European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2489

19.9.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2489

tal-11 ta’ Settembru 2024

dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “ECI for a Water-Smart and Resilient Europe” (IĊE għal Ewropa intelliġenti u reżiljenti fl-ilma)

(notifikata bid-dokument C(2024) 6087)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Lulju 2024 ġiet ippreżentata talba lill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej “IĊE għal Ewropa intelliġenti u reżiljenti fl-ilma”.

(2)

L-għanijiet tal-inizjattiva kif espressi mill-organizzaturi jikkonsistu minn seba’ objettivi: (i) “Biex jiġi promoss pjan ta’ azzjoni strateġiku u olistiku għall-ilma fl-Ewropa, u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki doppji u komplementari fl-oqsma kollha ta’ politika tal-UE, kif mitlub fid-Dikjarazzjoni għal Patt Blu tal-UE”; (ii) “Li l-Kummissjoni Ewropea titħeġġeġ tipprijoritizza l-ilma bħala prijorità strateġika awtonoma fi ħdan il-qafas tal-UE u żżid ir-reżiljenza tal-ilma għall-istess livell ta’ prijorità bħad-dekarbonizzazzjoni”; (iii) “Li titnaqqas b’mod sinifikanti l-impronta fuq l-ilma tas-segmenti kollha tas-soċjetà u tiġi enfasizzata bidla fundamentali fil-livell Ewropew biex jiġi ssalvagwardjat l-ilma nadif għall-individwi, in-negozji, il-bdiewa u l-ekosistemi; (iv) “Li titħaffef bidla lejn industrija u agrikoltura effiċjenti fl-użu tal-ilma u ċirkolari, biex tiġi żgurata l-kompetittività billi jiġu promossi soluzzjonijiet innovattivi bħal għodod diġitali, irkupru tar-riżorsi, infrastruttura ibrida ekoloġika u griża, soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, u għodod ta’ governanza inklużivi”; (v) “Li tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-ħiliet it-tajba għal ekonomija intelliġenti fl-użu tal-ilma, jiġu ppreservati l-impjiegi u jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ impjieg għall-ħaddiema”; (vi) “Il-promozzjoni tat-trattament responsabbli tal-ambjenti akkwatiċi u li jiġu appoġġati l-isforzi ta’ restawr u protezzjoni”; (vii) “Li jiġi żgurat id-dritt tal-bniedem ta’ kull individwu għal ilma nadif u sikur u sanità, u r-restawr u l-protezzjoni tal-ekosistemi u l-bijodiversità”.

(3)

L-anness tal-inizjattiva jipprovdi iktar dettalji dwar is-suġġett, l-objettivi u l-kuntest tal-inizjattiva. Dan jiddikjara li “l-aċċess għall-ilma qed isir inċert” u li “x-xenarju tal-politika Ewropea dwar l-ilma” huwa “frammentat u ineffettiv” fl-indirizzar tal-isfidi attwali. L-anness jispjega li minkejja “l-istat avvanzat” tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ilma, “ħafna għanijiet għadhom ma ntlaħqux minħabba finanzjament insuffiċjenti, dewmien fl-implimentazzjoni, u nuqqas ta’ integrazzjoni komprensiva tat-tħassib dwar l-ilma fil-politiki settorjali”. L-organizzaturi għalhekk jappellaw għal “prijorità politika strateġika komprensiva għall-ilma, li tiġi integrata fil-politiki kollha tal-UE”. Huma jqisu li għal “titjib tar-reżiljenza tal-ilma hemm bżonn li kull settur jiġi indirizzat għalih”, u li huwa meħtieġ li “titqajjem kuxjenza pubblika dwar il-konsum tal-ilma u l-prattiki tajbin”. L-organizzaturi jiddikjaraw ukoll li d-dimensjoni tal-ilma għandha tiġi integrata fil-politiki kollha tal-Unjoni biex jiġi żgurat li “r-reżiljenza u s-sostenibbiltà tal-ilma jkunu kunsiderazzjonijiet primarji fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika” u biex jiġi rikonoxxut ir-“rwol kritiku” tal-ilma “fix-xenarju ekoloġiku u soċjoekonomiku tal-UE”.

(4)

Bħala parti mit-talba għar-reġistrazzjoni tagħhom, il-grupp ta’ organizzaturi ppreżenta dokument addizzjonali mħejji mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u intitolat “Dikjarazzjoni għal Patt Blu tal-UE”.

(5)

Fir-rigward tal-għanijiet tal-inizjattiva, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta għal att legali li jkopri l-objettivi (i) sa (iv), (vi) u (vii) tal-inizjattiva abbażi tal-Artikolu 192 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(6)

Il-Kummissjoni tista’ wkoll tippreżenta proposta għal att legali dwar l-objettiv (v) tal-inizjattiva, abbażi tal-Artikolu 149 jew l-Artikolu 153(2)(a) tat-TFUE.

(7)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

(8)

Din il-konklużjoni ma taffettwax il-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inkluża l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ.

(9)

Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda l-evidenza xierqa li tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament.

(10)

L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew kontra d-drittijiet minquxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(11)

L-inizjattiva intitolata “IĊE għal Ewropa intelliġenti u reżiljenti fl-ilma” għandha għalhekk tiġi rreġistrata.

(12)

Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati, ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva emendata, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej intitolata “IĊE għal Ewropa intelliġenti u reżiljenti fl-ilma” għandha tiġi rreġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “IĊE għal Ewropa intelliġenti u reżiljenti fl-ilma”, irrappreżentat minn Constantin DEDU u Piotr SADOWSKI li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Settembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Věra JOUROVÁ

Viċi President


(1)   ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/788/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2489/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)