31995D0131



Official Journal L 094 , 26/04/1995 P. 0001 - 0001


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tal-20 ta’ Frar 1995

dwar l-applikazzjoni temporanja ta’ ċerti ftehim bejn il-Komunità Ewropea u ċerti pajjiżi terzi dwar il-kummerċ fi prodotti tessili

(95/131/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 flimkien ma’ l-Artikolu 228(2), l-ewwel sentenza tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi l-Kummissjoni nnegozjat f’isem il-Komunità ftehim bilaterali fil-forma ta’ skambju ta’ ittri biex ikunu emendati l-ftehim bilaterali eżistenti, l-arranġamenti u l-protokolli dwar il-kummerċ fi prodotti tessili ma’ ċerti pajjiżi terzi biex tingħata konsiderazzjoni ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta’ l-Isvezja ma’ l-Unjoni Ewropea, kif jipprovdu l-Artikoli 75, 100 u 127 ta’ l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni u l-aġġustamenti tat-Trattati li hija stabbilita fuqhom l-Unjoni u li jinsabu mehmuża mat-Trattat ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1994;

Billi dawn il-ftehim bilaterali għandhom ikunu applikati fuq bażi temporanja mill-1 ta’ Jannar 1995, sakemm jintemmu l-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tagħhom, bla ħsara għall-applikazzjoni temporanja mill-pajjiżi msieħba,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-ftehim bilaterali fil-forma ta’ skambju ta’ ittri biex ikunu emendati l-ftehim bilaterali eżistenti, l-arranġamenti u l-protokolli dwar il-kummerċ fi prodotti tessili ma’ ċerti pajjiżi terzi biex tingħata konsiderazzjoni ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta’ l-Isvezja ma’ l-Unjoni Ewropea, bejn il-Komunità Ewropea, fuq in-naħa l-waħda, u l-pajjiżi terzi rispettivi fuq in-naħa l-oħra, elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom ikunu applikati fuq bażi temporanja mill-1 ta’ Jannar 1995, sal-konklużjoni formali tagħhom, bla ħsara għall-applikazzjoni reċiproka mill-pajjiżi msieħba.

Artikolu 2

It-testi tal-ftehim inizjalati huma mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Magħmula fi Brussell, fl-20 ta’ Frar 1995.

Għall-Kunsill

Il-President

E. Alphandéry

--------------------------------------------------

ANNESS

LISTA TA' PAJJIŻI

L-ARĠENTINA | L-UNGERIJA | IL-POLONJA |

IL-BANGLADEXX | L-INDJA | IR-RUMANIJA |

IL-BELARUS | L-INDONEŻJA | SINGAPOR |

IL-BRAŻIL | IL-MACAW | IS-SLOVAKJA |

IL-BULGARIJA | IL-MALASJA | IL-KOREA T'ISFEL |

IĊ-ĊINA | IL-MONGOLJA | SRI LANKA |

IR-PEPUBBLIKA ĊEKA | IL-PAKISTAN | L-UKRAINA |

L-ESTONJA | IL-PERÙ | L-URUGWAJ |

HONG KONG | IL-FILIPPINI | IL-VJETNAM |

--------------------------------------------------