31998R0759



Official Journal L 105 , 04/04/1998 P. 0007 - 0007


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 759/98

tat-3 ta’ April 1998

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1445/95 dwar ir-regoli ta’ l-applikazzjoni għall-liċenzi ta’ l-importazzjoni u l-esportazzjoni fis-settur taċ-ċanga u l-vitella.

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68 tas-27 ta’ Ġunju 1968 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2634/97 [2], u b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 13 tiegħu,

Billi l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1445/95 tas-26 ta’ Ġunju 1995 dwar ir-regoli ta’ l-applikazzjoni għall-liċenzi ta’ l-importazzjoni u l-esportazzjoni fis-settur taċ-ċanga u l-vitella u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2377/80 [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 260/98 [4], jipprovdi li għandhom jinħarġu liċenzi ta’ l-esportazzjoni għall-prodotti kollha esportati mit-2 ta’ Jannar 1998;

Billi l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3719/88 tas-16 ta’ Novembru 1988 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni dwar l-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzi ta’ l-importazzjoni u l-esportazzjoni u ċ-ċertifikati ta’ l-iffissar bil-quddiem ta’ prodotti agrikoli [5], kir l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1404/97 [6], jipprovdi li l-ebda liċenza ta’ l-esportazzjoni m’hi meħtieġa għal prodotti meta l-ebda rifużjoni ma tkun mitluba u fi kwantitajiet tali li l-garanzija għal kull liċenza kellha tkun ta’ EUR 5 jew anqas;

Billi, fil-każ taċ-ċanga u l-vitella, dak il-limitu ta’ EUR 5 jikkorrespondi għal annimal wieħed jew 200 kilogramm ta’ laħam; billi dak il-limitu ġie ppruvat li huwa baxx wisq, b’mod partikolari għal ċerta ċirkolazzjoni tradizzjonali ta’ kummerċ transfruntieri;

Billi deroga mir-Regolament (KEE) Nru 3719/88 għandha għalhekk tkun ipprovduta sabiex dak l-ammont jiżdied għal EUR 60;

Billi l-miżuri li hemm disposizzjoni dwarhom f’dan ir-Regolament huwa bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għaċ-Ċanga u l-Vitella,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-paragrafu li ġej huwa miżjud mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1445/95:

"B’dana kollu, minkejja r-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3719/88, l-ebda liċenza ta’ l-esportazzjoni m’għandha tkun meħtieġa għall-prodotti koperti mit-tieni nċiż ta’ l-Artikolu 8(2) fi kwantitajiet li l-garanzija għal kull liċenza kellha tkun EUR 60 jew anqas. Jekk il-liċenza tinħareġ għal kull annimal u jekk l-ammont ta’ EUR 60 ma jikkorrispondix għal numru sħiħ ta’ annimali, il-garanzija għandha tkun meqjusa li tikkorrispondi man-numru għola segwenti sħiħ ta’ l-annimali."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-3 ta’ April 1998.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 148, tat-28.6.1968, p. 24.

[2] ĠU L 356, tal-31.12.1997, p. 13.

[3] ĠU L 143, tas-27.6.1995, p. 35.

[4] ĠU L 25, tal-31.1.1998, p. 42.

[5] ĠU L 331, tat-2.12.1988, p. 1.

[6] ĠU L 194, tat-23.7.1997, p. 5.

--------------------------------------------------