SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
26 ta’ Settembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħaddiema migranti – Sigurtà soċjali – Leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikoli 13 u 14a – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 11 u Artikolu 13(2) – Ħaddiem li jwettaq attività bla ħlas b’mod simultanju fit-territorju ta’ żewġ Stati jew iktar, fosthom Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u Stat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera – Artikolu 87(8) – Kunċett ta’ ‘sitwazzjoni relevanti’ – Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni”
Fil-Kawża C‑329/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Mejju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Mejju 2023, fil-proċedura
Sozialversicherungsanstalt der Selbständigen
vs
W M,
fil-preżentza ta’:
Bundesminister für Soziales, Gesundheit, Pflege und Konsumentenschutz,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal W M, minn A. Wittwer, Rechtsanwalt, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u E. Samoilova, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn J. Benešová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern tal-Prinċipat tal-Liechtenstein, minn A. Entner-Koch u R. Schobel, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche-Duvieusart u minn B.‑R. Killmann, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA, minn M. Brathovde, E. Gromnicka u M.‑M. Joséphidès, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu minn post għal ieħor ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 631/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 10) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll, min-naħa l-oħra, tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”), u b’mod partikolari, tal-Artikolu 13(2) kif ukoll tal-Artikolu 87(8) ta’ dan ir-regolament, moqrija flimkien mar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU 2009, L 284, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn is-Sozialversicherungsanstalt der Selbständigen (il-Korp ta’ Assigurazzjoni Soċjali għall-Persuni li Jaħdmu għal Rashom, iktar ’il quddiem is-“SVS”) u W M dwar ir-rifjut tas-SVS li joħroġ lil W M dikjarazzjoni li tindika li, għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2017 sal‑31 ta’ Marzu 2018 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inkwistjoni”), huwa kien suġġett għall-iskema ta’ sigurtà soċjali Awstrijaka. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt internazzjonali
Il‑Ftehim ŻEE
|
3 |
Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3), kif emendat bil-Ftehim dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU 2007, L 221, p. 15) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) għandu l-għan, skont l-Artikolu 1 tiegħu, li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tal-kummerċ u tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti b’kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni, u l-osservanza tal-istess regoli, bil-ħsieb li tinħoloq Żona Ekonomika Ewropea omoġenea, imsejħa “ŻEE”. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-assoċjazzjoni tinkludi, skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE, b’mod partikolari l-moviment liberu tal-persuni. |
|
4 |
L-Artikolu 2 tal-Ftehim ŻEE jistipula fil-punt (b) tiegħu li, għall-finijiet tal-imsemmi ftehim, “Stati tal-[Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA)]” tfisser l-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja u, fil-punt (ċ) tiegħu li bħala “Partijiet Kontraenti”, għal dak li jirrigwarda l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, tfisser jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, jew l-Unjoni, jew l-Istati Membri. |
|
5 |
It-tielet parti tal-Ftehim ŻEE, intitolata “Moviment Liberu ta’ Persuni, Servizzi u Kapital”, tinkludi, fil-Kapitolu 1 tagħha, intitolat “Ħaddiema u Persuni li Jaħdmu għal Rashom”, l-Artikoli 28 sa 30 ta’ dan il-ftehim. |
|
6 |
L-Artikolu 28(1) tal-Ftehim ŻEE jipprovdi li għandha tiġi żgurata l-libertà tal-moviment lill-ħaddiema fost l-Istati Membri tal-Unjoni u l-Istati tal-EFTA. |
|
7 |
L-Artikolu 29 ta’ dan il-ftehim jirreferi għall-Anness VI tal-imsemmi ftehim għall-istabbiliment tal-moviment liberu tal-ħaddiema impjegati jew tal-persuni li jaħdmu għal rashom fil-qasam tas-sigurtà soċjali. |
|
8 |
L-Anness VI (Sigurtà soċjali) tal-Ftehim ŻEE jinkludi, skont id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 76/2011 tal‑1 ta’ Lulju 2011 li temenda l-Anness VI (Sigurtà Soċjali) u l-Protokoll 37 għall-Ftehim taż-ŻEE (ĠU 2011, L 262, p. 33) daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Ġunju 2012, ir-Regolament Nru 883/2004 u r-Regolament Nru 987/2009 bħala “atti msemmija”. Qabel din id-data, kien ir-Regolament Nru 1408/71 li kien jinsab fl-imsemmi anness. |
|
9 |
L-Anness VI tal-Ftehim ŻEE jindika, barra minn hekk, li, għall-finijiet ta’ dan l-Anness u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 ta’ dan il-ftehim, “il-kliem ‘Stat(i) Membru(i)’ fl-atti msemmija għandhom jinftiehmu li jinkludu, flimkien mat-tifsira tagħhom fl-atti [tal-Unjoni] relevanti, lill-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja”. |
Il‑FMLP
|
10 |
L-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil‑21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2009, L 353, p. 71, iktar ’il quddiem il-“FMLP”) intitolat “Il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali”, huwa fformulat kif ġej: “B’mod partikolari, il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu, skond l-Anness II, għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali bl-għan li:
[…]” |
|
11 |
L-Anness II tal-FMLP, intitolat “Koordinazzjoni tal-Iskemi tas-Sigurtà Soċjali”, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill‑1 ta’ April 2012, jipprevedi, fl-Artikolu 1 tiegħu: “1. Il-partijiet kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali, li japplikaw bejniethom l-atti legali tal-Unjoni Ewropea li għalihom qiegħda ssir referenza u kif emendati, bis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness, jew ir-regoli ekwivalenti għal dawn l-atti. 2. It-terminu ‘Stat(i) Membru/i’ inkluż fl-atti legali msemmija fis-sezzjoni A ta’ dan l-Anness għandu jinftiehem li jinkludi lill-Isvizzera flimkien mal-Istati koperti mill-atti legali rilevanti tal-Unjoni Ewropea.” |
|
12 |
It-Taqsima A tal-Anness II tal-FMLP, intitolata “Atti legali msemmija”, tinkludi b’mod partikolari r-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009, li ssostitwixxew lir-Regolament Nru 1408/71. |
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir‑Regolament Nru 1408/71
|
13 |
Skont l-Artikolu 2 tiegħu intitolat “Il-Persuni koperti”, ir-Regolament Nru 1408/71 li tħassar u li ġie ssostitwit, b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2010, permezz tar-Regolament Nru 883/2004 kien japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati bir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ iktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom. |
|
14 |
It-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Determinazzjoni tal-Leġislazzjoni Applikabbli” kien jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 13 u 14a ta’ dan ir-regolament. |
|
15 |
L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, intitolat “Regola ġenerali”, kien jipprovdi: “1. Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu. 2. Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:
[…]” |
|
16 |
L-Artikolu 14 tal-istess regolament, intitolat “Regoli speċjali applikabbli għall-persuni, barra dawk li jaħdmu fuq il-baħar, li jaħdmu għal rashom”, kien jipprovdi: “L-Artikolu 13(2)(b) jkun japplika suġġett għall-eċċezzjonijiet u ċirkustanzi segwenti: […]
[…]” |
Ir‑Regolament Nru 883/2004
|
17 |
It-titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Determinazzjoni ta’ Liema Leġislazzjoni Tapplika”, li jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 11 u 13 tiegħu. |
|
18 |
L-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.” |
|
19 |
L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, intitolat “Twettiq ta’ attivitajiet f’żewġ Stati Membri jew aktar”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Persuna li normalment twettaq attività bħala persuna li taħdem għal rasha f’żewġ Stati Membri jew aktar għandha tkun suġġetta għal:
|
|
20 |
L-Artikolu 87 tal-istess regolament dwar dispożizzjonijiet tranżitorji, jipprovdi, fil-paragrafu 8 tiegħu: “Jekk, bħala riżultat ta’ dan ir-Regolament, persuna hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru barra minn dak determinat skont it-Titolu II tar-Regolament [Nru 1408/71], dik il-leġiżlazzjoni għandha tkompli tapplika sakemm is-sitwazzjoni relevanti tibqa’ ma nbidlitx u fi kwalunkwe każ għal perijodu mhux anqas minn 10 snin mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sakemm il-persuna kkonċernata ma titlobx li hija ssir suġġetta għal-leġiżlazzjoni applikabbli taħt dan ir-Regolament. It-talba għandha tiġi preżentata fi żmien tliet xhur wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hi applikabbli taħt dan ir-Regolament jekk il-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru sa mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk it-talba ssir wara l-limitu taż-żmien indikat, il-bidla tal-leġiżlazzjoni applikabbli għandha ssir fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara.” |
Ir‑Regolament Nru 987/2009
|
21 |
L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 987/2009 jipprevedi: “[…] (5b) L-attivitajiet marġinali m’għandhomx jitqiesu għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli skont l-Artikolu 13 tar-[Regolament Nru 883/2004]. L-Artikolu 16 [ta’ dan ir-regolament] għandu japplika għall-każijiet kollha taħt dan l-Artikolu. […] 8. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) u (2) tar-[Regolament Nru 883/2004], ‘parti sostanzjali tal-attività ta’ persuna impjegata jew li taħdem għal rasha’ imwettqa fi Stat Membru għandha tfisser li parti sostanzjali b’mod kwantitattiv tal-attivitajiet kollha tal- persuna impjegata jew li taħdem għal rasha titwettaq hemmhekk, mingħajr ma din neċessarjament tkun il-parti l-kbira ta’ dawn l-attivitajiet. Biex jiġi ddeterminat jekk parti sostanzjali tal-attivitajiet hijiex imwettqa fi Stat Membru, għandu jittieħed kont tal-kriterji indikattivi li ġejja:
Fil-qafas ta’ evalwazzjoni globali, sehem ta’ anqas minn 25 % rigward il-kriterji msemmijin hawn fuq għandu jkun indikazzjoni li parti sostanzjali tal-attivitajiet kollha mhijiex imwettqa fl-Istat Membru relevanti. 9. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(2)(b) tar-[Regolament Nru 883/2004], iċ-‘ċentru tal-interess’ tal-attivitajiet ta’ persuna li taħdem għal rasha għandu jiġi ddeterminat billi jiġu kkunsidrati l-aspetti kollha tal-attivitajiet professjonali ta’ dik il-persuna, notevolment il-post fejn qiegħed l-indirizz fiss u permanenti tan-negozju tal-persuna, in-natura abitwali jew it-tul ta’ żmien tal-attivitajiet imwettqa, in-numru ta’ servizzi li jingħataw, u l-intenzjoni tal-persuna kkonċernata kif jidher miċ-ċirkostanzi kollha. […]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
22 |
Fl‑14 ta’ April 2020, W M, ta’ nazzjonalità Awstrijaka u tal-Liechtenstein, talab lis-SVS joħroġlu, abbażi tar-Regolament Nru 1408/71, formola E101 li tiċċertifika li huwa kien suġġett għas-sigurtà soċjali Awstrijaka matul il-perijodu inkwistjoni, li matulu huwa kien iwettaq b’mod simultanju attivitajiet professjonali bħala persuna li taħdem għal rasha bħala tabib fl-Awstrija, fil-Liechtenstein u fl-Isvizzera, fir-rigward ta’ madwar 19 %, 78 % u 3 % tad-dħul tiegħu rispettivament. |
|
23 |
Qabel ma, fl‑1 ta’ Jannar 2017, beda attività professjonali supplimentari bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Isvizzera, W M kien iwettaq attività professjonali bħala persuna li taħdem għal rasha fl-istess ħin fil-Liechtenstein u fl-Awstrija u kien, minħabba r-residenza tiegħu fl-Awstrija, suġġett għal-leġiżlazzjoni Awstrijaka fil-qasam tas-sigurtà soċjali skont il-punt 2 tal-Artikolu 14a tar-Regolament Nru 1408/71. |
|
24 |
Peress li r-Regolament Nru 883/2004 ssostitwixxa lir-Regolament Nru 1408/71, il-SVS ikklassifika mill-ġdid it-talba tal-persuna kkonċernata bħala li hija intiża sabiex tikseb formola A1 abbażi tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009 u ċaħadha permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Ottubru 2020. Dan ir-rifjut kien motivat mill-fatt li, huwa minnu li, fir-relazzjonijiet mal-Prinċipat tal-Liechtenstein, abbażi tal-Ftehim ŻEE, u fir-relazzjonijiet mal-Konfederazzjoni Svizzera, abbażi tal-FMLP, dawn ir-regolamenti japplikaw għat-tliet Stati kkonċernati. Madankollu, fil-każ ineżami, ma jeżistix ftehim li jkopri kemm l-Istati Membri taż-ŻEE kif ukoll il-Konfederazzjoni Svizzera, b’tali mod li l-attivitajiet ta’ W M matul il-perijodu inkwistjoni għandhom ikunu suġġetti separatament għal-leġiżlazzjonijiet ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati. |
|
25 |
Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) laqgħet ir-rikors ippreżentat minn W M kontra din id-deċiżjoni u ddeċidiet li kellha tinħareġ dikjarazzjoni lill-persuna kkonċernata li tindika li, matul il-perijodu inkwistjoni, hija kienet suġġetta għas-sigurtà soċjali Awstrijaka. |
|
26 |
Din il-qorti qieset li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha tiġi eżaminata, fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fl-Awstrija u fil-Liechtenstein, abbażi tal-Ftehim ŻEE u, fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fl-Awstrija u fl-Isvizzera, abbażi tal-FMLP u li kien meħtieġ, f’dan ir-rigward, li jiġi ddeterminat jekk l-attività professjonali mwettqa minn W M fl-Isvizzera kinitx tikkostitwixxi bidla fis-sens tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004, b’tali mod li r-Regolament Nru 1408/71 ma jistax jiġi applikat fil-każ ineżami. |
|
27 |
Fi tmiem l-eżami tagħha, l-imsemmija qorti qieset, minn naħa, għal dak li jirrigwarda l-Ftehim ŻEE, li, konformement mal-Artikolu 14a tar-Regolament Nru 1408/71, W M kien suġġett għal-leġiżlazzjoni Awstrijaka fil-qasam tas-sigurtà soċjali għall-attivitajiet professjonali mwettqa fl-imsemmija Stati. Skont din il-qorti, l-eżerċizzju ta’ attività professjonali simultanja supplimentari fl-Isvizzera ma kienx rilevanti fir-rigward ta’ dan il-ftehim u għaldaqstant ma kienx iwassal għal bidla fis-sitwazzjoni relevanti, fis-sens tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004. Min-naħa l-oħra, hija qieset, fir-rigward tal-FMLP, li, konformement mal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 883/2004, W M kien ukoll suġġett għal-leġiżlazzjoni Awstrijaka fil-qasam tas-sigurtà soċjali, peress li kien iwettaq fl-Awstrija, fejn huwa kien jirrisjedi, il-parti sostanzjali tal-attivitajiet professjonali tiegħu. |
|
28 |
Il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju, adita b’rikors għal reviżjoni ppreżentat mis-SVS kontra din id-deċiżjoni, tfakkar li d-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali applikabbli għal ċittadin tal-Unjoni li jwettaq attivitajiet professjonali f’diversi Stati Membri hija rregolata mir-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mar-Regolament Nru 987/2009. Skont din il-qorti, dawn ir-regolamenti huma applikabbli fir-relazzjonijiet ma’ Stati oħra permezz ta’ ftehimiet, b’mod partikolari għall-Istati taż-ŻEE, fosthom il-Prinċipat tal-Liechtenstein, skont il-Ftehim ŻEE u, skont il-FMLP, għall-Konfederazzjoni Svizzera. |
|
29 |
Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-fatt li l-approċċ li tiġi eżaminata separatament, fil-kuntest tal-Ftehim ŻEE, minn naħa, u fil-kuntest tal-FMLP, min-naħa l-oħra, liema hija, konformement mar-regoli previsti mir-Regolamenti Nri 1408/71 u 883/2004, il-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali applikabbli, huwa konformi mal-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli stabbilit fl‑Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 u fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li tali eżami separat jista’, f’ċirkustanzi oħra minbarra dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iwassal sabiex leġiżlazzjonijiet differenti japplikaw fl-istess ħin għall-istess persuna u għall-istess perijodu. Għaldaqstant, din il-qorti tqis neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk ir-Regolamenti Nri 1408/71 u 883/2004 humiex applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, fl-affermattiv, dwar il-mod kif għandhom jiġu applikati. |
|
30 |
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li dawn ir-regolamenti japplikaw fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tranżitorja prevista fl-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
31 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, qabel il-perijodu inkwistjoni u l-bidu tal-attività professjonali supplimentari tiegħu fl-Isvizzera, W M, li kien iwettaq attività bħala persuna li taħdem għal rasha b’mod simultanju fl-Awstrija u fil-Liechtenstein, kien, minħabba d-domiċilju tiegħu fl-Awstrija, suġġett għal-leġiżlazzjoni Awstrijaka, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 14a tar-Regolament Nru 1408/71. Issa, ir-Regolament Nru 883/2004, li ssostitwixxa lir-Regolament Nru 1408/71, jipprevedi, fl-Artikolu 13(2) tiegħu, li, fil-każ ta’ attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha mwettqa f’diversi Stati Membri, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tapplika biss jekk parti sostanzjali mill-attivitajiet jitwettqu hemmhekk ukoll, u fin-nuqqas ta’ dan, tapplika l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih ikun jinsab il-qofol tal-interessi tal-attivitajiet tal-persuna kkonċernata. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni tal-Liechtenstein għandha tapplika għal W M matul il-perijodu inkwistjoni minħabba l-eżerċizzju ta’ parti sostanzjali mill-attivitajiet tiegħu fil-Liechtenstein. Madankollu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka fil-qasam tas-sigurtà soċjali kompliet tapplika għall-persuna kkonċernata, peress li s-sitwazzjoni tagħha baqgħet l-istess wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. |
|
32 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-fatt li W M li diġà jwettaq attività professjonali f’żewġ Stati, fosthom Stat Membru tal-Unjoni u Stat tal-EFTA, parti fil-Ftehim ŻEE, jibda attività professjonali supplimentari ta’ daqs żgħir fit-tielet Stat, jiġifieri l-Konfederazzjoni Svizzera, jikkostitwixxix bidla fis-“sitwazzjoni revelanti” fis-sens tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004. |
|
33 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv:
|
Fuq id‑domandi preliminari
|
34 |
Permezz tat-tliet domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mar-Regolament Nru 987/2009, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għal sitwazzjoni li fiha ċittadin tal-Unjoni, li jwettaq attivitajiet professjonali bħala persuna li taħdem għal rasha b’mod simultanju fi Stat Membru tal-Unjoni u fi Stat tal-EFTA parti fil-Ftehim ŻEE, jibda attività professjonali supplimentari bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Isvizzera. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk għandhiex tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali applikabbli skont dawn ir-regolamenti għal tali sitwazzjoni b’mod separat, jiġifieri, minn naħa, abbażi tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-Istat Membru u l-Istat tal-EFTA parti fil-Ftehim ŻEE u, min-naħa l-oħra, abbażi tal-FMLP fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-Istat Membru tal-Unjoni u l-Konfederazzjoni Svizzera. |
|
35 |
Qabelxejn għandu jitfakkar li l-Ftehim ŻEE jipprevedi, fl-Artikoli 28 sa 30 tiegħu kif ukoll fl-Anness VI (Sigurtà Soċjali), li r-Regolamenti 883/2004 u 987/2009 japplikaw f’sitwazzjonijiet li jinvolvu l-Istati Membri tal-Unjoni u l-Prinċipat tal-Liechtenstein. Bl-istess mod, il-FMLP u, b’mod iktar partikolari l-Artikolu 8 u l-Anness II tiegħu, jipprevedu li dawn ir-regolamenti japplikaw fis-sitwazzjonijiet li jinvolvu l-Istati Membri tal-Unjoni u l-Konfederazzjoni Svizzera. |
|
36 |
Minn dan isegwi li r-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009 japplikaw għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha ċittadin tal-Unjoni, li jwettaq attività professjonali bħala persuna li taħdem għal rasha b’mod simultanju fl-Awstrija u fil-Liechtenstein, jibda attività professjonali supplimentari bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Isvizzera. |
|
37 |
Kull interpretazzjoni kuntrarja kieku twassal sabiex iċċaħħad liċ-ċittadin tal-Unjoni milli jibbenefika mid-drittijiet li huwa jislet mir-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009 u, konsegwentement, li tiżvantaġġah għas-sempliċi raġuni li huwa eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu mhux biss fil-Liechtenstein iżda wkoll fl-Isvizzera. |
|
38 |
Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-libertà ta’ moviment tal-persuni ggarantita mill-FMLP tkun ostakolata jekk ċittadin ta’ parti kontraenti jġarrab żvantaġġ fl-Istat ta’ oriġini tiegħu għall-unika raġuni li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Wächtler,C‑581/17, EU:C:2019:138, punt 53). Tali interpretazzjoni kieku tmur ukoll kontra l-fatt li l-Ftehim ŻEE jippermetti liċ-ċittadini tal-Islanda, tal-Liechtenstein u tan-Norveġja jinvokaw fit-territorju tal-Unjoni d-drittijiet li huma jisiltu mir-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009, iżda jibbenefikaw fl-istess waqt iċ-ċittadini tal-Istati Membri li jistgħu jibbażaw ruħhom fuq dawn id-drittijiet fl-imsemmija Stati (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill, C‑431/11, EU:C:2013:589, punt 55). |
|
39 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009 għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna tliet Stati differenti, tnaqqas ir-riskju li l-persuna kkonċernata tkun suġġetta b’mod simultanju għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali ta’ diversi Stati peress li, konformement mal-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli mfittex minn dawn ir-regolamenti, il-persuni li għalihom japplikaw dawn ir-regolamenti għandhom jiġu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed, u dan sabiex jiġu evitati l-komplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni simultanja ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u għandhom jitneħħew il-komplikazzjonijiet li, għall-persuni li jiċċaqalqu ġewwa l-Unjoni, fl-Istati tal-EFTA partijiet fil-Ftehim taż-ŻEE u fl-Isvizzera, huma l-konsegwenza ta’ kumulu parzjali jew totali tal-leġiżlazzjonijiet applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ġunju 2019, V, C‑33/18, EU:C:2019:470, punt 42, kif ukoll tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Raad van bestuur van de Sociale verzekeringbank (Intervalli bejn missjonijiet ta’ xogħol temporanju), C‑713/20, EU:C:2022:782, punt 39). |
|
40 |
Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009 għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn dawn ir-regolamenti japplikaw abbażi ta’ żewġ bażijiet legali distinti, jiġifieri l-Ftehim ŻEE u l-FMLP, id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali applikabbli għall-persuna kkonċernata matul il-perijodu inkwistjoni għandha, loġikament, tirrifletti din id-distinzjoni. |
|
41 |
Għaldaqstant, hemm lok, fil-każ ineżami, li l-imsemmija regolamenti jiġu applikati b’mod separat, jiġifieri minn naħa għal dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, abbażi tal-Ftehim ŻEE, kif kien diġà l-każ qabel ma W M beda jwettaq attività professjonali supplimentari bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Isvizzera u, min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Konfederazzjoni Svizzera, abbażi tal-FMLP. |
|
42 |
L-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l-Ftehim ŻEE, li jirregola b’mod partikolari s-sitwazzjonijiet li jinvolvu lir-Repubblika tal-l-Awstrija u l-Prinċipal tal-Liechtenstein, l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi li l-persuna kkonċernata taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza biss jekk hija tkun twettaq fih parti sostanzjali mill-attività tagħha. L-Artikolu 14(8) tar-Regolament Nru 987/2009 jippreċiża li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004, “parti sostanzjali tal-attività ta’ persuna impjegata jew li taħdem għal rasha” mwettqa fi Stat Membru tfisser li parti kwantitattivament sinjifikattiva tal-attivitajiet kollha tal-ħaddiem impjegat jew tal-persuna li taħdem għal rasha kkonċernata hija mwettqa hemmhekk, mingħajr ma tkun neċessarjament il-parti l-kbira ta’ dawn l-attivitajiet. Sabiex jiġi ddeterminat jekk parti sostanzjali tal-attivitajiet hijiex imwettqa fi Stat Membru, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-każ ta’ attività bħala persuna li taħdem għal rasha, it-turnover, il-ħinijiet tax-xogħol, in-numru ta’ servizzi mogħtija u/jew id-dħul. Fil-qafas ta’ evalwazzjoni globali, sehem ta’ inqas minn 25 % minn dawn il-kriterji għandu jkun indikazzjoni li parti sostanzjali tal-attivitajiet ma hijiex imwettqa fl-Istat Membru kkonċernat. |
|
43 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, matul il-perijodu inkwistjoni, W M wettaq l-attivitajiet professjonali tiegħu b’mod simultanju fl-Awstrija u fil-Liechtenstein fir-rigward ta’ 19 % u 78 % mid-dħul tiegħu rispettivament. Għaldaqstant, l-attività professjonali mwettqa mill-persuna kkonċernata matul il-perijodu inkwistjoni fl-Istat Membru fejn kienet tirrisjedi, jiġifieri r-Repubblika tal-Awstrija, kienet tirrappreżenta inqas minn 25 % tad-dħul tagħha. Għalhekk, ma jistax jitqies li kienet twettaq, f’dak iż-żmien, parti sostanzjali tal-attivitajiet tagħha f’dan l-Istat Membru. |
|
44 |
L-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi li, jekk il-persuna kkonċernata ma tirrisjedix fl-Istat Membru fejn twettaq parti sostanzjali mill-attività tagħha, hija taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-qofol tal-interess tal-attivitajiet tagħha. Skont l-Artikolu 14(9) tar-Regolament Nru 987/2009, il-‘qofol tal-interess’ tal-attivitajiet ta’ persuna li taħdem għal rasha għandu jiġi ddeterminat billi jiġu kkunsidrati l-aspetti kollha tal-attivitajiet professjonali tagħha, b’mod partikolari, il-post fejn ikun hemm is-sede fissa u permanenti tal-attivitajiet tal-persuna kkonċernata, in-natura abitwali jew it-tul ta’ żmien tal-attivitajiet imwettqa, in-numru ta’ servizzi mogħtija, u l-intenzjoni tal-persuna kkonċernata kif tidher miċ-ċirkustanzi kollha. |
|
45 |
Peress li, matul il-perijodu inkwistjoni, WM kien jwettaq il-parti l-kbira tal-attivitajiet professjonali tiegħu fil-Liechtenstein, il-qofol tal-interess tal-attivitajiet tiegħu f’dan l-Istat, huwa kellu, skont l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 14(9) tar-Regolament Nru 987/2009, ikun suġġett għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-Liechtenstein matul il-perijodu inkwistjoni. |
|
46 |
Konsegwentement, matul dan il-perijodu, W M kien jaqa’, bħala prinċipju, taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma huwiex dak li għal-leġiżlazzjoni tiegħu kien suġġett skont it-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, jiġifieri l-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali Awstrijaka. |
|
47 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, f’tali sitwazzjoni, l-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedi li l-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali applikabbli skont it-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 għandha tkompli tapplika jekk is-sitwazzjoni relevanti baqgħet l-istess, iżda fi kwalunkwe każ mhux iktar minn għaxar snin mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004. |
|
48 |
Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-sitwazzjoni relevanti baqgħetx l-istess peress li, jekk dan kien il-każ, il-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali Awstrijaka kellha tkompli tapplika għal W M. Sabiex isir dan, għandu, b’mod partikolari, jiġi ddeterminat jekk il-fatt li dan tal-aħħar, li kien diġà jwettaq attivitajiet professjonali bħala persuna li taħdem għal rasha b’mod simultanju fi Stat Membru tal-Unjoni, jiġifieri fir-Repubblika tal-Awstrija, u fi Stat Membru tal-EFTA, parti fil-Ftehim ŻEE, jiġifieri l-Prinċipat tal-Liechtenstein, beda, dejjem b’mod simultanju, attività professjonali supplimentari bħala persuna li taħdem għal rasha fir-rigward ta’ 3 % mid-dħul totali tiegħu fl-Isvizzera, jikkostitwixxix “bidla fis-sitwazzjoni relevanti” fis-sens tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004. |
|
49 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, bħalma għamlet il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li fil-kuntest tal-Ftehim ŻEE, li jirregola b’mod partikolari r-relazzjonijiet bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, il-Konfederazzjoni Svizzera tikkostitwixxi Stat terz. Konsegwentement, it-twettiq, mill-persuna kkonċernata, ta’ attività professjonali fl-Isvizzera huwa irrilevanti fil-kuntest tal-verifika li għandha ssir. |
|
50 |
Minn dan jirriżulta li, minkejja li W M wettaq attività professjonali supplimentari bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Isvizzera matul il-perijodu inkwistjoni, is-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004 baqgħet l-istess. Għaldaqstant, il-persuna kkonċernata kellha, skont l-Artikolu 87(8) ta’ dan ir-regolament, tkompli tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali Awstrijaka. |
|
51 |
It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna l-FMLP, li jirregola b’mod partikolari s-sitwazzjonijiet li jinvolvu lir-Repubblika tal-Awstrija u l-Konfederazzjoni Svizzera, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ ineżami, W M kien iwettaq, matul il-perijodu inkwistjoni, b’mod simultanju, attivitajiet professjonali bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Awstrija u fl-Isvizzera fir-rigward ta’ madwar 19 % u 3 % mid-dħul tiegħu rispettivament. Minkejja li l-attività professjonali eżerċitata minn W M fl-Awstrija, fejn kien jirrisjedi, kienet l-ikbar waħda, hija kienet tirrappreżenta inqas minn 25 % tad-dħul tiegħu. Għaldaqstant, konformement mal-Artikolu 14(8) tar-Regolament Nru 987/2009, ma setax jiġi applikat fil-konfront ta’ W M l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, iżda kellu, konformement mal-Artikolu 13(2)(b) ta’ dan ir-regolament, ikun suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn kien jinsab il-qofol tal-interess tal-attivitajiet tiegħu. |
|
52 |
Peress li, matul il-perijodu inkwistjoni, W M kien jirrisjedi fl-Awstrija u kien iwettaq hemmhekk, fir-rigward tal-FMLP, il-parti l-kbira tal-attivitajiet tiegħu, il-qofol tal-interess tal-attivitajiet tal-persuna kkonċernata kien fl-Awstrija. Għaldaqstant, W M kellu jkun suġġett għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali Awstrijaka. |
|
53 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li, matul il-perijodu inkwistjoni, il-persuna kkonċernata kienet twettaq ukoll, b’mod parallel, attività professjonali bħala persuna li taħdem għal rasha fir-rigward ta’ 78 % tad-dħul tagħha fil-Liechtenstein. Fil-fatt, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din iċ-ċirkustanza ma hijiex rilevanti fir-rigward tal-FMLP peress li, fil-kuntest ta’ dan il-ftehim, il-Prinċipat tal-Liechtenstein jikkostitwixxi Stat terz. |
|
54 |
Minn dan isegwi li, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 883/2004, li huma applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont il-Ftehim ŻEE u l-FMLP, li għandhom jiġu eżaminati separatament, leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali waħda u unika tapplika għal W M matul il-perijodu inkwistjoni, jiġifieri l-leġiżlazzjoni Awstrijaka, b’tali mod li dikjarazzjoni waħda għandha tinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti. |
|
55 |
Għaldaqstant, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li r-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mar-Regolament Nru 987/2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma applikabbli, bis-saħħa tal-Ftehim ŻEE u tal-FMLP, għal sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni, li jwettaq attivitajiet professjonali bħala persuna li taħdem għal rasha b’mod simultanju fi Stat Membru tal-Unjoni u fi Stat tal-EFTA parti fil-Ftehim ŻEE, jibda attività professjonali supplimentari bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Isvizzera. Konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn ir-regolamenti, għandha tiġi ddeterminata b’mod separat, minn naħa, fil-kuntest tal-Ftehim ŻEE u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-FMLP, il-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali applikabbli. |
Fuq l‑ispejjeż
|
56 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu minn post għal ieħor ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 631/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 u r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012, moqri flimkien mar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
huma applikabbli, bis-saħħa tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992, kif emendat bil-Ftehim dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija fiż-Żona Ekonomika Ewropea u tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil‑21 ta’ Ġunju 1999, għal sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni, li jwettaq attivitajiet professjonali bħala persuna li taħdem għal rasha b’mod simultanju fi Stat Membru tal-Unjoni u fi Stat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles parti fil-Ftehim ŻEE, jibda attività professjonali supplimentari bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Isvizzera. Konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn ir-regolamenti, għandha tiġi ddeterminata b’mod separat, minn naħa, fil-kuntest tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, il-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali applikabbli. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.