SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
12 ta’ Ġunju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa – Direttiva 92/43/KEE – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(i) – Stat ta’ konservazzjoni ta’ speċi – Kunċett – Artikolu 14 – Miżuri ta’ ġestjoni – Teħid fis-selvaġġ u sfruttament kompatibbli maż-żamma jew mar-restituzzjoni tal-ispeċi fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(i) – Evalwazzjoni tan-natura favorevoli tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernata – Kundizzjonijiet kumulattivi – Canis lupus (lupu) – Klassifikazzjoni fil-kategorija ‘vulnerabbli’ tal-‘lista ħamra’ tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura – Speċi ta’ annimal li tagħmel parti minn popolazzjoni li l-firxa naturali tagħha testendi lil hinn mit-territorju ta’ Stat Membru – Teħid inkunsiderazzjoni tal-iskambji mal-popolazzjonijiet tal-istess speċi preżenti fl-Istati Membri jew f’pajjiżi terzi ġirien – Artikolu 2(3) – Teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali, kif ukoll tal-karatteristiċi reġjonali u lokali”
Fil-Kawża C‑629/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Ottubru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Ottubru 2023, fil-proċedura
MTÜ Eesti Suurkiskjad
vs
Keskonnaamet,
fil-preżenza ta’:
Keskonnaagentuur,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, D. Gratsias, E. Regan, J. Passer (Relatur) u B. Smulders, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Novembru 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal MTÜ Eesti Suurkiskjad, minn M. Ellermaa u E. Lopp, |
|
– |
għall-Gvern Estonjan,, minn M. Kriisa, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Daniż, minn D. Elkan, J. F. Kronborg u C. Maertens, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u M. Kopetzki, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Haasbeek, C. Hermes, E. Randvere, N. Ruiz García u K. Toomus, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Diċembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(i), tal-Artikolu 2(3) u tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitat”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn MTÜ Eesti Suurkiskjad u Keskonnaamet (il-Bord tal-Ambjent, l-Estonja) dwar il-legalità ta’ att amministrattiv li jirrigwarda l-kwoti relatati mal-kaċċa għal-lupu. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Skont il-ħmistax-il premessa tad-Direttiva dwar il-habitat: “Billi hi meħtieġa sistema ġenerali ta’ protezzjoni għal ċerti speċi ta’ flora u fawna […]; billi jrid isir provdiment għal miżuri ta’ l-immaniġġjar għal ċerti speċi, jekk l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom hekk jitlob, inkluża l-projbizzjoni ta’ ċerti mezzi ta’ qbid jew qtil, filwaqt li tagħti lok biex ikun hemm il-possibbiltà għal derogi skond ċerti kondizzjonijiet; |
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]” |
|
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat. 2. Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità. 3. Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.” |
|
6 |
L-Artikolu 11 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom iwettqu sorveljanza fuq l-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u l-ispeċi msemmija fl-Artikolu 2 b’attenzjoni speċjali għat-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità u speċi ta’ priorità.” |
|
7 |
L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva dwar il-habitat jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:
|
|
8 |
Skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva: “Jekk, in vista ta’ din is-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11, l-Istati Membri jidhrilhom li hu meħtieġ, huma għandhom jieħdu miżuri li jiżguraw li t-teħid fis-selvaġġ ta’ kampjuni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġa elenkati fl-Anness V kif ukoll l-esplojtazzjoni tagħhom huwa kompatibbli ma’ li jinżammu fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.” |
|
9 |
L-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Sakemm ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti u d-deroga mhix ta’ dannu għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi konċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 12, 13, 14 u 15 (a) u (b):
|
|
10 |
L-Anness II tad-Direttiva 92/43, intitolat “Speċi ta’ annimali u pjanti li huma ta’ interess għall-komunita li l-konservazzjoni tagħhom titlob li jkunu nominati żoni speċjali ta’ konservazzjoni”, isemmi, fost dawn l-ispeċi ta’ annimal, il-“Canis lupus (minbarra l-popolazzjoni tal-Estonja […])”. |
|
11 |
Konformement mal-Anness IV tad-Direttiva dwar il-habitat, intitolat “Speċi ta’ annimali u pjanti ta’ interess Komunitarju fi bżonn ta’ protezzjoni stretta”, il-Canis lupus jagħmel parti minn dawn l-ispeċi ta’ annimali, “minbarra […] il-popolazzjoni tal-Estonja”. |
|
12 |
Skont l-Anness V ta’ din id-direttiva, intitolat “Animali u speċi ta’ pjanti li huma ta’ interess għall-komunita li biex jittieħdu mis-selvaġġ u biex jiġu sfruttati jista’ jkun hemm bżonn ta’ miżuri ta’ tmexxija”, isemmi, il-popolazzjonijiet Estonjani tal-Canis lupus jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali miżuri. |
Id-dritt Estonjan
Il-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura
|
13 |
L-Artikolu 1 tal-Looduskaitseseadus (il-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura, RT I 2004, 38, 258), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura”), huwa fformulat kif ġej: “L-għan ta’ din il-liġi huwa:
[…]” |
|
14 |
L-Artikolu 3 tal-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura, intitolat “Stat favorevoli ta’ habitat u ta’ speċi”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “L-istat ta’ speċi jitqies bħala favorevoli jekk l-abbundanza tal-popolazzjoni tagħha tindika li l-ispeċi ser tippersisti fuq żmien twil bħala element vijabbli tal-habitat naturali tagħha jew tal-habitat riproduttiv tagħha, jekk il-firxa naturali tal-ispeċi ma tkunx qiegħda tiddeterjora u jekk jeżisti u aktarx ser jibqa’ jeżisti habitat naturali kbir biżżejjed sabiex tiġi żgurata l-persistenza fit-tul tal-popolazzjoni tal-ispeċi.” |
|
15 |
L-Artikolu 49 ta’ din il-Liġi, intitolat “Pjan ta’ azzjoni għall-protezzjoni u għall-ġestjoni tal-ispeċi”, jipprovdi: “(1) Għandu jitfassal pjan ta’ azzjoni:
(2) Il-pjan ta’ azzjoni għandu jinkludi:
[…]” |
Il-liġi dwar il-Kaċċa
|
16 |
L-Artikolu 21 tal-Jahiseadus (il-Liġi dwar il-Kaċċa, RT I 2013, 2), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kaċċa”), intitolat “Monitoraġġ tal-annimali tal-kaċċa”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu: “Kull sena, l-awtorità msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu [il- Keskkonnaagentuur (l-Aġenzija tal-Ambjent, l-Estonja)] għandha tfassal rapport ta’ monitoraġġ tal-annimali tal-kaċċa. Ir-rapport ta’ monitoraġġ għandu jinkludi d-data li ġejja:
|
|
17 |
L-Artikolu 22 ta’ din il-Liġi, intitolat “Kwoti u struttura tal-kaċċa”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Kull sena, il-Bord tal-Ambjent għandu jistabbilixxi l-kwoti għall-kaċċa tal-ors kannella, tal-lupu, tal-linċi u tal-foka griża abbażi tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 21(4) ta’ din il-liġi, kif ukoll tal-proposta maħruġa mill-Kunsill tal-Kaċċa.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
18 |
Fl‑4 ta’ Ottubru 2012, il-Ministru Estonjan għall-Ambjent adotta “Pjan ta’ azzjoni għall-protezzjoni u għall-ġestjoni ta’ predaturi kbar [Canis lupus (lupu), Lynx lynx (linċi) u Ursus arctos (ors kannella)] għall-perijodu 2012–2021” (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ azzjoni għall-perijodu 2012‑2021”). |
|
19 |
Il-pjan ta’ azzjoni għall-perijodu 2012‑2021 kien jindika li l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet Estonjani ta’ karnivori kbar seta’ jitqies bħala favorevoli u kien intiż, fost l-oħrajn, li jżomm l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-lupu kemm fil-livell tal-popolazzjoni Estonjana kif ukoll fil-livell tal-popolazzjoni Baltika ta’ din l-ispeċi ta’ annimal. Għal dan l-għan, dan il-pjan ta’azzjoni kellu bħala għan li kull sena, qabel il-bidu tal-istaġun tal-kaċċa, jinżammu 15 sa 25 grupp ta’ lpup li jinkludu ż-żgħar, b’tali mod li l-popolazzjoni totali tal-ispeċi fit-territorju Estonjan tkun ta’ madwar 150 sa 250 individwu. F’din il-firxa, kellhom jiġu stabbiliti għanijiet annwali skont ir-riżultati tal-monitoraġġ u l-abbundanza tal-popolazzjoni kellha tinżamm f’din il-firxa, permezz tal-kaċċa. L-għan kien ukoll li titnaqqas il-ħsara kkawżata mil-lupu, b’mod partikolari billi tingħata preferenza lill-kaċċa fiż-żoni fejn kien qiegħed jikkawża dannu. |
|
20 |
Skont l-imsemmi pjan ta’ azzjoni, il-popolazzjoni Baltika tal-lupu kienet hija stess tagħmel parti mill-popolazzjoni Ewro-Asjatika ta’ din l-ispeċi ta’ annimal, li l-firxa naturali tagħha kienet testendi fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Grigal tal-Polonja, fil-Bjelorussja, fit-Tramuntana tal-Ukrajna u f’ċerti reġjuni Russi. L-istess pjan ta’ azzjoni kien jindika n-numru approssimattiv, għas-sena 2008, ta’ lpup preżenti fil-Latvja u fil-Litwanja kif ukoll, għas-sena 2010, fir-reġjuni Russi ġirien tal-Estonja. Huwa ppreċiża wkoll li, għalkemm kienu ġew adottati pjanijiet ta’ protezzjoni jew ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tal-lupu mir-Repubblika tal-Latvja, mir-Repubblika tal-Finlandja kif ukoll mir-Repubblika tal-Bjelorussja, u kienu qegħdin jitħejjew mir-Repubblika tal-Litwanja u mir-Repubblika tal-Polonja, dawn kienu, għall-kuntrarju, neqsin fir-Russja. Barra minn hekk, il-pjan ta’ azzjoni għall-perijodu 2012‑2021 kien isemmi l-possibbiltà li l-lupu jiġi kkaċċjat f’dawn l-Istati Membri u f’pajjiżi terzi. Fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali, dan il-pjan ta’ azzjoni kien jenfasizza b’mod partikolari l-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Estonja fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (iktar ’il quddiem l-“UIKN”) kif ukoll l-eżistenza ta’ kuntatti miżmuma mir-rappreżentant ta’ dan l-Istat Membru mal-kontropartijiet tiegħu Latvjani, Litwani, Pollakki, Finlandiżi, Svediżi, Norveġiżi u Russi. L-imsemmi pjan ta’ azzjoni kien jipprevedi wkoll l-implimentazzjoni ta’ skambju regolari ta’ informazzjoni bejn ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblik tal-Latvja dwar l-evoluzzjoni kwantitattiva tal-popolazzjoni tal-karnivori l-kbar u dwar il-kwoti tal-kaċċa kif ukoll il-parteċipazzjoni attiva tar-Repubblika tal-Estonja fi proġetti internazzjonali marbuta mal-organizzazzjoni tal-konservazzjoni u tal-ġestjoni tal-karnivori l-kbar. |
|
21 |
Permezz ta’ digriet tad‑29 ta’ Ottubru 2020, adottat skont l-Artikolu 22(2) tal-Liġi dwar il-Kaċċa, il-Bord tal-Ambjent stabbilixxa l-ewwel parti tal-kwota għall-kaċċa tal-lupu għall-istaġun tal-kaċċa 2020/2021 fl-Estonja għal 140 kampjun, imqassma fuq 20 żona ta’ ġestjoni, billi ffavorixxa ż-żoni ta’ trobbija u dawk li fihom kien twettaq dannu minn din l-ispeċi ta’ annimal. |
|
22 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, assoċjazzjoni Estonjana għall-protezzjoni tal-ambjent, ippreżentat rikors quddiem it-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja) intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet. Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija sostniet b’mod partikolari li, fl-Estonja, l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu ma setax jitqies bħala “favorevoli”, fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura, u li l-fatt li tiġi awtorizzata l-kaċċa ta’ 140 lupu jirrendi l-għan li jiġu żgurati ż-żamma jew ir-restituzzjoni ta’ din l-ispeċi fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli iktar diffiċli li jintlaħaq. |
|
23 |
Permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2021, it-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn) ċaħdet dan ir-rikors. |
|
24 |
Din id-deċiżjoni ta’ ċaħda ġiet ikkonfermata mit-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn, l-Estonja). |
|
25 |
Ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja), li hija l-qorti tar-rinviju, hija adita b’appell tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali mid-deċiżjoni ta’ konferma tal-qorti tal-appell. |
|
26 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk, meta Stat Membru jadotta miżuri ta’ ġestjoni skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat, sabiex tiġi vverifikata l-kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri mal-għan li jiġu żgurati ż-żamma jew ir-restituzzjoni ta’ din l-ispeċi fi “stat ta’ konservazzjoni favorevoli”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(i) ta’ din id-direttiva, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi preżenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat jew jekk huwiex possibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni li tinsab fit-territorju ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea, f’dan il-każ il-popolazzjoni Baltika. |
|
27 |
L-imsemmija qorti tirrileva, f’dan ir-rigward, li, għalkemm ma hemm ebda kontestazzjoni dwar l-istat ta’ konservazzjoni “favorevoli” tal-popolazzjoni Baltika tal-lupu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, filwaqt li tibbaża ruħha fuq evalwazzjoni tal-UIKN, issostni li l-popolazzjoni Estonjana tal-lupu ma tistax titqies li tinsab f’tali stat ta’ konservazzjoni. |
|
28 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tosserva, it-tieni nett, li, sa fejn għandha għarfien, fir-rigward tal-konservazzjoni tal-popolazzjoni tal-lupu inkwistjoni, ma teżisti ebda forma ta’ kooperazzjoni uffiċjali bejn l-Istati Membri li fit-territorju tagħhom testendi l-firxa naturali ta’ din il-popolazzjoni, iżda biss komunikazzjoni informali bejn ix-xjenzati. |
|
29 |
It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fid-dawl, b’mod partikolari, tas-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑342/05, EU:C:2007:341), u tat‑23 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (Kaċċa fir-rebbiegħa għall-edredun raġel) (C‑217/19, EU:C:2020:291), jekk popolazzjoni ta’ speċi kklassifikata, fir-rigward ta’ Stat Membru, fil-kategorija “vulnerabbli” tal-lista ħamra ta’ speċi mhedda mill-UIKN (iktar ’il quddiem il-“lista ħamra tal-UIKN”) tistax titqies li tinsab fi “stat ta’ konservazzjoni favorevoli”, fis-sens tad-Direttiva dwar il-habitat. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li, fil-pjan ta’ azzjoni stabbilit għall-perijodu 2022–2031, bħala segwitu għall-pjan ta’ azzjoni għall-perijodu 2012–2021, il-popolazzjoni Baltika tal-lupu titqies bħala li taqa’ taħt il-kategorija “preokkupazzjoni minuri” (LC) tal-lista ħamra tal-UIKN, filwaqt li l-popolazzjoni Estonjana ta’ din l-ispeċi hija kklassifikata bħala “vulnerabbli” (VU), u għandha saħansitra titqies li hija “fil-perikolu” (EN) jekk ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-popolazzjonijiet ġirien. |
|
30 |
Fl-aħħar u r-raba’ nett, il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-Bord tal-Ambjent u l-Aġenzija tal-Ambjent dejjem sostnew li żieda fin-numru ta’ lpup tkun timplika tensjonijiet soċjali u ekonomiċi qawwija. Fil-fatt, wieħed mill-argumenti prinċipali invokati sabiex tiġi ġġustifikata l-awtorizzazzjoni tal-kaċċa għal-lupu huwa n-neċessità li jitnaqqas id-dannu kkawżat minn din l-ispeċi ta’ annimal, speċjalment lill-bhejjem. |
|
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel sat-tielet domanda
|
32 |
Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat għandux jiġi interpretat fis-sens li l-klassifikazzjoni fil-kategorija “vulnerabbli” tal-lista ħamra tal-UIKN tal-popolazzjoni ta’ speċi ta’ annimal preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru teskludi li l-istat ta’ konservazzjoni ta’ din l-ispeċi, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, jitqies li huwa “favorevoli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk dan l-Artikolu 1(i) għandux jiġi interpretat fis-sens li l-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ miżuri ta’ ġestjoni skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva timplikax l-obbligu li jiġi żgurat stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi preżenti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jew jekk dan tal-aħħar jistax jieħu inkunsiderazzjoni l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni kollha li l-firxa naturali tagħha testendi lil hinn mit-territorju tal-imsemmi Stat Membru u, jekk ikun il-każ, sa fejn u taħt liema kundizzjonijiet. |
|
33 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitat, moqri flimkien mal-punt (a) tal-Anness IV tagħha, il-lupu jaqa’ taħt l-ispeċi ta’ “interess Komunitarju” li fir-rigward tagħha għandu jiġi żgurat “ħarsien strett”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 12. |
|
34 |
Madankollu, il-punt (a) tal-Anness IV jeskludi minn din il-protezzjoni stretta, b’mod partikolari, il-popolazzjonijiet Estonjani tal-lupu. |
|
35 |
Għalhekk, dawn il-popolazzjonijiet huma inklużi fil-punt (a) tal-Anness V tad-Direttiva dwar il-habitat, bħala speċi ta’ annimal ta’ interess Komunitarju li t-teħid tagħha mis-selvaġġ u l-isfruttament tagħhom jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri ta’ ġestjoni u li jaqgħu, għaldaqstant, taħt l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva. |
|
36 |
Fir-rigward tal-miżuri ta’ ġestjoni li l-ispeċi inklużi fl-Anness V tad-Direttiva dwar il-habitat jistgħu jkunu s-suġġett tagħhom, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, “[j]ekk, in vista ta’ din is-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11, l-Istati Membri jidhrilhom li hu meħtieġ, huma għandhom jieħdu miżuri li jiżguraw li t-teħid fis-selvaġġ ta’ kampjuni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġa elenkati fl-Anness V kif ukoll l-esplojtazzjoni tagħhom huwa kompatibbli ma’ li jinżammu fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli”. |
|
37 |
Mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiddeterminaw in-neċessità li jiġu adottati miżuri skont l-imsemmija dispożizzjoni, ta’ natura li jillimitaw l-isfruttament tal-ispeċi inklużi fl-Anness V tad-Direttiva dwar il-habitat (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, ASCEL, C‑436/22, EU:C:2024:656, punt 53). |
|
38 |
Madankollu, din il-marġni ta’ evalwazzjoni hija limitata mill-obbligu li jiġi żgurat li t-teħid ta’ kampjuni ta’ speċi mis-selvaġġ u l-isfruttament ta’ dawn il-kampjuni jkunu kompatibbli maż-żamma ta’ din l-ispeċi fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, ASCEL, C‑436/22, EU:C:2024:656, punt 55). |
|
39 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar li kull miżura meħuda minn Stat Membru abbażi tad-Direttiva dwar il-habitat għandu jkollha bħala għan, skont l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, li jiġu żgurati ż-żamma jew ir-restituzzjoni, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-ispeċi ta’ annimal ta’ interess Komunitarju (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, ASCEL, C‑436/22, EU:C:2024:656, punt 56). |
|
40 |
Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ħmistax-il premessa tad-Direttiva dwar il-habitat, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li għandha tiġi pprovduta sistema ġenerali ta’ protezzjoni għal ċerti speċi tal-fawna u tal-flora u li l-miżuri ta’ ġestjoni għandhom jiġu previsti għal ċerti speċi, “jekk l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom hekk jitlob”, inkluż il-projbizzjoni ta’ ċerti modalitajiet ta’ qbid jew ta’ qtil, filwaqt li l-istess sistema tipprevedi l-possibbiltà ta’ derogi taħt ċerti kundizzjonijiet. B’dan il-mod, kif turi l-frażi “jekk l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom hekk jitlob”, l-adozzjoni ta’ tali miżuri għandha tkun iġġustifikata mill-ħtieġa li l-ispeċi kkonċernata tinżamm jew tiġi rrestitwita fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, ASCEL, C‑436/22, EU:C:2024:656, punt 57). |
|
41 |
Barra minn hekk, meta speċi ta’ annimal tkun tinsab fi stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu miżuri, fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat, sabiex itejbu l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernata b’tali mod li, fil-futur u sostenibbilment, il-popolazzjonijiet tagħha jinżammu fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, ASCEL, C‑436/22, EU:C:2024:656, punt 69). |
|
42 |
Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi u tal-opportunità li jiġu adottati miżuri bbażati fuq l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat għandha ssir b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tad-data xjentifika l-iktar reċenti miksuba permezz tas-sorveljanza prevista fl-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, ASCEL, C‑436/22, EU:C:2024:656, punt 65). F’dan ir-rigward, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni stabbilit fl-Artikolu 191(2) TFUE, jekk l-eżami tal-aħjar data xjentifika disponibbli jħalli inċertezza fuq il-kwistjoni dwar jekk l-isfruttament ta’ speċi ta’ interess Komunitarju huwiex kompatibbli maż-żamma tagħha fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-Istat Membru kkonċernat għandu jastjeni milli jawtorizza tali sfruttament (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, ASCEL, C‑436/22, EU:C:2024:656, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-pjan ta’ azzjoni għall-perijodu 2012–2021, l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu fl-Estonja tqies bħala favorevoli. F’dan il-kuntest, ittieħdu inkunsiderazzjoni, fost oħrajn, elementi relatati ma’ Stati Membri u ma’ pajjiżi terzi ġirien, imsemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza. |
|
44 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva, b’mod partikolari, li, fil-pjan ta’ azzjoni sussegwenti, stabbilit għall-perijodu 2022–2031, il-popolazzjoni Estonjana tal-lupu hija kklassifikata fil-kategorija “vulnerabbli” tal-lista ħamra tal-UIKN, jiġifieri li hija, skont id-definizzjoni li tinsab fil-Linji Gwida għall-użu tal-kategoriji u tal-kriterji tal-lista ħamra tal-UIKN, “ikkonfrontata b’riskju għoli ta’ estinzjoni fl-istat selvaġġ”. |
|
45 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-kunċett tal-“istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi” huwa ddefinit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat bħala li huwa l-effett tal-influwenzi kollha li jistgħu jaffettwaw it-tqassim u l-abbundanza fuq żmien twil tal-popolazzjonijiet tiegħu fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. |
|
46 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(i) tal-imsemmija direttiva, l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi jitqies li huwa favorevoli sakemm jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel, id-data dwar id-dinamika tal-popolazzjoni kkonċernata għandha tindika li din qiegħda żżomm lilha nnifisha fuq żmien twil bħala komponent vjabbli tal-habitat naturali tagħha. It-tieni, il-firxa naturali ta’ din l-ispeċi la għandha tonqos u lanqas ikollha riskju li tonqos fil-ġejjieni prevedibbli. It-tielet, huwa neċessarju li jkun hemm, u li aktarx jibqa’ jkun hemm habitat kbir biżżejjed sabiex iżomm il-popolazzjonijiet tal-imsemmija speċi għal żmien twil (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, ASCEL, C‑436/22, EU:C:2024:656, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-habitat, li tawtorizza lill-Istati Membri jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12 sa 15 tagħha u li l-applikazzjoni tagħhom tiddependi wkoll, fost oħrajn, miż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati fil-firxa naturali tagħhom, jirriżulta li dan l-istat għandu jeżisti u jiġi evalwat, fl-ewwel lok u neċessarjament, fil-livell lokali u nazzjonali, b’tali mod li stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli fit-territorju ta’ Stat Membru jew parti minnu ma jkunx mistur permezz ta’ evalwazzjoni mwettqa biss fuq livell transkonfinali li minnha jirriżulta li l-imsemmija speċi tkun tinsab fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, WWF Österreich et, C‑601/22, EU:C:2024:595, punt 57). |
|
48 |
L-istess japplika, neċessarjament, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat. Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 39 u 40 tal-konklużjonijiet tagħha, għalkemm l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi ma huwiex favorevoli fi Stat Membru li l-firxa naturali tagħha testendi fit-territorju tiegħu, tal-inqas potenzjalment, din l-ispeċi ma tistax tissodisfa l-funzjoni ekoloġika tagħha hemmhekk, jew tal-inqas mhux kompletament, anki jekk il-popolazzjoni tal-ispeċi kkonċernata preżenti f’dan l-Istat Membru tagħmel parti minn popolazzjoni li l-istat ta’ konservazzjoni tagħha huwa favorevoli. |
|
49 |
Madankollu, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-fatt li l-popolazzjoni Estonjana tal-lupu hija kklassifikata fil-kategorija “vulnerabbli” tal-lista ħamra tal-UIKN, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tagħha, għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “stat ta’ konservazzjoni ta’ speċi”, la l-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jirreferu għal-lista ħamra tal-UIKN jew għall-kriterji li skonthom din hija stabbilita bħala indikatur tal-istat ta’ konservazzjoni favorevoli jew le ta’ speċi. |
|
50 |
Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-metodu ta’ evalwazzjoni użat għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-ispeċi fil-lista ħamra tal-UIKN huwa differenti minn dak li għandu jiġi implimentat skont l-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat. |
|
51 |
Għalhekk, minkejja li, kif enfasizzat essenzjalment l-Avukata Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tagħha, id-data, il-kriterji u l-evalwazzjonijiet li wasslu għall-klassifikazzjoni ta’ speċi fil-lista ħamra tal-UIKN jistgħu jagħmlu parti mid-data xjentifika li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tiegħu stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑342/05, EU:C:2007:341, punti 26 u 27; tat‑23 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (Kaċċa fir-rebbiegħa għall-edredun raġel), C‑217/19, EU:C:2020:291, punti 77 sa 88, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2024, ASCEL, C‑436/22, EU:C:2024:656, punti 65 u 78), il-klassifikazzjoni ta’ speċi fil-lista ħamra tal-UIKN, u b’mod iktar partikolari fil-kategorija “vulnerabbli” fuq il-livell nazzjonali tagħha, ma teskludix, bħala tali, li l-istat ta’ konservazzjoni tal-imsemmija speċi, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, jitqies madankollu bħala favorevoli jekk il-kundizzjonijiet kumulattivi previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat ikunu ssodisfatti. |
|
52 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, ta’ dawn l-aħħar kundizzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi huwiex favorevoli fit-territorju ta’ Stat Membru, data dwar il-popolazzjonijiet ta’ din l-ispeċi fi Stati Membri oħra, jew inkella f’pajjiżi terzi, tista’ tkun rilevanti. Dan japplika b’mod partikolari fil-każ ta’ speċi ta’ annimali protetti li jokkupaw territorji vasti, bħal-lupu, u li l-“firxa naturali tagħhom”, li tikkostitwixxi wieħed mill-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi huwiex favorevoli, hija, għalhekk, iktar vasta miż-żona ġeografika li tippreżenta l-elementi fiżiċi jew bijoloġiċi essenzjali għall-ħajja u għar-riproduzzjoni tagħhom (ara, f’dan i-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, ASCEL, C‑436/22, EU:C:2024:656, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
53 |
Fil-fatt, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punti 48 sa 52 tal-konklużjonijiet tagħha, b’mod partikolari fil-każ ta’ speċi ta’ annimal bħal-lupu, il-popolazzjonijiet tagħha preżenti wkoll fi Stati Membri jew f’pajjiżi terzi ġirien ma’ dak li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-habitat ser ikunu rilevanti għall-verifika, minn dan l-aħħar Stat Membru, tan-natura favorevoli jew le tal-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi preżenti fit-territorju tiegħu, sa fejn ikun hemm skambji bejn dawn il-popolazzjonijiet, peress li tali skambji jistgħu jikkostitwixxu influwenza fuq l-ispeċi li tista’ taffettwa t-tqassim u l-abbundanza fuq żmien twil ta’ din l-aħħar popolazzjoni fuq l-imsemmi territorju, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(i) ta’ din id-direttiva. |
|
54 |
Fil-fatt, tali skambju jista’ b’mod partikolari jikkumpensa t-telf ta’ kampjuni ta’ speċi permezz tal-immigrazzjoni jew, min-naħa l-oħra, inaqqas, permezz ta’ emigrazzjoni, tkabbir eċċessiv tal-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi fl-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, dawn l-iskambji jistgħu jsaħħu l-varjabbiltà ġenetika ta’ din il-popolazzjoni. |
|
55 |
Barra minn hekk, kif irrilevat ukoll, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tagħha, l-iskambji bejn il-popolazzjonijiet tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi terzi li jagħmlu parti mill-istess popolazzjoni, f’dan il-każ il-popolazzjoni Balta tal-lupu, jew tal-popolazzjoni Ewro-Asjatika ta’ din l-ispeċi ta’ annimal, jistgħu wkoll ikunu kundizzjoni indispensabbli għall-konservazzjoni tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-popolazzjonijiet preżenti fl-Istati Membri li s-superfiċji tagħhom hija relattivament imnaqqsa, b’tali mod li l-habitat naturali li l-ispeċi tista’ ssib hemmhekk huwa żgħir wisq sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà ta’ popolazzjoni. F’tali każ, l-ispeċi kkonċernata tista’ tiżgura l-permanenza tagħha f’tali Stat Membru biss jekk il-popolazzjoni tagħha, li ma tkunx vijabbli jekk tibqa’ iżolata, ikollha skambji b’mod kontinwu ma’ popolazzjonijiet tal-istess speċi preżenti fl-Istati Membri jew pajjiżi terzi ġirien. Għall-kuntrarju, fid-dawl ta’ dan l-iskambju, jista’ madankollu jkun possibbli li tiġi stabbilita, għal din il-popolazzjoni, l-osservanza tat-tliet kundizzjonijiet ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli, previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat, fir-rigward ta’ din il-popolazzjoni. |
|
56 |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, imfakkra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, sabiex l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi jitqies li huwa favorevoli, ma huwiex biżżejjed li d-data dwar id-dinamika tal-popolazzjoni tal-ispeċi inkwistjoni tindika li din l-ispeċi tkompli tikkostitwixxi element vijabbli tal-habitats naturali li tappartjeni għalihom, li l-firxa naturali tal-imsemmija speċi ma tonqosx u li jeżisti habitat kbir biżżejjed sabiex il-popolazzjonijiet tiegħu jinżammu fit-tul. Huwa wkoll neċessarju li, l-ewwel, id-data dwar id-dinamika tal-popolazzjoni tal-ispeċi inkwistjoni tindika li din tal-aħħar tista’ tkompli, fuq żmien twil, tikkostitwixxi komponent vijabbli tal-habitats naturali tagħha li tappartjeni magħhom, it-tieni, il-firxa naturali ta’ din l-ispeċi aktarx ma hijiex ser tonqos fil-ġejjieni prevedibbli u, it-tielet, li aktarx jibqa’ jkun hemm habitat kbir biżżejjed sabiex iżomm il-popolazzjonijiet tal-imsemmija speċi għal żmien twil. |
|
57 |
Konsegwentement, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tagħha, fil-każ ta’ sitwazzjoni attwali sodisfaċenti, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, għandha tiġi żgurata wkoll in-natura sostenibbli ta’ din is-sitwazzjoni sabiex ikun jista’ jiġi kkonfermat li l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi huwa favorevoli. |
|
58 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, l-ewwel nett, kull bidla prevedibbli li tista’ taffettwa l-kummerċ bejn il-popolazzjoni preżenti fl-Istat Membru kkonċernat u l-popolazzjonijiet l-oħra li jagħmlu parti mill-istess popolazzjoni. |
|
59 |
Il-kostruzzjoni pendenti ta’ reċinti tal-fruntieri bejn, minn naħa, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika tal-Litwanja kif ukoll, min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Bjelorussja u l-Federazzjoni tar-Russja, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, tikkostitwixxi tali bidla. Fil-fatt, dawn ir-reċinti jistgħu jaffettwaw l-iskambji bejn, minn naħa, il-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata preżenti f’dawn l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, il-popolazzjonijiet ta’ din l-ispeċi preżenti fil-Bjelorussja u fir-Russja. |
|
60 |
It-tieni nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ protezzjoni legali li tgawdi minnu l-ispeċi kkonċernata fl-Istati Membri u fil-pajjiżi terzi ġirien. |
|
61 |
In-natura sostenibbli tal-iskambji kkonstatati bejn il-popolazzjoni tal-ispeċi kkonċernata preżenti fi Stat Membru u l-popolazzjonijiet ta’ din l-ispeċi li jinsabu fi Stati Membri oħra tista’ bħala prinċipju tiġi preżunta, peress li dawn l-aħħar Stati Membri huma suġġetti, bħall-ewwel wieħed, għar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-habitat. |
|
62 |
Min-naħa l-oħra, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punti 63 u 64 tal-konklużjonijiet tagħha, fl-assenza, f’pajjiż terz, ta’ protezzjoni paragunabbli għal dik li hija żgurata mid-Direttiva dwar il-habitat jew, tal-inqas, mill-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u ta’ l-abitati naturali tal-Ewropa, iffirmata fid‑19 ta’ Settembru 1979 f’Bern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 14, p. 282), ma teżisti ebda garanzija legali kontra deterjorament, fil-futur, tal-popolazzjonijiet preżenti f’dan il-pajjiż terz u, għaldaqstant, ta’ skambji mal-popolazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, WWF Österreich et, C‑601/22, EU:C:2024:595, punti 62 u 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
63 |
Fl-aħħar u t-tielet nett, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tagħha, il-piż li għandu jingħata lir-relazzjonijiet mal-popolazzjonijiet tal-Istati Membri u pajjiżi ġirien ikun iktar u iktar importanti meta dawn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi kkonċernati mhux biss japplikaw sistemi ta’ protezzjoni legali paragunabbli, iżda jikkooperaw, mal-Istat Membru kkonċernat, bl-għan tal-protezzjoni tal-ispeċi kkonċernata u jikkoordinaw miegħu, pereżempju, il-miżuri ta’ protezzjoni tagħhom b’mod li jottimizzaw l-iskambji bejn il-popolazzjonijiet ikkonċernati. |
|
64 |
Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat, kif tfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, li t-teħid ta’ kampjuni ta’ speċi mis-selvaġġ u l-isfruttament ta’ dawn il-kampjuni jkunu kompatibbli maż-żamma ta’ din l-ispeċi fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, jista’ jkun neċessarju li l-Istat Membru, li fit-territorju tiegħu tkun preżenti popolazzjoni ta’ lpup li tagħmel parti minn popolazzjoni li l-firxa naturali tagħha testendi lil hinn minn dan it-territorju, meta jkollu l-intenzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni l-iskambji bejn il-popolazzjoni tal-lupu preżenti fl-imsemmi territorju u dawk preżenti fl-Istati Membri jew fil-pajjiżi terzi ġirien, jikkondividi ma’ dawn tal-aħħar informazzjoni dwar il-movimenti transkonfinali osservati fil-kampjuni ta’ din l-ispeċi kif ukoll dwar il-miżuri ta’ ġestjoni li dawn l-Istati Membri jew pajjiżi terzi jieħdu jew jipprevedu li jieħdu fir-rigward tal-popolazzjonijiet preżenti fit-territorji rispettivi tagħhom. Fil-fatt, minn naħa, tali skambji ta’ informazzjoni jistgħu jagħmlu iktar preċiża l-evalwazzjoni, mill-Istat Membru kkonċernat, tad-daqs tal-popolazzjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra, informazzjoni dwar il-miżuri ta’ ġestjoni applikati jew previsti mill-Istati Membri jew minn pajjiżi terzi rilevanti tista’ tkun neċessarja sabiex dan l-Istat Membru jkun jista’ jiżgura li l-ispeċi kkonċernata tista’ titqies bħala li effettivament tinsab fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fit-territorju tiegħu. Fl-aħħar nett, informazzjoni dwar il-miżuri applikati jew previsti mill-Istati Membri jew pajjiżi terzi ġirien tista’ tkun neċessarja għalih sabiex jiżgura li l-miżuri li beħsiebu jieħu fir-rigward ta’ din l-ispeċi jkunu kompatibbli maż-żamma ta’ dik l-ispeċi fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fit-territorju tiegħu. |
|
65 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punti 45 sa 64 ta’ din is-sentenza, l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu fl-Estonja setax jitqies bħala favorevoli fil-mument tal-adozzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-perijodu 2012‑2021 u, skont il-każ, jekk il-miżuri ta’ ġestjoni deċiżi fid-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imsemmi fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, kinux kompatibbli maż-żamma tal-lupu f’dan l-istat. |
|
66 |
Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat għandu jiġi interpretat fis-sens li:
|
Fuq ir-raba’ domanda
|
67 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat, moqri flimkien mal-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi ta’ annimal bil-għan tal-adozzjoni, skont l-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, ta’ miżuri ta’ ġestjoni, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali kif ukoll karatteristiċi reġjonali u lokali, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(3). |
|
68 |
Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 73 sa 79 tal-konklużjonijiet tagħha, rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali kif ukoll karatteristiċi reġjonali u lokali li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ Stat Membru jistgħu jkunu rilevanti sabiex tiġi stabbilita n-natura favorevoli jew le tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi preżenti fit-territorju tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat. Fil-fatt, tali rekwiżiti u karatteristiċi jistgħu jagħmlu parti mill-influwenzi li jaġixxu fuq l-ispeċi u li jistgħu jaffettwaw it-tqassim u l-abbundanza fuq żmien twil ta’ dawn il-popolazzjonijiet fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2(1). |
|
69 |
Madankollu, kif enfasizzat ukoll, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punti 80 sa 82 tal-konklużjonijiet tagħha, meta t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat ma jkunux kollha ssodisfatti, l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernata ma jistax, fi kwalunkwe każ, jitqies li huwa favorevoli. Fil-fatt, li kieku l-Istati Membri setgħu jqisu li, minkejja li dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux issodisfatti, l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernata madankollu jitqies li huwa favorevoli, minħabba r-rekwiżiti jew il-karatteristiċi li jirreferi għalihom l-Artikolu 2(3) tal-imsemmija direttiva, jitqiegħed f’perikolu t-twettiq tal-għan ta’ konservazzjoni tal-ispeċi, imsemmi fl-Artikolu 2(2) (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2000, First Corporate Shipping, C‑371/98, EU:C:2000:600, punt 23, u tal‑14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg, C‑226/08, EU:C:2010:10, punt 31). |
|
70 |
Għall-istess raġuni, ir-rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali kif ukoll il-karatteristiċi reġjonali u lokali msemmija fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva dwar il-habitat, li, barra minn hekk, ma jikkostitwixxux deroga awtonoma mis-sistema ġenerali ta’ protezzjoni stabbilita minn din id-direttiva (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg, C‑226/08, EU:C:2010:10, punt 32), ma jistgħux jiġu invokati sabiex jiġi eskluż l-obbligu li jiġi żgurat li t-teħid ta’ kampjuni ta’ speċi mis-selvaġġ u l-isfruttament ta’ dawn il-kampjuni jkunu kompatibbli maż-żamma ta’ din l-ispeċi fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, obbligu li, kif ġie rrilevat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, jillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva. Huwa biss fil-limiti ta’ din il-marġni ta’ evalwazzjoni li l-Istati Membri huma, bħala prinċipju, awtorizzati jieħdu inkunsiderazzjoni dawn ir-rekwiżiti u karatteristiċi. |
|
71 |
Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat, moqri flimkien mal-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi ta’ annimal bil-għan tal-adozzjoni, skont l-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, ta’ miżuri ta’ ġestjoni, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali kif ukoll karatteristiċi reġjonali u lokali, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(3) sa fejn dawn ir-rekwiżiti jew il-karatteristiċi jikkostitwixxu influwenzi li, meta jaġixxu fuq l-ispeċi, jistgħu jaffettwaw fuq perijodu twil it-tqassim u l-importanza tal-popolazzjonijiet tagħha fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2(1) tal-istess direttiva. Madankollu, l-istat ta’ konservazzjoni tal-imsemmija speċi ma jistax jitqies li huwa favorevoli minħabba dawn ir-rekwiżiti u karatteristiċi partikolari jekk it-tliet kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fit-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu 1(i) ma jkunux issodisfatti. |
Fuq l-ispejjeż
|
72 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.