|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3180 |
20.12.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3180
tad-19 ta’ Diċembru 2024
dwar ir-rikonoxximent tal-iskema volontarja “CertifHy” biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti għall-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(4) u (5) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tistabbilixxi rekwiżiti għal ċerti fjuwils, b’mod partikolari l-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti mill-bijomassa, il-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jingħaddu lejn il-miri stabbiliti f’dik id-Direttiva jekk dawn ikunu ġew prodotti b’mod sostenibbli u jiffrankaw emissjonijiet sinifikanti ta’ gassijiet serra meta mqabbla mal-fjuwils fossili. L-Artikolu 27(6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif ukoll ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1184 (2) jistabbilixxu regoli għall-produzzjoni ta’ fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika mill-elettriku rinnovabbli. L-Artikolu 29a(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jistabbilixxi kriterji għall-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika, u għall-karburanti tal-karbonju riċiklat. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1185 (3) jistabbilixxi regoli li jispeċifikaw il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u minn karburanti tal-karbonju riċiklat. L-Artikolu 31a(2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jirrikjedi li l-operaturi ekonomiċi jdaħħlu informazzjoni f’bażi tad-data tal-Unjoni dwar it-tranżazzjonijiet li jkunu saru u dwar il-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà tal-fjuwils rinnovabbli u tal-karburanti tal-karbonju riċiklat. |
|
(2) |
L-iskemi volontarji jaqdu rwol importanti fil-provvediment ta’ evidenza ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa. Skont id-Direttiva (UE) 2018/2001, l-iskemi volontarji jistgħu jintużaw biex (i) jiċċertifikaw il-konformità tal-karburanti kollha prodotti mill-bijomassa mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti f’dik id-Direttiva; u (ii) jipprovdu data akkurata dwar l-iffrankar tagħhom tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Barra minn hekk, l-iskemi volontarji jistgħu jintużaw biex jiċċertifikaw il-konformità tal-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u tal-karburanti tal-karbonju riċiklat mal-kriterji tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom stabbiliti fl-Artikolu 29a ta’ dik id-Direttiva li japplikaw il-metodoloġija stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2023/1185 u biex jagħtu prova tal-konformità mal-Artikolu 27(6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u mar-Regolament Delegat (UE) 2023/1184 rigward il-kalkolu tas-sehem tal-elettriku rinnovabbli użat għall-produzzjoni tal-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika. L-iskemi volontarji jistgħu jintużaw ukoll biex jintwera li l-operaturi ekonomiċi jdaħħlu informazzjoni preċiża fil-bażi tad-data tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar għadd ta’ fjuwils rinnovabbli u karburanti tal-karbonju riċiklat f’konformità mal-Artikolu 31a(2) u (5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li l-iskemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali jistgħu jservu dawn il-finijiet kollha jew xi wħud minnhom. |
|
(3) |
Fl-14 ta’ Awwissu 2023, l-iskema volontarja “CertifHy” ressqet talba lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 fir-rigward tal-konformità mar-regoli għall-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika, kif stabbilit f’dik id-Direttiva u fir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni rilevanti. Il-Kummissjoni vvalutat dik l-iskema u identifikat xi kwistjonijiet li jeħtieġu emenda. Fis-sottomissjoni mill-ġdid tagħha tal-25 ta’ Lulju 2024, l-iskema volontarja “CertifHy” indirizzat b’mod korrett il-kwistjonijiet u l-Kummissjoni sabet li l-iskema volontarja “CertifHy” tkopri b’mod adegwat ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 27(6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u fir-Regolament Delegat (UE) 2023/1184 għall-produzzjoni ta’ fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u tipprovdi data preċiża dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika għall-finijiet tal-Artikolu 29a(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u hija konformi mal-metodoloġija stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2023/1185. |
|
(4) |
L-iskema volontarja “CertifHy” tkopri t-tipi kollha ta’ fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika. Din għandha kopertura ġeografika globali u tinkludi l-katina kollha tal-kustodja. |
|
(5) |
L-iskema volontarja “CertifHy” tikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 (4). Il-valutazzjoni tal-iskema ‘CertifHy’ sabet li din tilħaq l-istandards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti u li tikkonforma mar-rekwiżiti metodoloġiċi stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2023/1184 u fir-Regolament Delegat (UE) 2023/1185. |
|
(6) |
L-informazzjoni li l-iskema volontarja “CertifHy” ġiet rikonoxxuta jenħtieġ li tkun disponibbli fit-taqsima fuq is-sit web Europa tal-Kummissjoni ddedikata għall-iskemi volontarji. |
|
(7) |
Sabiex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni f’waqtha tal-miżuri previsti fiha, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijokarburanti, il-Bijolikwidi u l-karburanti mill-Bijomassa, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iskema volontarja “CertifHy”, imressqa għar-rikonoxximent lill-Kummissjoni fil-25 ta’ Lulju 2024, turi l-konformità tal-kunsinni ta’ fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika mal-Artikolu 27(6), l-ewwel sar-raba’ subparagrafu tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u mar-Regolament Delegat (UE) 2023/1184.
L-iskema volontarja, imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, tipprovdi data preċiża dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika għall-fini tal-Artikolu 29a(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u hija konformi mal-metodoloġija stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2023/1185.
Artikolu 2
Meta l-kontenut tal-iskema volontarja “CertifHy”, kif imressqa għar-rikonoxximent lill-Kummissjoni fil-25 ta’ Lulju 2024 , jinbidel b’mod li jista’ jaffettwa l-motivazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, l-iskema volontarja “CertifHy” għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’dawn il-bidliet mingħajr dewmien.
Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-bidliet innotifikati bil-ħsieb li tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha tkopri b’mod adegwat l-elementi skont l-Artikolu 1 ta’ dawn id-Deċiżjonijiet li għalihom tkun ġiet rikonoxxuta.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika mill-21 ta’ Diċembru 2029.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/2001/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1184 tal-10 ta’ Frar 2023 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi metodoloġija tal-Unjoni li tistipula regoli dettaljati għall-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika (ĠU L 157, 20.6.2023, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/1184/oj).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1185 tal-10 ta’ Frar 2023 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi livell limitu minimu għall-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ fjuwils tal-karbonju riċiklat u billi jispeċifika metodoloġija għall-valutazzjoni tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn fjuwils rinnovabbli likwidi u gassużi għat-trasport ta’ oriġini mhux bijoloġika u minn fjuwils tal-karbonju riċiklat (ĠU L 157, 20.6.2023, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/1185/oj).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 tal-14 ta’ Ġunju 2022 dwar ir-regoli biex jiġu verifikati l-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-kriterji ta’ riskju baxx ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art (ĠU L 168, 27.6.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/996/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/3180/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)