11.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 360/122


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1780

tal-5 ta’ Ottubru 2021

li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 287, il-punt (14) tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika tal-Polonja (“il-Polonja”) tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-VAT”) lil persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 10 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2009/790/KE (2), tawtorizza lill-Polonja biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE biex teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx EUR 40 000 (“il-miżura ta’ deorga”).

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1919 (3) awtorizzat lill-Polonja tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2021, jew sad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva li temenda d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli minn 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE, skont liema data tiġi l-ewwel.

(4)

B’ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-1 ta’ Marzu 2021, il-Polonja talbet lill-Kummissjoni għal awtorizzazzjoni biex tibqa’ tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024. (‘it-talba’).

(5)

Skont l-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba lill-Istati Membri l-oħra ħlief lil Ċipru, permezz ta’ ittra ddatata l-25 ta’ Marzu 2021, u lil Ċipru, permezz ta ittra ddatata s-26 ta’ Marzu 2021. Il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja, permezz ta’ ittra ddatata d-29 ta’ Marzu 2021, li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

(6)

Il-miżura ta’ deroga hija konformi mal-objettivi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ġunju 2008 bit-titlu “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” – “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa.

(7)

Skont informazzjoni li pprovdiet il-Polonja, il-miżura ta’ deroga se jkollha biss impatt negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur mill-Polonja fl-istadju tal-konsum finali. Il-persuni taxxabbli xorta ser jibqgħu jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.

(8)

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 (4), mhu ser isir l-ebda kalkolu ta’ kumpens mill-Polonja fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-riżorsi proprji tal-VAT għas-sena finanzjarja 2021 ’il quddiem.

(9)

Minħabba l-impatt pożittiv potenzjali tal-miżura ta’ deroga li tissimpliffika l-obbligi relatati mal-VAT billi tnaqqas il-piż amministrattiv u l-ispejjeż għall-impriżi żgħar, jenħtieġ li l-Polonja tkun awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga għal perjodu ulterjuri.

(10)

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 (5) emendat l-Artikoli minn 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, filwaqt li stabbilixxiet regoli ġodda għall-impriżi ż-żgħar, inkluż il-livell limitu massimu tal-fatturat annwali tal-Istat Membru ta’ EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.

(11)

Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura ta’ deroga tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, id-Direttiva (UE) 2020/285 tirrikjedi li, sal-31 ta’ Diċembru 2024 l-Istati Membri jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, u li japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, huwa adatt li l-Polonja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(12)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2009/790/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2009/790/KE huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2024.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-5 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. ŠIRCELJ


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/790/KE tal-20 ta’ Ottubru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 283, 30.10.2009, p. 53).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1919 tal-4 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 311, 7.12.2018, p. 32).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 165, 11.5.2021, p. 9).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).