|
1.8.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 201/8 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 698/2009
tal-31 ta’ Lulju 2009
li jidderoga, għall-programmi ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib maħsuba għas-suq intern, mir-Regolament (KE) Nru 501/2008 dwar termini u kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 rigward azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2007 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (1), b’mod partikolari l-Artikoli 5, 1 u 15 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 3/2008 jistipula li s-setturi jew prodotti li jistgħu jiġu koperti bl-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni, iffinanzjati kompletament jew parzjalment mill-baġit Komunitarju, huma determinati billi tiġi kkunsidrata, b’mod partikolari, il-ħtieġa li jiġu affrontati problemi speċifiċi jew ekonomiċi f’settur partikulari. |
|
(2) |
Bħalissa, is-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib għaddej minn żmien ta’ diffikultà ekonomika akuta, x’aktarx li dan iqiegħed fil-periklu s-sopravivenza ekonomika ta’ għadd kbir ta’ farms. |
|
(3) |
F’dan il-kuntest jidher li huwa utli li l-organizzazzjonijiet professjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib tingħatalhom il-possibbiltà l jibbenefikaw minn kofinanzjament Komunitarju fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 3/2008, u li għal dan il-għan ikunu jistgħu jressqu, matul il-ġimgħat li ġejjin, programmi ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b’ħarsa lejn l-għażla tagħhom, u jekk ikun il-każ, l-adozzjoni tagħhom mill-Kummissjoni qabel tmiem din is-sena. B’dan il-mod ikun hemm deroga mir-rata annwali ta’ adozzjoni tal-programmi u l-iskedi ordinarji stabbiliti fl-Artikoli 8 u 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 501/2008 (2). |
|
(4) |
Għaldaqstant hemm raġuni għal deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 501/2008, għall-programmi ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib maħsuba għas-suq intern, u għas-sena 2009. |
|
(5) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Bla ħsara għall-iskeda annwali normali prevista bir-Regolament (KE) Nru 501/2008, għall-programmi ta’ tagħrif u ta’ promozzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib maħsuba għas-suq intern imressqa mill-organizzazzjonijiet professjonali ta’ dan is-settur lill-Istati Membri sal-15 ta’ Ottubru 2009, għandhom isiru derogi mill-iskeda msemmija kif ġej:
|
(a) |
minkejja l-Artikolu 11(1), l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni l-lista provviżorja tal-programmi magħżula mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru; |
|
(b) |
minkejja l-Artikolu 11(3), it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni tiddeċiedi liema programmi tista’ tikkofinanzja, sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Diċembru. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Lulju 2009.
Għall-Kummissjoni
Mariann FISCHER BOEL
Membru tal-Kummissjoni