Official Journal L 029 , 03/02/1999 P. 0051 - 0054
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Jannar 1999 dwar il-proċedura għall-attestar tal-konformità ta' prodotti tal-kostruzzjoni skond l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE fir-rigward ta' bibien, twieqi, kontraporti, persjani, gradi u aċċessorji oħra li għandhom x'jaqsmu mal-bini (notifikati taħt id-dokument numru K (1999) 117) (Test b'rilevanza ŻEE) (1999/93/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-prodotti tal-bini [1], kif emendata bid-Direttiva 93/68/KEE [2], u b'mod partikolari Artikolu 13(4) tagħha, Billi l-Kummissjoni hi mitluba tagħżel, bħal bejn iż-żewġ proċeduri skond Artikolu 13(3) tad-Direttiva 89/106/KEE għall-attestazzjoni tal-konformità ta' prodott, "proċedura li hija l-inqas oneruża possibbli konsistenti mas-sigurezza"; billi dan iffisser li jeħtieġ li jiġi deċiż jekk, għal xi prodott partikolari jew familja ta' prodotti, l-eżistenza ta' sistema ta' kontroll ta' produzzjoni ta' fabbrika taħt ir-responsabbiltà ta' manifattur hijiex kondizzjoni meħtieġa u suffiċjenti għal attestazzjoni ta' konformità, jew jekk, għal raġunijiet marbuta mal-konformità mal-kriterji msemmija f'Artikolu 13(4), l-intervent ta' korp approvat ta' ċertifikazzjoni hux għalhekk meħtieġ; Billi Artikolu 13(4) jeħtieġ li l-proċedura hekk stabbilita għandha tkun indikata fil-mandati u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniki; billi, għalhekk, huwa mixtieq li jiġi definit il-kunċett ta' prodotti jew familja ta' prodotti kif użati fil-mandati u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniki; Billi ż-żewġ proċeduri li hemm ipprovdut għalihom f'Artikolu 13(3) huma deskritti fid-dettal f'Anness III li jinab mad-Direttiva 89/106/KEE; billi huwa meħtieġ għalhekk li jiġu speċifikati b'mod ċar il-metodi li permezz tagħhom iż-żewġ proċeduri għandhom ikunu mplimentati, b'referenza għal Anness III, għal kull prodott jew familja ta' prodotti, minħabba li Anness III jagħti preferenza lil ċerti sistemi; Billi l-proċedura msemmija fil-punt (a) ta' Artikolu 13(3) tikkorrispondi mas-sistemi stipulata fl-ewwel possibbiltà, mingħajr sorveljanza kontinwa, u t-tieni u tielet possibiltajiet tal-punt (ii) tat-taqsima 2 ta' Anness III, u l-proċedura msemmija il-′punt (b) ta' Artikolu 13(3) tikkorrispondi mas-sistemi stipulata fil-punt (i) tat-taqsima 2 ta' Anness III, u fl-ewwel possibbiltà, b'sorveljanza kontinwa, tal-punt (ii) tat-taqsima 2 ta' Anness III; Billi l-miżuri li għalihom tipprovdi din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Bini, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-konformità tal-prodotti u l-familji ta' prodotti stipulati f'Anness I għandha tkun attestata bi proċedura li biha l-manifattur għandu taħt ir-reponsabbiltà unika tiegħu sistema ta' kontroll ta' produzzjoni ta' fabbrika li tiżgura li l-prodott huwa konformi mal-karatteristiċi tekniċi rilevanti. Artikolu 2 Il-konformità tal-prodotti mniżżla f'Anness II għandha tkun attestata bi proċedura li permezz tagħha, barra mis-sistema ta' kontroll ta' produzzjoni ta' fabbrika mħaddma mill-manifattur, jkun hemm korp approvat ta' ċertifikazzjoni involut fl-istima u s-sorveljanza tal-kontroll ta' produzzjoni jew tal-prodott innifsu. Artikolu 3 Il-proċedura għall-attestazzjoni tal-konformità kif stipulata f'Anness III għandha tiġi indikata permezz ta' mandati għal standards armonizzati. Artikolu 4 Din id-Deċizjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fil-25 ta' Jannar 1999. Għall-Kummissjoni Martin Bangemann Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 40, tal-11.2.1989, p. 12. [2] ĠU L 220, tat-30.8.1993, p. 1. -------------------------------------------------- ANNESS I Bibien u gradi (bi jew mingħajr aċċessorji li għandhom x'jaqsmu): - għall-komunikazzjoni interna biss. - għall-użu speċifiku dikjarat u/jew użu soġġett għal ħtiġiet speċifiċi, b'mod partikolari ħoss, enerġija, djuqija u sigurezza fl-użu, barra dawk imsemmija f'Anness II li jinsab ma' din id-Deċiżjoni. Twieqi (bi jew mingħajr aċċessorji li għandhom x'jaqsmu): - għall-użu barra minn dak speċifikat f'Anness II li jinsab ma' din id-Deċiżjoni. Kontraporti u persjani (bi jew mingħajr aċċessorji li għandhom x'jaqsmu): - għall-użu estern. -------------------------------------------------- ANNESS II Bibien u gradi (bi jew mingħajr aċċessorji li għandhom x'jaqsmu): - għall-użu fil-kompartimentazzjoni ta' nar/duħħan u f'rotot ta' emerġenza. Twieqi (bi jew mingħajr aċċessorji li għandhom x'jaqsmu): - għall-użu fil-kompartimentazzjoni ta' nar/duħħan u f'rotot ta' emerġenza. Aċċessorji li għandhom x'jaqsmu mal-bini u relatati mal-bibien u l-gradi: - għall-użu fil-kompartimentazzjoni ta' nar/duħħan u f'rotot ta' emerġenza. -------------------------------------------------- ANNESS III FAMILJA TA' PRODOTTI BIBIEN, TWIEQI, KONTRAPORTI, PERSJANI, GRADI U AĊĊESSORJI LI GĦANDHOM X'JAQSMU MAL- BINI (1/1) 1. Sistemi ta'attestazzjoni tal-konformità Għall-prodott(i) u l-użu(i) maħsub elenkati hawn taħt, CEN/Cenelec huma mitluba li jispeċifikaw is-sistema(i) li ġejjin għall-attestazzjoni ta' konformità fl-istandard/s armonizzat/i relevanti: Sistema 1 : Ara Direttiva 89/106/KEE, Anness III(2)(i), mingħajr kontroll tal-verifika tal-kampjuni. Sistema 3 : Ara Direttiva 89/106/KEE, Anness III(2)(ii),, It-tieni possibbiltà. Sistema 4 : Ara Direttiva 89/106/KEE, Anness III(2)(ii), It-tielet possibbiltà. Prodott(i) | Użu Maħsub | Livell(i) jew klassi(ijiet) | Attestazzjoni tas-sistema(i) ta' konformità | Bibien u gradi (bi jew mingħajr affarijiet marbuta) | Kompartimentazzjoni ta' nar/duħħan u fuq rotot ta' emerġenza | — | 1 | użu ieħor speċifiku dikjarat u/jew użu suġġett għal ħtiġiet oħra speċifiċi, b'mod partikolari ħoss, enerġija, djuqija u sigurezza fl-użu | — | 3 | għall-komunikazzjoni interna biss | — | 4 | Affarijiet ta' bini marbuta ma’ bibien u gradi | Kompartimentazzjoni ta' nar/duħħan u fuq rotot ta' emerġenza | — | 1 | Twieqi (bi jew mingħajr affarijiet marbuta) | Kompartimentazzjoni ta' nar/duħħan u fuq rotot ta' emerġenza | — | 1 | kull użu ieħor | — | 3 | Kontraporti u persjani (bi jew mingħajr affarijiet marbuta) | użu estern | — | 4 | L-ispeċifikazzjoni għas-sistema għandha tkun b'mod li tista’ titwettaq ukoll fejn ir-rendiment m'għandux il-ħtieġa li jiġi stabbilit għal xi karatteristika partikolari, għaliex ta' l-inqas Stat Membru wieħed m'għandu ebda ħtieġa legali għal karatteristika bħal din (ara Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/106/KEE u, fejn japplika, l-punt 1,2,3 tad-Dokumenti ta' Interpretazzjoni). F'dawk il-każijiet il-verifika ta' dik il-karatteristika m'għandhiex tkun imposta fuq il-manifattur jekk hu ma jixtieqx jiddikjara ir-riżultat tal-ħidma tal-prodott f'dak ir-rigward. --------------------------------------------------