SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Jannar 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Vjeġġ ta’ skart – Direttiva 2006/12/KE – Direttiva 2008/98/KE – Kunċett ta’ ‘skart’ – Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-kontroll tal-movimenti transkonfinali ta’ skart perikoluż u tar-rimi tiegħu – Artikolu 1(4) – Regolament (KE) Nru 1013/2006 – Skart suġġett għall-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel – Vjeġġi ta’ skart ġewwa l-Unjoni Ewropea – Artikolu 1(3)(b) – Validità – Interpretazzjoni konformi mal-Konvenzjoni ta’ Basel – Skart iġġenerat abbord bastiment wara l-avarija tiegħu fl-ibħra internazzjonali – Kunċett ta’ ‘żbark tal-iskart’ – Żbark parzjali tal-iskart f’port sigur”

Fil-Kawża C‑188/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura

Land Niedersachsen

vs

Conti 11. Container Schiffahrts-GmbH & Co. KG MS « MSC Flaminia»

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, I. Jarukaitis, M. L. Arastey Sahún, S. Rodin, A. Kumin, N. Jääskinen u D. Gratsias, Presidenti ta’ Awla, E. Regan, I. Ziemele (Relatriċi) u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Juhász-Tóth, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ Frar 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal-Land Niedersachsen, minn H. Jacobj, R. van der Hout u S. Walter, Rechtsanwälte,

–

għal Conti 11. Container Schiffahrts-GmbH & Co. KG MS “MSC Flaminia”, minn J.-E. Pötschke u W. Steingröver, Rechtsanwälte,

–

għall-Gvern Franċiż, minn B. Fodda, B. Herbaut u M. Raux, bħala aġenti,

–

għall-Parlament Ewropew, minn G. C. Bartram u W. D. Kuzmienko, bħala aġenti,

–

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn T. Haas u A. Maceroni, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Escobar Gomez, M. Bruti Liberati, L. Haasbeek u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Mejju 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità u l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU 2006, L 190, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 334, p. 46 u fil-ĠU 2015, L 277, p. 61).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Land Niedersachsen (il-Land ta’ Niedersachsen, il-Ġermanja) u Conti 11. Container Schiffahrts-GmbH & Co. KG MS “MSC Flaminia” (iktar ’il quddiem “Conti”) rigward il-kumpens għad-dannu li din tal-aħħar issostni li subbixxiet minħabba l-obbligu, impost mil-Land ta’ Niedersachsen, li timplimenta proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel dwar vjeġġi ta’ skart li kien jinsab abbord il-bastiment MSC Flamina (iktar ’il quddiem il-“Flaminia”) wara l-avarija tiegħu li seħħet fl-ibħra internazzjonali.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

Il‑Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il‑Liġi tat‑Trattati

3

L-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331), intitolat “Regola ġenerali ta’ interpretazzjoni”, jistabbilixxi:

“1.   Trattat għandu jiġi interpretat in bona fide konformement mat-tifsira ordinarja li għandha tingħata lit-termini tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu.

2.   Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ trattat, il-kuntest għandu jinkludi, minbarra t-test, inklużi l-preambolu u l-annessi tiegħu:

a)

kwalunkwe ftehim dwar it-trattat li jkun sar bejn il-Partijiet kollha fl-okkażjoni tal-konklużoni tat-trattat;

b)

kwalunkwe ftehim li jkun sar minn Parti waħda jew iktar fl-okkażjoni tal-konklużjoni tat-trattat u aċċettat mill-Partijiet l-oħra bħala strument marbut mat-trattat.

[…]”

Il‑Konvenzjoni ta’ Basel

4

Il-preambolu tal-Konvenzjoni dwar il-kontroll tal-movimenti li jaqsmu l-fruntieri ta’ l-iskart ta’ riskju u d-disponiment minnhom, iffirmata f’Basel fit‑22 ta’ Marzu 1989, approvata, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE tal‑1 ta’ Frar 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 18, p. 301), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Basel”) tistabbilixxi, fl-ewwel, fit-tielet sal-ħames, fl-għaxar, fil-ħdax u fil-ħmistax-il paragrafu:

“[il-Partijiet fil-Konvenzjoni huma] konxji mir-riskju tal-ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent ikkażawti mill-iskart ta’ riskju u skart ieħor u l-moviment li jaqsam l-fruntieri ta’ dan l-iskart,

[…]

[…] l-iktar manjiera effettiva għall-protezjoni tas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent mill-perikoli ppożati minn dan l-iskart hija t-tnaqqis tal-ġenerazzjoni tagħhom għall-minimu f’termini ta’ kwantità u/jew il-potenzal tar-riskju,

[…] l-Istati għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-ġestjoni ta’ l-iskart ta’ riskju u skart ieħor inkluż il-moviment li jaqsam l-fruntieri tagħhom u d-disponiment minnhom huma konsistenti mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent ikun fejn ikun il-post tad-disponiment minnhom,

[…] l-Istati għandhom jiżguraw illi l-ġeneratur għandu jwettaq dmirijiet rigward it-trasport u d-disponiment mill-iskart ta’ rikju u skart ieħor f’manjiera li hija konsistenti mal-protezzjoni ta’ l-ambjent, ikun fejn ikun il-post tad-disponiment minnhom,

[…]

[…] l-kontroll imtejjeb tal-moviment ta’ l-iskart ta’ riskju u ta’ skart ieħor li jaqsam il-fruntieri jrid iservi bħala inċentiv għall-ġestjoni soda tagħhom dwar l-ambjent u għat-tnaqqis tal-voluim ta’ dan il-moviment li jaqsam il-fruntieri,

[…] l-Istati għandhom jieħdu miżuri għall-iskambju xieraq tat-tagħrif u dwar u l-kontroll tal-moviment ta’ l-iskart ta’ riskju u skart ieħor li jaqsam il-fruntieri minn u lejn dawn l-Istati,

[…]

[…] l-Istati huma responsabbli mit-twettiq ta’ l-obbligi internazzjonali tagħhom li jirrigwardaw is-saħħa tal-bniedem u l-protezzjoni u l-priservazzjoni ta’ l-ambjent, u huma responsabbli skond il-liġijiet internazzjonali”.

5

L-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “L-iskop tal-Konvenzjoni”, jipprevedi:

“1.   L-iskart li ġej li hu bla ħsara għall-moviment li jaqsam il-fruntieri għandu jkun “skart ta’ riskju” għall-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni:

a)

l-iskart li jappartjieni għal kull kategorija li tinsab fl-Anness I, għajr jekk ma jippossjiedi l-ebda karatterstika li tinsab fl-Annes III; u

b)

l-iskartt li mhux kopert bil-paragrafu (a) imma li hu ddefinit, jew ikkunsidrat li huwa skart ta’ riskju mill-leġislazzjoni domestika tal-Parti esportatur, importatur jew tat-transitu.

2.   L-iskart li jappartjieni għal kull kategorija li tinsab fl-Anness II li huwa bla ħsara għall-moviment li jaqsam il-fruntieri għandu jkun ‘skart ieħor’ għall-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni.

[…]

4.   L-iskart li jkun ġej mill-ħidmiet normali ta’ bastiment, li l-iskarigu tiegħu huwa kopert bi strument internazzjonali ieħor, hwua eskluż mill-iskop ta’ din il-Konvenzjoni.”

6

L-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Basel, intitolat “Obbligi ġenerali”, jipprovdi:

“[…]

2.   Kull Parti għandha tieħu l-miżuri approprjati sabiex:

a)

tiżgura illi l-ġenerazzjoni ta’ l-iskart ta’ riskju u skart ieħor għandha jitnaqqas għall-minimu, filwaqt li jitqiesu l-aspetti soċjali, teknoloġiċi u ekonomiċi;

b)

tiżgura d-disponibbiltà ta’ faċilitajiet adegwati għad-disponiment, għall-ġestjoni ambjentalment soda ta’ l-iskart ta’ riskju u skart ieħor, li jridu jkunu lokati ġo fihom, safejn u sakemm possibbli, ikun xi jkun il-post tad-disponiment;

[…]

d)

tiżgura illi l-movimnt ta’ l-iskart ta’ riskju u skart ieħor li jaqsam il-fruntieri jintnaqqas għall-minimu konsistenti mal-ġestjoni ambjentalment soda u effiċjenti ta’ dan l-iskart, u jkun kondott f’manjiera li trid tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kontra l-effetti negattivi li jistgħu jirriżultaw minn dan il-moviment;

[…]

f)

teħtieġ li jiġi pprovvdut lill-Istati interessati it-tagħrif dwar moviment propost ta’ skart ta’ riskju u skart ieħor li jaqsam il-fruntieri, skond l-Anness V.A, li jiddikjara biċ-ċar l-effetti tal-moviment propost fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent;

[…]

h)

tikkopera fl-attivitajiet ma’ Partijiet oħra u organizzazzjonijiet interessati, b’mod dirett jew indirett permezz tas-Segretarjat, inkluż it-tixrid tat-tagħrif dwar il-moviment ta’ l-iskart ta’ riskju u skart ieħor li jaqsam il-fruntieri, sabiex ittejjeb il-ġestjoni ambjentalment soda ta’ dan l-iskart u tikseb il-prevenzjoni tat-traffiku illegali.

[…]”

7

L-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Il-moviment li jaqsam l-fruntieri bejn il-Partijiet” [Movimenti transkonfinali bejn il-partijiet], jipprevedi:

“1.   L-Istat esportatur għandu jinnotifika, jew jeħtieġ lill-ġeneratur jew lill-esportatur li jinnotifikaw, bil-miktub, permezz tal-kanal ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat esportatur, lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istati interessati b’kull moviment propost ta’ skart ta’ riskju u skart ieħor li jaqsam il-fruntieri. Din in-notifika għandu jkun fiha d-dikjarazzjoni u t-tagħrif speċifikati fl-Anness V.A, miktubin f’ilsien aċettabbli għall-Istat importatur. Notifika waħda biss teħtieġ li tintbgħat lil kull wieħed mill-Istati interessati. Notifika waħda biss teħtieġ li tintbgħat lil kull wieħed mill-Istati interessati.

2.   L-Istat importatur għandu jwieġeb lin-notifikatur bil-kitba, fejn jagħti l-kunsens tal-moviment fuq kondizzjonijiet jew mingħajrhom, jiċħad il-permess tal-moviment, jew jitlob tagħrif addizzjonli. Kopja tat-tweġiba finali ta’ l-Istat importatur għandha tintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati interessati li jkunu Partijiet.

3.   L-Istat esportatur ma għandux jippermetti lill-ġeneratur jew lill-esportatur li jibdew il-moviment li jaqsam il-fruntieri sakemm ikun irċieva l-konferma bil-miktub li:

a)

in-notifikatur ikun irċieva l-kunsens bil-miktuib ta’ l-Istat importatur; u

b)

in-notifikatur ikun irċieva minn għand l-Istat importatur il-konferma ta’ l-eżistenza ta’ kuntratt bejn l-esportatur u d-disponitur li jispeċifika l-ġestjoni ambjentalment soda ta’ l-iskart fil-kwistjoni.

[…]”

8

L-Artikolu 10(1) tal-imsemmija konvenzjoni huwa fformulat kif ġej:

“Il-Partijiet għandhom jikkoperaw bejniethom sabiex itejbu u jiksbu l-ġestjoni ambjentalment soda ta’ l-iskart ta’ riskju u skart ieħor.”

9

L-Anness I tal-istess konvenzjoni jinkludi lista tal-kategoriji ta’ skart suġġetti għall-kontroll previst mill-imsemmija konvenzjoni.

10

L-Anness II tal-Konvenzjoni ta’ Basel jispeċifika l-kategoriji ta’ skart li jeħtieġu eżami speċjali.

11

L-Anness VIII ta’ din il-konvenzjoni jistabbilixxi lista tal-iskart meqjus bħala perikoluż skont l-Artikolu 1(1)(a) tal-imsemmija konvenzjoni.

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2006/12/KE

12

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU 2006, L 114, p. 9), kien jipprevedi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘skart’ għandha tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness I li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi;

[…]”

13

Id-Direttiva 2006/12 tħassret bid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3). L-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2006/12 ġie riprodott, essenzjalment, fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98.

Ir‑Regolament Nru 1013/2006

14

Il-premessi 1, 3, 7, 8, 14, 18, 35 u 36 tar-Regolament Nru 1013/2006 jistabbilixxu:

“(1)

L-għan u l-komponent ewlieni u predominanti ta’ dan ir-Regolament huwa l-protezzjoni ta’ l-ambjent, filwaqt li l-effetti tiegħu fuq il-kummerċ internazzjonali huma biss inċidentali.

[…]

(3)

Id-Deċiżjoni [93/98] […] ikkonċernat il-konklużjoni, għan-nom tal-Komunità, tal-Konvenzjoni ta’ Basel […], li għaliha l-Komunità ilha Parti mill-1994. Permezz ta’ l-adattoment tar-Regolament (KEE) Nru 259/93 [tal-Kunsill, tal‑1 ta’ Frar 1993, dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 176)], stabbilixxa regoli sabiex inaqqas u jikkontrolla tali movimenti mfassla, inter alia, sabiex is-sistema Komunitarja eżistenti għas-superviżjoni u l-kontroll ta’ movimenti ta’ skart tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Basel.

[…]

(7)

Huwa importanti li jiġu organizzati u regolati s-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart b’mod li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġu ppreżervati, protetti u mtejba l-kwalità ta’ l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem u b’mod li jippromovi applikazzjoni aktar uniformi tar-Regolament fil-Komunità kollha.

(8)

Huwa wkoll importanti li jittieħed kont tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 4(2)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Basel li l-vjeġġi ta’ skart perikoluż għandhom jitnaqqsu għal minimu konsistenti ma’ l-immaniġġar ambjentali san u effikaċi ta’ tali skart.

[…]

(14)

Fil-każ ta’ vjeġġi ta’ skart destinat għal operazzjonijiet ta’ rimi u skart mhux elenkat fl-Anness III, IIIA jew IIIB destinat għal operazzjonijiet ta’ rkupru, huwa xieraq li jiġu żgurati l-aqwa superviżjoni u kontroll billi jkun meħtieġ permess bil-miktub bil-quddiem għal tali vjeġġi. Tali proċedura għandha, imbagħad, tagħti lok għal notifika minn qabel, li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jkunu informati bix-xieraq sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent. Għandha wkoll tippermetti lil dawk l-awtoritajiet iqajmu oġġezzjonijiet motivati għal tali vjeġġi.

[…]

(18)

Fid-dawl tar-responsabbiltà tal-produtturi ta’ iskart għall-immaniġġar ta’ skart b’mod ambjentalment san, id-dokumenti ta’ notifika u moviment għal vjeġġi ta’ skart għandhom, fejn ikun prattikabbli, jimtlew mill-produtturi ta’ l-iskart.

[…]”

(35)

Jeħtieġ li jiġi żgurat l-immaniġġjar sikur u ambjentali tażżarmar ta’ vapuri sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. […]

(36)

Koperazzjoni internazzjonali effiċjenti rigward il-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart hija strumentali sabiex jiġi żgurat li jkunu kontrollati l-vjeġġi ta’ skart perikoluż. L-iskambju ta’ informazzjoni, il-qsim tar-responsabbiltà u l-koperazzjoni bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha u pajjiżi terzi għandhom jiġu promossi bil-ħsieb li jiġi żgurat immaniġġar san ta’ l-iskart.”

15

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċeduri u reġimi ta’ kontroll għall-vjeġġi ta’ l-iskart, skond l-oriġini, id-destinazzjoni u r-rotta tal-vjaġġ, it-tip ta’ skart trasportat u t-tip ta’ trattament li għandu jiġi applikat fuq l-iskart fid-destinazzjoni tiegħu.

[…]

3.   Dan li ġej għandu jkun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

a)

il-ħatt għal fuq ix-xatt ta’ skart, inkluż ilma skart u residwi, ġenerat mill-operazzjoni normali ta’ bastimenti u ta’ pjattaformi ta’ fuq il-baħar bil-kundizzjoni li tali skart ikun suġġett għar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, [iffirmata f’Londra fit‑2 ta’ Novembru 1973, kif ikkompletata bil-Protokoll tas‑17 ta’ Frar 1978] (Marpol 73/78), jew strumenti internazzjonali li jorbtu oħrajn;

b)

skart iġġenerat fuq vetturi, ferroviji, ajruplani u bastimenti, sakemm l-imsemmi skart ikun skarikat sabiex ikun irkuprat jew jintrema;

[…]”

16

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

1)

‘skart’ huwa kif definit fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2006/12/KE;

2)

‘skart perikoluż’ huwa kif definit fl-Artikolu 1(4) tad‑Direttiva tal‑Kunsill 91/689/KEE tat‑12 ta’ Diċembru 1991 fuq skart perikoluż [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 78), kif emendata bid-Direttiva 94/31/KE tas‑27 ta’ Ġunju 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 376)];

[…]

8)

‘maniġġar ambjentalment san’ tfisser it-teħid tal-passi prattikabbli kollha sabiex jiġi żgurat li l-iskart ikun maniġġat b’mod li jipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kontra effetti ħżiena li jistgħu jirriżultaw minn tali skart;

[…]

34)

‘vjeġġ’ tfisser it-trasport ta’ skart destinat għal irkupru jew rimi li huwa ppjanat jew li jseħħ:

a)

bejn pajjiż u pajjiż ieħor; jew

b)

bejn xi pajjiż u pajjiżi u territorji barranin jew żoni oħrajn, taħt il-protezzjoni ta’ dan ta’ dak il-pajjiż; jew

(ċ)

bejn xi pajjiż u kwalunkwe żona ta’ art li mhijiex parti ta’ xi pajjiż skond il-liġi internazzjonali; jew

d)

bejn xi pajjiż u l-Antartiku; jew

e)

minn xi pajjiż u li jgħaddi minn xi waħda miż-żoni msemmija hawn fuq; jew

f)

f’xi pajjiż u li jgħaddi minn xi waħda miż-ż-żoni msemmija hawn fuq u li jibda u jispiċċa fl-istess pajjiż; jew

g)

minn xi żona ġeografika li mhijiex taħt il-ġurisdizzjoni ta’ xi pajjiż, lejn pajjiz;

[…]”

17

L-Artikolu 3(1) tal-istess regolament, li jinsab taħt it-Titolu II tiegħu, intitolat “Vjeġġi fil-Komunità bi jew mingħajr transitu minn pajjiżi terzi”, jipprovdi:

“Il-vjeġġi tat-tipi ta’ skart li ġejjin għandhom ikunu suġġetti għall-proċedura ta’ notifika u kunsens bil-miktub minn qabel kif stabbilit bid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu:

a)

jekk ikunu destinati għal operazzjonijiet ta’ rimi:

kull skart;

b)

jekk ikunu destinati għal operazzjonijiet ta’ rkupru:

i)

l-iskart imsemmi fl-Annessa IV, li jinkludi, inter alia, skart elenkat fl-Annessi II u VIII mal-Konvenzjoni ta’
Basel;

ii)

skart elenkat fl-Anness IV A;

iii)

skart li mhux klassifikat taħt entrata waħdanija f’xi wieħed mill-Annessi III, IIIB, IV jew IVA;

(iv)

taħlit ta’ skart mhux klassifikat taħt entrata f’xi wieħed mill-Annessi III, IIIB, IV IVA ħlief jekk elenkati fl-Anness IIIA.”

18

Il-Kapitolu 1 tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1013/2006, li jinkludi l-Artikoli 4 sa 17, jiddeskrivi l-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

19

Il-Flaminia huwa bastiment li jġorr il-kontejners li kien jappartjeni lil Conti li kien itajjar, matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-bandiera Ġermaniża.

20

Fl‑14 ta’ Lulju 2012, matul vjaġġ minn Charleston (l-Istati Uniti) lejn Antwerpen, il-Belġju, kien hemm nirien u seħħew xi splużjonijiet abbord dan il-bastiment, filwaqt li dan kien qiegħed iġorr 4808 kontenitur, li minnhom 151 kienu indikati bħala “oġġetti perikolużi”. Wara li n-nirien inġiebu taħt kontroll, Conti kisbet, fil-21 ta’ Awwissu 2021, l-awtorizzazzjoni biex tirmonka dan il-bastiment fl-ilmijiet territorjali Ġermaniżi. Konformement mal-ittra tal-Havariekommando (iċ-Ċentru ta’ Kmand f’Każ ta’ Urġenza Marittima, il-Ġermanja), tal‑25 ta’ Awwissu 2012, Conti ġiet imposta l-obbligu li tfassal pjan għat-tkomplija tal-operazzjonijiet u li tindika eventwali msieħba kuntrattwali bil-għan tal-eżekuzzjoni tal-miżuri korrispondenti.

21

Fid‑9 ta’ Settembru 2012 l-imsemmi bastiment ġie rmunkat f’Wilhelmshaven (il‑Ġermanja).

22

B’mod partikolari, Conti impenjat ruħha mal-awtoritajiet Ġermaniżi li tiżgura t-trasferiment sigur tal-istess bastiment lejn it-tarzna li kienet tinsab f’Mangalia (ir-Rumanija) u li tiggarantixxi trattament xieraq tas-sustanzi li kienu jinsabu abbord tiegħu.

23

Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Novembru 2012, in-Niedersächsisches Umweltministerium (il-Ministeru għall-Ambjent tal-Land ta’ Niedersachsen, il-Ġermanja) informa lil Conti li l-bastiment innifsu, “kif ukoll l-ilma użat għat-tifi tan-nar abbord, l-istess bħall-ħama u r-ruttam tal-metall, [kellhom] jiġu kklassifikati bħala skart” u li, għalhekk, il-vjeġġ tagħhom kien suġġett għal proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel. Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Diċembru 2012, Conti kkontestat din l-evalwazzjoni.

24

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Diċembru 2012, il-Gewerbeaufsichtsamt Oldenburg (l-Ispettorat tax-Xogħol ta’ Oldenburg, il-Ġermanja) obbliga lil Conti timplimenta tali proċedura minħabba l-preżenza, abbord tal-Flaminia, ta’ ruttam u ilma għat-tifi tan-nar imħallta ma’ ħama u residwi ta’ tagħbija. Barra minn hekk, Conti ġiet ipprojbita milli tneħħi dan il-bastiment qabel l-għeluq tal-imsemmija proċedura u l-preżentazzjoni bil-lingwa Ġermaniża, ta’ proġett verifikabbli ta’ rimi ta’ dan l-iskart.

25

Fil‑21 ta’ Diċembru 2012, it-tagħbija intatta nħattet u ġie kkonfermat li l-bastiment kien tajjeb biex ibaħħar sa għoli tal-mewġ ta’ sitt metri.

26

Inbdiet u ngħalqet proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel għall-vjeġġ tal-ilma għat-tifi tan-nar lejn il-port ta’ Odense (id-Danimarka). Fit-18 ta’ Frar 2013 bdew l-operazzjonijiet ta’ ppompjar tal-ilma għat-tifi tan-nar. Ladarba kien possibbli li tiġi stmata l-kwantità ta’ ħama mħallta mal-ilma għat-tifi tan-nar li ma setgħetx tiġi ppompjata, fis‑26 ta’ Frar 2013 inbdiet il-fażi segwenti ta’ din il-proċedura mal-awtoritajiet Rumeni.

27

L-awtorizzazzjoni ta’ tluq, mitluba għall‑4 ta’ Marzu 2013, ingħatat fl‑1 ta’ Marzu 2013. Madankollu, qabel ma l-Flaminia seta’ jitlaq mill-port, billi 30 kontenitur ta’ skart kellu jinħatt, din l-operazzjoni ttawwlet sas‑7 ta’ Marzu 2013. Wara l-għeluq tal-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel mibdija mal-awtoritajiet Rumeni, dan il-bastiment li kien fih 24000 tunnellata ta’ skart seta’ jibda l-vjaġġ tiegħu fil‑15 ta’ Marzu 2013.

28

Wara r-rikors ippreżentat minn Conti quddiem il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja) intiż sabiex il-Land ta’ Niedersachsen jiġi kkundannat jikkumpensa d-dannu li rriżulta b’mod partikolari mill-ispejjeż ikkawżati mill-proċeduri ta’ notifika li hija kellha tbati, din il-qorti ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk residwi dovuti għall-avarija ta’ bastiment, fil-forma ta’ ruttam u ta’ ilma għat-tifi tan-nar imħallta ma’ ħama u residwi ta’ tagħbija, kellhomx jiġu kklassifikati bħala “skart iġġenerat fuq vetturi, ferroviji, ajruplani u bastimenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006.

29

Fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Mejju 2019, Conti 11. Container Schiffahrt (C‑689/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Conti 11, EU:C:2019:420), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali residwi kellhom jitqiesu bħala skart iġġenerat abbord bastimenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament sakemm jiġu żbarkat bil-għan tal-irkupru tiegħu jew tar-rimi tiegħu.

30

Wara din is-sentenza, il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I) laqgħet parzjalment it-talba għal kumpens ta’ Conti.

31

Il-Land ta’ Niedersachsen ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, li tesprimi dubji dwar il-validità tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 fid-dawl tal-Artikolu 1(4) tal-Konvenzjoni ta’ Basel, sa fejn l-iskart perikoluż li ma jkunx ġie ġġenerat fil-kuntest tal-ħidma normali ta’ bastiment, li ma jkunx għadu nħatt u li għandu jiġi ttrasferit minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor huwa, skont din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006, eskluż ukoll mill-ħtieġa li jkun suġġett għal proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel.

32

Hija tqis li l-Artikolu 1(4) tal-Konvenzjoni ta’ Basel jeskludi biss mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni l-iskart, fis-sens tal-Anness I tagħha, li huwa prodott fil-kuntest tal-ħidma “normali” ta’ bastiment. Issa, l-iskart iġġenerat abbord bastiment wara l-avarija tiegħu fl-ibħra internazzjonali ma huwiex attribwit għall-ħidma “normali” ta’ dan il-bastiment.

33

Madankollu, mis-sentenza Conti 11 jirriżulta li l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 jipprevedi deroga mill-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel iktar estiża minn dik prevista mill-Konvenzjoni ta’ Basel, peress li, skont din id-dispożizzjoni, skart li ma jirriżultax mill-ħidma “normali” ta’ bastiment, fis-sens tal-Artikolu 1(4) ta’ din il-konvenzjoni, li ma jkunx għadu nħatt u li għandu jiġi ttrasferit minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor, ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

34

Issa, il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-Unjoni Ewropea hija parti minn din l-istess konvenzjoni u li hija, bħala tali, marbuta bl-obbligi li jirriżultaw minnha.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-deroga mill-obbligu ta’ notifika prevista mill-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament [Nru 1013/2006] hija invalida minħabba li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Basel […] sa fejn din id-deroga teskludi wkoll l-obbligu ta’ notifika ta’ skart perikoluż iġġenerat minn inċident li seħħ abbord bastiment u li għandu, skont is-sentenza [Conti 11], jitqies li huwa skart fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni derogatorja?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament [Nru 1013/2006] għandha, fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Basel […], tiġi interpretata b’mod restrittiv fis-sens li residwi fil-forma ta’ ruttam u ilma għat-tifi tan-nar imħallta ma’ ħama u residwi ta’ merkanzija, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jkunu kkawżati minn inċident li jkun seħħ abbord bastiment, ma għandhomx jitqiesu li jikkostitwixxu skart iġġenerat abbord bastimenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

Fuq l‑ammissibbiltà

36

Mingħajr ma tqajjem direttament l-inammissibbiltà tal-ewwel domanda, Conti tikkunsidra li l-validità tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 fid-dawl tal-Artikolu 1(4) tal-Konvenzjoni ta’ Basel, tal-inqas inċidentalment, ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Conti 11. B’mod partikolari, fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja mmotivat id-deċiżjoni tagħha li ma tilqax it-talba tal-Land ta’ Niedersachsen għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura wara l-għoti tal-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza minħabba l-assenza ta’ fatt ġdid li seħħ wara l-għeluq ta’ din il-fażi orali, u b’hekk issuġġeriet li hija kienet taqbel mal-kunsiderazzjonijiet, esposti f’dawn il-konklużjonijiet, dwar il-validità tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 fid-dawl tal-Artikolu 1(4) tal-Konvenzjoni ta’ Basel.

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan isegwi li domanda preliminari li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni tibbenefika minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni ta’ validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Confédération paysanne (Bettieħ u tadam tas-Saħara tal-Punent), C‑399/22, EU:C:2024:839, punti 60 u 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju timmotiva n-neċessità ta’ risposta għall-ewwel domanda bil-fatt li ma ngħatatx deċiżjoni fis-sentenza Conti 11 dwar il-validità tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 fid-dawl tal-Artikolu 1(4) tal-Konvenzjoni ta’ Basel. Issa, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda tkun determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, sa fejn it-talba ta’ Conti fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-kumpens għad-danni subiti minħabba l-impożizzjoni, mil-Land ta’ Niedersachsen, tal-osservanza tal-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel, il-kwistjoni tal-validità tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006, li Conti tinvoka l-applikazzjoni tiegħu għall-vjeġġ tal-iskart inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija deċiżiva sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza ta’ din it-talba.

39

F’tali ċirkustanzi, ma hemmx dubju li d-domanda magħmula hija rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà, imfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, huma ssodisfatti.

40

Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni Conti, is-sentenza Conti 11 ma tistax tinftiehem fis-sens li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja impliċitament ikkonfermat il-validità tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 fid-dawl tal-Artikolu 1(4) tal-Konvenzjoni ta’ Basel. Fil-fatt, fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat espressament li din il-mistoqsija ta’ validità ma kinitx saret mill-qorti tar-rinviju, u għalhekk li ma kienx il-kompitu tagħha li tagħti risposta għaliha.

41

Minn dan isegwi li l-ewwel domanda hija ammissibbli.

Fuq il‑mertu

42

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, fid-dawl tal-Artikolu 1(4) tal-Konvenzjoni ta’ Basel, il-validità tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Conti 11, li jipprovdi li l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament li din id-dispożizzjoni tipprevedi tkopri l-iskart iġġenerat abbord bastiment wara l-avarija tiegħu li tkun seħħet f’ibħra internazzjonali sakemm jiġi żbarkat bil-għan tal-irkupru tiegħu jew tar-rimi tiegħu.

43

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk din l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006 tkunx applikabbli meta skart iġġenerat abbord dan il-bastiment wara tali avarija jibqa’ fuq l-imsemmi bastiment sabiex jiġi ttrasportat, flimkien mal-istess bastiment, bil-għan tal-irkupru tiegħu jew tar-rimi tiegħu, wara li parti minn dan l-iskart ikun ġie żbarkat bil-għan tal-irkupru tiegħu jew tar-rimi tiegħu.

44

Skont l-Artikolu 216(2) TFUE, meta jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali mill-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tagħhom jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’tali mod li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu marbuta b’tali ftehimiet. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet li jipprevalu fuq l-atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, li għandhom jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, b’mod konformi ma’ dawn il-ftehimiet (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2024, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2024:172, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Issa, f’dan il-każ, permezz tad-Deċiżjoni 93/98, il-Komunità Ekonomika Ewropea saret parti mill-Konvenzjoni ta’ Basel, b’mod li din il-konvenzjoni ilha tifforma parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni mis-sena 1994 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Interseroh, C‑654/18, EU:C:2020:398, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Hekk kif tiddikjara l-premessa 3 tar-Regolament Nru 1013/2006, billi adotta r-Regolament Nru 259/93, li tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 1013/2006, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa regoli intiżi li jirrestrinġu u li jikkontrollaw il-vjeġġi tal-iskart bil-għan, b’mod partikolari, li s-sistema Komunitarja eżistenti fil-qasam tas-sorveljanza u tal-kontroll tal-movimenti tal-iskart tkun konformi mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Basel. Barra minn hekk, mill-premessa 8 tar-Regolament Nru 1013/2006 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni fittex ukoll dan l-għan ta’ konformità tad-dritt tal-Unjoni mal-imsemmija konvenzjoni fl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament.

47

Għalhekk, konsegwentement, għandha tiġi stabbilita l-portata tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Basel. F’dan ir-rigward, kif jipprevedi l-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, dawn id-dispożizzjonijiet in bona fide għandhom jiġu interpretati skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini tal-Konvenzjoni ta’ Basel fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tas-suġġett u tal-għan ta’ din il-konvenzjoni.

48

L-Artikolu 1 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “L-iskop tal-Konvenzjoni”, jinkludi paragrafu 1 li jesponi x’għandu jinftiehem b’“skart perikoluż” fis-sens ta’ din il-konvenzjoni.

49

Għal dan l-iskart, l-Artikolu 4(2) tal-Konvenzjoni ta’ Basel jipprevedi, l-ewwel nett, li l-partijiet tagħha jadottaw il-miżuri xierqa bil-għan li titnaqqas għall-minimu l-produzzjoni ta’ skart perikoluż, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet soċjali, tekniċi u ekonomiċi, kif ukoll sabiex tiġi promossa ġestjoni ambjentalment soda ta’ dan l-iskart fi kwalunkwe post fejn jintrema (ara, b’mod partikolari, il-punti (a) u (b)). It-tieni nett, skont din id-dispożizzjoni, dawn il-partijiet għandhom jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jirrestrinġu l-moviment transkonfinali ta’ skart perikoluż ħlief meta dawn jitqiesu konformi mal-prinċipji ta’ ġestjoni ambjentalment soda u effiċjenti u jitwettqu b’mod li jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent mill-effetti dannużi li jistgħu jirriżultaw minn dan il-moviment (ara, b’mod partikolari, il-punt (d)). It-tielet nett, skont l-istess dispożizzjoni, l-imsemmija partijiet jeżiġu li l-informazzjoni dwar il-movimenti transkonfinali proposti ta’ skart perikoluż tiġi kkomunikata lill-Istati kkonċernati, sabiex ikunu jistgħu jevalwaw il-konsegwenzi għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent ta’ tali movimenti u jikkooperaw bil-għan li jxerrdu informazzjoni dwar l-imsemmija movimenti, sabiex itejbu l-ġestjoni ambjentalment soda tal-imsemmi skart u sabiex jipprekludu t-traffiku illegali (ara, b’mod partikolari, il-punti (f) u (h)).

50

B’mod partikolari, l-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni jiddeskrivi l-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel li tapplika għal kull vjeġġ ta’ skart li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni.

51

L-Artikolu 1(4) tal-Konvenzjoni ta’ Basel jipprevedi madankollu li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u, konsegwentement, eżentati mill-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel prevista fl-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni, l-iskart li joriġina mill-“ħidma normali” ta’ bastiment u li r-rimi tiegħu jkun is-suġġett ta’ strument internazzjonali ieħor.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-ewwel paragrafu tal-preambolu ta’ din il-konvenzjoni, l-iskart perikoluż u skart ieħor kif ukoll il-movimenti transkonfinali ta’ dan l-iskart joħolqu riskju li jikkawżaw ħsara lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent u li, skont ir-raba’ paragrafu ta’ dan il-preambolu, l-Istati għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-ġestjoni tal-iskart perikoluż u ta’ skart ieħor, inklużi l-movimenti transkonfinali tiegħu u r-rimi tiegħu, tkun kompatibbli mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, irrispettivament mill-post fejn dan l-iskart jintrema. It-tieni paragrafu tal-imsemmi preambolu jirrileva, minbarra dan, li l-kontroll imtejjeb tal-movimenti transkonfinali tal-iskart perikoluż u ta’ skart ieħor iservi bħala inċentiv għall-ġestjoni ambjentalment soda ta’ dan l-iskart u għal tnaqqis tal-volum tal-movimenti transkonfinali korrispondenti.

53

Għaldaqstant, peress li l-Artikolu 1(4) tal-Konvenzjoni ta’ Basel għandu n-natura ta’ eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub qabel it-trasferiment tal-iskart perikoluż jew ta’ skart ieħor, kif prevista minn din il-konvenzjoni, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata b’mod li tqiegħed inkwistjoni t-twettiq tal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija konvenzjoni, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

54

Fil-punt 53 tas-sentenza Conti 11, li għaliha l-qorti tar-rinviju tirreferi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006, l-iskart iġġenerat abbord bastiment wara l-avarija tiegħu huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament “sakemm [jinħatt sabiex jiġi rkuprat jew sabiex jintrema]”.

55

Issa, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li, fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari spjegat ir-raġuni li tiġġustifika l-esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-iskart iġġenerat abbord bastiment wara l-avarija tiegħu li tkun seħħet fl-ibħra internazzjonali, jiġifieri n-natura f’daqqa u imprevedibbli tal-produzzjoni ta’ dan it-tip ta’ skart, li fil-prattika jirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-għarfien, fi żmien utli, mill-persuna responsabbli mill-bastiment ikkonċernat, tal-informazzjoni neċessarja għall-finijiet ta’ applikazzjoni korretta tar-regoli ta’ dan ir-regolament dwar il-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel, li huma intiżi sabiex jiggarantixxu sorveljanza u kontroll effikaċi tal-vjeġġ tal-imsemmi skart, fis-sens tal-imsemmi regolament.

56

Min-naħa l-oħra, fil-punt 42 tas-sentenza Conti 11, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sa fejn l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(3)(b) tal-istess regolament hija applikabbli biss “sakemm l-imsemmi skart ikun skarikat sabiex ikun irkuprat jew jintrema”, din id-dispożizzjoni tapplika biss sakemm l-iskart ikkonċernat ma jkunx telaq mill-bastiment sabiex jiġi ttrasportat bil-għan tal-irkupru tiegħu jew tar-rimi tiegħu.

57

Madankollu, meta, bħal fil-kawża prinċipali, parti mill-iskart iġġenerat wara l-avarija ta’ bastiment li tkun seħħet f’ibħra internazzjonali tiġi żbarkata f’port sigur, jekk ikun il-każ bil-għan li tkun is-suġġett ta’ vjeġġ li jkun huwa stess suġġett għal proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 tinżammx fir-rigward tal-vjeġġ sussegwenti tal-parti mill-iskart li ma tkunx ġiet żbarkata minn dan il-bastiment.

58

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Lindenapotheke, C‑21/23, EU:C:2024:846, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

Fir-rigward tal-kuntest li l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 jagħmel parti minnu, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, dan jistabbilixxi l-proċeduri u s-sistemi ta’ kontroll applikabbli għall-vjeġġ ta’ skart. Minn dan jirriżulta li l-imsemmi regolament jistabbilixxi sistema li fiha l-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel tapplika bħala prinċipju, skont il-modalitajiet previsti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu II tal-imsemmi regolament, għal kull vjeġġ ta’ skart li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

60

Minn naħa, il-kunċett ta’ “skart”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tal-istess regolament, li jinkludi l-kunċett iktar partikolari ta’ “skart perikoluż”, kif iddefinit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1013/2006, jirreferi għall-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2006/12, li l-formulazzjoni tiegħu ġiet riprodotta fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98. L-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2006/12, moqri flimkien mal-Anness I ta’ din id-direttiva, jagħti definizzjoni partikolarment wiesgħa tal-kunċett ta’ “skart”, jiġifieri kull sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa obbligat li jarmi u li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji msemmija f’dan l-anness. Min-naħa l-oħra, il-punt 34 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “vjeġġ” bħala “it-trasport ta’ skart destinat għal irkupru jew rimi”. Għalhekk, dawn id-definizzjonijiet jixhdu r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna għall-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel li r-Regolament Nru 1013/2006 jipprevedi.

61

Barra minn hekk, l-Artikolu 1(3)(b) ta’ dan ir-regolament għandu n-natura ta’ eċċezzjoni għall-prinċipju tal-applikazzjoni l-iktar wiesgħa possibbli ta’ din il-proċedura u għandu, konsegwentement, jingħata interpretazzjoni restrittiva.

62

Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1013/2006, għandu jitfakkar li l-premessa 1 ta’ dan ir-regolament tipprovdi li l-għan prinċipali tiegħu huwa l-protezzjoni tal-ambjent. Dan l-għan jirriżulta wkoll mir-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Basel, li jistabbilixxi li l-Istati partijiet għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ġestjoni ta’ skart perikoluż u ta’ skart ieħor, inkluż il-movimenti transkonfinali tiegħu u r-rimi tiegħu, tkun kompatibbli mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent ikun fejn ikun il-post fejn dan l-iskart jintrema.

63

Għal dan il-għan, il-premessa 7 tal-imsemmi regolament tenfasizza l-importanza li jiġu organizzati u rregolati s-sorveljanza u l-kontroll tal-vjeġġi ta’ skart b’mod li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġu ppreżervati, protetti u mtejba l-kwalità tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Bl-istess mod, il-premessa 8 tal-imsemmi regolament, filwaqt li tfakkar ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 4(2)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Basel, tirrileva l-importanza li jitnaqqsu l-movimenti ta’ skart perikoluż għall-minimu konsistenti ma’ ġestjoni effikaċi u ambjentalment soda tal-imsemmi skart.

64

Il-premessa 14 tal-istess regolament tippreċiża, barra minn hekk, li l-obbligu ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel fil-każ ta’ vjeġġi ta’ skart huwa intiż sabiex jiżgura l-aħjar superviżjoni u kontroll tal-iskart mhux imsemmi fl-Annessi III, IIIA jew IIIB tar-Regolament Nru 1013/2006 u li huwa ddestinat għall-irkupru. Hekk kif jirriżulta, essenzjalment, mill-premessa 36 ta’ dan ir-regolament, l-effettività tal-kontroll tal-vjeġġi ta’ skart perikoluż timplika kooperazzjoni internazzjonali effettiva u skambju ta’ informazzjoni, hekk kif jirriżulta wkoll mill-ħdax-il paragrafu tal-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Basel, kif ukoll mill-Artikolu 10(1) tagħha.

65

Issa, it-twettiq ta’ dawn l-għanijiet jimponi neċessarjament li jitqies li, meta parti mill-iskart iġġenerat wara l-avarija ta’ bastiment li sseħħ f’ibħra internazzjonali tkun tiġi żbarkata f’port sigur bil-għan tal-irkupru tagħha jew tar-rimi tagħha, l-iskart l-ieħor attribwibbli għal din l-avarija li jibqa’ fuq il-bastiment, bil-għan li jiġi ttrasportat, flimkien ma’ dan il-bastiment, lejn port ieħor sabiex jintrema jew jiġi rkuprat, ma jibbenefikax iktar, għal dan l-aħħar vjeġġ, mid-deroga li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006.

66

Qabelxejn, dan ir-regolament jistabbilixxi, bil-għan tal-implimentazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw għall-Unjoni mill-Konvenzjoni ta’ Basel, il-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel bħala element ċentrali tas-sorveljanza u tal-kontroll tal-vjeġġi ta’ skart. Din il-proċedura tippermetti li tiddaħħal id-data dwar l-eżistenza stess ta’ dan l-iskart u tal-perikolożità tiegħu, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, li jimponi fuq in-notifikatur l-obbligu li jipprovdi informazzjoni dwar, b’mod partikolari, il-kwantità, id-denominazzjoni, il-kompożizzjoni u d-destinazzjoni tal-iskart. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 14 tal-istess regolament, l-imsemmija proċedura tippermetti minbarra dan lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jiġu nnotifikati bix-xieraq bil-vjeġġi ta’ skart b’mod li jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji kollha għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, iżda wkoll sabiex ikunu jistgħu jifformulaw oġġezzjonijiet motivati fid-dawl ta’ dawn il-vjeġġi. Issa, iż-żamma tal-benefiċċju tad-deroga li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 għall-iskart li jibqa’ fuq il-bastiment ikkonċernat, f’ċirkustanzi fejn il-persuna responsabbli mill-bastiment tkun raġonevolment f’pożizzjoni li tkun taf l-informazzjoni neċessarja għall-finijiet ta’ applikazzjoni korretta tal-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel prevista minn dan ir-regolament, mhux biss toħloq lakuna fis-sorveljanza u fil-kontroll li dan ir-regolament jimponi, iżda tirriskja wkoll li ċċaħħad lil din il-proċedura minn kull effett utli.

67

Fil-fatt, fid-dawl tar-responsabbiltà partikolari tal-produtturi tal-iskart, kif imfakkra fil-premessa 18 tar-Regolament Nru 1013/2006, peress li dan il-bastiment irmiġġa f’port sigur sabiex jiżbarka hemmhekk parti mill-iskart, jista’ raġonevolment jitqies li l-persuna responsabbli mill-bastiment ikollha l-informazzjoni neċessarja għall-finijiet ta’ applikazzjoni korretta tar-regoli previsti minn dan ir-regolament.

68

Barra minn hekk, l-għan li jikkonsisti f’li tiġi żgurata ġestjoni soda tal-iskart u li l-movimenti tiegħu jitnaqqsu għall-minimu konsistenti mal-ġestjoni ambjentalment soda u effiċjenti tiegħu, stabbilit fil-premessa 8 ta’ dan ir-regolament li jirreferi espliċitament għall-Artikolu 4(2)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Basel, ikun kompromess jekk il-persuna responsabbli mill-bastiment ikkonċernat, li abbord tiegħu jkun ġie ġġenerat skart wara l-avarija tiegħu li tkun seħħet f’ibħra internazzjonali, kellha, wara l-iżbark ta’ parti minn dan l-iskart f’port sigur, marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-bidu tal-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel fir-rigward tal-vjeġġ sussegwenti tal-iskart li kien baqa’ fuq dan il-bastiment. B’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1013/2006 għandu jingħata interpretazzjoni li tiggarantixxi li l-imsemmija persuna responsabbli ma tkunx tista’ tieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra ħlief dawk marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent u mas-saħħa tal-bniedem, billi twettaq ċaqliq superfluwu ta’ skart, li jkun inkompatibbli mal-għan ta’ tnaqqis tal-movimenti tal-iskart għall-minimu konsistenti mal-ġestjoni ambjentalment soda u effiċjenti tiegħu.

69

Sussegwentement, ir-Regolament Nru 1013/2006 jiddefinixxi bi preċiżjoni, fl-Artikoli 4 sa 17 tiegħu, il-kundizzjonijiet li fihom il-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel għandha tinbeda u titlesta. Tali qafas jikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali tal-operaturi billi jippermetti lill-produtturi u lit-trasportaturi tal-iskart li jkun is-suġġett ta’ vjeġġ ikunu jafu l-portata tal-obbligi tagħhom. L-imsemmi qafas jippermetti wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jeżerċitaw il-prerogattivi tagħhom ta’ sorveljanza u ta’ kontroll. Issa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3)(b) ta’ dan ir-regolament li tgħid li, meta parti mill-iskart iġġenerat wara avarija ta’ bastiment li tkun seħħet f’ibħra internazzjonali tiġi żbarkata f’port sigur bil-għan tal-irkupru tagħha jew tar-rimi tagħha, id-deroga li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tibqax tapplika għall-vjeġġ sussegwenti tal-iskart li jkun baqa’ fuq dan il-bastiment għandha l-konsegwenza li tneħħi kwalunkwe inċertezza dwar in-neċessità li tinbeda l-imsemmija proċedura fir-rigward ta’ dan il-vjeġġ.

70

Fl-aħħar nett, l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub qabel il-vjeġġ tal-iskart li jkun baqa’ fuq il-bastiment ikkonċernat tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan ta’ responsabbilizzazzjoni tal-produtturi tal-iskart fil-ġestjoni ambjentalment sod tagħhom, kif huwa, essenzjalment, imfakkar fil-premessa 18 tar-Regolament Nru 1013/2006. Fil-fatt, il-persuna responsabbli mill-bastiment li jkun żbarka parti mill-iskart ikollha tagħżel vjeġġ ta’ skart li jkun baqa’ fuq dan il-bastiment li jissodisfa bl-aħjar mod ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, kif imposti minn dan ir-regolament.

71

L-interpretazzjoni riflessa fil-punti 65 sa 70 ta’ din is-sentenza tapplika iktar u iktar meta, wara nirien, skart ikun amalgama mal-bastiment, u b’hekk jirrendi partikolarment diffiċli, jekk mhux impossibbli, li dan l-iskart jiġi individwalizzat b’mod strett. F’din is-sitwazzjoni, l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel għall-bastiment innifsu timponi fuq il-persuna responsabbli minnu li tagħżel vjeġġ li jippermetti ż-żarmar tiegħu b’mod sigur u ambjentalment sod, kif tipprevedi l-premessa 35 ta’ dan ir-regolament.

72

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-iskart iġġenerat abbord bastiment wara l-avarija tiegħu li tkun seħħet fl-ibħra internazzjonali li, wara li parti minn dan l-iskart tkun żbarkat f’port sigur bil-għan tal-irkupru tagħha jew tar-rimi tagħha, ikun baqa’ fuq dan il-bastiment sabiex jiġi ttrasferit, flimkien ma’ dan il-bastiment, bil-għan tal-irkupru tiegħu jew tar-rimi tiegħu, ma jistax jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006, abbażi tal-Artikolu 1(3)(b) ta’ dan ir-regolament.

73

Tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, fis-sens li l-eċċezzjoni prevista fiha tapplika biss sal-iżbark f’port sigur tal-iskart kollu jew ta’ parti minnu ġġenerat abbord bastiment wara avarija fl-ibħra internazzjonali, hija konformi ma’ dak li jipprevedi l-Artikolu 1(4) tal-Konvenzjoni ta’ Basel, peress li ma tikkompromettix l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent imfittex minn din il-konvenzjoni.

74

Fit-tieni lok, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 jista’ jiġi interpretat b’mod konformi mal-Konvenzjoni ta’ Basel, ma huwiex neċessarju li jiġi evalwat, minn naħa, jekk in-natura u l-istruttura ta’ din il-konvenzjoni jipprekludux li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ twettaq eżami tal-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-imsemmija konvenzjoni u, min-naħa l-oħra, jekk id-dispożizzjonijiet tal-istess konvenzjoni, invokati fi tmiem dan l-eżami, jidhrux, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10,EU:C:2011:864, punti 53 u 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Litwanja et vs Il‑Parlament u Il-Kunsill (Pakkett dwar il-mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 1036).

75

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li parti mill-iskart iġġenerat abbord il-Flaminia wara l-avarija tiegħu li seħħet fl-ibħra internazzjonali, li ma huwiex ikkontestat li dan jikkostitwixxi skart perikoluż, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1013/2006, ġiet żbarkata wara l-irmiġġar ta’ dan il-bastiment fil-port ta’ Wilhelmshaven. Il-qorti tar-rinviju tindika li din il-parti tal-iskart hija kkostitwita mill-ilma għat-tifi tan-nirien li seħħew fuq l-imsemmi bastiment, li seta’ jiġi ppumpjat sabiex jiġi ttrasportat lejn il-port ta’ Odense bil-għan tal-irkupru tiegħu jew tar-rimi tiegħu, kif ukoll parti mill-ħama li rriżultat mit-tifi tan-nar.

76

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-iskart l-ieħor attribwibbli għal dawn in-nirien li la seta’ jiġi ppompjat u lanqas żbarkat, inkluż, b’mod partikolari, residwi fil-forma ta’ ruttam, ħama u residwi ta’ tagħbija, baqa’ abbord il-Flaminia sabiex jiġi ttrasportat, flimkien ma’ dan il-bastiment, lejn il-port ta’ Mangalia, bil-għan tal-irkupru tiegħu jew tar-rimi tiegħu.

77

Minn dan isegwi li l-iskart ittrasportat mill-port ta’ Wilhelmshaven lejn il-port ta’ Mangalia kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006, b’tali mod li dan il-vjeġġ kellu jkun suġġett għall-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel prevista minn dan ir-regolament.

78

B’hekk, kuntrarjament għaċ-ċirkustanzi previsti fil-punt 48 tas-sentenza Conti 11, jista’ jiġi preżunt li, wara l-iżbark ta’ parti mill-massa globali tal-iskart iġġenerat fuq il-Flaminia, il-persuna responsabbli minnu kienet raġonevolment fil-pożizzjoni li jkollha informazzjoni dwar il-kwantità u n-natura tal-iskart li kien baqa’ fuq dan il-bastiment, bl-għan li torganizza l-ġestjoni ambjentalment soda tiegħu u li tiżgura li l-movimenti tiegħu jitnaqqsu għall-minimu konsistenti ma’ tali ġestjoni.

79

Fid-dawl tal-motivi preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament li din id-dispożizzjoni tipprevedi, li tkopri l-iskart iġġenerat abbord bastiment wara l-avarija tiegħu li tkun seħħet f’ibħra internazzjonali sakemm dan jiġi żbarkat bil-għan tal-irkupru tiegħu jew tar-rimi tiegħu, ma tapplikax iktar għall-iskart li jibqa’ abbord dan il-bastiment sabiex jiġi ttrasportat, flimkien mal-imsemmi bastiment, bil-għan tal-irkupru tiegħu jew tar-rimi tiegħu, wara li parti minn dan l-iskart tkun ġiet żbarkata f’port sigur bil-għan tal-irkupru tagħha jew tar-rimi tagħha, fejn din l-interpretazzjoni hija konformi mal-Artikolu 1(4) tal-Konvenzjoni ta’ Basel.

Fuq it‑tieni domanda

80

L-elementi ta’ risposta għat-tieni domanda jirriżultaw mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda.

Fuq l‑ispejjeż

81

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament li din id-dispożizzjoni tipprevedi, li tkopri l-iskart iġġenerat abbord bastiment wara l-avarija tiegħu li tkun seħħet f’ibħra internazzjonali sakemm dan jiġi żbarkat bil-għan tal-irkupru tiegħu jew tar-rimi tiegħu, ma tapplikax iktar għall-iskart li jibqa’ abbord dan il-bastiment sabiex jiġi ttrasportat, flimkien mal-imsemmi bastiment, bil-għan tal-irkupru tiegħu jew tar-rimi tiegħu, wara li parti minn dan l-iskart tkun ġiet żbarkata f’port sigur bil-għan tal-irkupru tagħha jew tar-rimi tagħha, fejn din l-interpretazzjoni hija konformi mal-Artikolu 1(4) tal-Konvenzjoni dwar il-kontroll tal-movimenti li jaqsmu l-fruntieri ta’ l-iskart ta’ riskju u d-disponiment minnhom, iffirmata f’Basel fit‑22 ta’ Marzu 1989, approvata, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE tal‑1 ta’ Frar 1993.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.