SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
2 ta’ Frar 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prekursuri ta’ drogi – Deċiżjoni Qafas 2004/757/ĠAI – Artikolu 2(1)(d) – Persuna involuta fit-trasport u d-distribuzzjoni ta’ prekursuri użati għall-produzzjoni jew għall-fabbrikazzjoni illeċiti ta’ drogi – Regolament (KE) Nru 273/2004 – Sustanzi skedati – Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘operatur’ – Artikolu 8(1) – Ċirkustanzi li jissuġġerixxu li sustanzi skedati jistgħu jiġu ddevjati għall-fabbrikazzjoni illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi – Obbligu ta’ notifika ta’ dawn iċ-ċirkustanzi – Kunċett ta’ ‘ċirkustanza’ – Portata”
Fil-Kawża C‑806/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Diċembru 2021, fil-proċeduri kriminali kontra
TF
fil-preżenza ta’:
Openbaar Ministerie,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Haasbeek u R. Lindenthal, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 46), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1258/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Novembru 2013 (ĠU 2013, L 330, p. 21) (iktar ’il quddiem ir- “Regolament Nru 273/2004”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija fil-Pajjiżi l-Baxxi kontra TF, akkużat li ttrasporta sustanzi skedati użati għall-fabbrikazzjoni illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt internazzjonali
|
3 |
L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi, konkluża fi Vjenna fl‑20 ta’ Diċembru 1988 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1582, p. 95), u approvata mill-Komunità Ekonomika Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/611/KEE tat‑22 ta’ Ottubru 1990 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 17, p. 173, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna kontra t-Traffikar Illeċitu”), intitolat “Ksur u sanzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Kull Parti għandha tadotta l-miżuri neċessarji biex tagħmel bħala reat kriminali skont id-dritt intern tagħha, meta l-att jitwettaq intenzjonalment:
[…]
[…]” |
|
4 |
L-Artikolu 12 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Sustanzi ta’ spiss użati fil-fabbrikazzjoni illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi”, jistipula: “1. Il-partijiet għandhom jadottaw il-miżuri li jqisu xierqa sabiex jipprevjenu d-devjazzjoni ta’ sustanzi elenkati fit-Tabella I u fit-Tabella II għall-finijiet tal-fabbrikazzjoni illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi u jikkooperaw bejniethom għal dan il-għan. […] 8.
[…] 9. Fir-rigward tas-sustanzi elenkati fit-Tabelli I u II, kull Parti għandha tieħu l-miżuri li ġejjin:
[…] […]” |
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir‑Regolament Nru 2004/757/ĠAI
|
5 |
Il-premessi 1 sa 3 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal‑25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (ĠU 2006, L 153M, p. 94), jipprovdu:
|
|
6 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru: […]
[…]” |
|
7 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Reati marbuta mat-traffikar ta’ drogi u ta’ prekursuri”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li meta mġieba minn dawn li ġejjin issir bil-ħsieb u tkun infondata fid-dritt din għandha tkun punibbli: […]
|
Ir‑Regolament Nru 273/2004
|
8 |
Il-premessi 2 sa 6, 8, 11 sa 13 u 17 tad-Direttiva 273/2004 jistabbilixxu:
[…]
[…]
[…]
|
|
9 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 273/2004 jipprevedi: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri armonizzati għall-kontroll u l-monitoraġġ intra-Unjoni ta’ ċerti sustanzi użati ta’ sikwit għall-fabbrikazzjoni illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi bil-ħsieb li jiġi impedut id-direttament [id-devjazzjoni] ta’ dawn is-sustanzi.” |
|
10 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin::
[…]
[…]” |
|
11 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Notifika lill-awtoritajiet kompetenti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-operaturi għandhom jgħarrfu lill-awtoritajiet kompetenti immedjatament b’kull ċirkostanza, bħal ma huma ordnijiet jew transazzjonijiet mhux tas-soltu li jinvolvu t-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi skedati, li tissuġġerixxi li dawn is-sustanzi tista’ tinbidlilhom ir-rotta [jistgħu jiġu ddevjati] għall-fabbrikazzjoni illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi. Għal dak il-għan, l-operaturi għandhom jipprovdu kull informazzjoni disponibbli li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw il-leġittimità ta’ ordni jew transazzjoni rilevanti.” |
|
12 |
Skont l-Artikolu 10(1) tal-istess regolament: “Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ l-Artikoli 3 sa 8, kull Stat Membru għandu jadotta miżuri meħtieġa sabiex igħin lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu biex iwettqu d-dazji ta’ kontroll u monitorjar tagħhom, u b’mod partikolari:
|
|
13 |
L-Anness I tar-Regolament Nru 273/2004 jelenka s-“sustanzi skedati”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmi regolament. L-aċidu idrokloriku u l-aċidu sulfuriku jinsabu f’dan l-anness bħala sustanza kklassifikata ta’ kategorija 3. |
Ir‑Regolament Nru 111/2005
|
14 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat‑22 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ fil-prekursuri ta’ drogi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi (ĠU 2008, L 333M, p. 472, rettifika fil-ĠU 2009, L 51M, p. 231), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1259/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 (ĠU 2013, L 330, p. 30), (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 111/2005”), huwa fformulat kif ġej: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi f’ċerti sustanzi li jintużaw spiss għall-manufattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi (minn issa ‘l quddiem imsejħin ‘prekursuri ta’ drogi’) bil-għan li jipprevjeni d- devjazzjoni ta’ tali sustanzi. Huwa japplika għall-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet u l-attivitajiet intermedjarji.” |
Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi
Il-Liġi dwar il-Prevenzjoni tad-Devjazzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi
|
15 |
L-Artikolu 2(a) tal-Wet voorkoming misbruik chemicaliën (il-Liġi dwar il-Prevenzjoni tad-Devjazzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (Stb. 2008, Nru 112), jipprevedi: “Huwa pprojbit l-aġir bi ksur tal-leġiżlazzjoni stabbilita minn jew permezz ta’:
[…]” |
Il‑Liġi dwar ir-Reati Ekonomiċi
|
16 |
L-Artikolu 1(1) tal-Wet op de economische delicten (il-Liġi dwar ir-Reati Ekonomiċi), kif emendata fl‑14 ta’ Ottubru 2015 (Stb. 2015, n 399), huwa fformulat kif ġej: “Ir-reati ekonomiċi huma:
|
|
17 |
L-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar ir-Reati Ekonomiċi, kif emendata fl‑14 ta’ Ottubru 2015, jipprevedi: “Ir-reati ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 1(1°) u (2°) u fl-Artikolu 1a(1°) u (2°) huma delitti, sa fejn jitwettqu intenzjonalment; sa fejn dawn ir-reati ekonomiċi ma humiex delitti, dawn huma reati minuri.” |
|
18 |
L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi: “1. Il-persuna li twettaq reat ekonomiku hija punibbli:
|
Il‑Liġi dwar l-Opium
|
19 |
L-Artikolu 2 tal-Opiumwet (il-Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet dwar l-Opium u Drogi narkotiċi oħra), tat‑12 ta’ Mejju 1928, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (Stb. 2015, n 429) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Opium”), jipprevedi: “Huwa pprojbit, fir-rigward ta’ sustanza jew preparazzjoni msemmija fil-lista I annessa ma’ din il-liġi jew indikata skont l-Artikolu 3(5):
|
|
20 |
L-Artikolu 10 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej: “1. Il-persuna li taġixxi kontra:
[…] tkun punibbli bi priġunerija li ma taqbiżx is-sitt xhur jew b’multa tar-raba’ kategorija. […] 3. Il-persuna li tikser intenzjonalment il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 2(C) tkun punibbli bi priġunerija ta’ sitt snin jew iktar jew b’multa tal-ħames kategorija. 4. Il-persuna li tikser intenzjonalment il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 2(B) jew (D) tkun punibbli bi priġunerija li ma taqbiżx tmien snin jew b’multa tal-ħames kategorija. 5. Il-persuna li tikser intenzjonalment projbizzjoni prevista fl-Artikolu 2(A) tkun punibbli bi priġunerija li ma taqbiżx it-tnax-il sena jew b’multa tal-ħames kategorija. […]” |
|
21 |
L-Artikolu 10a(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi: “Kull min, sabiex jipprepara jew jiffavorixxi ksur imsemmi fl-Artikolu 10(4) jew (5):
ikun punibbli bi priġunerija li ma taqbiżx is-sitt snin jew b’multa tal-ħames kategorija.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
22 |
TF ġie akkużat li kera vettura li sussegwentement huwa uża sabiex imur, fi jew lejn it‑12 ta’ Jannar 2016, f’impriża ta’ prodotti kimiċi li tinsab f’Liège (il-Belġju) fejn ħa l-kunsinna, f’diversi okkażjonijiet, ta’ kwantitajiet kbar ta’ prodotti kimiċi, fosthom l-aċidu sulfuriku, l-aċidu idrokloriku, l-aċidu formiku u s-soda kawstika. Sussegwentement huwa ttrasporta dawn il-prodotti lejn garaxx u parkeġġ li jinsabu fil-Pajjiżi l-Baxxi, sabiex jikkunsinjahom. Fi triqtu lejn Waalre (il-Pajjiżi l-Baxxi) sabiex jagħmel kunsinna addizzjonali hemmhekk, TF, kif ukoll il-persuna li kienet qiegħda takkumpanjah b’vettura oħra, ġew arrestati mill-pulizija. |
|
23 |
Il-prodotti kimiċi inkwistjoni ma kinux, fil-parti l-kbira tagħhom, ittikkettati u TF ma kellux id-dokumenti ta’ trasport meħtieġa. |
|
24 |
L-aċidu idrokloriku u l-aċidu sulfuriku ttrasportati u kkunsinjati minn TF (iktar ’il quddiem il-“prodotti inkwistjoni”) jinsabu fil-kategorija 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 273/2004 u huma, għaldaqstant, “sustanzi skedati”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament. Konsegwentement, l-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi) beda proċeduri kriminali kontra TF, minn naħa, minħabba li pprepara jew iffaċilità l-preparazzjoni, it-trattament, l-ipproċessar, il-bejgħ, il-kunsinna, il-provvista, it-trasport, il-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ MDMA u/jew ta’ amfetamina, atti li huma punibbli skont l-Artikolu 10(1)(1°) u (3°) tal-Liġi dwar l-Opium u, min-naħa l-oħra, minħabba li ma wettaqx l-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 273/2004. |
|
25 |
Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, il-Gerechtshof ’s‑Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddikjarat lil TF ħati tal-ewwel wieħed minn dawn il-kapijiet ta’ akkuża. TF sostna li huwa ma kienx jaf bin-natura tal-prodotti inkwistjoni, iżda kien ittrasportahom b’mod diżinteressat. Madankollu, dik il-qorti kkunsidrat li, sa fejn huwa magħruf pubblikament li tali prodotti jistgħu jintużaw fil-produzzjoni fuq skala kbira ta’ drogi sintetiċi, b’mod partikolari ta’ amfetamina jew ta’ MDMA, u peress li TF ittrasportahom sabiex jikkunsinjahom f’postijiet mhux tas-soltu, huwa ma setax ma jkunx jaf li dawn il-prodotti kienu intiżi għal skop illegali jew kriminali. Permezz tal-kontribuzzjoni sostanzjali tiegħu fit-trasport u fil-kunsinna ta’ dawn tal-aħħar, l-imsemmija qorti qieset li TF kien aċċetta r-riskju li l-prodotti inkwistjoni jintużaw għall-produzzjoni ta’ drogi sintetiċi. Min-naħa l-oħra, l-istess qorti lliberat lil TF mit-tieni wieħed minn dawn il-kapijiet ta’ akkuża, billi ddeċidiet li, minkejja li dan tal-aħħar jista’ jiġi kklassifikat bħala “operatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament Nru 273/2004, il-fatti li huwa akkużat bihom, jiġifieri t-trasport, ir-riċezzjoni, il-ħażna jew iż-żamma ta’ sustanzi skedati, ma jikkostitwixxux “ċirkustanzi” li għandhom jiġu nnotifikati skont l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
26 |
L-Uffiċċju tal-Prosekutur appella fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi). |
|
27 |
Dik il-qorti tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. B’mod partikolari, hija tirrileva li l-Artikolu 10a(1)(3°) tal-Liġi dwar l-Opium jimplimenta l-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757, li jeżiġi li kull Stat Membru għandu jiżgura li l-fabbrikazzjoni, it-trasport, id-distribuzzjoni ta’ prekursuri, fejn dak li jkun qed iwettaqhom ikun jaf li għandhom jintużaw fi jew għall-produzzjoni jew għall-fabbrikazzjoni illeċita ta’ droga, ikunu punibbli. Hija tistaqsi, għalhekk, jekk persuna tistax, meta tkun iffabbrikat, ittrasportat jew iddistribwixxiet prekursuri filwaqt li kienet taf li dawn kienu ser jintużaw fi jew għall-produzzjoni jew għall-fabbrikazzjoni ta’ drogi, tinstab ħatja b’mod simultanju ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Deċiżjoni Qafas 2004/757 u ta’ ksur tal-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 273/2004. |
|
28 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-konformità ta’ tali kumulu mal-prinċipju nemo tenetur se ipsum accusare stabbilit fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. Fil-fatt, il-persuna kkonċernata ma tistax, f’tali każ, tevita li n-notifika tal-aġir kriminali proprju tagħha skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 273/2004 twassal għal proċeduri u eventwalment għal sanzjonijiet minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757. |
|
29 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk tali kumulu huwiex possibbli, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju, minn naħa, li jiġi ddeterminat jekk il-kunċett ta’ “operatur”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(d) tar-Regolament Nru 273/2004, għandux jiġi interpretat b’mod wiesa’, sa fejn kull persuna li tqiegħed fis-suq sustanzi skedati tkun tikkostitwixxi “operatur”, jew b’mod strett, bħala li tkopri biss il-persuni li jwettqu l-kummerċ legali ta’ tali sustanzi. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi ddeterminat ukoll jekk il-kunċett ta’ “ċirkustanza”, li jinsab fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat b’mod wiesa’, fis-sens li jkopri l-aġir kollu, inkluż dak tal-operatur stess, jew b’mod strett, b’tali mod li jirreferi biss għall-aġir ta’ terzi, filwaqt li dak tal-operatur ikun, min-naħa tiegħu, irregolat mid-Deċiżjoni Qafas 2004/757. |
|
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
31 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Diċembru 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta trattament prijoritarju lil din il-kawża. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
32 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(d) tar-Regolament Nru 273/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna li tipparteċipa, fil-kuntest ta’ attività illegali, fit-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi skedati fl-Unjoni tikkostitwixxi “operatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
33 |
Għal dan il-għan, huwa importanti b’mod partikolari li jiġi stabbilit jekk it-“tqegħid fis-suq”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jirreferix għal kull tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ sustanzi skedati fl-Unjoni, irrispettivament minn jekk dan isirx fil-kuntest ta’ attività legali jew illegali, jew jekk dan jirrigwardax biss it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tali sustanzi mwettaq fil-kuntest ta’ attività legali. |
|
34 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha, u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2022, IG Metall u ver.di, C‑677/20, EU:C:2022:800, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
L-Artikolu 2(d) tar-Regolament Nru 273/2004 jiddefinixxi l-“operatur” bħala “kull persuna naturali jew legali mqabbda fit-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi skedati. Din id-dispożizzjoni, kif ifformulata, ma tispeċifikax jekk it-tqegħid fis-suq ta’ tali sustanzi jinkludix ukoll il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom fil-kuntest ta’ attività illegali. |
|
36 |
Fir-rigward tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, huwa jipprevedi li “Fir-rigward tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, dan jipprovdi li [l]-operaturi għandhom jgħarrfu lill-awtoritajiet kompetenti immedjatament b’kull ċirkostanza, bħal ma huma ordnijiet jew transazzjonijiet mhux tas-soltu li jinvolvu t-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi skedati, li tissuġġerixxi li dawn is-sustanzi tista’ tinbidlilhom ir-rotta [jistgħu jiġu ddevjati] għall-fabbrikazzjoni illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi.” u li, “[g]ħal dak il-għan, l-operaturi għandhom jipprovdu kull informazzjoni disponibbli li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw il-leġittimità ta’ ordni jew transazzjoni rilevanti”. |
|
37 |
Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-obbligu ta’ notifika previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni jirrigwarda l-ordnijiet u t-tranżazzjonijiet li jidhru mhux tas-soltu, jiġifieri dawk li setgħu twettqu bil-għan li dawn is-sustanzi skedati jitneħħew illegalment mill-iskop normali tagħhom. |
|
38 |
Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 273/2004 jeżiġi li l-“operaturi”, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tiegħu, jinnotifikaw ċ-ċirkustanzi kollha li jissuġġerixxu li sustanzi skedati li għandhom jitqiegħdu fis-suq jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tneħħija illeġittima miċ-ċirkwit kummerċjali legali sabiex jiġu ffabbrikati b’mod illeċitu drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi. |
|
39 |
Konsegwentement, huma biss il-persuni li jipparteċipaw fit-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi skedati f’kuntest legali li jistgħu jitqiesu bħala “operaturi”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. |
|
40 |
Din l-interpretazzjoni letterali hija sostnuta, fl-ewwel lok, mill-kuntest li fih tinsab id-dispożizzjoni inkwistjoni. |
|
41 |
L-ewwel, ir-Regolament Nru 273/2004 ħassar u ssostitwixxa, b’mod partikolari, id-Direttiva tal-Kunsill 92/109 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1485/96 tas‑26 ta’ Lulju 1996 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/109/KEE, dwar dikjarazzjonijiet minn klijenti ta’ użu speċifiku f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti sustanzi użati fil-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 15, Vol. 3, p. 62). Issa, dawn l-atti kienu jirrigwardaw il-kummerċ legali ta’ prekursuri ta’ drogi. Fil-fatt, l-ewwel premessa tad-Direttiva 92/109 kienet tirreferi b’mod espliċitu għan-neċessità li jiġu stabbiliti “regoli komuni fuq livell ta’ Komunità qabel ma s-suq intern ikun komplut kemm biex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni f’kummerċ legali u kemm biex jiġi żgurat li ssir applikazzjoni uniformi tar-regoli adottati”. It-tieni premessa tar-Regolament Nru 1485/96 kienet tipprovdi, min-naħa tagħha, li “[l]-ħolqien ta’ disposizzjonijiet dwar dikjarazzjonijiet mill-klijent dan jgħin biex jiġi żgurat li, fl-okkażjoni ta’ kull transazzjoni, l-użu li ser isir mill-klijent ta’ sustanzi skedati ikun identifikat b’mod ċar; billi din l-identifikazzjoni ser tikkontribwixxi biex tkun evitata d-devjazzjoni ta’ sustanzi skedati jiġu użati għall-manifattura ta’ drogi illeċiti”. |
|
42 |
Sussegwentement, il-premessi 3, 6 u 17 tar-Regolament Nru 273/2004 jirreferu għal sistema ta’ monitoraġġ tal-“kummerċ” tal-prekursuri tad-droga u l-premessi 5 u 11 ta’ dan ir-regolament isemmu, rispettivament, il-ħtieġa “sabiex jinkixfu każijiet possibbli ta’ bdil tar-rotta [devjazzjoni] illeċita ta’ prekursuri tad-droga fil-Komunità” kif ukoll li “miżuri […] jiġu adottati sabiex jiġi garantit kontroll aħjar ta’ kummerċ intra-Komunitarju f’sustanzi skedati”. Issa, il-premessi 6, 8 u 13 tal-imsemmi regolament jagħmlu distinzjoni bejn il-kummerċ leċitu jew legali ta’ dawn is-sustanzi u l-fabbrikazzjoni illeċita tagħhom. |
|
43 |
Fl-aħħar, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 273/2004, dwar ir-rekwiżiti marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi skedati, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-“operaturi li jixtiequ joħorġu fis-suq sustanzi skedati ta’ kategoriji 1 u 2 ta’ l-Anness I għandhom jinħtieġu li jaħtru uffiċjali responsabbli għall-kummerċ f’sustanzi skedati”, li “għandu jiżgura [għandhom jiżguraw] li l-kummerċ f’sustanzi skedati kondott mill-operatur iseħħ f’konformita ma’ dan ir-Regolament”. Il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu jindikaw ukoll, rispettivament, li “[l]-operaturi […] għandhom jiksbu l-liċenzja mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti qabel ma jkunu jistgħu jippossjedu jew iqiegħdu fis-suq sustanzi skedati fil-kategorija 1 tal-Anness I” u li “[k]ull operatur li jippossjedi liċenzja għandu jipprovdi sustanzi skedati ta’ kategorija 1 tal-Anness I biss lill-operaturi […] li jippossjedu wkoll liċenzja u jkunu ffirmaw dikjarazzjoni tal-konsumatur kif provvdut fl-Artikolu 4(1)”. Barra minn hekk, il-paragrafu 6 tal-imsemmi artikolu jimponi fuq l-operaturi l-obbligu li jirreġistraw ruħhom mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti. Mir-rekwiżiti marbuta mat-tqegħid fis-suq tas-sustanzi skedati, previsti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li dawn għandhom l-għan li jissuġġettaw il-kummerċ ta’ sustanzi skedati għal qafas legali. |
|
44 |
L-istess interpretazzjoni tapplika fir-rigward tal-Artikoli 4 sa 7 tar-Regolament Nru 273/2004, li jipprevedu r-regoli formali li għalihom huwa suġġett il-kummerċ tas-sustanzi skedati, bħan-neċessità għall-klijent li jiddikjara l-użi ta’ dawn is-sustanzi, l-obbligu għall-operatur li jannetti waqt tranżazzjonijiet dokumentazzjoni ma’ ċerti sustanzi jew ukoll il-fatt li ċerti sustanzi jiġu mmarkati b’ittikkettjar xieraq. |
|
45 |
L-istess jgħodd fir-rigward tal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, li jipprevedi li, “[s]abiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ l-Artikoli 3 sa 8, kull Stat Membru għandu jadotta miżuri meħtieġa sabiex igħin lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu biex iwettqu d-dazji ta’ kontroll u monitorjar tagħhom, u b’mod partikolari […] li jidħlu fil-bini tan-negozju tal-operaturi u tal-utenti sabiex jiksbu provi ta’ irregolaritajiet”. |
|
46 |
Minn dawn id-dispożizzjonijiet kollha jirriżulta li dawn għandhom l-għan li jissuġġettaw il-kummerċ ta’ sustanzi skedati għal qafas legali. |
|
47 |
L-interpretazzjoni letterali tal-kunċett ta’ “operatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament Nru 273/2004, magħmula fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, hija kkorroborata, fit-tieni lok, mill-għanijiet imfittxija permezz tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minnha. |
|
48 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 273/2004 jistabbilixxi miżuri armonizzati għall-kontroll u għall-monitoraġġ, fi ħdan l-Unjoni, ta’ ċerti sustanzi użati ta’ spiss għall-fabbrikazzjoni illeċita ta’ drogi narkotiċi jew ta’ sustanzi psikotropiċi, sabiex tiġi evitata d-devjazzjoni tagħhom. Dan ir-regolament ġie adottat, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, bil-għan li tiġi miġġielda d-devjazzjoni ta’ sustanzi użati komunement fil-fabbrikazzjoni illeċita ta’ drogi narkotiċi jew ta’ sustanzi psikotropiċi billi tiġi stabbilita sistema ta’ monitoraġġ tal-kummerċ ta’ dawn is-sustanzi akkumpanjata minn sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi (sentenzi tal‑5 ta’ Frar 2015, M. et, C‑627/13 u C‑2/14, EU:C:2015:59, punt 53, kif ukoll tat‑12 ta’ Frar 2015, Gielen et, C‑369/13, EU:C:2015:85, punt 36). |
|
49 |
Mill-premessi 1 sa 6 tiegħu jirriżulta li r-Regolament Nru 273/2004 jikkostitwixxi l-implimentazzjoni fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna kontra t-Traffikar Illeċitu (sentenza tal‑5 ta’ Frar 2015, M. et, C‑627/13 u C‑2/14, EU:C:2015:59, punt 47), li jipprevedi li l-Istati Membri li huma partijiet fiha għandhom jadottaw il-miżuri li huma jqisu xierqa sabiex jipprevjenu d-devjazzjoni tas-sustanzi elenkati għall-finijiet tal-fabbrikazzjoni illeċita ta’ drogi narkotiċi u ta’ sustanzi psikotropiċi u għandhom jikkooperaw bejniethom għal dan il-għan. L-imsemmija Stati għandhom, b’mod partikolari, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxu u jżommu sistema ta’ monitoraġġ tal-kummerċ internazzjonali tas-sustanzi sabiex jiġi ffaċilitat il-kxif tal-operazzjonijiet suspettużi. |
|
50 |
Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tar-Regolamenti Nri 273/2004 u 111/2005, li għandhom l-istess għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa b’mod iddettaljat is-sistema applikabbli għall-prekursuri tad-droga (sentenza tal‑5 ta’ Frar 2015, M. et, C‑627/13 u C‑2/14, EU:C:2015:59, punt 52). Għalhekk, minn naħa, ir-Regolament Nru 273/2004 jistabbilixxi miżuri armonizzati għall-kontroll u l-monitoraġġ, ġewwa l-Unjoni, ta’ prekursuri tad-droga sabiex tiġi evitata d-devjazzjoni tagħhom u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 111/2005 jistabbilixxi, konformement mal-Artikolu 1 tiegħu, regoli għall-monitoraġġ tal-kummerċ, bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi, tal-prekursuri ta’ drogi. |
|
51 |
Ir-Regolament Nru 273/2004 għalhekk jagħmel parti mill-kuntest ta’ leġiżlazzjoni iktar wiesgħa, li minnha tagħmel ukoll parti d-Deċiżjoni Qafas 2004/757. |
|
52 |
Issa, għandu jiġi enfasizzat li d-Deċiżjoni Qafas 2004/757 tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi li jikkostitwixxu reati kriminali u sanzjonijiet applikabbli fil-qasam tat-traffiku tad-droga, li jippermettu li jiġi ddefinit approċċ komuni fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga. Għal dan il-għan, l-Artikolu 2 tagħha jipprevedi li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex l-aġir intenzjonali li huwa jelenka jkun punibbli meta ma jkunx jista’ jkun leġittimu, b’mod partikolari l-fabbrikazzjoni, it-trasport, id-distribuzzjoni ta’ prekursuri, fejn dak li jkun qed iwettaqhom ikun jaf li għandhom jintużaw fi jew għall-produzzjoni jew għall-fabbrikazzjoni illeċita ta’ droga. Barra minn hekk, il-punt 2 tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas jiddefinixxi t-terminu “prekursur” bħala kull sustanza skedata fil-leġiżlazzjoni Komunitarja li tagħti effett lill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna kontra t-Traffikar Illeċitu. |
|
53 |
Minn dan jirriżulta li, għalkemm id-Deċiżjoni Qafas 2004/757, ir-Regolament Nru 273/2004 u r-Regolament Nru 111/2005 għandhom l-istess għan, dawn it-testi, filwaqt li huma komplementari, għandhom portata differenti. Id-Deċiżjoni Qafas 2004/757 tistabbilixxi l-elementi li jikkostitwixxu reati kriminali fil-qasam tat-traffiku tad-droga, li minħabba f’hekk tikkonċerna l-prekursuri tad-droga u għalhekk is-sustanzi skedati, filwaqt li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 273/2004 u 111/2005 huwa limitat għall-kummerċ legali ta’ tali sustanzi. |
|
54 |
Barra minn hekk, din id-distinzjoni tirriżulta mill-bażijiet legali ta’ dawn l-atti differenti. Fil-fatt, id-Deċiżjoni Qafas 2004/757 hija bbażata fuq l-Artikolu 31(e) u l-Artikolu 34(2)(b) TUE, issostitwiti bl-Artikoli 82, 83 u 85 TFUE, li jaqgħu taħt it-Titolu V tal-imsemmi trattat, intitolat “L-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja” u, b’mod iktar partikolari, il-Kapitolu 4 tiegħu, dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 273/2004 għandu bħala bażi legali l-Artikolu 95 KE, issostitwit permezz tal-Artikolu 114 TFUE, li jaqa’ taħt it-Titolu VII tal-imsemmi trattat, intitolat “Regoli Komuni fuq il-Kompetizzjoni, fuq it-Tassazzjoni u l-Approssimazzjoni tal-Liġijiet”. Bl-istess mod, ir-Regolament Nru 111/2005 huwa bbażat fuq l-Artikolu 133 KE, issostitwit bl-Artikolu 207 TFUE. Issa, dan l-aħħar artikolu jaqa’ taħt il-ħames parti tat-Trattat FUE, intitolata “L-Azzjoni Esterna ta’ l-Unjoni”, u, b’mod iktar partikolari, taħt it-Titolu II tagħha, intitolat “Il-Politika Kummerċjali Komuni”. |
|
55 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li sitwazzjoni li fiha persuna tipparteċipa, fil-kuntest ta’ attività illegali, fit-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi skedati fl-Unjoni, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 273/2004. |
|
56 |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(d) tar-Regolament Nru 273/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tipparteċipa, fil-kuntest ta’ attività illegali, fit-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi skedati fl-Unjoni ma tikkostitwixxix “operatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq it‑tieni domanda
|
57 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
|
58 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1258/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Novembru 2013, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
persuna li tipparteċipa, fil-kuntest ta’ attività illegali, fit-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi skedati fl-Unjoni ma tikkostitwixxix “operatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.