzjuża tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, meta hija tikkontesta dawn l-argumenti fil-kuntest tal-appell tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-argumenti mqajma mill-Kummissjoni permezz tat-tieni aggravju ta’ dan l-appell jaqgħu iktar fl-iskop tal-evalwazzjoni fil-mertu ta’ dan tal-aħħar milli ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
75. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata la ppermettiet lill-Kummissjoni tifhem għaliex il-Qorti Ġenerali ma kinitx laqgħet l-argumenti tagħha u lanqas lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.
76. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li t-tieni aggravju jiġi miċħud u, għaldaqstant, li l-appell jiġi miċħud kollu kemm hu.
VI. Konklużjoni
77. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell tal-Kummissjoni Ewropea.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2012, Grazyte vs Il‑Kummissjoni (F‑76/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza Grazyte”, EU:F:2012:173), tat‑13 ta’ Lulju 2018, Quadri di Cardano vs Il‑Kummissjoni (T‑273/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Quadri di Cardano”, EU:T:2018:480), tal‑14 ta’ Lulju 2021, KO vs Il‑Kummissjoni (T‑389/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza KO”, EU:T:2021:436) u tal‑15 ta’ Settembru 2021, LF vs Il‑Kummissjoni (T‑466/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza LF”, EU:T:2021:574).
3 Sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (Sede tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol) (C‑743/19, EU:C:2022:569, punt 67).
4 15/63, EU:C:1964:9.
5 Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija ġdida għar-Riżorsi Umani għall-Kummissjoni tal‑5 ta’ April 2022 (C(2022) 2229 final).
6 F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża QB vs Il‑Kummissjoni (C‑88/22 P, EU:C:2023:387, punt 1).
7 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, QB vs Il‑Kummissjoni (C‑88/22 P, EU:C:2023:792, punti 33 sa 35).
8 Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw, b’analoġija, għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 20(2) u tal-Artikolu 92 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg.
9 Huwa speċifikat ukoll li “iċ-ċirkostanzi li jinħolqu minn xogħol li sar fi Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali ma jkunux ikkunsidrati”, sitwazzjoni li ma hijiex inkwistjoni f’dan l-appell.
10 Sentenzi Grazyte, Quadri di Cardano, KO u LF.
11 Sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Picard vs Il‑Kummissjoni (C‑366/21 P, EU:C:2022:984).
12 Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2026, Landkreis Schweinfurt (C‑621/24, EU:C:2026:450, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
13 Enfasi miżjuda minni.
14 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 65).
15 Fil-punti 76 sa 78 tas-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Torné vs Il‑Kummissjoni (T‑128/17, EU:T:2018:969), il-Qorti Ġenerali qieset li l-kunċett ta’ “dħul fis-servizz” la kien iddefinit espressament mir-Regolamenti tal-Persunal u lanqas mill-Kundizzjonijiet tal-impjieg u li dan kellu jingħata, fil-kuntest tas-sistema tranżitorja prevista bejn id-dispożizzjonijiet il-qodma u l-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal li jirrigwardaw id-drittijiet għall-pensjoni, interpretazzjoni bbażata fuq l-istess prinċipji bħar-relazzjoni ta’ impjieg, indipendentement min-natura statutorja jew kuntrattwali, mingħajr preġudizzju, madankollu, għat-teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal u ta’ dawn il-Kundizzjonijiet tal-impjieg li jiddefinixxu s-sistema speċifika għal kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ membri tal-persunal.
16 Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-verżjoni bil-lingwa Ċeka tal-Artikolu 4(1)(a) u (b) tar-Regolamenti tal-Persunal, tintuża l-espressjoni “dħul fir-relazzjoni tas-servizz” (“nástupu do služebního poměru”).
17 Ara, pereżempju u fil-kuntest tal-allowance tal-espatrijazzjoni, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, Brown vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill (C‑675/20 P, EU:C:2022:686, punti 45 sa 51). Ara wkoll il-kunsiderazzjonijiet f’dan is-sens fil-punt 66 tas-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2007, Cavallaro vs Il‑Kummissjoni (F‑108/05, EU:F:2007:164).
18 Enfasi miżjuda minni.
19 Enfasi miżjuda minni.
20 Enfasi miżjuda minni.
21 Digriet tas‑6 ta’ Lulju 2021, Karpeta-Kovalyova vs Il‑Kummissjoni (C‑717/20 P, EU:C:2021:542, punt 4 u l-ġurisprudenza ċċitata) (enfasi miżjuda minni).
22 Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, KF vs SATCEN (T‑286/15, EU:T:2018:718, punt 245).
23 Enfasi miżjuda minni.
24 F’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni letterali ta’ dan it-terminu, l-Avukat Ġenerali Pikamäe kien irrileva fil-konklużjonijiet tiegħu mogħtija fil-kawża Picard vs Il‑Kummissjoni, li “il-kelma ‘analoġija’, li hija ddefinita b’mod komuni, fil-lingwa Franċiża, bħala ‘sorte de rapport, de ressemblance dans l’ordre physique, intellectuel ou moral qui existe à certains égards entre deux ou plusieurs choses différentes [tip ta’ rapport, ta’ xebh mill-aspett fiżiku, intellettwali jew morali li jeżisti f’ċerti aspetti bejn żewġ affarijiet differenti jew iktar]’, ma għandhiex, minnha nfisha, natura suffiċjentement sinjifikattiva biex tikkorrobora l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg” (C‑366/21 P, EU:C:2022:582, punt 49). Fil-fehma tiegħi, jista’ jiġi adottat l-istess raġunament f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.
25 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ April 2024, Dumitrescu et vs Il‑Kummissjoni u Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (C‑567/22 P sa C‑570/22 P, EU:C:2024:336, punt 64).
26 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Picard vs Il‑Kummissjoni (C‑366/21 P, EU:C:2022:984, punt 69).
27 F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi speċifikat li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali fl-ebda każ ma bbażat ruħha fuq allegata “kontinwità funzjonali” tal-funzjonijiet tar-rikorrent fis-sens li kien ingħata lil dan il-kunċett mis-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Picard vs Il‑Kummissjoni (C‑366/21 P, EU:C:2022:984), iżda bbażat ruħha fuq is-sempliċi kontinwità - li tirriżulta mill-assenza ta’ interruzzjoni - fiż-żmien bejn il-kuntratti kontenzjużi.
28 L-evalwazzjoni tar-rilevanza tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali interruzzjoni fiż-żmien għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal diġà kienet is-suġġett tal-eżami tat-tieni parti tal-ewwel aggravju.
29 Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, YG vs Il‑Kummissjoni (C‑361/20 P, EU:C:2022:17, punti 32 u 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).