European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2261

9.10.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/2261

tad-9 ta’ Ottubru 2026

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ attivitajiet li jdgħajfu l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-9 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 (1).

(2)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 tapplika sal-10 ta’ Ottubru 2026. Abbażi ta’ rieżami ta’ dik id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi stipulati fiha jiġu estiżi sal-10 ta’ Ottubru 2027.

(3)

Il-Kunsill ikkonkluda li jenħtieġ li jiġu aġġornati l-entrati għal tliet individwi elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135, id-data “10 ta’ Ottubru 2026” hija sostitwita bid-data “10 ta’ Ottubru 2027”.

Artikolu 2

L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

S. HARRIS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2135 tad-9 ta’ Ottubru 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ attivitajiet li jdgħajfu l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan (ĠU L, 2023/2135, 11.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2135/oj).


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135, taħt l-intestatura “A. Lista ta’ persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 2(1)”, l-entrati numru 1, 5 u 11 huma sostitwiti b’dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1.

Mirghani Idriss SULEIMAN

Nazzjonalità: Sudaniża

Sess: raġel

Funzjoni: Logutenent Ġeneral fl-SAF;

Direttur Ġenerali ta’ Defence Industries System;

Kap ta’ Sudanese Army Production Agency

Assistent għall-Affarijiet tal-Industriji Militari fl-SAF

Individwi assoċjati: Ġeneral Abdelfattah Al-Burhan, Kap Kmandant tal-SAF

Entitajiet assoċjati: Defense Industry System, SMT Engineering; SAF

Il-Logutenent Ġeneral Mirghani Idriss Suleiman huwa uffiċjal tas-Sudanese Armed Forces (SAF) u d-Direttur Ġenerali ta’ Defense Industry System (DIS), kumpanija soġġetta għal miżuri restrittivi mill-Unjoni Ewropea talli tat appoġġ lil azzjonijiet u politiki li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tas-Sudan. Fl-2026, inħatar Assistent għall-Affarijiet tal-Industriji Militari fl-SAF.

DIS hija deskritta bħala l-akbar intrapriża tad-difiża tas-Sudan li tiġġenera dħul ta’ madwar USD 2 000 000 000 permezz ta’ mijiet ta’ sussidjarji f’diversi setturi tal-ekonomija tas-Sudan. DIS timmanifattura għadd ta’ armi żgħar, armi konvenzjonali, munizzjon u vetturi militari għall-SAF.

Bħala d-Direttur Ġenerali ta’ DIS, Mirghani Idriss Suleiman ivvjaġġa estensivament flimkien mal-Ġeneral Abdelfattah Al-Burhan, Kap Kmandant tal-SAF, mill-bidu tal-gwerra, allegatament biex isaħħaħ il-mezzi tal-SAF fil-ġlieda kontra r-Rapid Support Forces (RSF) f’diversi fronti f’Khartoum, Darfur u Kordofan.

Għalhekk, Mirghani Idriss Suleiman jagħti appoġġ lil azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tas-Sudan.

24.6.2024

5.

Mustafa Ibrahim ABDEL NABI MOHAMED

Nazzjonalità: Sudaniża

Sess: raġel

Funzjoni: Direttur ta’ al-Khaleej Bank; azzjonist maġġoritarju ta’ Shield Protective Solutions Co. Ltd. (Sudan); Direttur Finanzjarju tal-RSF

Numru tal-passaport: B CH 4930920

Individwi assoċjati: Musa Hamdan Dagalo Musa, ħu Mohamed Hamdan Dagalo, mexxej tal-RSF

Entitajiet assoċjati: Al-Khaleej Bank; Shield Protective Solutions Co. Ltd. (Sudan)

Mustafa Ibrahim Abdel Nabi Mohamed huwa eks uffiċjal għoli ta’ Sudanese Central Bank, issekondat mill-2017 mar-Rapid Support Forces (RSF), biex iservi ta’ Direttur Finanzjarju, u ħalli jgħinhom jimmaniġġaw network ta’ kumpaniji u entitajiet proxy.

Rapport ta’ Grupp ta’ Esperti tan-NU dwar is-sanzjonijiet f’Darfur irrefera għal eks uffiċjal għoli ta’ Sudanese Central Bank li huwa bbażat f’Dubai u li sar il-konsulent finanzjarju tal-RSF mingħajr ma semma’ ismu. Ir-rapport jispjega wkoll li al Khaleej Bank sar strumentali għall-iffinanzjar tal-RSF fl-2019 meta s-sjieda maġġoritarja tiegħu ġiet akkwistata minn individwi u entitajiet assoċjati mal-RSF.

Rapporti fil-media u gruppi ta’ riflessjoni identifikaw lil dik il-persuna bħala Mustafa Ibrahim Abdel Nabi Mohamed. Huwa Direttur ta’ Al Khaleej Bank, bank Sudaniż.

Aktar minn 60 % tal-ishma ta’ Al Khaleej Bank huma miżmuma minn kumpaniji assoċjati mal-familja ta’ Mohammad Hamdan Dagalo (Hemedti), il-kap tal-RSF.

Mustafa Ibrahim Abdel Nabi Mohamed huwa wkoll l-azzjonist maġġoritarju ta’ Shield Protective Solutions Co. Ltd. L-azzjonist l-ieħor f’dik il-kumpanija huwa wieħed mill-aħwa ta’ Hemedti, Musa Hamdan Dagalo Musa, u l-kumpanija għandha aktar minn 14 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja f’al Khaleej Bank.

Fl-2026, huwa identifikat bħala parti minn network marbut mat-tmexxija tal-RSF, li ġabar portafoll vast ta’ proprjetà f’Dubai bħala parti minn ‘kumpless paramilitari industrijali’ mifrux madwar l-Afrika u l-Lvant Nofsani. Huwa f’dan il-kuntest li xtara appartament lussuż fil-Burj Khalifa, torri f’Dubai, li juri li huwa jibbenefika mill-kunflitt fis-Sudan.

Bħala Direttur Finanzjarju tal-RSF, Mustafa Ibrahim Abdel Nabi Mohamed qed jinvolvi ruħu direttament jew indirettament fl-għoti ta’ appoġġ lil azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tas-Sudan, jew qed jibbenefika minnhom.

24.6.2024

11.

Abu Aqla Mohamed Ahmed KAIKAL

magħruf ukoll bħala

Abu Aqla KEIKEL

Nazzjonalità: Sudaniża

Sess: raġel

Funzjoni: Mexxej u Kmandant ta’ Sudan Shield Forces, milizzja affiljata mal-SAF

Entitajiet assoċjati: SAF

Abu Aqla Mohamed Ahmed Kaikal huwa Kmandant Militari Sudaniż li serva fil-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu (RSF) fl-Istat ta’ Gezira fis-Sudan sakemm iddiżerta biex imur mal-Forzi Armati Sudaniżi (SAF) f’Ottubru 2024.

Abu Aqla Mohammed Kaikal ilu mill-2025 Mexxej u Kmandant ta’ Sudanese Shield Forces, grupp armat li jiġġieled id f’id mal-SAF. Fit-12 ta’ Diċembru 2025 deher f’filmat li jhedded liċ-ċivili li jippruvaw jaħarbu l-Belt ta’ El Obeid fl-Istat ta’ Kordofan tat-Tramuntana, li kien jinsab assedjat mill-RSF. Fil-filmat jinstema’ jwissi li ser jisparaw fuq iċ-ċivili li jkunu qed jippruvaw jitilqu mill-belt.

Is-Sudan Shield Forces kellhom rwol ewlieni fil-ġlied fl-Istat ta’ Gezira u fid-distrett ta’ East Nile, fiż-żona ta’ Khartoum. Fl-10 ta’ Jannar 2025 is-Sudan Shield Forces intenzjonalment attakkaw liċ-ċivili u l-proprjetà tagħhom.

Għalhekk Abu Aqla Mohamed Ahmed Kaikal huwa responsabbli għal azzjonijiet u politiki li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tas-Sudan. Barra minn hekk, huwa responsabbli li mexxa atti fis-Sudan li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u li tellef l-għoti ta’ assistenza umanitarja fis-Sudan, l-aċċess għaliha u d-distribuzzjoni tagħha.

18.7.2025”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2261/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)