Brussell, 28.6.2023

COM(2023) 360 final

2023/0205(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar qafas għall-Aċċess għad-Data Finanzjarja u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010, (UE) Nru 1095/2010 u (UE) 2022/2554

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2023) 255 final} - {SWD(2023) 224 final} - {SWD(2023) 230 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

 Sabiex tirnexxi f’ekonomija mmexxija mid-data li taħdem għan-nies u n-negozji, l-Ewropa trid issib bilanċ bejn il-fluss u l-użu wiesa’ tad-data u tippreserva standards għoljin ta’ privatezza, sigurtà, sikurezza u etika. Fil-komunikazzjoni dwar strateġija Ewropea għad-data 1 , il-Kummissjoni stabbiliet kif l-UE għandha toħloq ambjent ta’ politika attraenti sabiex, sal-2030, is-sehem tagħha tal-ekonomija tad-data jkun mill-inqas jikkorrespondi għall-piż ekonomiku tagħha. 

Fil-finanzi, il-Kummissjoni identifikat il-promozzjoni ta’ finanzjament xprunat mid-data bħala waħda mill-prijoritajiet fl-istrateġija għall-finanzi diġitali tagħha għall-2020 2 u ħabbret l-intenzjoni tagħha li tressaq proposta leġiżlattiva dwar qafas għall-aċċess għad-data finanzjarja. Il-Komunikazzjoni tal-2021 dwar Unjoni tas-Swieq Kapitali 3 kkonfermat l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tħaffef il-ħidma tagħha fuq il-promozzjoni ta’ servizzi finanzjarji xprunati mid-data. Hija ħabbret l-istabbiliment tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Ispazju Ewropew tad-Data Finanzjarja biex jipprovdi kontribut dwar l-ewwel sett ta’ każijiet ta’ użu. Aktar reċentement, il-President tal-Kummissjoni von der Leyen ikkonfermat fl-ittra ta’ intenzjoni tagħha tal-Istat tal-Unjoni tal-2022 li l-aċċess għad-data fis-servizzi finanzjarji huwa fost l-inizjattivi ewlenin ġodda għall-2023.

Il-klijenti tas-settur finanzjarju tal-UE bħalissa ma jistgħux jikkontrollaw b’mod effiċjenti l-aċċess u l-kondiviżjoni tad-data tagħhom lil hinn mill-kontijiet tal-pagamenti. L-utenti tad-data, jiġifieri d-ditti li jridu jaċċessaw id-data tal-klijenti biex jipprovdu servizzi innovattivi, għandhom problemi biex jaċċessaw id-data miżmuma mid-detenturi tad-data, jiġifieri istituzzjonijiet finanzjarji li jiġbru, jaħżnu u jipproċessaw dik id-data tal-klijenti. B’riżultat ta’ dan, anki meta l-klijenti jkunu jixtiequ hekk, dawn ma jkollhomx aċċess mifrux għal servizzi finanzjarji u prodotti finanzjarji xprunati mid-data. Sett ta’ problemi relatati ma’ xulxin jispjegaw l-aċċess limitat għad-data. L-ewwel nett, fin-nuqqas ta’ regoli u għodod għall-ġestjoni tal-permessi għall-kondiviżjoni tad-data, il-klijenti ma jafdawx li r-riskji potenzjali tal-kondiviżjoni tad-data huma indirizzati. Għalhekk, huma spiss ma jkunux lesti li jikkondividu d-data tagħhom. It-tieni, anki jekk ikunu jridu jikkondividu d-data, ir-regoli li jirregolaw tali kondiviżjoni huma jew assenti jew mhux ċari. B’riżultat ta’ dan, id-detenturi tad-data bħall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-assiguraturi u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn li għandhom data tal-klijenti mhux dejjem ikunu meħtieġa li jippermettu l-aċċess tal-utenti tad-data, bħal pereżempju, il-kumpaniji FinTech, jiġifieri kumpaniji li jużaw it-teknoloġija biex jappoġġaw jew jipprovdu servizzi finanzjarji, jew istituzzjonijiet finanzjarji li jipprovdu servizzi finanzjarji u jiżviluppaw prodotti finanzjarji abbażi tal-kondiviżjoni tad-data għad-data tagħhom. It-tielet, il-kondiviżjoni tad-data ssir aktar għalja minħabba li kemm id-data nnifisha kif ukoll l-infrastruttura teknika ma humiex standardizzati u, għalhekk, ivarjaw b’mod sinifikanti.

Din il-proposta għandha l-għan li tindirizza dawn il-problemi billi tippermetti lill-konsumaturi u lid-ditti jikkontrollaw aħjar l-aċċess għad-data finanzjarja tagħhom. Dan jagħmilha possibbli għall-konsumaturi u d-ditti li jibbenefikaw minn prodotti u servizzi finanzjarji li huma mfassla għall-ħtiġijiet tagħhom abbażi tad-data li hija rilevanti għalihom, filwaqt li jiġu evitati r-riskji inerenti.

L-objettiv ġenerali ta’ din il-proposta huwa li jittejbu l-eżiti ekonomiċi għall-klijenti tas-servizzi finanzjarji (konsumaturi u negozji) u għad-ditti tas-settur finanzjarju billi tiġi promossa t-trasformazzjoni diġitali u titħaffef l-adozzjoni ta’ mudelli ta’ negozju xprunati mid-data fis-settur finanzjarju tal-UE. Ladarba jintlaħaq dan l-objettiv, il-konsumaturi li jridu jagħmlu dan ikunu jistgħu jaċċessaw prodotti u servizzi personalizzati u xprunati mid-data li jistgħu jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Id-ditti, b’mod partikolari l-SMEs, ikunu jistgħu jgawdu minn aċċess usa’ għall-prodotti u s-servizzi finanzjarji. L-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mix-xejriet tat-trasformazzjoni diġitali, filwaqt li l-fornituri ta’ servizzi ta’ partijiet terzi jgawdu minn opportunitajiet ġodda ta’ negozju fl-innovazzjoni xprunata mid-data. Il-konsumaturi u d-ditti se jingħataw aċċess għad-data finanzjarja tagħhom sabiex l-utenti tad-data jkunu jistgħu jipprovdu prodotti u servizzi finanzjarji mfassla apposta li jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet tal-klijenti u tad-ditti.

Il-proposta ma tinvolvix iffrankar tal-ispejjeż amministrattivi, minħabba li hija leġiżlazzjoni ġdida li ma temendax ir-regoli preċedenti tal-UE. Għall-istess raġuni, din lanqas ma hija inizjattiva inkluża taħt il-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT) tal-Kummissjoni mmirat biex jiżgura li l-liġijiet tal-UE jilħqu l-objettivi tagħhom bi spiża minima għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta tibni fuq id-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi ta’ Pagament (PSD2), li ppermettiet il-kondiviżjoni tad-data tal-kontijiet tal-pagamenti (“servizzi bankarji miftuħa”). Din il-proposta tippermetti l-kondiviżjoni ta’ sett usa’ ta’ data dwar is-servizzi finanzjarji u tistabbilixxi r-regoli li skonthom se tinkiseb il-kondiviżjoni tad-data. Hija tistabbilixxi wkoll ir-regoli applikabbli għall-parteċipanti fis-suq li se jinvolvu ruħhom f’din l-attività.

•Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Din il-proposta tirrispetta r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) li jistabbilixxi r-regoli ġenerali dwar l-ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ suġġett tad-data u jiżgura l-protezzjoni ta’ data personali, kif ukoll il-moviment liberu ta’ data personali.

Din il-proposta hija wkoll element kostitwenti settorjali li jidħol fl-istrateġija Ewropea usa’ għad-data u jippermetti l-kondiviżjoni tad-data fi ħdan is-settur finanzjarju u ma’ setturi oħrajn. Hija bbażata fuq il-prinċipji ewlenin għall-aċċess u l-ipproċessar tad-data stabbiliti fl-inizjattivi transsettorjali tal-Kummissjoni. L-Att dwar il-Governanza tad-Data jiffoka fuq iż-żieda tal-fiduċja fil-kondiviżjoni tad-data u t-titjib tal-interkonnessjoni bla xkiel (“interoperabbiltà”) bejn l-ispazji tad-data u l-ħolqien ta’ qafas għall-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data. Inizjattiva transsettorjali oħra hija l-Att dwar is-Swieq Diġitali, li jistabbilixxi għadd ta’ obbligi relatati mad-data biex tiġi indirizzata s-setgħa tal-pjattaformi ta’ gwardjani u tiġi żgurata l-kontestabbiltà fis-swieq diġitali billi, pereżempju, l-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu permessi, f’isem il-klijenti tagħhom jew meta jużaw servizzi ewlenin tal-pjattaforma ta’ gwardjani, jaċċessaw id-data miżmuma mill-gwardjani. Madankollu, inizjattiva transsettorjali oħra hija l-proposta għal Att dwar id-Data 4 li jistabbilixxi drittijiet ġodda ta’ aċċess għad-data tal-Internet tal-Oġġetti (IoT) – jiġifieri d-data li l-prodotti jiksbu, jiġġeneraw jew jiġbru dwar il-prestazzjoni, l-użu jew l-ambjent tagħhom – kemm għall-utenti tal-prodotti kif ukoll għall-fornituri ta’ servizzi relatati. Hija tistabbilixxi wkoll obbligi applikabbli b’mod ġenerali għad-detenturi tad-data, li huma meħtieġa biex id-data tkun disponibbli għar-riċevituri tad-data skont id-dritt tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

Din il-proposta tikkomplementa wkoll l-istrateġija tal-UE ta’ investiment fil-livell tal-konsumatur 5 . Hija se tappoġġa l-objettiv tagħha li ttejjeb il-funzjonament tal-qafas ta’ protezzjoni tal-investitur bl-imnut billi tipprovdi salvagwardji fl-użu tad-data tal-investituri bl-imnut fis-servizzi finanzjarji. Barra minn hekk, hija tiżgura l-konformità mar-regoli dwar iċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza operazzjonali fis-settur finanzjarju, kif stabbilit fl-Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali li daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Jannar 2023.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħti lill-istituzzjonijiet tal-UE s-setgħa li jistabbilixxu regoli dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom bħala l-objettiv tagħhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern (l-Artikolu 114 tat-TFUE). Dan jinkludi s-setgħa li tiġi ppromulgata l-leġiżlazzjoni tal-UE biex jiġu approssimati r-rekwiżiti dwar l-użu dejjem aktar importanti tad-data għall-istituzzjonijiet finanzjarji, billi l-istituzzjonijiet finanzjarji attivi bejn il-fruntieri inkella jiffaċċjaw rekwiżiti nazzjonali diverġenti, li jagħmlu l-attività transfruntiera aktar għalja. Il-ħolqien ta’ regoli komuni għall-kondiviżjoni tad-data fis-settur finanzjarju se jikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq intern. Regoli komuni se jiżguraw qafas regolatorju armonizzat dwar il-governanza tad-data finanzjarja, f’konformità mal-istrateġija Ewropea għad-data. Dawn ir-riżultati jinkisbu bl-aħjar mod billi jiġi adottat Regolament, li huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-ekonomija tad-data hija parti integrali mis-suq intern. Il-flussi tad-data jifformaw parti ewlenija mill-attivitajiet diġitali, u jirriflettu l-ktajjen tal-provvista u l-kollaborazzjonijiet eżistenti bejn id-ditti u l-konsumaturi. Kwalunkwe inizjattiva li għandha l-għan li torganizza tali flussi tad-data trid tapplika għas-suq intern kollu kemm hu. Billi d-detenturi tad-data huma ġeneralment istituzzjonijiet finanzjarji liċenzjati soġġetti għal sett wiesa’ u dettaljat ta’ regoli stabbiliti fil-biċċa l-kbira f’regolamenti u arranġamenti superviżorji direttament applikabbli li għalihom il-konverġenza hija żgurata fil-livell tal-UE, hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-UE biex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet komuni u jiġu ppreservati kundizzjonijiet ekwi fost l-istituzzjonijiet finanzjarji biex jiġu ssalvagwardjati l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-istabbiltà finanzjarja. Raġuni oħra għal azzjoni fil-livell tal-UE hija l-livell għoli ta’ integrazzjoni fis-settur finanzjarju. L-istituzzjonijiet finanzjarji jwettqu wkoll attività transfruntiera sinifikanti.

Il-problemi deskritti fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta huma komuni għall-Istati Membri kollha tal-UE. Ir-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji hija setgħa kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha. Dawn il-problemi ma jistgħux jissolvew mill-Istati Membri li jaġixxu weħidhom, minħabba li d-detenturi u l-utenti potenzjali tad-data tal-klijenti fil-finanzi spiss joperaw f’diversi Stati Membri. Għalhekk, klijent jista’ jkollu data miżmuma minn istituzzjonijiet finanzjarji fi Stati Membri differenti. Sabiex tittejjeb il-fiduċja u jkun permess l-użu integrat ta’ dik id-data, dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha jkollhom jiġu rregolati mill-istess qafas legali u mill-istess standards tekniċi. Ir-regoli nazzjonali individwali jirriżultaw f’rekwiżiti li jikkoinċidu u kostijiet ta’ konformità għoljin b’mod sproporzjonat għad-ditti mingħajr ma jkunu l-aktar ta’ benefiċċju għad-ditti u għall-konsumaturi.

•Proporzjonalità

F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tagħha. Hija tkopri biss l-aspetti fejn il-piż u l-kostijiet amministrattivi huma proporzjonati għall-objettivi li għandhom jintlaħqu. Pereżempju, il-proporzjonalità hija mfassla bir-reqqa f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni u strettezza. Hija sostnuta minn kriterji ta’ valutazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva biex jiġi żgurat li r-regoli l-ġodda jkollhom effett wiesa’. L-Anness 5 għall-valutazzjoni tal-impatt ta’ akkumpanjament jispjega kif il-proporzjonalità ggwidat l-għażla tas-settijiet tad-data. L-Anness 8 għall-valutazzjoni tal-impatt ta’ akkumpanjament jispjega l-miżuri meħuda biex jiġi żgurat impatt proporzjonat fuq l-SMEs.

•Għażla tal-istrument

Din il-proposta għandha tieħu l-forma ta’ regolament, li huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Dan sabiex jiġi żgurat li japplikaw regoli komuni fl-Istati Membri kollha dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għad-data tal-klijenti tas-servizzi finanzjarji u l-ġestjoni tagħha.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Din il-proposta l-ġdida ma tistrieħ fuq l-ebda leġiżlazzjoni eżistenti. Hija tibni fuq ir-reġim bankarju miftuħ stabbilit fid-Direttiva (UE) 2015/2366, iżda toħloq dritt ġdid ta’ aċċess għad-data għal settijiet ta’ data li qabel ma kinux koperti minn xi qafas leġiżlattiv ieħor tal-UE.

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Fl-10 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni Ewropea nediet sejħa għall-evidenza dwar l-aċċess għad-data finanzjarja. Is-sejħa għall-evidenza għalqet fit-2 ta’ Awwissu 2022, u ġabret 79 tweġiba. Il-persuni li wieġbu f’kapaċità individwali esprimew tħassib dwar il-kondiviżjoni tad-data fin-nuqqas ta’ qafas li jadotta salvagwardji ċari, bħal dashboards tal-privatezza, delineazzjoni ċara tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u kundizzjonijiet ekwi fost il-parteċipanti fis-suq. Id-ditti kienu pjuttost pożittivi sakemm kien hemm salvagwardji xierqa. Is-sejħa għall-evidenza wriet li jekk ikun imfassal kif suppost, l-aċċess għad-data finanzjarja jista’ jkollu impatt pożittiv.

Fl-10 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni Ewropea nediet ukoll konsultazzjoni pubblika konġunta dwar ir-rieżami tad-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi ta’ Pagament (PSD2) u l-aċċess għad-data finanzjarja. Il-konsultazzjoni pubblika għalqet fit-2 ta’ Awwissu 2022. It-tweġibiet dwar l-aċċess għad-data finanzjarja kkonfermaw il-fehmiet espressi fis-sejħa għall-evidenza. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-pubbliku ġenerali li wieġbu jkunu jridu jikkondividu d-data tagħhom abbażi ta’ kunsens/ftehim b’saħħtu tal-konsumatur, ġie espress xi tħassib fuq il-kondiviżjoni tad-data finanzjarja. Dan it-tħassib kien ibbażat fuq nuqqas ta’ fiduċja fuq il-privatezza, il-protezzjoni tad-data u kwistjonijiet ta’ sigurtà diġitali u sens ġenerali ta’ nuqqas ta’ kontroll fuq kif tintuża d-data tagħhom.

Il-partijiet ikkonċernati professjonali (l-utenti korporattivi, id-ditti fintech, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, kif ukoll l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u r-regolaturi nazzjonali) kienu aktar favorevoli għall-kondiviżjoni tad-data u semmew il-benefiċċji għall-vjaġġ tal-klijenti f’termini ta’ kompetizzjoni u innovazzjoni akbar għall-prodotti u s-servizzi finanzjarji. Minoranza sinifikanti tar-rispondenti professjonali esprimew ukoll tħassib fuq il-kompetizzjoni, is-sigurtà u l-użu ħażin tad-data.

Fl-10 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni nediet ukoll konsultazzjoni mmirata dwar l-aċċess għad-data finanzjarja u l-kondiviżjoni tad-data fis-settur finanzjarju. Il-konsultazzjoni mmirata għalqet fil-5 ta’ Lulju 2022, u ġabret 94 tweġiba mill-partijiet ikkonċernati professjonali.

L-iskop tal-konsultazzjoni mmirata kien li jinġabar il-kontribut espert tagħhom fil-kondiviżjoni tad-data fil-finanzi. Il-partijiet ikkonċernati professjonali fil-mira kienu jinkludu istituzzjonijiet finanzjarji, bejjiegħa tad-data, fintechs, utenti korporattivi, assoċjazzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll awtoritajiet pubbliċi rilevanti u regolaturi nazzjonali. B’mod ġenerali, it-tweġibiet enfasizzaw li l-biċċa l-kbira tar-rispondenti professjonali jaraw il-benefiċċji potenzjali ta’ qafas legali għall-aċċess għad-data finanzjarja u, għalhekk, jappoġġaw l-intervent regolatorju f’xi oqsma. Madankollu, it-tweġibiet għall-konsultazzjoni mmirata jissuġġerixxu li l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati jvarjaw b’mod sostanzjali u l-appoġġ mill-konsumaturi u mid-detenturi tad-data huwa kundizzjonali fuq kif dik id-data se tiġi aċċessata u kondiviża.

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Fl-24 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni rċeviet rapport dwar il-finanzi miftuħa mill-Grupp ta’ Esperti dwar l-Ispazju Ewropew tad-Data Finanzjarja. Il-Grupp ta’ Esperti jlaqqa’ flimkien esperti mill-akkademja, konsumaturi u l-industrija (inklużi s-servizzi bankarji, l-assigurazzjoni, il-pensjonijiet, l-investiment, kif ukoll fornituri ta’ partijiet terzi u ditti fintech). Ir-rapport jiddeskrivi l-komponenti ewlenin ta’ ekosistema ta’ finanzi miftuħa kif jidher mill-Grupp ta’ Esperti (aċċessibbiltà tad-data, protezzjoni tad-data, standardizzazzjoni tad-data, responsabbiltà, kundizzjonijiet ekwi u atturi ewlenin) u jistabbilixxi kunsiderazzjonijiet dwar kull element, filwaqt li jippreżenta wkoll fehmiet diverġenti fi ħdan il-grupp. Sabiex jintwerew l-isfidi u l-opportunitajiet ta’ finanzi miftuħa, il-Grupp ta’ Esperti vvaluta diversi każijiet ta’ użi speċifiċi li huma spjegati fid-dettall fir-rapport. Il-każijiet tal-użu u s-sejbiet tar-rapport intużaw biex tiġi żviluppata din il-proposta, b’mod partikolari fid-determinazzjoni tad-data koperta fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta.

•Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta hija akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt, li ġiet sottomessa lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (‘Regulatory Scrutiny Board’ - RSB) fit-3 ta’ Frar 2023 u approvata fit-3 ta’ Marzu 2023. L-RSB irrakkomanda titjib f’xi oqsma biex tissaħħaħ il-bażi tal-evidenza, titpoġġa aktar enfasi fuq il-fiduċja tal-klijenti u l-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli, kif ukoll jiġu definiti aħjar il-limitazzjonijiet u l-inċertezzi tal-analiżi kost-benefiċċji għal din il-proposta. Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet emendata kif xieraq u indirizzat il-kummenti aktar dettaljati tal-RSB.

L-għażliet ta’ politika ntgħażlu abbażi tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar l-Ispazju Ewropew tad-Data Finanzjarja u tal-feedback tal-partijiet ikkonċernati.

Diversi għażliet li tqiesu kellhom l-għan li jtejbu l-fiduċja tal-klijenti fil-kondiviżjoni tad-data, jiċċaraw is-sitwazzjoni legali, jippromwovu l-istandardizzazzjoni u jipprovdu inċentivi. Fir-rigward tal-fiduċja tal-klijenti, l-għażliet ikkunsidrati kienu jinkludu l-użu obbligatorju ta’ dashboards tal-permessi għall-aċċess għad-data finanzjarja, l-istabbiliment ta’ regoli dwar min jista’ jaċċessa d-data tal-klijenti, u l-ikkomplementar ta’ dawk ir-regoli b’salvagwardji oħrajn, inklużi linji gwida li jipproteġu lill-konsumatur minn trattament inġust jew riskji ta’ esklużjoni.

Sabiex tiġi pprovduta ċarezza legali, għażla waħda kkunsidrata kienet il-punt sa fejn id-detenturi tad-data jistgħu jkunu meħtieġa jikkondividu d-data tal-klijenti tagħhom mal-utenti tad-data. Dan jista’ jsir fuq bażi obbligatorja, soġġett għat-talba tal-klijent. Ġew ikkunsidrati wkoll it-tipi ta’ ditti li għandhom ikunu obbligati jikkondividu d-data (istituzzjonijiet ta’ kreditu, fornituri ta’ servizzi ta’ pagament u tipi oħrajn ta’ istituzzjonijiet finanzjarji fis-settur finanzjarju kollu).

Ġew ikkunsidrati diversi għażliet maħsuba biex jippromwovu l-istandardizzazzjoni tad-data u tal-interfaċċi tal-klijenti. Għażla waħda kienet li l-parteċipanti fis-suq jiżviluppaw b’mod konġunt standards komuni għad-data u l-interfaċċi tal-klijenti bħala parti mill-iskemi ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja. Ingħatat kunsiderazzjoni dwar jekk il-parteċipanti fis-suq għandhomx ikunu parti minn tali skema fuq bażi volontarja jew obbligatorja sabiex jaċċessaw id-data. Għażla oħra kienet li tiġi żviluppata tali skema permezz ta’ atti delegati jew ta’ implimentazzjoni (l-hekk imsejħa leġiżlazzjoni tal-Livell II li tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali ta’ atti bażiċi).

Ġew ikkunsidrati għadd ta’ għażliet biex jiġu implimentati interfaċċi ta’ kwalità għolja għall-kondiviżjoni tad-data tal-klijenti. Għażla waħda tista’ tkun li d-detenturi tad-data jkunu meħtieġa jistabbilixxu interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs) li jimplimentaw l-istandards komuni għad-data u l-interfaċċi u jagħmluhom disponibbli għall-utenti tad-data mingħajr kuntratt u mingħajr ma jkunu jistgħu jirċievu xi kumpens mill-utenti tad-data għall-użu ta’ dawn l-interfaċċi. Għażla oħra tkun li jiġi permess kumpens raġonevoli biex jiġu stabbiliti u użati l-interfaċċi u jintlaħaq qbil fuq ir-responsabbiltà kuntrattwali.

Il-Kummissjoni qieset li l-għażla ppreferuta hija Regolament tal-UE li jistabbilixxi qafas għall-aċċess għad-data finanzjarja, li jinkludi l-karatteristiċi li ġejjin:

·il-parteċipanti fis-suq ikunu meħtieġa jipprovdu lill-klijenti b’dashboards tal-permessi għall-aċċess għad-data finanzjarja, jistabbilixxu regoli tal-eliġibbiltà dwar l-aċċess għad-data tal-klijenti u jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet superviżorji Ewropej (ASE) biex joħorġu linji gwida biex jipproteġu lill-konsumaturi minn trattament inġust jew riskji ta’ esklużjoni;

·l-utenti tad-data jingħataw aċċess għal settijiet magħżula ta’ data tal-klijenti fis-settur finanzjarju kollu, dejjem soġġett għal permess mill-klijenti li magħhom hija relatata d-data;

·il-parteċipanti fis-suq jintalbu jiżviluppaw standards komuni għad-data u l-interfaċċi tal-klijenti dwar id-data li hija soġġetta għal aċċess obbligatorju, bħala parti mill-iskemi; u

·id-detenturi tad-data jintalbu jistabbilixxu APIs kontra l-kumpens, jimplimentaw l-istandards komuni għad-data u l-interfaċċi tal-klijenti żviluppati bħala parti mill-iskemi u jirrikjedu li l-membri tal-iskema jaqblu fuq ir-responsabbiltà kuntrattwali.

L-impatt ekonomiku ġenerali mistenni ta’ din il-proposta jkun aċċess imtejjeb għal servizzi finanzjarji ta’ kwalità aħjar, biex b’hekk tittejjeb ir-relazzjoni ġenerali bejn il-prezz u l-kwalità. L-aċċess għad-data finanzjarja jirriżulta f’servizzi aktar iċċentrati fuq l-utent: is-servizzi personalizzati jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi li jfittxu parir dwar l-investiment, u valutazzjoni awtomatizzata tal-affidabbiltà kreditizja tista’ tkun mistennija li tgħin biex tiffaċilita l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs. L-impatt mistenni fuq l-ekonomija usa’ huwa pożittiv minħabba forniment ta’ servizzi aktar effiċjenti bħala riżultat ta’ kompetizzjoni aktar effettiva. Madankollu, sabiex dawn l-impatti pożittivi jimmaterjalizzaw, huwa importanti li jiġi żgurat li l-użu mill-ġdid tad-data ma jwassalx għal imġiba antikompetittiva u kollużjoni, speċjalment minħabba r-rekwiżit għall-aderenza obbligatorja mal-iskemi kuntrattwali, u li d-detenturi tad-data, b’mod partikolari, ma jeskludux lill-kompetituri permezz ta’ tariffi għoljin għall-aċċess għad-data.

Il-proposta tista’ tkun mistennija li jkollha impatt soċjali pożittiv ġenerali sakemm ir-riskji assoċjati jinżammu taħt kontroll. Il-kondiviżjoni tad-data tal-klijenti tkun ikkontrollata hekk kif hija soġġetta għal talba tal-klijent – l-aċċess obbligatorju jiġi skattat biss ladarba l-klijent ikun talab li d-data tiegħu tiġi kondiviża. Kondiviżjoni ta’ data aktar dettaljata tista’ tiftaħ l-aċċess għall-finanzi għal utenti li qabel kienu esklużi. Dan jista’ jiffaċilita t-tfaddil u l-pensjonijiet immirati billi jiffaċilita ħarsa ġenerali komprensiva lejn id-drittijiet tal-pensjoni privati u okkupazzjonali, kif ukoll tfaddil ieħor għall-irtirar. Min-naħa l-oħra, mingħajr salvagwardji xierqa, aktar użu tad-data jista’, f’każijiet speċifiċi, iwassal għal riskju ta’ kost ogħla jew saħansitra aktar esklużjoni tal-klijenti bi profil ta’ riskju mhux favorevoli. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lis-servizzi b’mutwalizzazzjoni inerenti tar-riskju, bħall-assigurazzjoni. Madankollu, l-għażla ppreferuta ttaffi kwalunkwe impatt bħal dan minħabba li s-settijiet tad-data li huma direttament rilevanti għas-servizzi finanzjarji essenzjali għall-konsumaturi jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u l-linji gwida tal-EBA u tal-EIOPA dwar il-perimetri applikabbli tal-użu tad-data personali jikkostitwixxu salvagwardja addizzjonali.

B’mod ġenerali, l-aċċess għad-data finanzjarja jista’ jkun mistenni li jkollu impatt indirett minn newtrali għal pożittiv fuq l-ambjent, minħabba li x’aktarx jappoġġa l-użu ta’ servizzi ta’ investiment innovattivi, inklużi dawk li jidderieġu l-investimenti lejn attivitajiet aktar sostenibbli. Minkejja li potenzjalment jista’ jkun hemm xi implikazzjonijiet negattivi minn użu aktar intensiv taċ-ċentri tad-data li jmorru flimkien ma’ użu mill-ġdid usa’ tad-data, dawn x’aktarx li jkunu limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni, minħabba li l-biċċa l-kbira tad-data koperta minn din il-proposta diġà teżisti f’forma diġitali. Il-volum tal-ipproċessar addizzjonali jiġi prinċipalment mill-utenti tad-data li jaċċessaw din id-data.

Minħabba d-disponibbiltà limitata tad-data u n-natura ta’ din il-proposta, huwa intrinsikament diffiċli li jsiru previżjonijiet kwantitattivi dwar kif din tkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija kollha kemm hi. Bl-istess mod, huwa ugwalment ta’ sfida li l-effetti ta’ kull miżura ta’ politika jiġu diżassoċjati mill-impatt aggregat potenzjali. Filwaqt li l-kostijiet ta’ kull għażla ta’ politika diġà huma ta’ sfida biex jiġu stmati, il-benefiċċji iżolati tagħha huma saħansitra aktar diffiċli biex jitkejlu. Sar tentattiv biex tiġi pprovduta valutazzjoni makroekonomika tal-benefiċċji potenzjali abbażi ta’ studju fil-livell makro, li madankollu l-għan tiegħu ma kienx li jiġu kkwantifikati b’mod espliċitu l-benefiċċji ta’ din il-proposta. B’hekk, il-firxa ta’ ċifri ppreżentati hawn taħt għandha titqies bħala illustrazzjoni tal-benefiċċji potenzjali aktar milli stima ddedikata. Skont din il-valutazzjoni makroekonomika, il-benefiċċji annwali totali għall-ekonomija tal-UE prodotti minn aċċess imtejjeb għad-data fis-settur finanzjarju tal-UE u l-kondiviżjoni tagħha jvarjaw bejn EUR 4,6 biljun u EUR 12,4-il biljun, inkluż l-impatt dirett fuq l-ekonomija tad-data finanzjarja tal-UE fil-medda ta’ EUR 663 miljun sa EUR 2 biljun fis-sena. Il-kost ġenerali stmat tal-proposta jista’ jkun f’medda ta’ EUR 2,2 biljun sa EUR 2,4 biljun f’kostijiet ta’ darba u bejn EUR 147 miljun sa EUR 465 miljun f’kostijiet annwali rikorrenti.

Il-finanzi diġitali għandhom ħafna aspetti li jistgħu jtejbu l-funzjonament tal-ekonomiji u jissoktaw il-kawża tal-iżvilupp sostenibbli. L-aċċess għall-finanzi huwa waħda mill-isfidi ewlenin tal-iżvilupp sostenibbli. Filwaqt li ma huwiex l-għan dirett tal-proposta, dan se jgħin indirettament biex javvanza t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi inklużivi u sostenibbli. Dan jista’ jgħin lill-individwi soċjalment esklużi jiksbu aċċess aħjar għall-finanzi. Din il-proposta hija konformi mal-bini ta’ infrastruttura reżiljenti, l-industrijalizzazzjoni sostenibbli u l-innovazzjoni. Hija tista’ tisfrutta l-forzi ekonomiċi kompetittivi li jtejbu l-konnettività fil-qasam tal-finanzi. Il-proposta se tgħin ukoll biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima permezz ta’ pariri mmirati dwar l-investiment, li jgħinu lill-investituri jieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati li jistgħu jgħinu sabiex il-flussi tal-kapital jiġu diretti lejn investimenti sostenibbli.

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din il-proposta se tagħmilha aktar faċli għall-utenti tad-data biex jaċċessaw id-data finanzjarja tal-klijenti, u b’hekk tagħmilha aktar faċli għall-klijenti biex jaċċessaw servizzi finanzjarji innovattivi. Hija se tappoġġa notevolment lill-SMEs u l-aċċess tagħhom għall-finanzi. Sabiex jittaffa kwalunkwe impatt negattiv fuq l-SMEs bħala detenturi tad-data, hija tinkludi diversi miżuri. Pereżempju, bl-introduzzjoni ta’ kumpens għall-aċċess għad-data, parteċipanti iżgħar fis-suq jitħallew jirkupraw il-kostijiet imġarrba mir-rekwiżit li jiġu pprovduti interfaċċi tekniċi għall-aċċess għad-data (“interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet”). Barra minn hekk, l-SMEs li jaġixxu bħala detenturi tad-data jistgħu jkomplu jnaqqsu l-kostijiet tal-implimentazzjoni tagħhom billi jiżviluppaw interfaċċi konġunti jew jagħmlu użu minn fornituri esterni tas-servizzi. Barra minn hekk, l-SMEs li jaġixxu bħala utenti tad-data se jkunu jistgħu jaċċessaw id-data tal-klijenti b’kumpens imnaqqas, b’limitu massimu fuq il-kost, f’konformità mal-Artikolu 9(2) tal-proposta tal-Att dwar id-Data. Għażla kkunsidrata u miċħuda tkun li l-SMEs jiġu esklużi bħala detenturi tad-data mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi li d-data ssir disponibbli. Madankollu, din l-għażla jkollha diversi żvantaġġi. Hija tnaqqas b’mod konsiderevoli l-impatt pożittiv tal-proposta, minħabba li xi każijiet ta’ użu jiddependu fuq data mill-istituzzjonijiet finanzjarji kollha li jaqdu klijent partikolari u, għalhekk, iżommu d-data tagħhom biex tinġabar flimkien. Pereżempju, il-każijiet ta’ użu relatati ma’ pariri dwar l-investiment jaħdmu b’mod effiċjenti biss jekk id-data rilevanti kollha dwar l-assi u l-investimenti ta’ klijent (kemm jekk miżmuma minn ditti iżgħar jew akbar) tkun disponibbli b’mod komprensiv għall-aċċess. Barra minn hekk, dan ma jkunx konsistenti mal-iżgurar li l-parteċipanti kollha fis-suq jirrispettaw ir-regoli ewlenin biex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi. B’mod aktar ġenerali, il-kostijiet amministrattivi introdotti għan-negozji (EUR 18,5-il miljun f’kostijiet ta’ darba) huma piż amministrattiv proporzjonat u relattivament żgħir.

•Drittijiet fundamentali

Din il-proposta għandha impatt fuq id-drittijiet fundamentali tal-konsumaturi, notevolment l-Artikoli 7 u 8 dwar id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali minquxa fil-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali (il-Karta tal-UE). Il-proposta tistabbilixxi drittijiet ta’ aċċess għad-data fis-settur finanzjarju, li jikkontribwixxu għal żieda fil-kondiviżjoni tad-data, inkluża d-data personali, fuq talba tal-klijenti. L-impatt fuq id-drittijiet fundamentali se jittaffa billi jiġi żgurat li, f’konformità mal-Artikolu 38 tal-Karta tal-UE, ikun hemm livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u li l-kondiviżjoni tad-data tkun strettament soġġetta għat-talba tal-klijent. Sabiex jiġu mħarsa l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tal-UE, xi dispożizzjonijiet, notevolment id-dashboards tal-permessi għall-aċċess għad-data finanzjarja u l-linji gwida mmirati f’oqsma ta’ riskju ogħla ta’ esklużjoni, se jagħtu spinta lill-fiduċja tal-klijenti u jipprovdu qafas ta’ kontroll tal-utent li jikkondividi data personali. Id-dashboard se jsaħħaħ il-kontroll tal-klijent, notevolment meta d-data personali tiġi pproċessata għas-servizz mitlub, abbażi ta’ kunsens jew meta meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt. Barra minn hekk, hija introdotta restrizzjoni fuq l-użu mill-ġdid tad-data lil hinn mis-servizz mitlub. L-introduzzjoni tal-kategorija l-ġdida ta’ “fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja” awtorizzati tiżgura li fornituri fdati u siguri biss ikunu eliġibbli biex jaċċessaw u jipproċessaw id-data tal-klijenti fis-settur finanzjarju. Barra minn hekk, il-konsumaturi se jkunu protetti b’salvagwardji ta’ sigurtà b’saħħithom kontra l-użu ħażin possibbli tad-data u l-ksur tad-data, minħabba li kemm id-detenturi tad-data kif ukoll l-utenti tad-data se jkunu marbuta bir-regoli tal-Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali (DORA).

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-implimentazzjoni ta’ din il-proposta ma jkollhiex impatt fuq il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Għalkemm l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) se jkollhom iwettqu xi kompiti sabiex il-leġiżlazzjoni tiġi implimentata kif suppost, il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-kompiti jaqgħu fi ħdan il-mandati eżistenti tal-ASE, pereżempju, it-tħejjija ta’ abbozzi ta’ standards jew linji gwida regolatorji jew ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni aħjar ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, filwaqt li l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tkun meħtieġa tistabbilixxi reġistru b’informazzjoni dwar, pereżempju, il-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja, il-kost tal-istabbiliment ta’ tali reġistru jkun limitat u għandu jkun kopert mill-iffrankar tal-ispejjeż li jirriżulta mis-sinerġiji u l-effiċjenzi li l-korpi kollha tal-Unjoni huma mistennija jwettqu. Bil-maqlub, il-leġiżlazzjoni ma tagħti l-ebda kompitu superviżorju jew ta’ monitoraġġ ġdid lill-ASE. Għalhekk, kwalunkwe kost li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni proposta għandu jkun kopert mill-baġit eżistenti tal-ASE.

Hemm implikazzjonijiet limitati f’termini ta’ kostijiet u piż amministrattiv għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs). Il-kobor u d-distribuzzjoni tagħhom se jiddependu fuq ir-rekwiżit imqiegħed fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja biex japplikaw għal liċenzja pprovduta minn NCA u l-kompiti superviżorji u ta’ monitoraġġ relatati. Dawn il-kostijiet għall-NCAs jiġu kkumpensati parzjalment mit-tariffi superviżorji li l-NCAs jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja.

L-istituzzjonijiet finanzjarji regolati li diġà għandhom liċenzja ma jiġux affettwati mir-reġim tal-liċenzjar il-ġdid li din il-proposta tistabbilixxi, u ma jkun hemm l-ebda rekwiżit addizzjonali ta’ rapportar regolatorju, liċenzjar jew rekwiżiti oħrajn. Għad-ditti li jkollhom bżonn ifittxu liċenzja, il-kostijiet totali biex ifittxu liċenzja huma stmati li jkunu ta’ madwar EUR 18,5-il miljun, jekk wieħed jassumi li madwar 350 ditta japplikaw biex isiru fornituri ta’ informazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji (FISPS) biex ikunu jistgħu jaċċessaw id-data tal-klijenti. Dawn id-ditti jkollhom jikkonformaw ukoll mar-rekwiżiti ta’ DORA u jistabbilixxu l-istandards taċ-ċibersigurtà meħtieġa.

5.ELEMENTI OĦRAJN

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rapportar

Huwa neċessarju li jiġi pprovdut mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni biex jiġi żgurat li l-azzjonijiet regolatorji meħuda jkunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi tagħhom. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-impatt ta’ dan ir-Regolament u se tingħata l-kompitu li tirrieżaminah (l-Artikolu 31 tal-proposta).

•Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Din il-proposta tfittex li tistabbilixxi qafas li jirregola l-aċċess għad-data tal-klijenti fil-finanzi u l-użu tagħha (aċċess għad-data finanzjarja “FIDA”). L-aċċess għad-data finanzjarja jirreferi għall-aċċess għad-data minn negozju għal negozju u minn negozju għal klijent (inkluż konsumatur) u għall-ipproċessar tagħha fuq talba tal-klijent f’firxa wiesgħa ta’ servizzi finanzjarji. Il-proposta hija maqsuma f’disa’ Titoli.

It-Titolu I jistabbilixxi s-suġġett, il-kamp ta’ applikazzjoni u d-definizzjonijiet. L-Artikolu 1 jistabbilixxi li r-Regolament jistabbilixxi r-regoli li f’konformità magħhom ċerti kategoriji ta’ data tal-klijenti fil-finanzi jistgħu jiġu aċċessati, kondiviżi u użati. Huwa jistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti għall-aċċess, il-kondiviżjoni u l-użu ta’ data fil-finanzi, id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-utenti tad-data u tad-detenturi tad-data u d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja b’rabta mal-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni bħala okkupazzjoni jew attività kummerċjali regolari. L-Artikolu 2 jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament għal ċerti settijiet ta’ data deskritti b’mod eżawrjenti u jelenka d-ditti li għalihom japplika dan ir-Regolament. L-Artikolu 3 jistabbilixxi t-termini u d-definizzjonijiet li jintużaw għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, inkluż “detentur tad-data”, “utent tad-data”, “fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja” u oħrajn.

It-Titolu II jintroduċi obbligu legali fuq id-detenturi tad-data u jirregola l-mod kif għandu jiġi eżerċitat dan l-obbligu. L-Artikolu 4 jindika li d-detentur tad-data jrid jagħmel id-data disponibbli għall-klijenti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament abbażi ta’ talba. L-Artikolu 5 jipprovdi lill-klijent bid-dritt li jitlob li d-detentur tad-data jikkondividi din id-data ma’ utent tad-data. Fejn tkun ikkonċernata d-data personali, it-talba trid tikkonforma ma’ bażi legali valida kif imsemmi fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) li tippermetti l-ipproċessar ta’ data personali. L-Artikolu 6 jimponi ċerti obbligi fuq l-utenti tad-data li jirċievu data fuq talba tal-klijenti. Għandu jkun hemm biss aċċess għad-data tal-klijenti magħmula disponibbli skont l-Artikolu 5 u din id-data għandha tintuża biss għall-finijiet u l-kundizzjonijiet miftiehma mal-klijent. Il-kredenzjali tas-sigurtà personalizzati tal-klijent ma għandhomx ikunu aċċessibbli għal partijiet oħrajn u d-data ma għandhiex tinħażen għal aktar żmien minn dak li huwa meħtieġ.

It-Titolu III jistabbilixxi r-rekwiżiti biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-użu responsabbli tad-data. L-Artikolu 7 jipprovdi gwida dwar kif id-ditti għandhom jużaw id-data għal każijiet ta’ użu partikolari u jiżgura li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni jew restrizzjoni fl-aċċess għas-servizzi bħala riżultat tal-użu tad-data. Dan jiżgura li l-klijenti li jirrifjutaw li jagħtu permess għall-użu ta’ settijiet tad-data tagħhom ma jiġux miċħuda l-aċċess għal prodotti finanzjarji sempliċiment minħabba li dawn il-klijenti jirrifjutaw li jagħtu permess. L-Artikolu 8 jistabbilixxi d-dashboards tal-permessi għall-aċċess għad-data finanzjarja biex jiġi żgurat li l-klijenti jkunu jistgħu jimmonitorjaw il-permessi tad-data tagħhom billi jkunu jistgħu jaċċessaw ħarsa ġenerali lejn il-permessi tad-data tagħhom, jagħtu oħrajn ġodda u jirtiraw il-permessi jekk ikun meħtieġ.

It-Titolu IV jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-ħolqien u l-governanza ta’ skemi ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja li l-għan tagħhom huwa li jlaqqgħu flimkien id-detenturi tad-data, l-utenti tad-data u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi. Tali skemi għandhom jiżviluppaw standards tad-data u tal-interfaċċa, jistabbilixxu l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni għall-operat tad-dashboards tal-permessi għall-aċċess għad-data finanzjarja, kif ukoll qafas kuntrattwali standardizzat konġunt li jirregola l-aċċess għal settijiet ta’ data speċifiċi, ir-regoli dwar il-governanza ta’ dawn l-iskemi, ir-rekwiżiti ta’ trasparenza, ir-regoli ta’ kumpens, ir-responsabbiltà u s-soluzzjoni tat-tilwim. L-Artikolu 9 jistabbilixxi li d-data li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament trid tkun disponibbli biss għall-membri ta’ skema ta’ kondiviżjoni ta’ data finanzjarja, li tagħmel l-eżistenza u s-sħubija f’tali skemi obbligatorji. L-Artikolu 10 jistabbilixxi l-proċessi ta’ governanza ta’ tali skema, inklużi r-regoli dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-membri tagħha u l-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti. L-Artikolu 10 jipprevedi wkoll l-iżviluppi ta’ standards komuni għall-kondiviżjoni tad-data u l-ħolqien ta’ interfaċċi tekniċi li għandhom jintużaw għall-kondiviżjoni tad-data. Tali skemi ta’ kondiviżjoni tad-data jridu jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet kompetenti, iridu jibbenefikaw minn passaport għal operazzjonijiet madwar l-UE u, għal finijiet ta’ trasparenza, l-iskemi jridu jkunu parti minn reġistru li għandu jinżamm mill-EBA. L-arranġamenti minimi għal skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja għandhom jiddikjaraw ukoll li d-detenturi tad-data jridu jkunu intitolati għal kumpens biex jagħmlu d-data disponibbli għall-utenti tad-data, skont it-termini tal-iskema li t-tnejn jagħmlu parti minnha. Il-kumpens fi kwalunkwe każ irid ikun raġonevoli, ibbażat fuq metodoloġija ċara u trasparenti miftiehma qabel mill-membri tal-iskema u għandu jkollu l-għan li jirrifletti mill-inqas il-kostijiet imġarrba biex titqiegħed għad-dispożizzjoni interfaċċa teknika biex tiġi kondiviża d-data mitluba. L-Artikolu 11 jipprevedi s-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta att delegat f’każ li skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja ma tiġix żviluppata għal kategorija waħda jew aktar ta’ data tal-klijenti.

It-Titolu V jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni u l-kundizzjonijiet operattivi tal-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja. Dawn ir-rekwiżiti jenfasizzaw il-kontenut meħtieġ ta’ applikazzjoni (l-Artikolu 12), il-ħatra ta’ rappreżentant legali (l-Artikolu 13), il-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni, inkluż il-passaport tal-UE tal-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja (l-Artikolu 14) u d-dritt mogħti lill-awtoritajiet kompetenti li jirtiraw awtorizzazzjoni. L-Artikolu 15 jipprevedi l-istabbiliment ta’ reġistru ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja u skemi ta’ kondiviżjoni tad-data li għandhom jinżammu mill-EBA. L-Artikolu 16 jipprevedi r-rekwiżiti organizzazzjonali tal-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja.

It-Titolu VI jipprovdi dettalji dwar is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti. L-Artikolu 17 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jaħtru awtoritajiet kompetenti. L-Artikolu 18 jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati dwar is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li l-Artikolu 19 jipprevedi s-setgħa li jintlaħqu ftehimiet ta’ soluzzjoni u proċeduri ta’ infurzar imħaffa. L-Artikoli 20 u 21 jagħtu dettalji dwar il-penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn, kif ukoll dwar il-pagamenti perjodiċi ta’ penali, li jistgħu jiġu imposti mill-awtoritajiet kompetenti. L-Artikolu 22 jistabbilixxi ċ-ċirkostanzi li għandhom jiġu kkunsidrati meta l-awtoritajiet kompetenti jiddeterminaw il-penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn. L-Artikolu 23 ikopri s-segretezza professjonali għall-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. It-Titolu VI jinkludi regoli dwar id-dritt ta’ appell (l-Artikolu 24), il-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi u l-miżuri amministrattivi imposti (l-Artikolu 25), ir-regoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti (l-Artikolu 26) u s-soluzzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil bejniethom (l-Artikolu 27).

It-Titolu VII jipprevedi l-proċedura ta’ notifika lill-awtoritajiet kompetenti għad-ditti li jeżerċitaw id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jipprovdu servizzi (l-Artikolu 28), kif ukoll obbligu ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti meta jieħdu miżuri li jinvolvu restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-istabbiliment (l-Artikolu 29).

It-Titolu VIII jinkludi l-eżerċitar tad-delega bil-ħsieb li jiġu adottati atti delegati tal-Kummissjoni (l-Artikolu 30), minħabba li l-proposta nnifisha fiha għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta att delegat skont l-Artikolu 11. Dan it-Titolu jinkludi wkoll l-obbligu li l-Kummissjoni tirrieżamina ċerti aspetti tar-Regolament (l-Artikolu 31). L-Artikoli minn 32 sa 34 jinkludu l-emendi meħtieġa għar-regolamenti li jistabbilixxu l-ASE biex jinkludu dan ir-Regolament u l-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. L-Artikolu 35 jinkludi emenda għar-Regolament dwar l-Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali. L-Artikolu 36 jindika li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, ħlief għat-Titolu IV (dwar l-iskemi) li jidħol fis-seħħ 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

2023/0205 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar qafas għall-Aċċess għad-Data Finanzjarja u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010, (UE) Nru 1095/2010 u (UE) 2022/2554

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 6 ,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ekonomija tad-data responsabbli, li hija xprunata mill-ġenerazzjoni u l-użu tad-data, hija parti integrali mis-suq intern tal-Unjoni, li jista’ jġib benefiċċji kemm għaċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll għall-ekonomija. It-teknoloġiji diġitali li jiddependu fuq id-data qed jixprunaw dejjem aktar il-bidla fis-swieq finanzjarji billi jipproduċu mudelli ta’ negozju, prodotti u modi ġodda kif id-ditti jkollhom x’jaqsmu mal-klijenti.

(2)Il-klijenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji, kemm il-konsumaturi kif ukoll id-ditti, jenħtieġ li jkollhom kontroll effettiv fuq id-data finanzjarja tagħhom u l-opportunità li jibbenefikaw minn innovazzjoni xprunata mid-data li tkun miftuħa, ġusta u sikura fis-settur finanzjarju. Jenħtieġ li dawk il-klijenti jingħataw is-setgħa li jiddeċiedu kif u minn min tintuża d-data finanzjarja tagħhom u jenħtieġ li jkollhom l-għażla li jagħtu lid-ditti aċċess għad-data tagħhom għall-finijiet tal-kisba ta’ servizzi finanzjarji u ta’ informazzjoni jekk ikunu jixtiequ.

(3)L-Unjoni għandha interess ta’ politika ddikjarat li tippermetti l-aċċess tal-klijenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji għad-data finanzjarja tagħhom. Il-Kummissjoni kkonfermat fil-komunikazzjoni tagħha dwar strateġija għall-finanzi diġitali u fil-Komunikazzjoni dwar unjoni tas-swieq kapitali adottata fl-2021 l-intenzjoni li tistabbilixxi qafas għall-aċċess għad-data finanzjarja għall-ħsad tal-benefiċċji għall-klijenti tal-kondiviżjoni tad-data fis-settur finanzjarju. Tali benefiċċji jinkludu l-iżvilupp u l-forniment ta’ prodotti finanzjarji u servizzi finanzjarji xprunati mid-data, li jsiru possibbli permezz tal-kondiviżjoni tad-data tal-klijenti.

(4)Fi ħdan is-servizzi finanzjarji, u b’riżultat tad-Direttiva riveduta (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 , il-kondiviżjoni tad-data tal-kontijiet tal-pagamenti fl-Unjoni bbażata fuq il-permess tal-klijent bdiet tittrasforma l-mod kif il-konsumaturi u n-negozji jużaw is-servizzi bankarji. Sabiex wieħed jibni fuq il-miżuri f’dik id-Direttiva, jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas regolatorju għall-kondiviżjoni tad-data tal-klijenti fis-settur finanzjarju kollu lil hinn mid-data tal-kontijiet tal-pagamenti. Jenħtieġ li dan ikun ukoll element kostitwenti għall-integrazzjoni sħiħa tas-settur finanzjarju fl-istrateġija tal-Kummissjoni għad-data 8 li tippromwovi l-kondiviżjoni tad-data bejn is-setturi.

(5)L-iżgurar tal-kontroll u tal-fiduċja tal-klijenti huwa imperattiv biex jinbena qafas ta’ kondiviżjoni tad-data effettiv u li jiffunzjona tajjeb fis-settur finanzjarju. L-iżgurar ta’ kontroll effettiv tal-klijenti fuq il-kondiviżjoni tad-data jikkontribwixxi għall-innovazzjoni, kif ukoll għall-fiduċja tal-klijenti fil-kondiviżjoni tad-data. B’riżultat ta’ dan, il-kontroll effettiv jgħin biex tingħeleb ir-riluttanza tal-klijenti li jikkondividu d-data tagħhom. Taħt il-qafas attwali tal-Unjoni, id-dritt tal-portabbiltà tad-data ta’ suġġett tad-data f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 huwa limitat għad-data personali u jista’ jiġi invokat biss meta jkun teknikament fattibbli li d-data tiġi ttrasferita. Id-data tal-klijenti u l-interfaċċi tekniċi fis-settur finanzjarju lil hinn mill-kontijiet tal-pagamenti ma humiex standardizzati, u b’hekk il-kondiviżjoni tad-data ssir aktar għalja. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet finanzjarji huma biss obbligati legalment li jagħmlu d-data dwar il-pagamenti tal-klijenti tagħhom disponibbli.

(6)Għalhekk, l-ekonomija tad-data finanzjarja tal-Unjoni għadha frammentata, ikkaratterizzata minn kondiviżjoni mhux uniformi tad-data, ostakli, u riluttanza għolja tal-partijiet ikkonċernati biex jinvolvu ruħhom fil-kondiviżjoni tad-data lil hinn mill-kontijiet tal-pagamenti. Għaldaqstant, il-klijenti ma jibbenefikawx minn prodotti u servizzi individwalizzati u xprunati mid-data li jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. In-nuqqas ta’ prodotti finanzjarji personalizzati jillimita l-possibbiltà ta’ innovazzjoni, billi joffri aktar għażla u prodotti u servizzi finanzjarji għall-konsumaturi interessati li inkella jistgħu jibbenefikaw minn għodod xprunati mid-data li jistgħu jappoġġawhom biex jagħmlu għażliet infurmati, iqabblu l-offerti b’mod faċli għall-utenti, u jaqilbu għal prodotti aktar vantaġġużi li jaqblu mal-preferenzi tagħhom abbażi tad-data tagħhom. L-ostakli eżistenti għall-kondiviżjoni tad-data kummerċjali qed iwaqqfu lid-ditti, b’mod partikolari lill-SMEs, milli jibbenefikaw minn servizzi finanzjarji aħjar, konvenjenti u awtomatizzati.

(7)It-tqegħid tad-data disponibbli permezz ta’ interfaċċi ta’ kwalità għolja għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet huwa essenzjali biex jiġi ffaċilitat l-aċċess mingħajr xkiel u effettiv għad-data. Madankollu, lil hinn mill-qasam tal-kontijiet tal-pagamenti, minoranza biss ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li huma detenturi tad-data jindikaw li jagħmlu d-data disponibbli permezz ta’ interfaċċi tekniċi bħall-interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet. Minħabba li l-inċentivi għall-iżvilupp ta’ tali servizzi innovattivi huma neqsin, id-domanda tas-suq għall-aċċess għad-data tibqa’ limitata.

(8)Għalhekk, fil-livell tal-Unjoni huwa meħtieġ qafas iddedikat u armonizzat għall-aċċess għad-data finanzjarja biex iwieġeb għall-ħtiġijiet tal-ekonomija diġitali u biex jitneħħew l-ostakli għal suq intern għad-data li jiffunzjona tajjeb. Huma meħtieġa regoli speċifiċi biex jindirizzaw dawn l-ostakli għall-promozzjoni ta’ aċċess aħjar għad-data tal-klijenti u, b’hekk, jagħmluha possibbli għall-konsumaturi u d-ditti li jiksbu l-gwadanji li jirriżultaw minn prodotti u servizzi finanzjarji aħjar. Il-finanzi xprunati mid-data jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tal-industrija mill-provvista tradizzjonali ta’ prodotti standardizzati għal soluzzjonijiet imfassla apposta li huma adattati aħjar għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-klijenti, inklużi interfaċċi tal-klijenti li jsaħħu l-kompetizzjoni, itejbu l-esperjenza tal-utenti u jiżguraw servizzi finanzjarji li huma ffokati fuq il-klijent bħala l-utent finali.

(9)Jenħtieġ li d-data inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament turi valur miżjud għoli għall-innovazzjoni finanzjarja, kif ukoll riskju baxx ta’ esklużjoni finanzjarja għall-konsumaturi. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jkoprix data relatata mal-assigurazzjoni tal-mard u tas-saħħa ta’ konsumatur f’konformità mad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 kif ukoll data dwar prodotti tal-assigurazzjoni tal-ħajja ta’ konsumatur f’konformità mad-Direttiva 2009/138/KE għajr kuntratti ta’ assigurazzjoni tal-ħajja koperti minn prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jkoprix ukoll id-data miġbura bħala parti minn valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja ta’ konsumatur. Jenħtieġ li l-kondiviżjoni tad-data tal-klijenti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tirrispetta l-protezzjoni ta’ data kummerċjali kunfidenzjali u sigrieti kummerċjali.

(10)Jenħtieġ li l-kondiviżjoni tad-data tal-klijenti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun ibbażata fuq il-permess tal-klijent. Jenħtieġ li l-obbligu legali fuq id-detenturi tad-data biex jikkondividu d-data tal-klijenti jiġi skattat ladarba l-klijent ikun talab li d-data tiġi kondiviża ma’ utent tad-data. Din it-talba tista’ tiġi sottomessa minn utent tad-data li jaġixxi f’isem il-klijent. Meta jkun involut l-ipproċessar ta’ data personali, jenħtieġ li utent tad-data jkollu bażi legali valida għall-ipproċessar skont ir-Regolament (UE) 2016/679. Id-data tal-klijenti tista’ tiġi pproċessata għall-finijiet miftiehma fil-kuntest tas-servizz ipprovdut. L-ipproċessar tad-data personali jrid jirrispetta l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data personali, inklużi l-legalità, il-ġustizzja u t-trasparenza, il-limitazzjoni tal-iskop u l-minimizzazzjoni tad-data. Klijent għandu d-dritt li jirtira l-permess mogħti lil utent tad-data. Meta l-ipproċessar tad-data jkun meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, jenħtieġ li klijent ikun jista’ jirtira l-permessi skont l-obbligi kuntrattwali li għalihom is-suġġett tad-data jkun parti. Meta l-ipproċessar tad-data personali jkun ibbażat fuq il-kunsens, suġġett tad-data jkollu d-dritt li jirtira l-kunsens tiegħu fi kwalunkwe ħin, kif previst fir-Regolament (UE) 2016/679.

(11)Il-fatt li l-klijenti jkunu jistgħu jikkondividu d-data tagħhom dwar l-investimenti attwali tagħhom jista’ jinkoraġġixxi l-innovazzjoni fil-forniment ta’ servizzi ta’ investiment bl-imnut. Il-ġbir ta’ data primarja biex titlesta valutazzjoni tal-idoneità u tal-adegwatezza ta’ investitur bl-imnut jieħu ħafna ħin għal klijent u jikkostitwixxi fattur ta’ kost sinifikanti għall-konsulenti u għad-distributuri ta’ prodotti ta’ investiment, ta’ pensjoni u prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni. Il-kondiviżjoni tad-data tal-klijenti dwar il-parteċipazzjonijiet ta’ tfaddil u investimenti fi strumenti finanzjarji, inklużi prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni u d-data miġbura għall-finijiet tat-twettiq ta’ valutazzjoni tal-idoneità u tal-adegwatezza tista’ ttejjeb il-pariri dwar l-investiment għall-konsumaturi u għandha potenzjal innovattiv qawwi, inkluż fl-iżvilupp ta’ pariri personalizzati dwar l-investiment u għodod ta’ ġestjoni tal-investiment li jistgħu jagħmlu l-pariri dwar l-investiment bl-imnut aktar effiċjenti. Tali għodod ta’ ġestjoni diġà qed jiġu żviluppati fis-suq u jistgħu jiżviluppaw b’mod aktar effettiv fil-kuntest fejn klijent jista’ jikkondividi d-data relatata mal-investiment tiegħu.

(12)Id-data tal-klijenti dwar id-dettalji tal-bilanċ, il-kundizzjonijiet jew it-tranżazzjonijiet relatati ma’ ipoteki, self u tfaddil tista’ tippermetti lill-klijenti jiksbu ħarsa ġenerali aħjar lejn id-depożiti tagħhom u jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet ta’ tfaddil tagħhom abbażi ta’ data dwar il-kreditu. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikopri d-data tal-klijenti lil hinn mill-kontijiet tal-pagamenti definiti fid-Direttiva (UE) 2015/2366. Il-kontijiet ta’ kreditu koperti minn linja ta’ kreditu li ma jistgħux jintużaw għall-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagamenti lil partijiet terzi jenħtieġ li jkunu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li jinftiehem li dan ir-Regolament ikopri l-aċċess għad-dettalji dwar il-bilanċ, il-kundizzjonijiet jew it-tranżazzjonijiet relatati mal-ftehimiet ta’ kreditu ipotekarju, mas-self u mal-kontijiet ta’ tfaddil, kif ukoll mat-tipi ta’ kontijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/2366 11 .

(13)Id-data tal-klijenti inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tinkludi informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà li jenħtieġ li tippermetti lill-klijenti jaċċessaw aktar faċilment servizzi finanzjarji li huma allinjati mal-preferenzi ta’ sostenibbiltà u mal-ħtiġijiet ta’ finanzi sostenibbli tagħhom, f’konformità mal-istrateġija tal-Kummissjoni għall-finanzjament tat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli 12 . L-aċċess għal data relatata mas-sostenibbiltà li tista’ tkun inkluża fid-dettalji tal-bilanċ jew tat-tranżazzjoni relatati ma’ kont ta’ ipoteka, ta’ kreditu, ta’ self u ta’ tfaddil, kif ukoll l-aċċess għal data tal-klijenti relatata mas-sostenibbiltà miżmuma mid-ditti ta’ investiment, jistgħu jikkontribwixxu biex jiffaċilitaw l-aċċess għad-data meħtieġa għall-aċċess għal finanzi sostenibbli jew jagħmlu investimenti fit-tranżizzjoni ekoloġika. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-data tal-klijenti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tinkludi data li tifforma parti minn valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja relatata mad-ditti, inklużi intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u li tista’ tipprovdi għarfien akbar dwar l-objettivi ta’ sostenibbiltà ta’ ditti żgħar. L-inklużjoni tad-data użata għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja relatata mad-ditti jenħtieġ li ttejjeb l-aċċess għall-finanzjament u tissimplifika l-applikazzjoni għas-self. Jenħtieġ li tali data tkun limitata għal data dwar id-ditti u jenħtieġ li ma tiksirx id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

(14)Id-data tal-klijenti relatata mal-forniment ta’ assigurazzjoni mhux tal-ħajja hija essenzjali biex ikunu possibbli prodotti u servizzi tal-assigurazzjoni importanti għall-ħtiġijiet ta’ klijent, bħall-protezzjoni ta’ djar, vetturi u proprjetà oħra. Fl-istess ħin, il-ġbir ta’ tali data spiss ikun ta’ piż u jiswa ħafna flus u jista’ jaġixxi bħala deterrent kontra t-tfittxija tal-aħjar kopertura tal-assigurazzjoni mill-klijenti. Sabiex tiġi indirizzata din il-problema, huwa għalhekk meħtieġ li tali servizzi finanzjarji jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li d-data tal-klijenti dwar il-prodotti tal-assigurazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tinkludi kemm informazzjoni dwar il-prodott tal-assigurazzjoni, bħad-dettall dwar kopertura tal-assigurazzjoni, kif ukoll data speċifika għall-assi assigurati tal-konsumaturi li jinġabru għall-finijiet ta’ test tad-domandi u tal-ħtiġijiet. Jenħtieġ li l-kondiviżjoni ta’ tali data tippermetti l-iżvilupp ta’ għodod personalizzati għall-klijenti, bħal dashboards tal-assigurazzjoni li jistgħu jgħinu lill-konsumaturi jiġġestixxu aħjar ir-riskji tagħhom. Dan jista’ jgħin ukoll lill-klijenti jiksbu prodotti li huma mmirati aħjar għad-domandi u l-ħtiġijiet tagħhom, inkluż permezz ta’ pariri aktar siewja. Dan jista’ jikkontribwixxi għal kopertura tal-assigurazzjoni aktar ottimali għall-klijenti u żieda fl-inklużjoni finanzjarja ta’ konsumaturi li altrimenti ma jkunux moqdija biżżejjed, billi joffri kopertura ġdida jew miżjuda. Barra minn hekk, il-kondiviżjoni tad-data tal-assigurazzjoni tista’ tkun ta’ benefiċċju għal provvista aktar effiċjenti ta’ assigurazzjoni, inkluż, b’mod partikolari, fl-istadji tad-disinn tal-prodotti, is-sottoskrizzjoni, l-eżekuzzjoni tal-kuntratti, inklużi l-ġestjoni tal-pretensjonijiet u l-mitigazzjoni tar-riskju.

(15)Il-kondiviżjoni tad-data dwar it-tfaddil tal-pensjonijiet okkupazzjonali u personali għandha potenzjal innovattiv qawwi għall-konsumaturi. Dawk li jfaddlu għall-pensjoni spiss ma jkollhomx biżżejjed għarfien dwar id-drittijiet tal-pensjoni tagħhom, li huwa relatat mal-fatt li d-data dwar tali drittijiet spiss tkun imxerrda bejn detenturi tad-data differenti. Il-kondiviżjoni tad-data relatata mat-tfaddil tal-pensjonijiet okkupazzjonali u personali jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ għodod ta’ traċċar tal-pensjonijiet li jipprovdu lil dawk li jfaddlu b’ħarsa ġenerali komprensiva lejn l-intitolamenti tagħhom u l-introjtu tal-irtirar kemm fi ħdan Stati Membri speċifiċi kif ukoll b’mod transfruntier fl-Unjoni. Id-data dwar id-drittijiet tal-pensjoni tikkonċerna b’mod partikolari l-intitolamenti tal-pensjoni akkumulati, il-livelli pproġettati ta’ benefiċċji tal-irtirar, ir-riskji u l-garanziji tal-membri u l-benefiċjarji tal-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali. L-aċċess għad-data relatata mal-pensjonijiet okkupazzjonali huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi soċjali u tax-xogħol nazzjonali dwar l-organizzazzjoni tas-sistemi tal-pensjonijiet, inkluża s-sħubija fi skemi u l-eżiti ta’ ftehimiet ta’ negozjar kollettiv.

(16)Id-data li tifforma parti minn valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja ta’ ditta fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tikkonsisti f’informazzjoni li ditta tipprovdi lill-istituzzjonijiet u lill-kredituri bħala parti mill-proċess tal-applikazzjoni għal self jew talba għal klassifikazzjoni tal-kreditu. Din tinkludi applikazzjonijiet għal self ta’ intrapriżi mikro, żgħar, medji u kbar. Hija tista’ tinkludi data miġbura mill-istituzzjonijiet u l-kredituri kif stabbilit fl-Anness II tal-Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar l-oriġinazzjoni u l-monitoraġġ tas-self 13 . Tali data tista’ tinkludi rapporti u projezzjonijiet finanzjarji, informazzjoni dwar l-obbligazzjonijiet finanzjarji u l-arretrati fil-ħlas, evidenza tas-sjieda tal-kollateral, evidenza tal-assigurazzjoni tal-kollateral u informazzjoni dwar il-garanziji. Data addizzjonali tista’ tkun rilevanti jekk l-iskop tal-applikazzjoni għas-self ikun relatat max-xiri ta’ proprjetà immobbli kummerċjali jew mal-iżvilupp ta’ proprjetà immobbli.

(17)Minħabba li dan ir-Regolament huwa maħsub biex jobbliga lill-istituzzjonijiet finanzjarji jipprovdu aċċess għal kategoriji definiti ta’ data fuq talba tal-klijent meta jaġixxu bħala detenturi tad-data, u jippermetti l-kondiviżjoni ta’ data bbażata fuq il-permess tal-klijent meta l-istituzzjonijiet finanzjarji jaġixxu bħala utenti tad-data, jenħtieġ li jipprovdi lista tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jistgħu jaġixxu bħala detentur tad-data, utent tad-data jew it-tnejn. Għalhekk, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet finanzjarji jinftiehmu bħala li jfissru dawk l-entitajiet li jipprovdu prodotti finanzjarji u servizzi finanzjarji jew li joffru servizzi ta’ informazzjoni rilevanti lill-klijenti fis-settur finanzjarju.

(18)Il-prattiki użati mill-utenti tad-data biex jikkombinaw sorsi ta’ data ġodda u tradizzjonali tal-klijenti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament iridu jkunu proporzjonati biex jiżguraw li ma jwasslux għal riskji ta’ esklużjoni finanzjarja għall-konsumaturi. Il-prattiki li jwasslu għal analiżi aktar sofistikata jew komprensiva ta’ ċerti segmenti vulnerabbli ta’ konsumaturi, bħal persuni b’introjtu baxx, jistgħu jżidu r-riskju ta’ kundizzjonijiet inġusti jew prattiki ta’ pprezzar differenzjali bħall-impożizzjoni ta’ primjums differenzjali. Il-potenzjal għall-esklużjoni jiżdied fil-forniment ta’ prodotti u servizzi li jiġu pprezzati skont il-profil ta’ konsumatur, notevolment fis-sistema ta’ evalwazzjoni ta’ kreditu u l-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja ta’ persuni fiżiċi, kif ukoll għal prodotti u servizzi relatati mal-valutazzjoni tar-riskju u l-ipprezzar ta’ persuni fiżiċi fil-każ ta’ assigurazzjoni tal-ħajja u tas-saħħa. Minħabba r-riskji, jenħtieġ li l-użu tad-data għal dawn il-prodotti u s-servizzi jkun soġġett għal rekwiżiti speċifiċi biex jiġu protetti l-konsumaturi u d-drittijiet fundamentali tagħhom.

(19)Il-perimetru tal-użu tad-data b’hekk stabbilit f’dan ir-Regolament u fil-linji gwida ta’ akkumpanjament (“il-linji gwida”) li għandhom jiġu żviluppati mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) jenħtieġ li jipprovdi qafas proporzjonat dwar kif jenħtieġ li tintuża d-data personali relatata ma’ konsumatur li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-perimetru tal-użu tad-data jiżgura konsistenza bejn il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li jeskludi data li tifforma parti minn valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja ta’ konsumatur, kif ukoll data relatata mal-assigurazzjoni tal-ħajja, tas-saħħa u tal-mard ta’ konsumatur, u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida, li jistabbilixxu rakkomandazzjonijiet dwar kif tipi ta’ data li joriġinaw minn oqsma oħrajn tas-settur finanzjarju li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jistgħu jintużaw biex jipprovdu dawn il-prodotti u s-servizzi. Jenħtieġ li l-linji gwida żviluppati mill-EBA jistabbilixxu kif tipi oħrajn ta’ data li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jistgħu jintużaw biex jiġi evalwat ir-riskju ta’ kreditu ta’ konsumatur. Jenħtieġ li l-linji gwida żviluppati mill-EIOPA jistabbilixxu kif id-data fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tista’ tintuża fi prodotti u servizzi relatati mal-valutazzjoni u l-ipprezzar tar-riskju fil-każ ta’ prodotti tal-assigurazzjoni tal-ħajja, tas-saħħa u tal-mard. Jenħtieġ li l-linji gwida jiġu żviluppati b’mod li jkun allinjat mal-ħtiġijiet tal-konsumatur u proporzjonat mal-forniment ta’ tali prodotti u servizzi.

(20)Jenħtieġ li l-EBA u l-EIOPA jikkooperaw mill-qrib mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data meta jfasslu l-linji gwida, li jenħtieġ li jibnu fuq ir-rakkomandazzjonijiet eżistenti dwar l-użu tal-informazzjoni tal-konsumatur fil-qasam tal-kreditu għall-konsumatur u ipotekarju, notevolment ir-regoli dwar l-użu tal-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja skont id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, il-Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar l-oriġinazzjoni u l-monitoraġġ tas-self, u l-linji gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar il-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja żviluppati skont id-Direttiva 2014/17/UE, kif ukoll il-linji gwida pprovduti mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-ipproċessar ta’ data personali.

(21)Il-klijenti jrid ikollhom kontroll effettiv fuq id-data tagħhom u fiduċja fil-ġestjoni tal-permessi li jkunu taw f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li d-detenturi tad-data jkunu meħtieġa jipprovdu lill-klijenti b’dashboards komuni u konsistenti tal-permessi għall-aċċess għad-data finanzjarja. Jenħtieġ li d-dashboard tal-permessi jagħti s-setgħa lill-klijent biex jiġġestixxi l-permessi tiegħu b’mod infurmat u imparzjali u jagħti lill-klijenti miżura qawwija ta’ kontroll dwar kif tintuża d-data personali u mhux personali tagħhom. Dan ma jenħtieġx li jkun iddisinjat b’mod li jinkoraġġixxi jew jinfluwenza b’mod mhux xieraq lill-klijent biex jagħti jew jirtira l-permessi. Jenħtieġ li d-dashboard tal-permessi jqis, fejn xieraq, ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà skont id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 . Meta jipprovdu dashboard tal-permessi, id-detenturi tad-data jistgħu jużaw servizz fiduċjarju u ta’ identifikazzjoni elettronika nnotifikat, bħall-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali maħruġa minn Stat Membru kif introdotta mill-proposta li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ qafas għal Identità Diġitali Ewropea 15 . Id-detenturi tad-data jistgħu jistrieħu wkoll fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data skont ir-Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 16 biex jipprovdu dashboards tal-permessi li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

(22)Jenħtieġ li d-dashboard tal-permessi juri l-permessi mogħtija minn klijent, inkluż meta d-data personali tiġi kondiviża abbażi tal-kunsens jew tkun meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt. Jenħtieġ li d-dashboard tal-permessi jwissi lil klijent b’mod standard dwar ir-riskju ta’ konsegwenzi kuntrattwali possibbli tal-irtirar ta’ permess, iżda jenħtieġ li l-klijent jibqa’ responsabbli għall-ġestjoni ta’ tali riskju. Jenħtieġ li d-dashboard tal-permessi jintuża biex jiġu ġestiti l-permessi eżistenti. Jenħtieġ li d-detenturi tad-data jinfurmaw lill-utenti tad-data f’ħin reali bi kwalunkwe rtirar ta’ permess. Jenħtieġ li d-dashboard tal-permessi jinkludi rekord ta’ permessi li jkunu ġew irtirati jew li jkunu skadew għal perjodu sa sentejn biex il-klijent ikun jista’ jżomm rekord tal-permessi tiegħu b’mod infurmat u imparzjali. Jenħtieġ li l-utenti tad-data jinfurmaw lid-detenturi tad-data f’ħin reali dwar permessi ġodda u stabbiliti mill-ġdid mogħtija mill-klijenti, inklużi d-durata tal-validità tal-permess u sommarju qasir tal-iskop tal-permess. L-informazzjoni pprovduta fuq id-dashboard tal-permessi hija mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2016/679.

(23)Sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità, ċerti istituzzjonijiet finanzjarji huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal raġunijiet assoċjati mad-daqs tagħhom jew mas-servizzi li jipprovdu, li jagħmluha diffiċli wisq biex jikkonformaw ma’ dan ir-regolament. Dawn jinkludu istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali li joperaw skemi tal-pensjonijiet li flimkien ma għandhomx aktar minn 15-il membru b’kollox, kif ukoll intermedjarji tal-assigurazzjoni li huma mikrointrapriżi jew intrapriżi żgħar jew ta’ daqs medju. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-intrapriżi żgħar jew ta’ daqs medju li jaġixxu bħala detenturi tad-data li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jitħallew jistabbilixxu interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet b’mod konġunt, u b’hekk jitnaqqsu l-kostijiet għal kull waħda minnhom. Huma jistgħu wkoll jagħmlu użu minn fornituri esterni tat-teknoloġija li jmexxu interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet b’mod kollettiv għall-istituzzjonijiet finanzjarji u jitolbuhom biss tariffa baxxa għal użu fiss u jaħdmu fil-biċċa l-kbira fuq bażi ta’ ħlas għal kull użu.

(24)Dan ir-Regolament jintroduċi obbligu legali ġdid fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji li jaġixxu bħala detenturi tad-data biex jikkondividu kategoriji definiti ta’ data fuq talba tal-klijent. L-obbligu fuq id-detenturi tad-data biex jikkondividu d-data fuq talba tal-klijent jenħtieġ li jiġi speċifikat billi jsiru disponibbli standards rikonoxxuti b’mod ġenerali biex jiġi żgurat ukoll li d-data kondiviża tkun ta’ kwalità għolja biżżejjed. Jenħtieġ li d-detentur tad-data jagħmel id-data tal-klijenti disponibbli kontinwament għall-finijiet u taħt il-kundizzjonijiet li għalihom il-klijent ikun ta permess lil utent tad-data. L-aċċess kontinwu jista’ jikkonsisti f’talbiet multipli biex id-data tal-klijenti tkun disponibbli biex jitwettaq is-servizz miftiehem mal-klijent. Dan jista’ jikkonsisti wkoll f’aċċess ta’ darba għad-data tal-klijenti. Filwaqt li d-detentur tad-data huwa responsabbli sabiex l-interfaċċa tkun disponibbli u tkun ta’ kwalità adegwata, l-interfaċċa tista’ tiġi pprovduta mhux biss mid-detentur tad-data, iżda wkoll minn istituzzjoni finanzjarja oħra, fornitur estern tal-IT, assoċjazzjoni tal-industrija jew grupp ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, jew minn korp pubbliku fi Stat Membru. Għall-istituzzjonijiet ta’ rtirar okkupazzjonali, l-interfaċċa tista’ tiġi integrata fid-dashboards tal-pensjoni li jkopru firxa usa’ ta’ informazzjoni, sakemm tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

(25)Sabiex tkun tista’ ssir l-interazzjoni kuntrattwali u teknika meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-aċċess għad-data bejn istituzzjonijiet finanzjarji multipli, jenħtieġ li d-detenturi tad-data u l-utenti tad-data jkunu meħtieġa li jkunu parti minn skemi ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja. Jenħtieġ li dawn l-iskemi jiżviluppaw standards tad-data u tal-interfaċċa, oqfsa kuntrattwali standardizzati konġunti li jirregolaw l-aċċess għal settijiet ta’ data speċifiċi, u regoli ta’ governanza relatati mal-kondiviżjoni tad-data. Sabiex jiġi żgurat li l-iskemi jiffunzjonaw b’mod effettiv, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti prinċipji ġenerali għall-governanza ta’ dawn l-iskemi, inklużi regoli dwar il-governanza inklużiva u l-parteċipazzjoni tad-detenturi tad-data, tal-utenti tad-data u tal-klijenti (biex tiġi żgurata rappreżentanza bilanċjata fl-iskemi), rekwiżiti ta’ trasparenza, u proċedura ta’ appell u ta’ rieżami li tiffunzjona tajjeb (notevolment dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-iskemi). L-iskemi ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja jridu jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-protezzjoni tad-data, il-privatezza u l-kompetizzjoni. Il-parteċipanti f’tali skemi huma wkoll imħeġġa li jfasslu kodiċijiet ta’ kondotta simili għal dawk imħejjija mill-kontrolluri u mill-proċessuri skont l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2016/679. Filwaqt li tali skemi jistgħu jibnu fuq l-inizjattivi eżistenti tas-suq, jenħtieġ li r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament ikunu speċifiċi għall-iskemi ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja jew għal partijiet minnhom li l-parteċipanti fis-suq jużaw biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dawn l-obbligi.

(26)Jenħtieġ li skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja tkun tikkonsisti fi ftehim kuntrattwali kollettiv bejn id-detenturi tad-data u l-utenti tad-data bil-għan li tippromwovi l-effiċjenza u l-innovazzjoni teknika fil-kondiviżjoni tad-data finanzjarja għall-benefiċċju tal-klijenti. F’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, jenħtieġ li skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja timponi biss fuq il-membri tagħha restrizzjonijiet li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tagħha u li huma proporzjonati għal dawk l-objettivi. Ma jenħtieġx li hija tagħti lill-membri tagħha l-possibbiltà li jipprevjenu, jirrestrinġu jew ifixklu l-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali mis-suq rilevanti.

(27)Sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-modalitajiet u l-karatteristiċi ta’ skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja f’każ li ma tiġix żviluppata skema mid-detenturi tad-data u mill-utenti tad-data. B’mod partikolari, huwa importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 17 . B’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(28)Jenħtieġ li d-detenturi tad-data u l-utenti tad-data jitħallew jużaw l-istandards eżistenti tas-suq meta jiżviluppaw standards komuni għall-kondiviżjoni obbligatorja tad-data.

(29)Sabiex jiġi żgurat li d-detenturi tad-data jkollhom interess li jipprovdu interfaċċi ta’ kwalità għolja biex jagħmlu d-data disponibbli għall-utenti tad-data, jenħtieġ li d-detenturi tad-data jkunu jistgħu jitolbu kumpens raġonevoli mill-utenti tad-data biex jistabbilixxu interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet. L-iffaċilitar tal-aċċess għad-data b’kumpens jiżgura distribuzzjoni ġusta tal-kostijiet relatati bejn id-detenturi tad-data u l-utenti tad-data fil-katina tal-valur tad-data. F’każijiet fejn l-utent tad-data jkun SME, jenħtieġ li l-proporzjonalità għal parteċipanti iżgħar fis-suq tiġi żgurata billi l-kumpens jiġi limitat strettament għall-kostijiet imġarrba għall-iffaċilitar tal-aċċess għad-data. Jenħtieġ li l-mudell għad-determinazzjoni tal-livell ta’ kumpens jiġi definit bħala parti mill-iskemi ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja kif previst f’dan ir-Regolament.

(30)Jenħtieġ li l-klijenti jkunu jafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom f’każ li jinqalgħu problemi meta tiġi kondiviża d-data u lil min għandhom javviċinaw biex ifittxu kumpens. Għalhekk, jenħtieġ li l-membri tal-iskema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja, inklużi d-detenturi tad-data u l-utenti tad-data, ikunu meħtieġa jaqblu dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali għall-ksur tad-data, kif ukoll dwar kif isolvu tilwim potenzjali bejn id-detenturi tad-data u l-utenti tad-data dwar ir-responsabbiltà. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti jiffokaw fuq l-istabbiliment, bħala parti minn kwalunkwe kuntratt, ta’ regoli ta’ responsabbiltà, kif ukoll ta’ obbligi u drittijiet ċari biex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà bejn id-detentur tad-data u l-utent tad-data. Il-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà relatati mal-konsumaturi bħala suġġetti tad-data jenħtieġ li jkunu bbażati fuq ir-Regolament (UE) 2016/679, notevolment id-dritt għal kumpens u r-responsabbiltà skont l-Artikolu 82 ta’ dak ir-Regolament.

(31)Sabiex tiġi promossa l-protezzjoni tal-konsumatur, tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar min huwa eliġibbli biex jaċċessa d-data tal-klijenti. Jenħtieġ li tali regoli jiżguraw li l-utenti kollha tad-data jkunu awtorizzati u ssorveljati mill-awtoritajiet kompetenti. Dan jiżgura li d-data tkun tista’ tiġi aċċessata biss minn istituzzjonijiet finanzjarji regolati jew minn ditti soġġetti għal awtorizzazzjoni ddedikata bħala fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja (“FISPs”) li hija soġġetta għal dan ir-Regolament. Huma meħtieġa regoli ta’ eliġibbiltà dwar l-FISPs biex jiġu ssalvagwardjati l-istabbiltà finanzjarja, l-integrità tas-suq u l-protezzjoni tal-konsumatur, minħabba li l-FISPs jipprovdu prodotti u servizzi finanzjarji lill-klijenti fl-Unjoni u jkollhom aċċess għad-data miżmuma mill-istituzzjonijiet finanzjarji u li l-integrità tagħha hija essenzjali biex tiġi ppreservata l-kapaċità tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jkomplu jipprovdu servizzi finanzjarji b’mod sikur u tajjeb. Tali regoli huma meħtieġa wkoll biex jiggarantixxu s-superviżjoni xierqa tal-FISPs mill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-mandat tagħhom li jissalvagwardjaw l-istabbiltà finanzjarja u l-integrità fl-Unjoni, li jippermettu lill-FISPs jipprovdu fl-Unjoni kollha s-servizzi li għalihom huma awtorizzati.

(32)Jenħtieġ li l-utenti tad-data fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 u, għalhekk, ikunu obbligati li jkollhom standards b’saħħithom ta’ reżiljenza ċibernetika fis-seħħ biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom. Dan jinkludi li jkun hemm kapaċitajiet komprensivi li jippermettu ġestjoni b’saħħitha u effettiva tar-riskju tal-ICT, kif ukoll mekkaniżmi u politiki speċifiċi għall-immaniġġar tal-inċidenti kollha relatati mal-ICT u għar-rapportar ta’ inċidenti kbar relatati mal-ICT. Jenħtieġ li l-utenti tad-data awtorizzati u ssorveljati bħala fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament isegwu l-istess approċċ u l-istess regoli bbażati fuq il-prinċipji meta jindirizzaw ir-riskji tal-ICT, filwaqt li jqisu d-daqs u l-profil tar-riskju ġenerali tagħhom, u n-natura, l-iskala u l-kumplessità tas-servizzi, l-attivitajiet u l-operazzjonijiet tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2554.

(33)Sabiex tkun tista’ ssir superviżjoni effettiva u tiġi eliminata l-possibbiltà li tiġi evitata s-superviżjoni, il-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja jridu jiġu inkorporati legalment fl-Unjoni jew, f’każ li jiġu inkorporati f’pajjiż terz, jaħtru rappreżentant legali fl-Unjoni. Hija meħtieġa superviżjoni effettiva mill-awtoritajiet kompetenti għall-infurzar tar-rekwiżiti skont dan ir-Regolament biex jiġu żgurati l-integrità u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u biex jiġu protetti l-konsumaturi. Ir-rekwiżit tal-inkorporazzjoni legali tal-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja fl-Unjoni jew tal-ħatra ta’ rappreżentant legali fl-Unjoni ma jammontax għal lokalizzazzjoni tad-data, minħabba li dan ir-Regolament ma jinvolvi l-ebda rekwiżit ieħor dwar l-ipproċessar tad-data, inkluż il-ħżin li għandu jsir fl-Unjoni.

(34)Jenħtieġ li fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja jiġi awtorizzat fil-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment ewlieni tiegħu, jiġifieri, fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja jkollu l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju rreġistrat tiegħu li fih jiġu eżerċitati l-funzjonijiet prinċipali u l-kontroll operattiv. Fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja li ma għandhomx stabbiliment fl-Unjoni, iżda li jeħtieġu aċċess għad-data fl-Unjoni u li, għalhekk, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istat Membru fejn dawk il-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja jkunu ħatru r-rappreżentant legali tagħhom ikollu ġuriżdizzjoni, meta titqies il-funzjoni tar-rappreżentanti legali skont dan ir-Regolament.

(35)Sabiex tiġi ffaċilitata t-trasparenza fir-rigward tal-aċċess għad-data u tal-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja, jenħtieġ li l-EBA tistabbilixxi reġistru ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja awtorizzati skont dan ir-Regolament, kif ukoll skemi ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja miftiehma bejn id-detenturi tad-data u l-utenti tad-data.

(36)Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jingħataw is-setgħat meħtieġa biex jissorveljaw il-mod kif il-konformità tal-obbligu fuq id-detenturi tad-data li jipprovdu aċċess għad-data tal-klijenti stabbilita minn dan ir-Regolament tiġi eżerċitata mill-parteċipanti fis-suq, kif ukoll biex jissorveljaw il-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja. L-aċċess għar-rekords rilevanti tat-traffiku tad-data miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjoni, kif ukoll il-kapaċità li jiġu ssekwestrati d-dokumenti rilevanti fuq il-post huma setgħat importanti u meħtieġa biex tiġi identifikata u pprovata l-eżistenza ta’ ksur skont dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jitolbu tali rekords fejn ikunu rilevanti għal investigazzjoni, sa fejn ikun permess skont il-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw ukoll mal-awtoritajiet superviżorji stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2016/679 fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċitar tas-setgħat tagħhom f’konformità ma’ dak ir-Regolament. 

(37)Billi l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja jistgħu jiġu stabbiliti fi Stati Membri differenti u ssorveljati minn awtoritajiet kompetenti differenti, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi ffaċilitata permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib fost l-awtoritajiet kompetenti rilevanti, permezz tal-iskambju reċiproku ta’ informazzjoni u l-għoti ta’ assistenza fil-kuntest tal-attivitajiet superviżorji rilevanti.

(38)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fil-qasam tas-setgħat ta’ sanzjonar, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jipprevedu sanzjonijiet amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi, inklużi pagamenti perjodiċi ta’ penali, u miżuri amministrattivi għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk is-sanzjonijiet amministrattivi, il-pagamenti perjodiċi ta’ penali u l-miżuri amministrattivi jissodisfaw ċerti rekwiżiti minimi, inklużi s-setgħat minimi li jenħtieġ li jingħataw lill-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu jistgħu jimponuhom, il-kriterji li l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jikkunsidraw meta jimponuhom, u l-obbligu li jippubblikaw u jirrapportaw. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli speċifiċi u mekkaniżmi effettivi fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali.

(39)Minbarra s-sanzjonijiet amministrattivi u l-miżuri amministrattivi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jingħataw is-setgħa li jimponu pagamenti perjodiċi ta’ penali fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja u fuq dawk il-membri tal-korp maniġerjali tagħhom li huma identifikati bħala responsabbli għal ksur kontinwu jew li huma meħtieġa jikkonformaw ma’ ordni ta’ awtorità kompetenti investigattiva. Billi l-iskop tal-pagamenti perjodiċi ta’ penali huwa li jġiegħlu lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jikkonformaw ma’ ordni mill-awtorità kompetenti biex jaġixxu, pereżempju biex jaċċettaw li jiġu intervistati jew biex jipprovdu informazzjoni, jew itemmu ksur kontinwu, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali ma twaqqafx lill-awtoritajiet kompetenti milli jimponu sanzjonijiet amministrattivi sussegwenti għall-istess ksur. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor mill-Istati Membri, jenħtieġ li l-pagamenti perjodiċi ta’ penali jiġu kkalkolati fuq bażi ta’ kuljum.

(40)Irrispettivament mid-denominazzjoni tagħhom skont il-liġi nazzjonali, f’ħafna Stati Membri jinstabu forom ta’ proċedura ta’ infurzar imħaffa jew ftehimiet ta’ soluzzjoni u dawn jintużaw bħala alternattiva għal proċedimenti formali li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet. Proċedura ta’ infurzar imħaffa ġeneralment tibda wara li tkun ġiet konkluża investigazzjoni u tkun ittieħdet id-deċiżjoni li jinbdew proċedimenti li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet. Proċedura ta’ infurzar imħaffa hija kkaratterizzata billi tkun iqsar minn dik formali, minħabba passi proċedurali ssimplifikati. Fi ftehim ta’ soluzzjoni, il-partijiet soġġetti għall-investigazzjoni minn awtorità kompetenti ġeneralment jaqblu li jtemmu dik l-investigazzjoni kmieni, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet billi jaċċettaw ir-responsabbiltà għal għemil ħażin.

(41)Filwaqt li ma jidhirx xieraq li jsir sforz biex jiġu armonizzati tali proċeduri ta’ infurzar imħaffa fil-livell tal-Unjoni, li ġew introdotti minn ħafna Stati Membri, minħabba l-approċċi legali varjati adottati fil-livell nazzjonali, jenħtieġ li jiġi rikonoxxut li tali metodi jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu japplikawhom, jittrattaw każijiet ta’ ksur b’mod aktar mgħaġġel, inqas għali u b’mod ġenerali effiċjenti f’ċerti ċirkostanzi u, għalhekk, jenħtieġ li jiġu mħeġġa. Madankollu, l-Istati Membri ma jenħtieġx li jkunu obbligati jintroduċu tali metodi ta’ infurzar fil-qafas legali tagħhom u lanqas ma jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu kostretti li jużawhom jekk ma jqisux li dan ikun xieraq. Meta l-Istati Membri jagħżlu li jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom biex jużaw tali metodi ta’ infurzar, jenħtieġ li huma jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’tali deċiżjoni u bil-miżuri rilevanti li jirregolaw tali setgħat.

(42)Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jingħataw is-setgħa mill-Istati Membri biex jimponu tali sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja u persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn, fejn rilevanti, biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni fil-każ ta’ ksur. Jenħtieġ li l-firxa ta’ sanzjonijiet u miżuri tkun wiesgħa biżżejjed biex tippermetti lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti jqisu d-differenzi bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja, fir-rigward tad-daqs, il-karatteristiċi u n-natura tan-negozju tagħhom.

(43)Il-pubblikazzjoni ta’ penali jew miżura amministrattiva għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jista’ jkollha effett dissważiv qawwi kontra r-repetizzjoni ta’ tali ksur. Il-pubblikazzjoni tinforma wkoll lil entitajiet oħrajn bir-riskji assoċjati mal-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja ssanzjonat qabel ma jidħol f’relazzjoni kummerċjali u jassisti lill-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħrajn b’rabta mar-riskji assoċjati ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja meta jopera fl-Istati Membri tagħhom fuq bażi transfruntiera. Għal dawk ir-raġunijiet, jenħtieġ li l-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar penali amministrattivi u miżuri amministrattivi tkun permessa, sakemm tkun tikkonċerna persuni ġuridiċi. Meta jiġu biex jieħdu deċiżjoni dwar jekk għandhomx jippubblikaw penali amministrattiva jew miżura amministrattiva, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jqisu l-gravità tal-ksur u l-effett dissważiv li l-pubblikazzjoni x’aktarx tipproduċi. Madankollu, kwalunkwe pubblikazzjoni bħal din riferuta lil persuni fiżiċi tista’ taffettwa b’mod sproporzjonat id-drittijiet tagħhom mislutin mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Jenħtieġ li l-pubblikazzjoni sseħħ b’mod anonimizzat sakemm l-awtorità kompetenti ma tqisx li jkun meħtieġ li jiġu ppubblikati d-deċiżjonijiet li jkun fihom data personali għall-infurzar effettiv ta’ dan ir-Regolament, inkluż fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi jew projbizzjonijiet temporanji. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha.

(44)L-iskambju ta’ informazzjoni u l-għoti ta’ assistenza bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma essenzjali għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Konsegwentement, jenħtieġ li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ma tkunx soġġetta għal kundizzjonijiet restrittivi mhux raġonevoli.

(45)Jenħtieġ li l-aċċess transfruntier għad-data mill-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni jkun permess skont il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew il-libertà ta’ stabbiliment. Fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja li jixtieq ikollu aċċess għad-data miżmuma minn detentur tad-data fi Stat Membru ieħor jenħtieġ li jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-awtorità kompetenti tiegħu, filwaqt li jipprovdi informazzjoni dwar it-tip ta’ data li jixtieq jaċċessa, l-iskema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja li tagħha huwa membru u l-Istati Membri li fihom għandu l-ħsieb li jaċċessa d-data.

(46)L-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-għoti ta’ kontroll effettiv tad-data lill-klijent u l-indirizzar tan-nuqqas ta’ drittijiet ta’ aċċess għad-data tal-klijenti miżmuma mid-detenturi tad-data, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba n-natura transfruntiera tagħhom, iżda pjuttost jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, permezz tal-ħolqien ta’ qafas li permezz tiegħu jista’ jiġi żviluppat suq transfruntier akbar b’aċċess għad-data. L-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(47)Il-proposta għal Att dwar id-Data [ir-Regolament (UE) XX] tistabbilixxi qafas orizzontali għall-aċċess għad-data madwar l-Unjoni u l-użu tagħha. Dan ir-Regolament jikkomplementa u jispeċifika r-regoli stipulati fil-proposta għal Att dwar id-Data [ir-Regolament (UE) XX]. Għalhekk, dawk ir-regoli japplikaw ukoll għall-kondiviżjoni tad-data regolata minn dan ir-Regolament. Dan jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet li taħthom id-detenturi tad-data jagħmlu d-data disponibbli għar-riċevituri tad-data, dwar il-kumpens, il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim biex jiffaċilitaw il-ftehimiet bejn il-partijiet għall-kondiviżjoni tad-data, il-miżuri tekniċi ta’ protezzjoni, l-aċċess internazzjonali u t-trasferiment tad-data u dwar l-użu awtorizzat jew id-divulgazzjoni tad-data.

(48)Ir-Regolament (UE) 2016/679 japplika meta tiġi pproċessata data personali. Dan jipprevedi d-drittijiet ta’ suġġett tad-data, inkluż id-dritt ta’ aċċess u d-dritt ta’ trasferiment ta’ data personali. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ suġġett tad-data pprovduti skont ir-Regolament (UE) 2016/679, inkluż id-dritt ta’ aċċess u d-dritt għall-portabbiltà tad-data. Dan ir-Regolament joħloq obbligu legali li tiġi kondiviża data personali u mhux personali tal-klijenti fuq talba tal-klijent u jagħti mandat għall-fattibbiltà teknika tal-aċċess u l-kondiviżjoni għat-tipi kollha ta’ data fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-għoti ta’ permess minn klijent huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-utenti tad-data skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679. Id-data personali li ssir disponibbli u tiġi kondiviża ma’ utent tad-data jenħtieġ li tiġi pproċessata biss għas-servizzi pprovduti minn utent tad-data fejn ikun hemm bażi legali valida skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u, meta applikabbli, fejn jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament dwar l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data.

(49)Dan ir-Regolament jibni fuq u jikkomplementa d-dispożizzjonijiet ta’ “servizzi bankarji miftuħa” skont id-Direttiva (UE) 2015/2366 u huwa konsistenti bis-sħiħ mar-Regolament (UE) …/202.. tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta’ pagament u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 19 u d-Direttiva (UE) …/202.. tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizzi ta’ pagament u servizzi ta’ flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2013/36/UE u 98/26/KE u li tħassar id-Direttivi 2015/2355/UE u 2009/110/KE 20 . L-inizjattiva tikkomplementa d-dispożizzjonijiet diġà eżistenti ta’ “servizzi bankarji miftuħa” skont id-Direttiva (UE) 2015/2366 li jirregolaw l-aċċess għad-data tal-kontijiet ta’ pagamenti miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jiġġestixxu l-kontijiet. Hija tibni fuq it-tagħlimiet meħuda dwar “servizzi bankarji miftuħa” kif identifikati fir-rieżami tad-Direttiva 2015/2366/UE 21 . Dan ir-Regolament jiżgura l-koerenza bejn l-aċċess għad-data finanzjarja u s-servizzi bankarji miftuħa fejn ikunu meħtieġa miżuri addizzjonali, inkluż fuq id-dashboards tal-permessi, l-obbligi legali li jingħata aċċess dirett għad-data tal-klijenti, u r-rekwiżit li d-detenturi tad-data jistabbilixxu interfaċċi.

(50)Dan ir-Regolament ma jaffettwax id-dispożizzjonijiet relatati mal-aċċess għad-data u l-kondiviżjoni tad-data fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji, jiġifieri dawn li ġejjin: (i) id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-parametri referenzjarji u r-reġim ta’ aċċess għad-derivattivi nnegozjati fil-borża bejn iċ-ċentri tan-negozjar u l-Kontropartijiet Ċentrali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 ; (ii) ir-regoli dwar l-aċċess tal-kredituri għall-bażi tad-data skont id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 ; (iii) ir-regoli dwar l-aċċess għar-repożitorji tat-titolizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 ; (iv) ir-regoli dwar id-dritt li tintalab mill-assiguratur dikjarazzjoni tal-istorja tal-pretensjonijiet u l-aċċess għar-repożitorji ċentrali u għad-data bażika meħtieġa għas-saldu ta’ pretensjonijiet skont id-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 ; (v) id-dritt għall-aċċess u t-trasferiment tad-data personali kollha meħtieġa lil fornitur ta’ Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew ġdid skont ir-Regolament (UE) 2019/1238 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 26 ; u (vi) id-dispożizzjonijiet dwar l-esternalizzazzjoni u d-dipendenza skont id-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 27 . Barra minn hekk, dan ir-Regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni nazzjonali jew tal-UE tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u kwalunkwe att sekondarju tal-Unjoni. Dan ir-Regolament huwa wkoll mingħajr preġudizzju għall-aċċess, il-kondiviżjoni u l-użu tad-data mingħajr ma jsir użu mill-obbligi ta’ aċċess għad-data stabbiliti minn dan ir-Regolament fuq bażi purament kuntrattwali.

(51)Billi l-kondiviżjoni tad-data relatata mal-kontijiet ta’ pagament hija regolata taħt reġim differenti stabbilit fid-Direttiva (UE) 2015/2366, huwa meqjus xieraq li tiġi stabbilita, f’dan ir-Regolament, klawżola ta’ rieżami għall-Kummissjoni biex teżamina jekk l-introduzzjoni tar-regoli skont dan ir-Regolament għandhiex impatt fuq il-mod kif l-AISPs jaċċessaw id-data u jekk ikunx xieraq li jiġu ssimplifikati r-regoli li jirregolaw il-kondiviżjoni tad-data applikabbli għall-AISPs.

(52)Minħabba li jenħtieġ li l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA jingħataw il-mandat li jagħmlu użu mis-setgħat tagħhom b’rabta mal-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li jkunu jistgħu jeżerċitaw is-setgħat u l-kompiti kollha tagħhom sabiex jissodisfaw l-objettivi tagħhom li jipproteġu l-interess pubbliku billi jikkontribwixxu għall-istabbiltà u l-effettività fuq terminu qasir, medju u twil tas-sistema finanzjarja, għall-ekonomija tal-Unjoni, iċ-ċittadini u n-negozji tagħha u biex jiġi żgurat li l-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja jkunu koperti mir-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 28 , (UE) Nru 1094/2010 29 u (UE) Nru 1095/2010 30  tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għalhekk, jenħtieġ li dawk ir-Regolamenti jiġu emendati kif xieraq.

(53)Jenħtieġ li d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi differita b’XX xahar sabiex jilħqu jiġu adottati l-istandards tekniċi regolatorji u l-atti delegati li huma meħtieġa sabiex jiġu speċifikati ċerti elementi ta’ dan ir-Regolament.

(54)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 31 u ta opinjoni nhar [……….]

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I
Suġġett, Kamp ta’ Applikazzjoni u Definizzjonijiet

Artikolu 1
Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar l-aċċess, il-kondiviżjoni u l-użu ta’ ċerti kategoriji ta’ data tal-klijenti fis-servizzi finanzjarji.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli dwar l-awtorizzazzjoni u l-operat tal-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja.

Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni

1.Dan ir-Regolament japplika għall-kategoriji li ġejjin ta’ data tal-klijenti dwar:

(a)ftehimiet ta’ kreditu ipotekarju, self u kontijiet, ħlief kontijiet ta’ pagament kif definiti fid-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament (UE) 2015/2366, inkluża data dwar il-bilanċ, il-kundizzjonijiet u t-tranżazzjonijiet;

(b)tfaddil, investimenti fi strumenti finanzjarji, prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni, kriptoassi, proprjetà immobbli u assi finanzjarji relatati oħrajn, kif ukoll il-benefiċċji ekonomiċi derivati minn tali assi; l-inklużjoni tad-data miġbura għall-finijiet tat-twettiq ta’ valutazzjoni tal-idoneità u l-adegwatezza f’konformità mal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 32 ;

(c)id-drittijiet tal-pensjoni fl-iskemi tal-pensjoni okkupazzjonali, f’konformità mad-Direttiva 2009/138/KE u mad-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 33 ;

(d)id-drittijiet tal-pensjoni dwar il-forniment ta’ prodotti tal-pensjoni personali pan-Ewropej, f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1238;

(e)prodotti tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja f’konformità mad-Direttiva 2009/138/KE, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tal-assigurazzjoni tal-mard u tas-saħħa; l-inklużjoni tad-data miġbura għall-finijiet ta’ valutazzjoni tad-domandi u tal-ħtiġijiet f’konformità mal-Artikolu 20 tad-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 34 , u d-data miġbura għall-finijiet ta’ valutazzjoni tal-adegwatezza u tal-idoneità f’konformità mal-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2016/97.

(f)data li tifforma parti minn valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja ta’ ditta li tinġabar bħala parti minn proċess ta’ applikazzjoni għal self jew talba għal klassifikazzjoni tal-kreditu.

2.Dan ir-Regolament japplika għall-entitajiet li ġejjin meta jaġixxu bħala detenturi tad-data jew utenti tad-data:

(a)istituzzjonijiet ta’ kreditu;

(b)istituzzjonijiet ta’ pagament, inklużi fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet u istituzzjonijiet ta’ pagament eżentati skont id-Direttiva (UE) 2015/2366;

(c)istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, inklużi istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi eżentati skont id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 35 ;

(d)ditti ta’ investiment;

(e)fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi;

(f)emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi;

(g)maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi;

(h)kumpaniji maniġerjali ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli;

(i)impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni;

(j)intermedjarji tal-assigurazzjoni u intermedjarji tal-assigurazzjoni anċillari;

(k)istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali;

(l)aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu;

(m)fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv;

(n)fornituri tal-PEPP;

(o)fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja

3.Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(3)(a) sa (e) tar-Regolament (UE) 2022/2554.

4.Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni ta’ atti legali oħrajn tal-Unjoni rigward l-aċċess għad-data tal-klijenti msemmija fil-paragrafu 1 u l-kondiviżjoni tagħha, sakemm ma jkunx previst speċifikament f’dan ir-Regolament.

Artikolu 3
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“konsumatur” tfisser persuna fiżika li qed taġixxi għal finijiet oħrajn għajr il-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

(2)“klijent” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel użu minn prodotti u servizzi finanzjarji;

(3)“data tal-klijenti” tfisser data personali u mhux personali li tinġabar, tinħażen u tiġi pproċessata b’mod ieħor minn istituzzjoni finanzjarja bħala parti mill-perkors normali tan-negozju tagħha mal-klijenti li tkopri kemm id-data pprovduta minn klijent, kif ukoll id-data ġġenerata bħala riżultat tal-interazzjoni tal-klijenti mal-istituzzjoni finanzjarja;

(4)“awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità maħtura minn kull Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 17 u, għall-istituzzjonijiet finanzjarji, tfisser kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet kompetenti elenkati fl-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2022/2554;

(5)“detentur tad-data” tfisser istituzzjoni finanzjarja minbarra fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet li jiġbor, jaħżen u jipproċessa b’xi mod ieħor id-data elenkata fl-Artikolu 2(1);

(6)“utent tad-data” tfisser kwalunkwe waħda mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2(2) li, wara l-permess ta’ klijent, ikollha aċċess leġittimu għad-data tal-klijenti elenkata fl-Artikolu 2(1);

(7)“fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja” tfisser utent tad-data li huwa awtorizzat skont l-Artikolu 14 biex jaċċessa d-data tal-klijenti elenkata fl-Artikolu 2(1) għall-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja;

(8)“istituzzjoni finanzjarja” tfisser l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2(2)(a) sa (n), li huma detenturi tad-data, utenti tad-data jew it-tnejn li huma għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(9)“kont ta’ investiment” tfisser kwalunkwe reġistru ġestit minn ditta ta’ investiment, istituzzjoni ta’ kreditu jew sensar tal-assigurazzjoni dwar il-parteċipazzjonijiet kurrenti fi strumenti finanzjarji jew prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni tal-klijent tagħhom, inklużi tranżazzjonijiet tal-passat u punti ta’ data oħrajn relatati ma’ avvenimenti taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ dak l-istrument;

(10)“data mhux personali” tfisser data għajr data personali kif definita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2016/679;

(11)“data personali” tfisser data personali kif definita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2016/679;

(12)“istituzzjoni ta’ kreditu” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fl-Artikolu 4(1)(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 36 ;

(13)“ditta ta’ investiment” tfisser ditta ta’ investiment kif definita fl-Artikolu 4(1)(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(14)“fornitur ta’ servizzi ta’ kriptoassi” tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ kriptoassi kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(15) tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 37 ;

(15)“emittent ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi” tfisser emittent ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi awtorizzat skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2023/1114;

(16)“istituzzjoni ta’ pagament” tfisser istituzzjoni ta’ pagament kif definita fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva (UE) 2015/2366;

(17)“fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet” tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet kif imsemmi fl-Artikolu 33(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2366;

(18)“istituzzjoni tal-flus elettroniċi” tfisser istituzzjoni tal-flus elettroniċi kif definita fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/110/KE;

(19)“istituzzjoni tal-flus elettroniċi eżentata skont id-Direttiva 2009/110/KE” tfisser istituzzjoni tal-flus elettroniċi li tibbenefika minn rinunzja kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/110/KE;

(20)“maniġer ta’ fondi ta’ investiment alternattivi” tfisser maniġer ta’ fondi ta’ investiment alternattivi kif definit fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 38 ;

(21)“kumpanija maniġerjali ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli” tfisser kumpanija maniġerjali kif definita fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 39 ;

(22)“impriża tal-assigurazzjoni” tfisser impriża tal-assigurazzjoni kif definita fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/138/KE;

(23)“impriża tar-riassigurazzjoni” tfisser impriża tar-riassigurazzjoni kif definita fl-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2009/138/KE;

(24)“intermedjarju tal-assigurazzjoni” tfisser intermedjarju tal-assigurazzjoni kif definit fl-Artikolu 2(1)(3) tad-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 40 ;

(25)“intermedjarju tal-assigurazzjoni anċillari” tfisser intermedjarju tal-assigurazzjoni anċillari kif definit fl-Artikolu 2(1)(4) tad-Direttiva (UE) 2016/97;

(26)“istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali” tfisser istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali kif definita fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva (UE) 2016/2341;

(27)“aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu” tfisser aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu kif definita fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 41 ;

(28)“fornitur tal-PEPP” tfisser fornitur tal-PEPP kif definit fl-Artikolu 2(15) tar-Regolament (UE) 2019/1238 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(29)“rappreżentant legali” tfisser persuna fiżika domiċiljata fl-Unjoni jew persuna ġuridika bl-uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Unjoni u li ġiet espressament maħtura minn fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja stabbilit f’pajjiż terz u li taġixxi f’isem tali fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja fil-konfront tal-awtoritajiet, il-klijenti, il-korpi u l-kontropartijiet għall-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja fl-Unjoni fir-rigward tal-obbligi tal-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

TITOLU II
Aċċess għad-
Data

Artikolu 4 
Obbligu li d-data ssir disponibbli għall-klijent

Id-detentur tad-data għandu, fuq talba minn klijent sottomessa b’mezzi elettroniċi, jagħmel id-data elenkata fl-Artikolu 2(1) disponibbli għall-klijent mingħajr dewmien żejjed, mingħajr ħlas, kontinwament u f’ħin reali.

Artikolu 5
Obbligi fuq detentur tad-data li jagħmel id-data tal-klijenti disponibbli għal utent tad-data

1.Id-detentur tad-data għandu, fuq talba minn klijent sottomessa b’mezzi elettroniċi, jagħmel disponibbli għal utent tad-data d-data tal-klijenti elenkata fl-Artikolu 2(1) għall-finijiet li għalihom il-klijent ikun ta l-permess lill-utent tad-data. Id-data tal-klijenti għandha tkun disponibbli għall-utent tad-data mingħajr dewmien żejjed, kontinwament u f’ħin reali.

2.Detentur tad-data jista’ jitlob kumpens minn utent tad-data biex jagħmel id-data tal-klijenti disponibbli skont il-paragrafu 1 biss jekk id-data tal-klijenti tkun disponibbli għal utent tad-data f’konformità mar-regoli u l-modalitajiet ta’ skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja, kif previst fl-Artikoli 9 u 10, jew jekk issir disponibbli skont l-Artikolu 11.

3.Meta jagħmel id-data disponibbli skont il-paragrafu 1, id-detentur tad-data għandu:

(a)jagħmel id-data tal-klijenti disponibbli għall-utent tad-data f’format ibbażat fuq standards rikonoxxuti b’mod ġenerali u mill-inqas fl-istess kwalità disponibbli għad-detentur tad-data;

(b)jikkomunika b’mod sigur mal-utent tad-data billi jiżgura livell xieraq ta’ sigurtà għall-ipproċessar u t-trażmissjoni tad-data tal-klijenti;

(c)jitlob lill-utenti tad-data juru li jkunu kisbu l-permess tal-klijent biex jaċċessaw id-data tal-klijenti miżmuma mid-detentur tad-data;

(d)jipprovdi lill-klijent b’dashboard tal-permessi biex jimmonitorja u jiġġestixxi l-permessi f’konformità mal-Artikolu 8.

(e)jirrispetta l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali meta d-data tal-klijenti tiġi aċċessata f’konformità mal-Artikolu 5(1).

Artikolu 6
Obbligi fuq utent tad-data li jirċievi d-data tal-klijenti

1.Utent tad-data għandu jkun eliġibbli biss biex jaċċessa d-data tal-klijenti skont l-Artikolu 5(1) jekk dak l-utent tad-data jkun soġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel minn awtorità kompetenti bħala istituzzjoni finanzjarja jew ikun fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja skont l-Artikolu 14.

2.Utent tad-data għandu jkollu aċċess biss għad-data tal-klijenti magħmula disponibbli skont l-Artikolu 5(1) għall-finijiet u taħt il-kundizzjonijiet li għalihom il-klijent ikun ta l-permess tiegħu. Utent tad-data għandu jħassar id-data tal-klijenti meta ma tkunx għadha meħtieġa għall-finijiet li għalihom ikun ingħata l-permess minn klijent.

3.Klijent jista’ jirtira l-permess li jkun ta lil utent tad-data. Meta l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, klijent jista’ jirtira l-permess li jkun ta biex jagħmel id-data tal-klijenti disponibbli għal utent tad-data skont l-obbligi kuntrattwali li għalihom ikun soġġett.

4.Sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni effettiva tad-data tal-klijenti, utent tad-data għandu:

(a)ma jipproċessa l-ebda data tal-klijenti għal finijiet għajr għat-twettiq tas-servizz mitlub espliċitament mill-klijent;

(b)jirrispetta l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali meta d-data tal-klijenti tiġi aċċessata f’konformità mal-Artikolu 5(1);

(c)jistabbilixxi miżuri tekniċi, legali u organizzattivi adegwati sabiex jipprevjeni t-trasferiment jew l-aċċess ta’ data mhux personali tal-klijenti li tkun illegali skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru;

(d)jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura livell xieraq ta’ sigurtà għall-ħżin, l-ipproċessar u t-trażmissjoni ta’ data mhux personali tal-klijenti;

(e)ma jipproċessax id-data tal-klijenti għal finijiet ta’ reklamar, ħlief għal marketing dirett f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali;

(f)meta l-utent tad-data jkun parti minn grupp ta’ kumpaniji, id-data tal-klijenti elenkata fl-Artikolu 2(1) għandha tiġi aċċessata u pproċessata biss mill-entità tal-grupp li taġixxi bħala utent tad-data.

TITOLU III
Użu Responsabbli tad-
Data u d-dashboards tal-permessi

Artikolu 7
Perimetru tal-użu tad-data

1.L-ipproċessar tad-data tal-klijenti msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament li tikkostitwixxi data personali għandu jkun limitat għal dak li huwa meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tiġi pproċessata.

2.F’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) għandha tiżviluppa linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għall-prodotti u s-servizzi relatati mas-sistema ta’ evalwazzjoni ta’ kreditu tal-konsumatur.

3.F’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) għandha tiżviluppa linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għall-prodotti u s-servizzi relatati mal-valutazzjoni tar-riskju u l-ipprezzar ta’ konsumatur fil-każ ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni tal-ħajja, tas-saħħa u tal-mard.

4.Meta jkunu qed iħejju l-linji gwida msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, l-EIOPA u l-EBA għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit bir-Regolament (UE) 2016/679.

Artikolu 8
Dashboards tal-permessi għall-Aċċess għad-Data Finanzjarja

1.Detentur tad-data għandu jipprovdi lill-klijent b’dashboard tal-permessi biex jimmonitorja u jiġġestixxi l-permessi li klijent ikun ipprovda lill-utenti tad-data.

2.Dashboard tal-permessi għandu:

(a)jipprovdi lill-klijent b’ħarsa ġenerali lejn kull permess attiv mogħti lill-utenti tad-data, inklużi:

(i)l-isem tal-utent tad-data li jkun ingħatalu aċċess;

(ii)il-kont tal-klijent, il-prodott finanzjarju jew is-servizz finanzjarju li għalihom ikun ingħata aċċess;

(iii)l-iskop tal-permess;

(iv)il-kategoriji ta’ data kondiviża;

(v)il-perjodu ta’ validità tal-permess;

(b)jippermetti lill-klijent jirtira permess mogħti lil utent tad-data;

(c)jippermetti lill-klijent jerġa’ jistabbilixxi kwalunkwe permess irtirat;

(d)jinkludi rekord ta’ permessi li ġew irtirati jew li skadew għal durata ta’ sentejn.

3.Id-detentur tad-data għandu jiżgura li d-dashboard tal-permessi jkun faċli biex jinstab fl-interfaċċa tal-utent tiegħu u li l-informazzjoni murija fuq id-dashboard tkun ċara, preċiża u tinftiehem faċilment mill-klijent.

4.Id-detentur tad-data u l-utent tad-data li għalihom ikun ingħata permess minn klijent għandhom jikkooperaw biex jagħmlu l-informazzjoni disponibbli għall-klijent permezz tad-dashboard f’ħin reali. Sabiex jiġu ssodisfati l-obbligi fil-paragrafu 2(a), (b), (c) u (d) ta’ dan l-Artikolu:

(a)Id-detentur tad-data għandu jinforma lill-utent tad-data bil-bidliet li jsiru f’permess dwar dak l-utent tad-data, magħmulin minn klijent permezz tad-dashboard.

(b)Utent tad-data għandu jinforma lid-detentur tad-data dwar permess ġdid mogħti minn klijent fir-rigward tad-data tal-klijenti miżmuma minn dak id-detentur tad-data, inklużi:

(i)l-iskop tal-permess mogħti mill-klijent;

(ii)il-perjodu ta’ validità tal-permess;

(iii)il-kategoriji ta’ data kkonċernati.

TITOLU IV
Skemi ta’ Kondiviżjoni tad-
Data Finanzjarja

Artikolu 9
Sħubija fl-iskema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja

1.Fi żmien 18-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, id-detenturi tad-data u l-utenti tad-data għandhom isiru membri ta’ skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja li tirregola l-aċċess għad-data tal-klijenti f’konformità mal-Artikolu 10.

2.Id-detenturi tad-data u l-utenti tad-data jistgħu jsiru membri ta’ aktar minn skema waħda ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja.

Kwalunkwe kondiviżjoni tad-data għandha ssir f’konformità mar-regoli u l-modalitajiet ta’ skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja li tagħha kemm l-utent tad-data kif ukoll id-detentur tad-data jkunu membri.

Artikolu 10
Governanza u kontenut tal-iskema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja

1.Skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)il-membri ta’ skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja għandhom jinkludu:

(i)id-detenturi tad-data u l-utenti tad-data li jirrappreżentaw proporzjon sinifikanti tas-suq tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat, b’kull naħa jkollha rappreżentanza ġusta u ugwali fil-proċessi interni tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-iskema, kif ukoll piż ugwali fi kwalunkwe proċedura ta’ votazzjoni; meta membru jkun kemm detentur tad-data kif ukoll utent tad-data, is-sħubija tiegħu għandha titqies b’mod ugwali għaż-żewġ naħat;

(ii)organizzazzjonijiet tal-klijenti u assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi.

(b)ir-regoli applikabbli għall-membri tal-iskema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja għandhom japplikaw bl-istess mod għall-membri kollha u ma għandu jkun hemm l-ebda trattament favorevoli jew differenzjat mhux ġustifikat bejn il-membri;

(c)ir-regoli ta’ sħubija ta’ skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja għandhom jiżguraw li l-iskema tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni minn kwalunkwe detentur tad-data u utent tad-data abbażi ta’ kriterji oġġettivi u li l-membri kollha għandhom jiġu ttrattati b’mod ġust u ugwali;

(d)skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja ma għandha timponi l-ebda kontroll jew kundizzjoni addizzjonali għall-kondiviżjoni ta’ data għajr dawk previsti f’dan ir-Regolament jew skont dritt applikabbli ieħor tal-Unjoni;

(e)skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja għandha tinkludi mekkaniżmu li permezz tiegħu r-regoli tagħha jistgħu jiġu emendati, wara analiżi tal-impatt u l-qbil tal-maġġoranza ta’ kull komunità ta’ detenturi tad-data u utenti tad-data, rispettivament;

(f)skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja għandha tinkludi regoli dwar it-trasparenza u, fejn meħtieġ, ir-rapportar lill-membri tagħha;

(g)skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja għandha tinkludi l-istandards komuni għad-data u l-interfaċċi tekniċi li jippermettu lill-klijenti jitolbu kondiviżjoni tad-data f’konformità mal-Artikolu 5(1). L-istandards komuni għall-interfaċċi tekniċi u tad-data li jaqblu li jużaw il-membri tal-iskema jistgħu jiġu żviluppati mill-membri tal-iskema jew minn partijiet jew korpi oħrajn;

(h)skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja għandha tistabbilixxi mudell biex tiddetermina l-kumpens massimu li detentur tad-data huwa intitolat li jitlob biex jagħmel id-data disponibbli permezz ta’ interfaċċa teknika xierqa għall-kondiviżjoni tad-data mal-utenti tad-data f’konformità mal-istandards komuni żviluppati taħt il-punt (g). Il-mudell għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji li ġejjin:

(i)jenħtieġ li jkun limitat għal kumpens raġonevoli direttament relatat mat-tqegħid tad-data għad-dispożizzjoni tal-utent tad-data u li huwa attribwibbli għat-talba;

(ii)jenħtieġ li jkun ibbażat fuq metodoloġija oġġettiva, trasparenti u mhux diskriminatorja maqbula mill-membri tal-iskema;

(iii)jenħtieġ li jkun ibbażat fuq data komprensiva tas-suq miġbura mill-utenti tad-data u mid-detenturi tad-data dwar kull wieħed mill-elementi tal-kost li għandhom jiġu kkunsidrati u identifikati b’mod ċar f’konformità mal-mudell;

(iv)jenħtieġ li jiġi rieżaminat u mmonitorjat perjodikament biex jitqies il-progress teknoloġiku;

(v)jenħtieġ li jitfassal sabiex il-kumpens jiġi indirizzat lejn l-aktar livelli baxxi prevalenti fis-suq; u

(vi)jenħtieġ li jkun limitat għat-talbiet għad-data tal-klijenti skont l-Artikolu 2(1) jew ikun proporzjonat għas-settijiet ta’ data relatati fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak l-Artikolu fil-każ ta’ talbiet għad-data kkombinati.

Meta l-utent tad-data jkun intrapriża mikro, żgħira jew medja, kif definita fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 42 , kwalunkwe kumpens miftiehem ma għandux jaqbeż il-kostijiet direttament relatati mat-tqegħid tad-data għad-dispożizzjoni tar-riċevitur tad-data u li huma attribwibbli għat-talba.

(i)skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja għandha tiddetermina r-responsabbiltà kuntrattwali tal-membri tagħha, inkluż f’każ li d-data ma tkunx preċiża, jew tkun ta’ kwalità inadegwata, jew is-sigurtà tad-data tkun kompromessa jew id-data tintuża ħażin. Fil-każ ta’ data personali, id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-iskema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja għandhom ikunu f’konformità mad-dispożizzjonijiet fir-Regolament (UE) 2016/679;

(j)skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja għandha tipprevedi sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim indipendenti, imparzjali, trasparenti u effettiva biex issolvi t-tilwim fost il-membri tal-iskema u kwistjonijiet ta’ sħubija, f’konformità mar-rekwiżiti tal-kwalità stipulati mid-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 43 .

2.Is-sħubija fi skemi ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja għandha tibqa’ miftuħa għal membri ġodda bl-istess termini u kundizzjonijiet bħal dawk għall-membri eżistenti fi kwalunkwe ħin.

3.Detentur tad-data għandu jikkomunika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-istabbiliment tiegħu l-iskemi ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja li huwa parti minnhom, fi żmien xahar minn meta jissieħeb fi skema.

4.Skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja stabbilita f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tiġi nnotifikata lill-awtorità kompetenti tal-istabbiliment tal-aktar tliet detenturi tad-data sinifikanti li jkunu membri ta’ dik l-iskema fil-mument tal-istabbiliment tal-iskema. Meta l-aktar tliet detenturi tad-data sinifikanti jkunu stabbiliti fi Stati Membri differenti, jew meta jkun hemm aktar minn awtorità kompetenti waħda fl-Istat Membru tal-istabbiliment tal-aktar tliet detenturi tad-data sinifikanti, l-iskema għandha tiġi nnotifikata lil dawn l-awtoritajiet kollha, li għandhom jaqblu bejniethom dwar liema awtorità għandha twettaq il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 6.

5.In-notifika f’konformità mal-paragrafu 4 għandha ssir fi żmien xahar mit-twaqqif tal-iskema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja u għandha tinkludi l-modalitajiet u l-karatteristiċi ta’ governanza tagħha f’konformità mal-paragrafu 1.

6.Fi żmien xahar minn meta tirċievi n-notifika skont il-paragrafu 4, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta jekk il-modalitajiet u l-karatteristiċi ta’ governanza tal-iskema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja humiex konformi mal-paragrafu 1. Meta tivvaluta l-konformità tal-iskema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja mal-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tista’ tikkonsulta awtoritajiet kompetenti oħrajn.

Mat-tlestija tal-valutazzjoni tagħha, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-EBA bi skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja nnotifikata li tissodisfa d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1. Skema nnotifikata lill-EBA f’konformità ma’ dan il-paragrafu għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri kollha għall-fini ta’ aċċess għad-data skont l-Artikolu 5(1) u ma għandhiex teħtieġ notifika ulterjuri fi kwalunkwe Stat Membru ieħor.

Artikolu 11
Għoti tas-setgħa għal Att Delegat fil-każ ta’ nuqqas ta’ skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja

Fil-każ li ma tiġix żviluppata skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja għal kategorija waħda jew aktar ta’ data tal-klijenti skont l-Artikolu 2(1) u ma jkun hemm l-ebda prospett realistiku li tali skema tiġi stabbilita f’ammont ta’ żmien raġonevoli, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 30 biex jissupplimenta dan ir-Regolament billi jispeċifika l-modalitajiet li ġejjin li taħthom detentur tad-data għandu jagħmel disponibbli d-data tal-klijenti skont l-Artikolu 5(1) għal dik il-kategorija ta’ data:

(a)standards komuni għad-data u, fejn xieraq, l-interfaċċi tekniċi li jippermettu lill-klijenti jitolbu kondiviżjoni tad-data skont l-Artikolu 5(1);

(b)mudell biex jiġi ddeterminat il-kumpens massimu li detentur tad-data huwa intitolat li jitlob biex jagħmel id-data disponibbli;

(c)ir-responsabbiltà tal-entitajiet involuti biex jagħmlu d-data tal-klijenti disponibbli.

TITOLU V
Eliġibbiltà għall-Aċċess u l-Organizzazzjoni tad-
Data

Artikolu 12
Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja
 

1.Fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja għandu jkun eliġibbli biex jaċċessa d-data tal-klijenti skont l-Artikolu 5(1) jekk ikun awtorizzat mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru.

2.Fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja għandu jissottometti applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-uffiċċju rreġistrat tiegħu, flimkien ma’ dawn li ġejjin:

(a) programm ta’ operazzjonijiet li jistabbilixxi b’mod partikolari t-tip ta’ aċċess għad-data previst;

(b)pjan ta’ direzzjoni tan-negozju, inkluż kalkolu tal-baġit imbassar għall-ewwel 3 snin finanzjarji li juri li l-applikant jista’ juża s-sistemi, ir-riżorsi u l-proċeduri xierqa u proporzjonati biex jopera tajjeb;

(c)deskrizzjoni tal-arranġamenti ta’ governanza u tal-mekkaniżmi ta’ kontroll intern tal-applikant, inklużi l-proċeduri amministrattivi, tal-ġestjoni tar-riskju u tal-kontabilità, kif ukoll l-arranġamenti għall-użu tas-servizzi tal-ICT f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li turi li dawk l-arranġamenti ta’ governanza, il-mekkaniżmi ta’ kontroll u l-proċeduri huma proporzjonati, xierqa, sodi u adegwati;

(d)deskrizzjoni tal-proċedura fis-seħħ għall-monitoraġġ, l-immaniġġar u s-segwitu ta’ inċident tas-sigurtà u lmenti tal-klijenti relatati mas-sigurtà, inkluż mekkaniżmu ta’ rapportar tal-inċidenti li jqis l-obbligi ta’ notifika stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2022/2554;

(e)deskrizzjoni tal-arranġamenti ta’ kontinwità tan-negozju, inkluża identifikazzjoni ċara tal-operazzjonijiet kritiċi, politika u pjanijiet effettivi ta’ kontinwità tan-negozju tal-ICT u pjanijiet ta’ rispons u rkupru tal-ICT, u proċedura biex jiġu ttestjati u rieżaminati regolarment l-adegwatezza u l-effiċjenza ta’ tali pjanijiet f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/2554;

(f)dokument dwar il-politika tas-sigurtà, inkluża valutazzjoni dettaljata tar-riskju b’rabta mal-operazzjonijiet tiegħu u deskrizzjoni tal-kontroll tas-sigurtà u l-miżuri ta’ mitigazzjoni meħuda biex jipproteġu b’mod adegwat lill-klijenti tiegħu kontra r-riskji identifikati, inkluża l-frodi;

(g)deskrizzjoni tal-organizzazzjoni strutturali tal-applikant, kif ukoll deskrizzjoni tal-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni;

(h)l-identità tad-diretturi u tal-persuni responsabbli għall-ġestjoni tal-applikant u, fejn rilevanti, tal-persuni responsabbli għall-ġestjoni tal-attivitajiet ta’ aċċess għad-data tal-applikant, kif ukoll evidenza li huma ta’ reputazzjoni tajba u għandhom għarfien u esperjenza xierqa biex jaċċessaw id-data kif iddeterminata f’dan ir-Regolament;

(i)l-istatus legali u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-applikant;

(j)l-indirizz tal-uffiċċju prinċipali tal-applikant;

(k)fejn applikabbli, il-ftehim bil-miktub bejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja u r-rappreżentant legali li jagħti prova tal-ħatra, tal-firxa tar-responsabbiltà u tal-kompiti li għandhom jitwettqu mir-rappreżentant legali f’konformità mal-Artikolu 13.

Għall-finijiet tal-punti (c), (d) u (g) tal-ewwel subparagrafu, l-applikant għandu jipprovdi deskrizzjoni tal-arranġamenti tal-awditjar tiegħu u l-arranġamenti organizzattivi li jkun stabbilixxa bil-ħsieb li jieħu l-passi raġonevoli kollha biex jipproteġi l-interessi tal-klijenti tiegħu u biex jiżgura l-kontinwità u l-affidabbiltà fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu.

Il-kontroll tas-sigurtà u l-miżuri ta’ mitigazzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu għandhom jindikaw kif l-applikant se jiżgura livell għoli ta’ reżiljenza operazzjonali diġitali f’konformità mal-Kapitolu II tar-Regolament (UE) 2022/2554, b’mod partikolari b’rabta mas-sigurtà teknika u l-protezzjoni tad-data, inkluż għas-software u s-sistemi tal-ICT użati mill-applikant jew mill-impriżi li lilhom jesternalizza l-operazzjonijiet kollha tiegħu jew parti minnhom.

3.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja għandu jkollhom assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali li tkopri t-territorji li fihom jaċċessaw id-data, jew xi garanzija komparabbli oħra, u għandhom jiżguraw dawn li ġejjin:

(a)kapaċità li jkopru r-responsabbiltà tagħhom li tirriżulta minn aċċess frawdolenti jew mhux awtorizzat għad-data, jew użu frawdolenti jew mhux awtorizzat tagħha;

(b)kapaċità li jkopru l-valur ta’ kwalunkwe eċċess, limitu jew ammonti deduċibbli mill-assigurazzjoni jew mill-garanzija komparabbli;

(c)il-monitoraġġ tal-kopertura tal-assigurazzjoni jew tal-garanzija komparabbli fuq bażi kontinwa.

Bħala alternattiva għaż-żamma ta’ assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali jew ta’ garanzija komparabbli oħra kif meħtieġ fl-ewwel subparagrafu, l-impriża kif imsemmija fis-subparagrafu preċedenti għandu jkollha kapital inizjali ta’ EUR 50 000, li jista’ jiġi sostitwit b’assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali jew garanzija komparabbli oħra wara li tibda l-attività tagħha bħala fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja, mingħajr dewmien żejjed.

4.L-EBA b’kooperazzjoni mal-ESMA u mal-EIOPA għandha, wara li tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a)l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-awtorità kompetenti fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja, inklużi r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1(a) sa (l);

(b)metodoloġija ta’ valutazzjoni komuni għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni bħala fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja, skont dan ir-Regolament;

(c)x’inhi garanzija komparabbli, imsemmija fil-paragrafu 2, li jenħtieġ li tkun interkambjabbli ma’ assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali;

(d)il-kriterji dwar kif għandu jiġi stipulat l-ammont monetarju minimu tal-assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali jew ta’ garanzija komparabbli oħra msemmija fil-paragrafu 2.

Meta tiġi biex tiżviluppa dawn l-istandards tekniċi regolatorji, l-EBA għandha tqis dawn li ġejjin:

(a)il-profil tar-riskju tal-impriża;

(b)jekk l-impriża tipprovdix tipi oħrajn ta’ servizzi jew hijiex involuta f’negozju ieħor;

(c)id-daqs tal-attività;

(d)il-karatteristiċi speċifiċi ta’ garanziji komparabbli u l-kriterji għall-implimentazzjoni tagħhom.

L-EBA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sa [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 9 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament 1093/2015.

F’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 1093/2010, l-EBA għandha tirrieżamina u, jekk xieraq, taġġorna dawn l-istandards tekniċi regolatorji.

Artikolu 13
Rappreżentanti legali

1.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja li mhumiex stabbiliti fl-Unjoni, iżda li jeħtieġu aċċess għad-data finanzjarja fl-Unjoni għandhom jaħtru, bil-miktub, persuna fiżika jew ġuridika bħala r-rappreżentant legali tagħhom f’wieħed mill-Istati Membri minn fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja jkollu l-ħsieb li jaċċessa data finanzjarja.

2.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja għandhom jagħtu mandat lir-rappreżentanti legali tagħhom biex jiġu indirizzati flimkien mal-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja jew minfloku mill-awtoritajiet kompetenti dwar il-kwistjonijiet kollha rilevanti għar-riċevuta, konformità u infurzar ta’ dan ir-Regolament. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja għandhom jipprovdu lir-rappreżentant legali tagħhom bis-setgħat u r-riżorsi meħtieġa biex ikunu jistgħu jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti u jiżguraw il-konformità mad-deċiżjonijiet tagħhom.

3.Ir-rappreżentant legali maħtur jista’ jinżamm responsabbli għan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà u l-azzjonijiet legali li jistgħu jinbdew kontra l-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja.

4.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja għandhom jinnotifikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika u n-numru tat-telefon tar-rappreżentant legali tagħhom lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit dak ir-rappreżentant legali. Huma għandhom jiżguraw li dik l-informazzjoni tkun aġġornata.

5.Il-ħatra ta’ rappreżentant legali fl-Unjoni skont il-paragrafu 1 ma għandhiex tikkostitwixxi stabbiliment fl-Unjoni.

Artikolu 14
L-għoti u l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja

1.L-awtorità kompetenti għandha tagħti awtorizzazzjoni jekk l-informazzjoni u l-evidenza li jakkumpanjaw l-applikazzjoni jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 11(1) u (2). Qabel ma tagħti awtorizzazzjoni, l-awtorità kompetenti tista’, fejn rilevanti, tikkonsulta ma’ awtoritajiet pubbliċi rilevanti oħrajn.

2.L-awtorità kompetenti għandha tawtorizza fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja ta’ pajjiż terz, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)il-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja ta’ pajjiż terz ikun ikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha stipulati fl-Artikoli 12 u 16;

(b)il-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja ta’ pajjiż terz ikun ħatar rappreżentant legali skont l-Artikolu 13;

(c)meta l-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja ta’ pajjiż terz ikun soġġett għal superviżjoni, l-awtorità kompetenti għandha tfittex li tistabbilixxi arranġament ta’ kooperazzjoni xieraq mal-awtorità kompetenti rilevanti tal-pajjiż terz fejn ikun stabbilit il-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja, sabiex jiġi żgurat skambju effiċjenti ta’ informazzjoni;

(d)il-pajjiż terz fejn huwa stabbilit il-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja ma huwiex elenkat bħala ġuriżdizzjoni mhux kooperattiva għal finijiet ta’ taxxa skont il-politika rilevanti tal-Unjoni jew bħala ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz b’riskju għoli li tippreżenta nuqqasijiet f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 44 .

3.L-awtorità kompetenti għandha tagħti awtorizzazzjoni biss jekk, filwaqt li tqis il-ħtieġa li tiġi żgurata l-ġestjoni tajba u prudenti ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja, il-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja jkollu arranġamenti ta’ governanza robusti għan-negozju tiegħu ta’ servizzi ta’ informazzjoni. Dan jinkludi struttura organizzazzjonali ċara b’linji ta’ responsabbiltà definiti sewwa, trasparenti u konsistenti, proċessi effettivi sabiex jiġu identifikati, ġestiti, immonitorjati u rrapportati r-riskji li għalihom huwa espost jew jista’ jkun espost, u mekkaniżmi ta’ kontroll intern adegwati, inklużi proċeduri amministrattivi u kontabilistiċi tajbin. Dawk l-arranġamenti, il-proċeduri u l-mekkaniżmi għandhom ikunu komprensivi u proporzjonati għan-natura, l-iskala u l-kumplessità tas-servizzi ta’ informazzjoni pprovduti mill-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja.

4.L-awtorità kompetenti għandha tagħti awtorizzazzjoni biss jekk il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirregolaw persuna fiżika jew ġuridika waħda jew aktar, li magħha l-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja għandu rabtiet mill-qrib, jew diffikultajiet involuti fl-infurzar ta’ dawk il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi, ma jipprevenux l-eżerċitar effettiv tal-funzjonijiet superviżorji tiegħu.

5.L-awtorità kompetenti għandha tagħti awtorizzazzjoni biss jekk tkun sodisfatta li kwalunkwe arranġament ta’ esternalizzazzjoni ma jrendix lill-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja bħala entità kaxxa tal-ittri jew li dan ma jsirx bħala mezz biex jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

6.Fi żmien 3 xhur minn meta tirċievi applikazzjoni jew, jekk l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-informazzjoni kollha meħtieġa għad-deċiżjoni, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-applikant dwar jekk l-awtorizzazzjoni tingħatax jew tiġix irrifjutata. L-awtorità kompetenti għandha tagħti r-raġunijiet meta tirrifjuta awtorizzazzjoni.

7.L-awtorità kompetenti tista’ tirtira awtorizzazzjoni maħruġa lil fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja biss jekk il-fornitur:

(a)ma jagħmilx użu mill-awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar, jirrinunzja espressament l-awtorizzazzjoni jew ikun waqaf jinvolvi ruħu fin-negozju għal aktar minn 6 xhur;

(b)ikun kiseb l-awtorizzazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew bi kwalunkwe mezz irregolari ieħor;

(c)ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni jew jonqos milli jinforma lill-awtorità kompetenti dwar żviluppi kbar f’dan ir-rigward;

(d)ikun jikkostitwixxi riskju għall-protezzjoni tal-konsumatur u għas-sigurtà tad-data.

L-awtorità kompetenti għandha tagħti raġunijiet għal kull irtirar ta’ awtorizzazzjoni u għandha tinforma lil dawk ikkonċernati b’dan. L-awtorità kompetenti għandha tippubblika l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni f’verżjoni anonimizzata.

Artikolu 15
Reġistru

1.L-EBA għandha tiżviluppa, topera u żżomm reġistru ċentrali elettroniku li jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)il-fornituri awtorizzati ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja.

(b)il-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja li jkunu nnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jaċċessaw id-data fi Stat Membru għajr l-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom.

(c)l-iskemi ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja miftiehma bejn id-detenturi tad-data u l-utenti tad-data.

2.Ir-reġistru msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun fih biss data anonimizzata.

3.Ir-reġistru għandu jkun disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-EBA u għandu jippermetti li l-informazzjoni elenkata tkun tista’ tiġi mfittxija u aċċessata faċilment.

4.L-EBA għandha ddaħħal fir-reġistru msemmi fil-paragrafu 1 kwalunkwe rtirar ta’ awtorizzazzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja jew terminazzjoni ta’ skema ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja.

5.L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mingħajr dewmien lill-EBA l-informazzjoni meħtieġa biex tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha skont il-paragrafi 1 u 3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu responsabbli għall-preċiżjoni tal-informazzjoni speċifikata fil-paragrafi 1 u 3 u biex iżommu dik l-informazzjoni aġġornata. Huma għandhom, fejn ikun teknikament possibbli, jittrażmettu din l-informazzjoni lill-EBA b’mod awtomatizzat.

Artikolu 16

Rekwiżiti organizzazzjonali għall-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja

Fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja għandu jikkonforma mar-rekwiżiti organizzazzjonali li ġejjin:

(a)huwa għandu jistabbilixxi politiki u proċeduri suffiċjenti biex jiżgura l-konformità tiegħu, inkluż tal-maniġers u l-impjegati tiegħu, mal-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament;

(b)huwa għandu jieħu passi raġonevoli sabiex jiżgura l-kontinwità u r-regolarità fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu. Għal dak il-għan, il-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja għandu juża sistemi, riżorsi u proċeduri xierqa u proporzjonati biex jiżgura l-kontinwità tal-operazzjonijiet kritiċi tiegħu, ikollu fis-seħħ pjanijiet ta’ kontinġenza u proċedura biex jittestja u jirrieżamina regolarment l-adegwatezza u l-effiċjenza ta’ tali pjanijiet;

(c)meta jistrieħ fuq parti terza għat-twettiq ta’ funzjonijiet li huma kritiċi għall-forniment ta’ servizz kontinwu u sodisfaċenti lill-klijenti u għat-twettiq ta’ attivitajiet fuq bażi kontinwa u sodisfaċenti, li jieħu passi raġonevoli biex jevita riskju operattiv addizzjonali żejjed. L-esternalizzazzjoni ta’ funzjonijiet operattivi importanti ma tistax issir b’tali mod li jfixkel materjalment il-kwalità tal-kontroll intern tiegħu u l-kapaċità tas-superviżur li jimmonitorja l-konformità tal-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja mal-obbligi kollha;

(d)huwa għandu jkollu proċeduri ta’ governanza, amministrattivi u kontabilistiċi tajbin, mekkaniżmi ta’ kontroll intern, proċeduri effettivi għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji, u arranġamenti ta’ kontroll u salvagwardja effettivi għas-sistemi tal-ipproċessar tal-informazzjoni;

(e)id-diretturi tiegħu u l-persuni responsabbli għall-ġestjoni tiegħu, kif ukoll il-persuni responsabbli għall-ġestjoni tal-attivitajiet ta’ aċċess għad-data tal-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja jkunu ta’ reputazzjoni tajba u jkollhom għarfien, ħiliet u esperjenza xierqa, kemm individwalment kif ukoll b’mod kollettiv, biex iwettqu dmirijiethom;

(f)huwa għandu jistabbilixxi u jżomm proċeduri effettivi u trasparenti għall-monitoraġġ, l-immaniġġar u s-segwitu fil-pront, ġust u konsistenti ta’ inċident ta’ sigurtà u ta’ lmenti tal-klijenti relatati mas-sigurtà, inkluż mekkaniżmu ta’ rapportar li jqis l-obbligi ta’ notifika stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2022/2554;

TITOLU VI
Awtoritajiet kompetenti u qafas ta’ superviżjoni

Artikolu 17
Awtoritajiet kompetenti

1.L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-twettiq tal-funzjonijiet u d-dmirijiet previsti f’dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk l-awtoritajiet kompetenti lill-Kummissjoni.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 1 ikollhom is-setgħat kollha meħtieġa biex iwettqu dmirijiethom.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet kompetenti jkollhom ir-riżorsi meħtieġa, notevolment f’termini ta’ persunal iddedikat, sabiex jikkonformaw mal-kompiti tagħhom skont l-obbligi fil-qafas ta’ dan ir-Regolament.

3.L-Istati Membri li ħatru fil-ġuriżdizzjoni tagħhom aktar minn awtorità kompetenti waħda għal kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet jikkooperaw mill-qrib sabiex ikunu jistgħu jaqdu d-dmirijiet rispettivi tagħhom b’mod effettiv.

4.Għall-istituzzjonijiet finanzjarji, il-konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tiġi żgurata mill-awtoritajiet kompetenti speċifikati fl-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2022/2554 f’konformità mas-setgħat mogħtija mill-atti legali rispettivi elenkati f’dak l-Artikolu, u minn dan ir-Regolament.

Artikolu 18
Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti

1.L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat investigattivi kollha meħtieġa għall-eżerċitar tal-funzjonijiet tagħhom. Dawk is-setgħat għandhom jinkludu:

(a)is-setgħa li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tintalab tipprovdi l-informazzjoni kollha li hija meħtieġa sabiex jitwettqu l-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti, inkluża l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta f’intervalli rikorrenti u f’formati speċifikati għal finijiet superviżorji u dawk ta’ statistika relatati;

(b)is-setgħa li jitwettqu l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa fir-rigward ta’ kull persuna msemmija fil-punt (a), stabbilita jew li tinsab fl-Istat Membru kkonċernat, fejn meħtieġ biex twettaq il-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti, inkluża s-setgħa li:

(i)tintalab is-sottomissjoni ta’ dokumenti;

(ii)tiġi eżaminata d-data fi kwalunkwe forma, inklużi l-kotba u r-rekords tal-persuni msemmija fil-punt (a) u jittieħdu kopji jew siltiet minn tali dokumenti;

(iii)jinkisbu spjegazzjonijiet bil-miktub jew orali minn kwalunkwe persuna msemmija fil-punt (a) jew mir-rappreżentanti jew il-persunal tagħha u, jekk ikun meħtieġ, li tiġi mħarrka jew interrogata kwalunkwe persuna bħal din bil-ħsieb li tinkiseb informazzjoni;

(iv)tiġi intervistata kwalunkwe persuna fiżika oħra li tagħti l-kunsens tagħha biex tiġi intervistata għall-fini li tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni;

(v)soġġetta għal kundizzjonijiet oħrajn stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali, is-setgħa li jsiru l-ispezzjonijiet meħtieġa fil-bini tal-persuni ġuridiċi u f’siti għajr ir-residenza privata ta’ persuni fiżiċi msemmija fil-punt (a), kif ukoll ta’ kwalunkwe persuna ġuridika oħra inkluża fis-superviżjoni konsolidata fejn awtorità kompetenti tkun is-superviżur konsolidanti, soġġetta għal notifika minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

(vi)wieħed jidħol fil-bini tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, f’konformità mal-liġi nazzjonali, sabiex jiġu sekwestrati dokumenti u d-data fi kwalunkwe forma fejn ikun jeżisti suspett raġonevoli li d-dokumenti jew id-data relatati mas-suġġett tal-ispezzjoni jew tal-investigazzjoni jistgħu jkunu meħtieġa u rilevanti biex jiġi pprovat każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;

(vii)jintalbu, sa fejn ikun permess mil-liġi nazzjonali, ir-rekords eżistenti tat-traffiku tad-data miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjoni, meta jkun hemm suspett raġonevoli ta’ ksur u meta tali rekords jistgħu jkunu rilevanti għall-investigazzjoni ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament;

(viii)jintalab l-iffriżar jew is-sekwestru tal-assi, jew it-tnejn li huma;

(ix)kwistjonijiet jiġu mgħoddija għal investigazzjoni kriminali;

(c)fin-nuqqas ta’ mezzi disponibbli oħrajn biex jitwaqqaf jew jiġi evitat kwalunkwe ksur ta’ dan ir-Regolament u sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ ħsara serja għall-interessi tal-konsumaturi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu intitolati li jieħdu kwalunkwe waħda mill-miżuri li ġejjin, inkluż billi jitolbu lil parti terza jew awtorità pubblika oħra biex timplimentahom:

(i)ineħħu kontenut jew jirrestrinġu l-aċċess għal interfaċċa online jew jordnaw li twissija tintwera b’mod espliċitu lill-klijenti meta jaċċessaw interfaċċa online;

(ii)jordnaw lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting biex ineħħi, jiddiżattiva jew jirrestrinġi l-aċċess għal interfaċċa online;

(iii)jordnaw lir-reġistri tad-dominju jew lir-reġistraturi biex iħassru isem tad-dominju kkwalifikat bis-sħiħ u jippermettu lill-awtorità kompetenti kkonċernata tirreġistra tali tħassir.

L-implimentazzjoni ta’ dan il-paragrafu u l-eżerċitar tas-setgħat stabbiliti fih għandhom ikunu proporzjonati u jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali, inkluż mas-salvagwardji proċedurali applikabbli u mal-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-miżuri ta’ investigazzjoni u infurzar adottati skont dan ir-Regolament għandhom ikunu xierqa għan-natura u għall-ħsara attwali jew potenzjali ġenerali tal-ksur.

2.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom li jinvestigaw ksur potenzjali ta’ dan ir-Regolament, u jimponu penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn previsti f’dan ir-Regolament, bi kwalunkwe wieħed mill-modi li ġejjin:

(a)direttament;

(b)b’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn;

(c)billi jiddelegaw setgħat lil awtoritajiet jew korpi oħrajn;

(d)billi jirrikorru għall-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta’ Stat Membru.

Meta l-awtoritajiet kompetenti jeżerċitaw is-setgħat tagħhom billi jiddelegaw lil awtoritajiet jew korpi oħrajn f’konformità mal-punt (c), id-delega tas-setgħat għandha tispeċifika l-kompiti delegati, il-kundizzjonijiet li taħthom għandhom jitwettqu, u l-kundizzjonijiet li taħthom is-setgħat delegati jistgħu jiġu revokati. L-awtoritajiet jew il-korpi li lilhom jiġu ddelegati s-setgħat għandhom jiġu organizzati b’tali mod li jiġu evitati kunflitti ta’ interess. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jissorveljaw l-attività tal-awtoritajiet jew tal-korpi li lilhom jiġu ddelegati s-setgħat.

3.Fl-eżerċitar tas-setgħat investigattivi u ta’ sanzjonar tagħhom, inkluż f’każijiet transfruntieri, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw b’mod effettiv ma’ xulxin u mal-awtoritajiet minn kull settur ikkonċernat, kif applikabbli għal kull każ u f’konformità mal-liġi nazzjonali u mad-dritt tal-Unjoni, sabiex jiżguraw l-iskambju ta’ informazzjoni u l-assistenza reċiproka meħtieġa għall-infurzar effettiv tas-sanzjonijiet amministrattivi u tal-miżuri amministrattivi.

Artikolu 19
Ftehimiet ta’ soluzzjoni u proċeduri ta’ infurzar imħaffa

1.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom jagħlqu investigazzjoni dwar allegat ksur ta’ dan ir-Regolament, wara ftehim ta’ soluzzjoni sabiex jintemm l-allegat ksur u l-konsegwenzi tiegħu qabel ma jinbdew proċedimenti formali ta’ sanzjonar.

2.L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom jagħlqu investigazzjoni dwar ksur stabbilit permezz ta’ proċedura ta’ infurzar imħaffa sabiex jiksbu adozzjoni rapida ta’ deċiżjoni li jkollha l-għan li timponi sanzjoni amministrattiva jew miżura amministrattiva. 

Is-setgħa tal-awtoritajiet kompetenti li jsolvu jew jiftħu proċeduri ta’ infurzar imħaffa ma taffettwax l-obbligi fuq l-Istati Membri skont l-Artikolu 20.

3.Meta l-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli msemmija fil-paragrafu 1, huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti li jirregolaw l-eżerċitar tas-setgħat imsemmija f’dak il-paragrafu u għandhom jinnotifikawha bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwa dawk ir-regoli.

Artikolu 20
Penali
amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn

1.Mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji u investigattivi tal-awtoritajiet kompetenti elenkati fl-Artikolu 18, l-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jimponu penali amministrattivi xierqa u jieħdu miżuri amministrattivi oħrajn b’rabta mal-ksur li ġej:

(a)ksur tal-Artikoli 4, 5 u 6;

(b)ksur tal-Artikoli 7 u 8;

(c)ksur tal-Artikoli 9 u 10;

(d)ksur tal-Artikoli 13 u 16;

(e)ksur tal-Artikolu 28.

2.L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistabbilixxux regoli dwar is-sanzjonijiet amministrattivi u l-miżuri amministrattivi applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament li huma soġġetti għal sanzjonijiet skont il-liġi kriminali nazzjonali. F’każ bħal dan, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi kriminali u bi kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.

3.L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jimponu l-penali amministrattivi li ġejjin u miżuri amministrattivi oħrajn b’rabta mal-ksur imsemmi fil-paragrafu 1:

(a)dikjarazzjoni pubblika li tindika l-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli u n-natura tal-ksur;

(b)ordni li titlob lill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli twaqqaf l-imġiba li tikkostitwixxi l-ksur u ma tirrepetix dik l-imġiba;

(c)ir-restituzzjoni tal-profitti miksuba jew it-telf evitat minħabba l-ksur, sa fejn dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;

(d)sospensjoni temporanja tal-awtorizzazzjoni ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja;

(e)multa amministrattiva massima ta’ mill-inqas id-doppju tal-ammont tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minħabba l-ksur, meta dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati, anki jekk tali multa taqbeż l-ammonti massimi stabbiliti fil-punt (f) ta’ dan il-paragrafu, fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, jew fil-paragrafu 4 fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi;

(f)fil-każ ta’ persuna fiżika, multi amministrattivi massimi sa EUR 25 000 għal kull ksur u sa total ta’ EUR 250 000 fis-sena, jew, fl-Istati Membri li l-munita uffiċjali tagħhom ma hijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita uffiċjali ta’ dak l-Istat Membru nhar ... [OP jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

(g)projbizzjoni temporanja ta’ kwalunkwe membru tal-korp maniġerjali tal-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja, jew kwalunkwe persuna fiżika oħra li tinżamm responsabbli għall-ksur, milli jeżerċitaw funzjonijiet maniġerjali ma’ fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja;

(h)fil-każ ta’ ksur repetut tal-artikoli msemmija fil-paragrafu 1, projbizzjoni ta’ mill-inqas 10 snin għal kwalunkwe membru tal-korp maniġerjali tal-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja, jew kwalunkwe persuna fiżika oħra li tinżamm responsabbli għall-ksur, milli jeżerċitaw funzjonijiet maniġerjali f’fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja.

4.L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jimponu, b’rabta mal-ksur imsemmi fil-paragrafu 1 u mwettaq minn persuni ġuridiċi, multi amministrattivi massimi:

(a)sa EUR 50 000 għal kull ksur u sa total ta’ EUR 500 000 fis-sena, jew, fl-Istati Membri li l-munita uffiċjali tagħhom ma hijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita uffiċjali ta’ dak l-Istat Membru nhar ... [OP jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament];

(b)2 % tal-fatturat annwali totali tal-persuna ġuridika skont l-aħħar rapporti finanzjarji disponibbli approvati mill-korp maniġerjali;

Meta l-persuna ġuridika msemmija fl-ewwel subparagrafu tkun impriża prinċipali jew sussidjarja ta’ impriża prinċipali li tkun meħtieġa tħejji rapporti finanzjarji kkonsolidati f’konformità mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 45 , il-fatturat annwali totali rilevanti għandu jkun il-fatturat nett jew id-dħul li għandu jiġi ddeterminat f’konformità mal-istandards kontabilistiċi rilevanti, skont ir-rapporti finanzjarji kkonsolidati tal-impriża prinċipali aħħarija disponibbli għall-aħħar data tal-karta bilanċjali, li għaliha huma responsabbli l-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali u superviżorju tal-impriża aħħarija.

5.L-Istati Membri jistgħu jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti biex jimponu tipi oħrajn ta’ penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 u jistgħu jipprevedu ammonti ogħla ta’ multi pekunjarji amministrattivi minn dawk stipulati f’dawk il-paragrafi.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-livell ta’ tali penali ogħla, u kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.

Artikolu 21
Pagamenti perjodiċi ta’ penali

1.L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu intitolati li jimponu pagamenti perjodiċi ta’ penali fuq persuni fiżiċi jew ġuridiċi għal nuqqas kontinwu ta’ konformità ma’ kwalunkwe deċiżjoni, ordni, miżura interim, talba, obbligu jew miżura amministrattiva oħra adottata f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Pagament perjodiku ta’ penali msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun effettiv u proporzjonat u għandu jikkonsisti f’ammont ta’ kuljum li għandu jitħallas sakemm terġa’ tiġi stabbilita l-konformità. Dawn għandhom jiġu imposti għal perjodu ta’ mhux aktar minn 6 xhur mid-data indikata fid-deċiżjoni li timponi l-pagamenti perjodiċi ta’ penali.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu intitolati li jimponu l-pagamenti perjodiċi ta’ penali li ġejjin, li jistgħu jiġu aġġustati skont is-serjetà tal-ksur u l-ħtiġijiet tas-settur:

(a)3 % tal-fatturat medju ta’ kuljum fil-każ ta’ persuna ġuridika;

(b)EUR 30 000 fil-każ ta’ persuna fiżika.

2.Il-fatturat medju ta’ kuljum imsemmi fil-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu(a), għandu jkun il-fatturat annwali totali, diviż bi 365.

3.L-Istati Membri jistgħu jipprevedu ammonti ogħla ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali minn dawk stipulati fil-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu.

Artikolu 22
Ċirkostanzi li għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġu ddeterminati l-penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn

1.L-awtoritajiet kompetenti, meta jiddeterminaw it-tip u l-livell tal-penali amministrattivi jew ta’ miżura amministrattiva oħra, għandhom iqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha sabiex jiżguraw li tali sanzjonijiet jew miżuri jkunu effettivi u proporzjonati. Dawk iċ-ċirkostanzi għandhom jinkludu, fejn xieraq:

(a)il-gravità u d-durata tal-ksur;

(b)il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur;

(c)is-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur, kif indikat, fost l-oħrajn, mill-fatturat annwali totali tal-persuna ġuridika, jew l-introjtu annwali tal-persuna fiżika responsabbli għall-ksur;

(d)il-livell ta’ profitti miksuba jew tat-telf evitat mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur, jekk ikunu jistgħu jiġu ddeterminati tali profitti jew telf;

(e)it-telf għal partijiet terzi kkawżat mill-ksur, jekk ikun jista’ jiġi ddeterminat tali telf;

(f)l-iżvantaġġ li jirriżulta għall-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur mid-duplikazzjoni ta’ proċedimenti kriminali u amministrattivi u penali għall-istess imġiba;

(g)l-impatt tal-ksur fuq l-interessi tal-klijenti;

(h)kwalunkwe konsegwenza negattiva sistemika attwali jew potenzjali tal-ksur;

(i)il-kompliċità jew il-parteċipazzjoni organizzata ta’ aktar minn persuna fiżika jew ġuridika waħda fil-ksur;

(j)ksur preċedenti mwettaq mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur;

(k)il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna fiżika jew ġuridika, responsabbli għall-ksur, mal-awtorità kompetenti;

(l)kwalunkwe azzjoni jew miżura ta’ rimedju meħuda mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur biex tiġi evitata r-repetizzjoni tiegħu.

2.L-awtoritajiet kompetenti li jużaw ftehimiet ta’ soluzzjoni jew proċeduri ta’ infurzar imħaffa skont l-Artikolu 19 għandhom jadattaw il-penali amministrattivi rilevanti u miżuri amministrattivi oħrajn previsti fl-Artikolu 20 għall-każ ikkonċernat biex jiżguraw il-proporzjonalità tagħhom, b’mod partikolari billi jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi elenkati fil-paragrafu 1.

Artikolu 23
Segretezza professjonali

1.Il-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll l-esperti li jaġixxu f’isem l-awtoritajiet kompetenti, huma marbuta bl-obbligu tas-segretezza professjonali.

2.L-informazzjoni skambjata f’konformità mal-Artikolu 26 għandha tkun soġġetta għall-obbligu tas-segretezza professjonali kemm mill-awtorità tal-kondiviżjoni kif ukoll minn dik riċeventi biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi u tan-negozji.

Artikolu 24
Dritt ta’ appell

1.Id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qrati.

2.Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll fir-rigward tan-nuqqas ta’ azzjoni.

Artikolu 25
Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti

1.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw fuq is-sit web tagħhom id-deċiżjonijiet kollha li jimponu penali amministrattiva jew miżura amministrattiva fuq persuni fiżiċi u ġuridiċi, għal ksur ta’ dan ir-Regolament u, fejn applikabbli, il-ftehimiet kollha ta’ soluzzjoni. Il-pubblikazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni qasira tal-ksur, il-penali amministrattiva jew miżura amministrattiva oħra imposta, jew, fejn applikabbli, dikjarazzjoni dwar il-ftehim ta’ soluzzjoni. L-identità tal-persuna fiżika soġġetta għad-deċiżjoni li timponi penali amministrattiva jew miżura amministrattiva ma għandhiex tiġi ppubblikata.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw id-deċiżjoni u d-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 immedjatament wara li l-persuna fiżika jew ġuridika soġġetta għad-deċiżjoni tkun ġiet innotifikata b’dik id-deċiżjoni jew wara li jkun ġie ffirmat il-ftehim ta’ soluzzjoni.

2.B’deroga mill-paragrafu 1, meta l-pubblikazzjoni tal-identità jew ta’ data personali oħra tal-persuna fiżika titqies neċessarja mill-awtorità nazzjonali kompetenti biex tipproteġi l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew, biex tiżgura l-infurzar effettiv ta’ dan ir-Regolament, inkluż fil-każ tad-dikjarazzjonijiet pubbliċi msemmija fl-Artikolu 20(3)(a), jew il-projbizzjonijiet temporanji msemmija fl-Artikolu 20(3)(g), l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tippubblika wkoll l-identità tal-persuni jew id-data personali, diment li dan jiġġustifika tali deċiżjoni u li l-pubblikazzjoni tkun limitata għad-data personali li hija strettament meħtieġa biex tiġi protetta l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew biex jiġi żgurat l-infurzar effettiv ta’ dan ir-Regolament.

3.Meta d-deċiżjoni li timponi penali amministrattiva jew miżura amministrattiva oħra tkun soġġetta għal appell quddiem l-awtorità ġudizzjarja jew awtorità oħra rilevanti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw ukoll fuq is-sit web uffiċjali tagħhom, mingħajr dewmien, informazzjoni dwar l-appell u kwalunkwe informazzjoni sussegwenti dwar l-eżitu ta’ tali appell, sa fejn dan ikun jikkonċerna persuni ġuridiċi. Meta d-deċiżjoni appellata tkun tikkonċerna persuni fiżiċi u d-deroga taħt il-paragrafu 2 ma tiġix applikata, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw l-informazzjoni dwar l-appell f’verżjoni anonimizzata biss.

4.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kwalunkwe pubblikazzjoni li ssir f’konformità ma’ dan l-Artikolu tibqa’ fuq is-sit web uffiċjali tagħhom għal perjodu ta’ mill-inqas 5 snin. Id-data personali li tinsab fil-pubblikazzjoni għandha tinżamm fuq is-sit web uffiċjali tal-awtorità kompetenti biss jekk rieżami annwali juri l-ħtieġa kontinwa li tiġi ppubblikata dik id-data biex tiġi protetta l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew biex jiġi żgurat l-infurzar effettiv ta’ dan ir-Regolament u, fi kwalunkwe każ, għal mhux aktar minn 5 snin.

Artikolu 26
Kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti

1.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u ma’ awtoritajiet kompetenti rilevanti oħrajn maħtura skont il-liġi nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji, biex għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament iwettqu d-dmirijiet tal-awtoritajiet kompetenti.

2.L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħrajn responsabbli għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja għandu jkun permess għall-finijiet tat-twettiq ta’ dmirijiethom skont dan ir-Regolament.

3.L-awtoritajiet kompetenti li jiskambjaw informazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti oħrajn skont dan ir-Regolament jistgħu jindikaw fil-mument tal-komunikazzjoni li tali informazzjoni ma għandhiex tiġi ddivulgata mingħajr il-qbil espliċitu tagħhom, f’liema każ tali informazzjoni tista’ tiġi skambjata biss għall-finijiet li għalihom dawk l-awtoritajiet ikunu taw il-qbil tagħhom.

4.L-awtorità kompetenti ma għandhiex tittrażmetti l-informazzjoni kondiviża minn awtoritajiet kompetenti oħrajn lil korpi oħrajn jew persuna fiżiċi jew ġuridiċi mingħajr il-qbil espliċitu tal-awtoritajiet kompetenti li ddivulgawha u għall-finijiet li għalihom dawk l-awtoritajiet ikunu taw il-qbil tagħhom biss, ħlief f’ċirkostanzi debitament ġustifikati. F’dan l-aħħar każ, il-punt ta’ kuntatt għandu jinforma minnufih lill-punt ta’ kuntatt li jkun bagħat l-informazzjoni.

5.Meta l-obbligi skont dan ir-Regolament ikunu jikkonċernaw l-ipproċessar ta’ data personali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet superviżorji stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2016/679.

Artikolu 27
Soluzzjoni ta’ nuqqasijiet ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti

1.Meta awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tqis li, fi kwistjoni partikolari, il-kooperazzjoni transfruntiera mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor kif imsemmi fl-Artikolu 28 jew 29 ta’ dan ir-Regolament ma tkunx konformi mal-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti f’dawk id-dispożizzjonijiet, hija tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-EBA u tista’ titlob l-assistenza tagħha f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

2.Meta l-EBA tkun intalbet tipprovdi assistenza skont il-paragrafu 1, hija għandha tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolanent (UE) Nru 1093/2010 mingħajr dewmien żejjed. L-EBA tista’ wkoll, fuq inizjattiva tagħha stess, tassisti lill-awtoritajiet kompetenti biex jilħqu ftehim f’konformità mal-Artikolu 19(1), it-tieni subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament. Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet kompetenti involuti għandhom jiddifferixxu d-deċiżjonijiet tagħhom sakemm jissolva n-nuqqas ta’ qbil skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

TITOLU VII
Aċċess transfruntier għad-
data

Artikolu 28
Aċċess transfruntier għad-data mill-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja

1.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jitħallew ikollhom aċċess għad-data elenkata fl-Artikolu 2(1) ta’ klijenti tal-Unjoni, miżmuma mid-detenturi tad-data stabbiliti fl-Unjoni, skont il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew il-libertà tal-istabbiliment.

2.Fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja li jkun jixtieq li jkollu aċċess għad-data elenkata fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament għall-ewwel darba fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru domiċiljari tiegħu, fl-eżerċitar tad-dritt tal-istabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandu jikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru domiċiljari tiegħu:

(a)l-isem, l-indirizz u, fejn applikabbli, in-numru tal-awtorizzazzjoni tal-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja;

(b)l-Istat(i) Membru/i li fih/fihom ikollu l-ħsieb li jkollu aċċess għad-data elenkata fl-Artikolu 2(1);

(c)it-tip ta’ data li jixtieq ikollu aċċess għaliha;

(d)l-iskemi ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja li tagħhom huwa membru.

Meta l-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja jkollu l-ħsieb li jesternalizza funzjonijiet operazzjonali ta’ aċċess għad-data lil entitajiet oħrajn fl-Istat Membru ospitanti, huwa għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu b’dan.

3.Fi żmien xahar minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandhom jibagħtuha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti.

4.Il-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja għandu jikkomunika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju mingħajr dewmien żejjed kwalunkwe bidla rilevanti fir-rigward tal-informazzjoni kkomunikata f’konformità mal-paragrafu 1, inklużi entitajiet addizzjonali li lilhom jiġu esternalizzati attivitajiet fl-Istati Membri ospitanti li fihom jopera. Għandha tapplika l-proċedura prevista fil-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 29
Raġunijiet u komunikazzjoni

Kull miżura meħuda mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 18 jew l-Artikolu 28 li tinvolvi penali jew restrizzjoni fuq l-eżerċitar tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew tal-libertà tal-istabbiliment għandha tiġi ġġustifikata kif suppost u kkomunikata lill-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja kkonċernat.

TITOLU VIII

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 30
Eżerċitar tad-delega

1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-att delegat imsemmi fl-Artikolu 11 għal perjodu ta’ XX xhur minn … [OP jekk jogħġbok daħħal: id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn 9 xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ XX xhur. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perjodi ta’ durata identika, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn 3 xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 11 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 11 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi 3 xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 31
Evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament u rapport dwar l-aċċess għad-data finanzjarja

1.Sa [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 4 snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tissottometti rapport dwar is-sejbiet ewlenin tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dik l-evalwazzjoni għandha tivvaluta, b’mod partikolari:

(a)kategoriji jew settijiet ta’ data oħrajn li għandhom isiru aċċessibbli;

(b)l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ data u entitajiet;

(c)bidliet fil-prattiki kuntrattwali tad-detenturi tad-data u tal-utenti tad-data u l-operat ta’ skemi ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja;

(d)l-inklużjoni ta’ tipi oħrajn ta’ entitajiet fil-lista ta’ dawk l-entitajiet mogħtija d-dritt ta’ aċċess għad-data.

(e)l-impatt tal-kumpens fuq il-kapaċità tal-utenti tad-data li jipparteċipaw fi skemi ta’ kondiviżjoni ta’ data finanzjarja u li jaċċessaw id-data mid-detenturi tad-data.

2.Sa [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 4 snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-kundizzjonijiet għall-aċċess għad-data finanzjarja applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet skont dan ir-Regolament u skont id-Direttiva (UE) 2015/2366. Ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat, jekk jitqies xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

Artikolu 32
Emenda għar-Regolament (UE) Nru 1093/2010

Fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Awtorità għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija minn dan ir-Regolament u fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/87/KE, tad-Direttiva 2008/48/KE*, tad-Direttiva 2009/110/KE, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013**, tad-Direttiva 2013/36/UE***, tad-Direttiva 2014/49/UE****, tad-Direttiva 2014/92/UE*****, tad-Direttiva (UE) 2015/2366******, tar-Regolament (UE) 2023/1114 (*******), tar-Regolament (UE) 2024/.../UE (********) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u, sa fejn dawk l-atti japplikaw għall-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu u għall-awtoritajiet kompetenti li jissorveljawhom, fi ħdan il-partijiet rilevanti tad-Direttiva 2002/65/KE, inklużi d-direttivi, ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet kollha bbażati fuq dawk l-atti, u ta’ kwalunkwe att legalment vinkolanti ieħor tal-Unjoni li jagħti kompiti lill-Awtorità. L-Awtorità għandha taġixxi wkoll f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013*********.

*    Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).

**    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

***    Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

****    Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).

*****    Id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214).

******    Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

*******    Ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40).

******** Ir-Regolament (UE) 2024/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ … dwar qafas għall-Aċċess għad-Data Finanzjarja u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (EU) 1095/2010 u (UE) 2022/2554 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU L ..., ...., p.).

*********    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).”

Artikolu 33
Emenda għar-Regolament (UE) Nru 1094/2010

Fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Awtorità għandha taġixxi fi ħdan is-setgħat mogħtija minn dan ir-Regolament u fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/.../UE (*) tad-Direttiva 2009/138/KE bl-eċċezzjoni tat-Titolu IV tagħha, tad-Direttiva 2002/87/KE, tad-Direttiva (UE) 2016/97 (**) u tad-Direttiva (UE) 2016/2341 (***) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u, sa fejn dawk l-atti japplikaw għal fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja, impriżi tal-assigurazzjoni, impriżi tar-riassigurazzjoni, istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali u intermedjarji tal-assigurazzjoni, fi ħdan il-partijiet rilevanti tad-Direttiva 2002/65/KE, inklużi d-direttivi, ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet kollha bbażati fuq dawk l-atti, u kull att legalment vinkolanti ieħor tal-Unjoni li jagħti kompiti lill-Awtorità.”

* Ir-Regolament (UE) 2024/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ … dwar qafas għall-Aċċess għad-Data Finanzjarja u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010, (UE) Nru 1095/2010 u (UE) 2022/2554 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU L …, ...., p.).

** Id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 
tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19).

*** Id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 
tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet 
għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs) (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37).

Artikolu 34
Emenda għar-Regolament (UE) Nru 1095/2010

Fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Awtorità għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija minn dan ir-Regolament u fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 97/9/KE, 98/26/KE, 2001/34/KE, 2002/47/KE, 2004/109/KE, 2009/65/KE, tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill**, tar-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill***, tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill****, tar-Regolament (UE) 2024/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill***** u sa fejn dawk l-atti japplikaw għal ditti li jipprovdu servizzi ta’ investiment jew għal impriżi ta’ investiment kollettiv li jikkummerċjalizzaw l-unitajiet jew l-ishma tagħhom, emittenti jew offerenti ta’ kriptoassi, persuni li jkunu qed ifittxu l-ammissjoni għan-negozjar jew fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi u l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljawhom, fi ħdan il-partijiet rilevanti tad-Direttivi 2002/87/KE u 2002/65/KE, inklużi d-direttivi, ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet kollha bbażati fuq dawk l-atti, u kull att legalment vinkolanti ieħor tal-Unjoni li jagħti kompiti lill-Awtorità.

___________

*    Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

**    Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

***    Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).

****    Ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40).”

***** Ir-Regolament (UE) 2024/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ … dwar qafas għall-Aċċess għad-Data Finanzjarja u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) 1094/2010, (UE) 1095/2010 u (UE) 2022/2554 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU L ..., ...., p.).

Artikolu 35
Emenda għar-Regolament (UE) 2022/2554

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554 huwa emendat kif ġej:

(1)Fil-punt (u), il-marka ta’ punteġġjatura “.” hija sostitwita b’“;”

(2)jiżdied il-punt (v) li ġej:

“(v) fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja.”

Artikolu 36
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika minn [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament]. Madankollu, l-Artikoli minn 9 sa 13 għandhom japplikaw minn [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tad-19 ta’ Frar 2020, Strateġija Ewropea għad-data (COM(2020) 66 final).
(2)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tad-29 ta’ Settembru 2020 dwar Strateġija għall-Finanzi Diġitali għall-UE (COM/2020/591 final).

(3)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta’ Novembru 2021, Unjoni tas-Swieq Kapitali – Ir-riżultati sena wara l-Pjan ta’ Azzjoni (COM/2021/720 final).
(4)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha (l-Att dwar id-Data), COM/2022/68 final.
(5)    L-istrateġija ta’ investiment bl-imnut adottata tinkludi l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi (UE) 2009/65/KE, 2009/138/KE, 2011/61/UE, 2014/65/UE u (UE) 2016/97 fir-rigward tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-investituri bl-imnut u proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 fir-rigward tal-modernizzazzjoni tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija. 
(6)    ĠU C , , p. .
(7)    Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).
(8)    https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1593073685620&uri=CELEX%3A52020DC0066
(9)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(10)    Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (riformulazzjoni) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).
(11)    Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).
(12)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija għall-Finanzjament tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Sostenibbli, COM/2021/390 final.
(13)     Rapport Finali tal-EBA dwar il-Linji Gwida dwar l-oriġinazzjoni u l-monitoraġġ tas-self.pdf (europa.eu) , 29.5.2020.
(14)    Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70–115).
(15)    COM(2021) 281 final, 2021/0136(COD).
(16)    Ir-Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar il-governanza Ewropea tad-data u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (Att dwar il-Governanza tad-Data) (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 1).
(17)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(18)    Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 1).
(19)    Ir-Regolament (UE) … (ĠU ….)
(20)    Id-Direttiva (UE) … (ĠU…).
(21)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami tad-Direttiva 2015/2366/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern.
(22)    Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).
(23)    Id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 060, 28.2.2014, p. 34).
(24)    Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).
(25)    Id-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU L 263, 7.10.2009, p. 11).
(26)    Ir-Regolament (UE) 2019/1238 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew (PEPP) (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 1).
(27)    Id-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43).
(28)    Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
(29)    Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).
(30)    Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(31)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(32)    Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (riformulazzjoni) (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(33)    Id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs) (riformulazzjoni) (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37).
(34)    Id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19–5).
(35)    Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).
(36)    Ir-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(37)    Ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40).
(38)    Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).
(39)    Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (riformulazzjoni) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).
(40)    Id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19).
(41)    Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1).
(42)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 rigward id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (C(2003) 1422) ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.
(43)    Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63).
(44)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b’riskju kbir b’nuqqasijiet strateġiċi.
(45)    Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).