|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/5875 |
8.10.2024 |
KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA
Avviż ta’ pożizzjoni vakanti CONS/AD/195/24
(C/2024/5875)
TAGĦRIF ĠENERALI
|
Dipartiment |
KOMUNIKAZZJONI U INFORMAZZJONI |
|
Post tax-xogħol |
Brussell, il-Bini Justus Lipsius |
|
Titlu tal-pożizzjoni |
Direttur Ġenerali |
|
Grupp tal-funzjoni u grad |
AD 15 |
|
Approvazzjoni tas-sigurtà meħtieġa |
SECRET UE / EU SECRET |
|
SKADENZA GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET |
29 ta’ Ottubru 2024 — 12:00 (nofsinhar) ħin ta’ Brussell |
Min aħna
Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) jassisti lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tal-UE u l-korpi preparatorji tagħhom fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tagħhom. Taħt l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali, jipprovdi pariri u sostenn lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill u lill-Presidenti tagħhom fl-oqsma kollha ta’ attività, inkluż pariri politiċi u legali, koordinazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra, tfassil ta’ kompromessi u abbozzar, superviżjoni kif ukoll trattament tal-aspetti prattiċi kollha li huma meħtieġa għat-tħejjija u t-tmexxija bla xkiel tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill.
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni u l-Informazzjoni (COMM) jikkomunika u jinforma dwar ir-rwol u l-attivitajiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill. COMM huwa l-interfaċċa bejn il-pubbliku u dawn l-istituzzjonijiet. Joffri informazzjoni fattwalment eżatta, imparzjali u f’waqtha dwar ir-rwol u l-attivitajiet tagħhom u dwar il-politiki tal-UE.
Id-Direttorat Ġenerali COMM jikkonsisti minn żewġ direttorati: COMM 1 (Media u Komunikazzjoni), u COMM 2 (Informazzjoni u Sensibilizzazzjoni); it-tnejn li huma jaqgħu taħt id-Direttur Ġenerali.
COMM 1 (Media u Komunikazzjoni) jagħti pariri lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill, lill-Presidenti tagħhom u lil entitajiet relatati oħra bħall-Eurogroup. Jaqdihom bl-infrastruttura tal-komunikazzjoni, is-servizzi u l-komunikazzjoni u prodotti ta’ informazzjoni ta’ kwalità li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom kif ukoll il-ħtiġijiet tal-udjenzi tal-media tagħhom.
COMM 2 (Informazzjoni u Sensibilizzazzjoni) huwa responsabbli milli jinvolvi u jinforma lill-pubbliku — inkluż permezz ta’ multiplikaturi ewlenin bħal organizzazzjonijiet nongovernattivi, gruppi ta’ riflessjoni, akkademiċi, lobbisti, bloggers influwenti, uffiċjali tal-gvern u studenti — dwar il-ħidma taż-żewġ istituzzjonijiet tagħna. Id-direttorat jikkontribwixxi għall-ftuħ u r-responsabbiltà pubblika tal-istituzzjonijiet billi jżomm rekords, joħloq u jippubblika arkivji u billi jimplementa l-obbligi tal-istituzzjonijet dwar it-trasparenza u l-aċċess pubbliku għad-dokumenti.
Il-Kunsill joffri pakkett ta’ impjieg attraenti mfassal biex jappoġġa l-benesseri u l-iżvilupp professjonali. Dan jinkludi inċentivi finanzjarji kompetittivi, assigurazzjoni medika, benefiċċji tal-familja eċċ. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol flessibbli tagħna u l-iskema tat-telexogħol jippermettu lill-persunal tagħna jsib bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali.
X’qed noffru
Ir-rwol tad-Direttur Ġenerali fid-DG COMM huwa impenjattiv kif ukoll ta’ sodisfazzjon kbir, fl-ambitu ta’ kuntest politiku u teknoloġiku tal-UE li qed jevolvi. Din il-pożizzjoni ta’ tmexxija tinvolvi l-ġestjoni ta’ tim ta’ madwar 230 professjonist speċjalizzat.
Taħt l-awtorità tad-Segretarju Ġenerali u b’kooperazzjoni maż-żewġ Diretturi COMM, ser tkun qed tmexxi u tikkoordina d-Direttorat Ġenerali tiegħek u r-riżorsi tiegħu b’mod professjonali, torganizza l-attivitajiet tiegħu u tappoġġa u timmotiva lill-persunal fil-ħidma tiegħu. Ser tiżviluppa u timplimenta l-istrateġija u l-programm ta’ ħidma tad-Direttorat Ġenerali, ser tiddefinixxi l-objettivi tiegħu u ser tiżgura li jintlaħqu skont l-iskadenzi meħtieġa u l-istandards ta’ kwalità. Ser trawwem kultura ta’ komunikazzjoni u kooperazzjoni effettiva, kemm fid-Direttorat Ġenerali kif ukoll ma’ Direttorati Ġenerali oħra, kif ukoll ma’ servizzi oħra tas-SĠK.
Ser tipprovdi politika ta’ livell għoli u tagħti pariri proċedurali lis-Segretarju Ġenerali kif ukoll lill-President tal-Kunsill Ewropew, u lill-presidenzi tal-Kunsill u l-Coreper fuq l-aspetti kollha tal-fajls fl-oqsma fil-kompetenza tad-Direttorat Ġenerali, u tieħu sehem f’laqgħat u, fejn xieraq, fi briefings u/jew negozjati bil-ħsieb li jintlaħqu kompromessi u jinstabu soluzzjonijiet. F’dan il-kuntest, ser tassisti lill-presidenzi fin-negozjati u ser tiżgura komunikazzjoni u kooperazzjoni effettiva mal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u korpi oħra tal-UE fl-oqsma fil-kompetenza tad-Direttorat Ġenerali.
Ser tintalab ukoll tirrappreżenta lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill f’fora pubbliċi u f’negozjati ma’ istituzzjonijiet, aġenziji u korpi oħra tal-UE fl-oqsma fil-kompetenza tad-Direttorat Ġenerali.
Ikunu meħtieġa missjonijiet okkażjonali barra l-pajjiż, normalment fl-UE.
Qed infittxu
Qed infittxu amministratur innovattiv u li jħares ’il quddiem, b’viżjoni ċara u l-kapaċità li jmexxi u jħeġġeġ tim kbir u multidixxiplinari. Huwa essenzjali li jkollu fehim tajjeb tat-tfassil ta’ politika tal-UE u l-affarijiet tal-UE, kif ukoll l-ambjent istituzzjonali tal-UE, idealment b’esperjenza fil-komunikazzjoni, l-informazzjoni u t-trasparenza.
L-għarfien tal-oqsma u l-attivitajiet koperti mid-Direttorat Ġenerali, u esperjenza soda fil-baġit, l-akkwist u l-kuntratti jkunu ta’ vantaġġ. Miegħek ser iġġib gravitas u stil ta’ komunikazzjoni strutturat u interessanti u ser tkun tista’ tagħti pariri lill-partijiet ikkonċernati ta’ livell għoli. Ir-rwol jirrikjedi konsulent kuxjenzjuż u affidabbli, li jkollu wkoll id-dehen politiku u l-kapaċità li jorjenta ruħu mal-avvanzi teknoloġiċi u l-ħtiġijiet differenti tal-partijiet ikkonċernati. Il-kapaċità li wieħed ikollu ideat oriġinali u li jsarrafhom f’linji ta’ azzjoni strateġiċi u meqjusa bir-reqqa tkun ta’ vantaġġ.
Il-maniġers kollha tas-SĠK mistennija jagħtu pariri lill-ġerarkija tagħhom u lill-partijiet ikkonċernati, imexxu l-persunal u r-riżorsi finanzjarji tagħhom, u jirrappreżentaw lis-SĠK. Dawn l-aspettattivi huma mfissra fil-profil orizzontali tal-maniġers tas-SĠK (1).
Barra minn hekk, il-persuna impjegata jeħtieġ ikollha:
|
— |
il-kapaċità li taħseb u tippjana b’mod strateġiku, li tantiċipa u tidentifika problemi potenzjali u li tipproponi kompromessi u soluzzjonijiet fattibbli; |
|
— |
ħiliet ta’ komunikazzjoni eċċellenti, inkluż ħiliet ta’ komunikazzjoni interpersonali; |
|
— |
il-kapaċità li żżomm relazzjonijiet tax-xogħol tajba ma’ firxa ta’ interlokuturi interni u esterni u l-kapaċità li turi diplomazija; |
|
— |
ħila ta’ tmexxija u kapaċità li tippromwovi spirtu ta’ tim qawwi u li tiggwida, u l-kapaċità li timmotiva u tawtonomizza lill-persunal f’ambjent ta’ diversità u multikulturali, b’enfasi qawwija fuq l-iżvilupp tal-persunal; |
|
— |
il-kapaċità li tippjana u torganizza x-xogħol ġenerali tad-Direttorat sabiex jilħaq l-iskadenzi kruċjali u li tiżgura t-tqassim ġust tax-xogħol fost il-membri tat-tim, kif ukoll il-kapaċità li timmaniġġja l-bidla u tappoġġa lill-persunal matul il-bidla; |
|
— |
il-kapaċità li tilħaq qbil, tipproduċi riżultati u taħdem għal għanijiet komuni, billi tagħti pariri speċifiċi lill-partijiet ikkonċernati u billi tiffaċilita d-diskussjoni b’mod effettiv u kostruttiv. |
Peress li s-SĠK iħaddan politika ta’ mobbiltà għall-maniġers tiegħu, li huma mistennija jkollhom esperjenza estensiva, il-kandidati għandhom ikunu lesti u kapaċi jaħdmu f’oqsma ta’ attività differenti matul il-karriera tagħhom fis-SĠK.
POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ
L-applikanti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin fid-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet:
|
(a) |
Kundizzjonijiet ġenerali
|
|
(b) |
Kundizzjonijiet speċifiċi
|
NB:
|
(1) |
Din il-pożizzjoni tirrikjedi approvazzjoni tas-sigurtà li tippermetti l-aċċess għal dokumenti klassifikati (livell SECRET UE/EU SECRET). Il-kandidati li japplikaw għall-pożizzjoni jridu jkunu preparati li jsirilhom skrinjar ta’ sigurtà skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (3). Il-ħatra għal din il-pożizzjoni ssir effettiva biss bil-kundizzjoni li l-persuna magħżula tkun kisbet ċertifikat validu ta’ approvazzjoni tas-sigurtà. Kandidati mingħajr l-approvazzjoni tas-sigurtà jiġu offruti kuntratt temporanju sakemm jinkiseb ir-riżultat tal-proċedura tal-approvazzjoni tas-sigurtà. |
|
(2) |
Il-kandidat li jintgħażel għandu jew għandha tkun lesta ssegwi l-programm ta’ taħriġ fil-ġestjoni tas-SĠK. |
PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA
Fl-għażla tal-persuna magħżula, l-Awtorità tal-Ħatra tiġi megħjuna minn bord konsultattiv ta’ selezzjoni. Il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni jkollu l-appoġġ ta’ ċentru ta’ evalwazzjoni, immexxi minn konsulenti tar-reklutaġġ esterni. Ir-rapporti stabbiliti miċ-ċentru ta’ evalwazzjoni għall-istess tip ta’ pożizzjoni ma jibqgħux validi wara sentejn mid-data li fiha saru l-eżerċizzji rilevanti jew mat-tmiem tal-kuntratt qafas bejn is-SĠK u ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni inkwistjoni - skont liema data tiġi l-ewwel.
Il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni l-ewwel jevalwa u jqabbel il-kwalifiki, l-esperjenza u l-motivazzjoni tal-applikanti kollha, abbażi tal-applikazzjonijiet tagħhom. Abbażi ta’ dik l-evalwazzjoni komparattiva, il-bord konsultattiv ta’ selezzjoni jagħmel lista ristretta tal-kandidati li, fl-opinjoni tiegħu, huma l-aktar xierqa biex jiġu mistiedna għall-ewwel intervista. Peress li din l-ewwel għażla hija bbażata fuq evalwazzjoni komparattiva tal-applikazzjonijiet, l-ilħuq tar-rekwiżiti għal dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma jiggarantix stedina għall-ewwel intervista. Minn fost il-kandidati intervistati, il-bord konsultattiv ta’ selezzjoni jagħmel għażla preliminari tal-kandidati biex jattendu ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, kif ukoll għat-tieni intervista mal-bord konsultattiv ta’ selezzjoni.
L-ippjanar proviżorju għall-proċedura ta’ selezzjoni huwa kif ġej:
|
— |
huwa mistenni li l-kandidati magħżula għall-intervisti ser jiġu infurmati fil-bidu ta’ Novembru 2024; |
|
— |
l-ewwel ċiklu ta’ intervisti huwa previst għal nofs Novembru 2024; |
|
— |
it-testijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni mistennija li jsiru fit-tieni nofs ta’ Novembru 2024; |
|
— |
it-tieni ċiklu ta’ intervisti huwa previst għal nofs Diċembru 2024. |
NB: L-iskeda ta’ hawn fuq hija purament indikattiva u tista’ tinbidel.
BAŻI LEGALI
Din il-pożizzjoni hija ppubblikata fl-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea u barra mill-istituzzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 29, il-paragrafi 1 u 2, tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4).
KIF TAPPLIKA
Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija d-29 ta’ Ottubru 2024 f’12:00 (nofsinhar) ħin ta’ Brussell.
L-applikazzjonijiet jintlaqgħu biss b’email u jridu jintbagħtu lil applications.management@consilium.europa.eu (5) mhux aktar tard mid-data u l-ħin tal-għeluq. Applikazzjonijiet li jaslu tard mhumiex ser jitqiesu.
Għandu jintuża l-indirizz tal-email indikat hawn fuq għal kwalunkwe korrispondenza marbuta mal-proċedura tas-selezzjoni (fis-suġġett tal-email għandu jkun hemm ir-referenza li ġejja: CONS/AD/195/24 COMM).
Qabel ma jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati għandhom jivverifikaw sew jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti elenkati hawn fuq, taħt “Politika ta’ Reklutaġġ”, biex b’hekk jevitaw l-esklużjoni awtomatika mill-proċedura tas-selezzjoni.
Biex ikun validu, il-fajl tal-applikazzjoni jrid jinkludi d-dokumenti li ġejjin f’format pdf (NB: dokumenti maqfula, protetti bil-password jew b’firma elettronika ma jiġux aċċettati):
|
(a) |
il-formola tal-applikazzjoni mimlija u datata kif suppost (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Application form.pdf”); biex tniżżel il-formola ta’ applikazzjoni elettronika (EN jew FR), agħfas fuq il-ħolqa xierqa hawn taħt jew ikkopja u ppejstjaha fil-browser tiegħek (6):
|
|
(b) |
curriculum vitae dettaljat bl-Ingliż jew bil-Franċiż (mingħajr ritratti inklużi), preferibbilment fil-format Europass (https://europa.eu/europass/en/create-europass-cv; https://europa.eu/europass/fr/create-your-europass-cv), li jkopri l-karriera kollha tiegħek u jelenka, fost oħrajn, il-kwalifiki, l-għarfien lingwistiku, l-esperjenza u d-dmirijiet attwali tiegħek (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — CV.pdf”); |
|
(c) |
ittra ta’ motivazzjoni, bl-Ingliż jew bil-Franċiż (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Motivation letter.pdf”). |
Jekk ma jiġux inklużi dawn id-dokumenti l-applikazzjoni tkun invalida.
NB: Ser jintalbu l-kopji ta’ diplomi li jiċċertifikaw l-edukazzjoni u l-kopji ta’ dokumenti u ċertifikati relatati mal-esperjenza professjonali mingħand il-kandidati preselezzjonati mistiedna għall-ewwel ċiklu ta’ intervisti. Id-dokumenti ta’ sostenn iridu jkunu nħarġu minn parti terza.
Id-dokumenti ta’ sostenn għandhom jiġu nnumerati (Anness 1, 2, eċċ.) u għandhom jinġabru flimkien f’dokument pdf wieħed (fajl li għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Supporting documents.pdf”). Dan jenħtieġ jinkludi indiċi.
In-nuqqas ta’ sottomissjoni tad-dokumenti ta’ sostenn kollha sa mhux aktar tard mill-jum ta’ qabel l-ewwel intervista, jista’ jitqies bħala bażi għal skwalifika.
Applikazzjonijiet li jaslu bil-posta jew permezz ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin ta’ data bbażati fi cloud jew pjattaformi għall-kondiviżjoni ta’ fajls ma jiġux ikkunsidrati.
Il-persuna magħżula minn fost il-kandidati tintalab tipprovdi d-dokumenti oriġinali msemmija hawn fuq.
Il-kandidati jirċievu email li tinfurmahom li l-applikazzjoni tagħhom tkun waslet. Madankollu, jistgħu jinqalgħu diffikultajiet tekniċi li minħabba fihom l-emails ma jaslux. Għalhekk, jekk il-kandidati ma jirċevux email li tikkonferma l-wasla tal-applikazzjoni, huma mitluba jikkuntattjaw lil applications.management@consilium.europa.eu. Peress li l-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni ser jibda l-ħidma tiegħu ftit wara d-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet, kull korrispondenza dwar il-wasla tal-applikazzjoni għandha ssir fil-ġimgħa ta’ wara dik id-data.
DIVERSITÀ U INKLUŻJONI
Is-SĠK huwa impenjat favur id-diversità u l-inklużjoni. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara d-dikjarazzjoni rilevanti: https://www.consilium.europa.eu/mt/general-secretariat/jobs/diversity-and-inclusion/.
RIEŻAMI TAL-APPLIKAZZJONIJIET
Għal informazzjoni dwar il-proċeduri marbuta mat-talbiet għal ilmenti, appelli u riferimenti lill-Ombudsman Ewropew tista’ tikkonsulta lil: https://www.consilium.europa.eu/media/56647/complaint-mt.pdf.
PROTEZZJONI TAD-DATA
Ir-regoli li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali b’rabta ma’ din il-proċedura ta’ selezzjoni jinsabu fid-dikjarazzjoni ta’ privatezza: https://www.consilium.europa.eu/media/4xqlzbqo/jobs-data-protection-083r01-mt.pdf.
(1) https://www.consilium.europa.eu/media/53266/gsc-manager-profile-mt.pdf
(2) L-Artikolu 5(3)(c) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolamenti tal-Persunal) jesiġi li l-applikanti jkollhom mill-inqas:
|
(i) |
livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma, fejn il-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja hu ta’ erba’ snin jew iżjed, jew |
|
(ii) |
livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali adegwata ta’ mill-inqas sena, fejn it-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja hu ta’ mill-inqas tliet snin. |
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).
(4) Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1), test konsolidat disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A01962R0031-20240101.
(5) Dan l-email jappartjeni għal kaxxa postali funzjonali u jista’ jipproċessa biss messaġġi bil-kunfidenzjalità speċifikata bħala “Normal”; emails b’livell ta’ kunfidenzjalità differenti (eż. “Personal”, “Private”, “Confidential” jew posta kriptata) ma jistgħux jiġu pproċessati. Għaldaqstant, jekk jogħġbok agħżel il-livell ta’ kunfidenzjalità “Normal”. L-email ma tridx tkun akbar minn 25MB. Jekk id-daqs tal-email tiegħek bl-hemżiet magħha jkun ikbar minn dan, jekk jogħġbok qassam l-hemżiet fuq għadd ta’ emails.
(6) Jekk teħtieġ aktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat email lil: applications.management@consilium.europa.eu.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5875/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)