European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2486

19.9.2024

DEĊIŻJONI (UE) 2024/2486 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-10 ta’ Settembru 2024

li temenda d-Deciżjoni (UE) 2023/2684 dwar l-approvazzjoni tal-volum ta’ ħrug ta’ muniti fl-2024 (BĊE/2023/28) (BĊE/2024/24)

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 128(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2015/2332 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Diċembru 2015 dwar il-qafas proċedurali għall-approvazzjoni tal-volum ta' ħruġ ta' muniti tal-euro (BĊE/2015/43) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(7) tagħha,

Billi:

(1)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu d-dritt esklussiv sa mill-1 ta’ Jannar 1999 biex japprova l-volum ta’ muniti maħruġin mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

(2)

Skont l-estimi tad-domanda għall-muniti tal-euro fl-2024 li l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ppreżentaw lill-BĊE, il-BĊE approva l-volum totali tal-muniti tal-euro intiżi għaċ-ċirkolazzjoni u l-muniti tal-euro għall-kollezzjonisti mhux intiżi għaċ-ċirkolazzjoni fl-2024 fid-Deċiżjoni (UE) 2023/2684 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2023/28) (2).

(3)

Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2332(BĊE/2015/43), l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jinnotifikaw lill-BĊE jekk id-domanda attwali għall-muniti tal-euro x’aktarx taqbeż il-volum approvat ta’ ħruġ ta’ muniti f’sena kalendarja u, meta d-domanda akbar għall-muniti tkompli teżisti, għandhom jagħmlu talba għall-approvazzjoni ad hoc għal volum addizzjonali ta’ ħruġ ta’ muniti f’dik is-sena kalendarja.

(4)

Fid-19 ta’ Lulju 2024, il-BĊE rċieva talba mill-Hrvatska narodna banka f’isem il-Kroazja biex jiżdied il-volum ta’ muniti tal-euro għall-kollezzjonisti li l-Kroazja tista’ toħroġ fl-2024 b’volum addizzjonali ta’ EUR 0,11 miljun, minn EUR 0,20 miljun għal EUR 0,31 miljun, inkluż marġini ta’ sigurtà. It-talba saret għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, il-ħruġ ta’ żewġ disinji differenti tal-muniti tal-euro għall-kollezzjonisti, li inizjalment kienu ġew skedati għall-aħħar trimestru tal-2023, ġie pospost sal-ewwel trimestru tal-2024 minħabba diffikultajiet tekniċi. It-tieni, l-organizzazzjoni ta’ avveniment sportiv internazzjonali sinifikanti ta’ tifkira żdiedet mal-pjan tal-ħruġ tal-muniti għall-kollezzjonisti tal-2024.

(5)

Fid-9 ta’ Awwissu 2024, il-BĊE rċieva talba mill-Národna banka Slovenska f’isem is-Slovakkja biex jiżdied il-volum ta’ muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni li s-Slovakkja tista’ toħroġ fl-2024 b’volum addizzjonali ta’ EUR 4,0 miljun, minn EUR 14,0 miljun għal EUR 18,0 miljun. Volum għoli mhux mistenni ta’ muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni nħareġ minn Jannar 2024, x’aktarx minħabba żieda fil-prezzijiet ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum u d-domanda għal muniti ta’ valur għoli. Id-domanda għall-muniti tal-euro hija mistennija li tibqa’ f’livelli għoljin sa tmiem l-2024. Bħala riżultat taż-żieda fil-ħruġ nett tal-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni, jeħtieġ li jiżdied il-volum tal-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni għas-Slovakkja.

(6)

Fis-26 ta’ Awwissu 2024, il-BĊE rċieva talba mill-Ministeru Grieg tal-Ekonomija u l-Finanzi biex jiżdied il-volum tal-munti tal-euro għall-kollezzjonisti li l-Greċja tista’ toħroġ fl-2024 b’volum addizzjonali ta’ EUR 0,068 miljun, minn EUR 0,61 miljun għal EUR 0,68 miljun. It-talba saret biex tkopri għall-ħruġ ta’ 5 000 munita tal-euro għall-kollezzjonisti bit-tema ta’ “Irħula u bliet martri tal-Greċja”, kull waħda b’valur nominali ta’ EUR 10, u, fuq talba tal-Viċi Ministru Grieg għall-Edukazzjoni, Affarijiet Reliġjużi u Sport, ta’ 1 800 munita tal-euro addizzjonali bl-istess valur nominali.

(7)

Skont l-Artikolu 3(7) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2332 (BĊE/2015/43), il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta deċiżjoni individwali dwar it-talba għall-approvazzjoni ad hoc, meta ebda modifika għat-talba ad hoc ma tkun meħtieġa.

(8)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2023/2684 (BĊE/2023/28) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

It-tabella fl-Artikolu 2 tad-Decizjoni (UE) 2023/2684 (BĊE/2023/28) hija emendata kif gej:

(1)

ir-ringiela dwar il-Greċja hija mibdula b’li ġej:

“Greċja

129,9

0,68

130,58”;

(2)

ir-ringiela dwar il-Kroazja hija mibdula b’li ġej:

“Kroazja

42,78

0,31

43,09”;

(3)

ir-ringiela dwar is-Slovakkja hija mibdula b’li ġej:

“Slovakkja

18,00

2,50

20,50”;

(4)

ir-ringiela intitolata “Total” hija mibdula b’li ġej:

“Total

1 876,02

468,60

2 344,62 ”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata lid-destinatarji.

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-10 ta’ Settembru 2024.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 328, 12.12.2015, p. 123.

(2)  Deċiżjoni (UE) 2023/2684 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-21 ta' Novembru 2023 dwar l-approvazzjoni tal-volum ta' ħruġ ta' muniti fl-2024 (BĊE/2023/28) (ĠU L, 2023/2684, 28.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2684/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2486/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)