16.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 343/20


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1495

tat-13 ta’ Ottubru 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Doganali stabbilit permezz tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ rakkomandazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 27 tal-Protokoll dwar id-definizzjoni ta’ “prodotti li joriġinaw” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4) l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (1) (‘il-Ftehim’) ġie applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Lulju 2011, u daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2015.

(2)

L-Artikolu 27 tal-Protokoll tal-Ftehim, li jikkonċerna d-definizzjoni ta’ “prodotti li joriġinaw” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (“il-Protokoll”), jistabbilixxi fih il-proċedura għall-verifika tal-provi tal-oriġini u l-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet doganali tal-Partijiet li jimportaw u jesportaw.

(3)

Il-Kumitat Doganali, stabbilit skont il-punt (c) tal-Artikolu 15.2(1) tal-Ftehim, huwa mogħti s-setgħa permezz tal-Artikolu 6.16(5) tal-Ftehim sabiex jifformula rakkomandazzjonijiet li huwa jqis neċessarji għall-kisba tal-objettivi komuni u għall-operat tajjeb tal-mekkaniżmi stabbiliti fil-Protokoll.

(4)

L-Unjoni u r-Repubblika tal-Korea identifikaw ħtieġa għal fehim komuni tal-karatteristiċi ewlenin tal-proċedura ta’ verifika stabbilita fl-Artikolu 27 tal-Protokoll u tal-passi differenti f’dik il-proċedura. Tali fehim komuni jenħtieġ li jkun fl-interess tal-awtoritajiet doganali li huma responsabbli sabiex jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-oriġini u sabiex jiżguraw it-trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi soġġetti għal tali verifika, fit-territorju ta’ kull Parti.

(5)

L-Unjoni u r-Repubblika tal-Korea jqisu li jkun xieraq li l-Kumitat Doganali jifformula rakkomandazzjoni għal fehim komuni u gl-implimentazzjoni tajba tal-proċedura ta’ verifika stabbilita fl-Artikolu 27 tal-Protokoll.

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Doganali, billi dik ir-rakkomandazzjoni ser ikollha effetti legali fl‐Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Doganali stabbilit permezz tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tar-rakkomandazzjoni ta’ dak il-Kumitat Doganali (2).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)   ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6.

(2)  Ara d-dokument ST 10586/20 fuq http://register.consilium.europa.eu.