IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.2.2021
COM(2021) 53 final
2021/0030(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq japplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 16 u 168 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru sabiex japplika miżuri speċjali li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa.
Ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea (UE) fil-31 ta’ Jannar 2020. F’konformità mal-Ftehim dwar il-Ħruġ, dan issa sar pajjiż terz għall-UE.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, il-leġiżlazzjoni tal-VAT tal-UE ma għadhiex applikabbli fir-Renju Unit. Madankollu, abbażi tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (minn hawn ’il quddiem “il-Protokoll”) li jifforma parti mill-Ftehim dwar il-ħruġ, l-Irlanda ta’ Fuq tibqa’ soġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-VAT tal-UE f’dak li għandu x’jaqsam mal-merkanzija biex jiġi evitat li jkun hemm fruntiera fiżika bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq. Min-naħa l-oħra, fejn jidħlu s-servizzi, l-Irlanda ta’ Fuq titqies li hi barra l-UE, flimkien mal-bqija tar-Renju Unit.
Dan inevitabbilment iwassal għal sistema doppja jew imħallta tat-taxxa fuq il-valur miżjud fl-Irlanda ta’ Fuq li biha, skont ir-regoli tal-post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli stipulati fit-Titolu V tad-Direttiva tal-VAT, il-provvisti, l-akkwisti intra-Komunitarji u l-importazzjonijiet ta’ merkanzija li jinsabu fl-Irlanda ta’ Fuq huma soġġetti għar-regoli armonizzati tal-UE filwaqt li l-provvisti tas-servizzi li jsiru fl-istess territorju mhumiex soġġetti għas-sistema tal-VAT tal-UE.
Għalhekk, biex fl-Irlanda ta’ Fuq tkompli tiġi applikata skema speċjali dwar il-VAT, li tipprevedi miżuri b’rata fissa fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud mhux deduċibbli imposta fuq in-nefqa tal-fjuwil fil-karozzi tal-kumpaniji, li jiddevjaw mir-regoli ġenerali stabbiliti fid-Direttiva tal-VAT, huwa meħtieġ l-għoti ta’ deroga skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-VAT.
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-27 ta’ Novembru 2020, ir-Renju Unit talab awtorizzazzjoni biex ikompli japplika miżura li tidderoga mill-Artikoli 16 u 168 tad-Direttiva tal-VAT. Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri b'ittra tal-10 ta’ Diċembru 2020 bit-talba li għamel ir-Renju Unit. B’ittra datata l-11 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni għarrfet lir-Renju Unit li kellha l-informazzjoni kollha li tqis meħtieġa biex tivvaluta t-talba.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
L-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi li persuna taxxabbli hija intitolata li tnaqqas il-VAT dovuta minn fuq ix-xiri li jsir għall-skopijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli. L-Artikolu 16 tal-istess Direttiva jitlob li l-applikazzjoni minn persuna taxxabbli ta’ merkanzija li tifforma parti mill-assi tan-negozju tagħha għall-użu privat tagħha jew tal-persunal tagħha, titqies bħala provvista bi ħlas, fejn il-VAT fuq dik il-merkanzija jew il-partijiet komponenti tagħha kienet deduċibbli kollha jew parti minnha. Din is-sistema tippermetti l-irkupru tal-VAT li tkun tnaqqset fil-bidu b’rabta mal-użu privat.
Fil-każ ta’ karozzi tal-kumpaniji li jintużaw parzjalment għal skopijiet privati (mhux kummerċjali), ta’ sikwit ma jkunx faċli li wieħed jikkalkula u jintaxxa n-nefqa marbuta mal-użu privat skont ir-regoli msemmija hawn fuq.
F’dan il-kuntest, ir-Renju Unit kien jopera skema speċjali ta’ tassazzjoni b’rata fissa għall-użu privat tal-karozzi tal-kumpaniji, awtorizzata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/356/KEE tal-21 ta’ Lulju 1986, li tawtorizza lir-Renju Unit biex japplika miżuri ta’ rata fissa għall-VAT mhux deduċibbli fuq l-infiq għall-fjuwil għall-karozzi tal-kumpaniji, li kienet ibbażata fuq il-kapaċità tal-magna u t-tip ta’ fjuwil tal-karozza.
Din id-deroga oriġinali tħassret u ġiet sostitwita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/659/KE tal-25 ta’ Settembru 2006 li tawtorizza lir-Renju Unit biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 5(6) u 11(A)(1)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq it-turnover, li tintroduċi taxxa b’rata fissa fuq l-użu privat abbażi tal-klassifikazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-karozza. Din l-aħħar Deċiżjoni tal-Kunsill ġiet min-naħa tagħha sostitwita bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2109 tas-17 ta’ Novembru 2015, li skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2018. Estensjoni oħra tal-miżura, sal-31 ta’ Diċembru 2020, ingħatat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1918 tal-4 ta’ Diċembru 2018.
L-iskema hija bbażata fuq il-fatt li hemm relazzjoni diretta bejn l-emissjonijiet u l-ammont ta’ fjuwil ikkunsmat, billi konsum ikbar tal-fjuwil jikkorrispondi ma’ iktar emissjonijiet. Il-konsum tal-fjuwil għal kull kilometru jiġi kkalkulat abbażi ta’ dawn il-klassifikazzjonijiet tal-emissjonijiet, imbagħad jiġi kkombinat mal-kilometraġġ medju ta’ użu privat, iddeterminat abbażi ta’ data fiskali diretta u l-prezz bl-imnut tal-fjuwil għat-trasport bit-triq. Dan iwassal għal ħlas għall-użu privat li jikkorrispondi mal-ammont ta’ VAT dovuta fuq l-użu privat tal-vettura. Is-sistema hija fakultattiva għall-persuni taxxabbli li jistgħu jagħżlu li ma jirkuprawx il-VAT fuq il-fjuwil tagħhom. Alternattivament, huma jistgħu jżommu rekords dettaljati tal-kilometraġġ biex jipprovdu evidenza u jappoġġaw kalkolu tal-kilometraġġ privat tagħhom.
Fit-talba tiegħu r-Renju Unit inkluda spjegazzjoni dwar il-funzjonament tal-miżura ta’ deroga. Skont ir-Renju Unit, din is-sistema ħadmet b’mod preċiż u wasslet għal simplifikazzjoni sostanzjali, kemm għan-negozji kif ukoll għall-amministrazzjoni tat-taxxa. Ir-Renju Unit jiddikjara wkoll li huwa jagħti ċertezza legali lill-persuni taxxabbli billi jipprovdi metodu simplifikat li jista’ jintuża biex titqies il-VAT fuq l-użu privat ta’ fjuwil.
Fuq din il-bażi, ir-Renju Unit, fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq talab għal awtorizzazzjoni biex l-applikazzjoni tad-deroga titkompla mill-1 ta’ Jannar 2021. Id-deroga jenħtieġ li tkun limitata fiż-żmien sal-31 ta’ Diċembru 2023, sabiex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk skema ta’ rata fissa għadhiex riflessjoni korretta tat-tqassim kumplessiv bejn l-użu tan-negozju u dak privat.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
L-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li l-Kunsill għandu jiddetermina n-nefqa li minnha ma tistax titnaqqas il-VAT. Sakemm dan iseħħ, huwa jawtorizza lill-Istati Membri jkomplu japplikaw l-esklużjonijiet, li ddaħħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1979. Għaldaqstant, hemm għadd ta’ dispożizzjonijiet ta’ waqfien totali li jirrestrinġu d-dritt għal tnaqqis tal-VAT b’rabta mal-karozzi tal-passiġġieri.
Minkejja l-inizjattivi preċedenti biex jiġu stabbiliti regoli li skonthom il-kategoriji tan-nefqa jistgħu jkunu soġġetti għal restrizzjoni fuq id-dritt għal tnaqqis, din id-deroga hija xierqa fl-istennija tal-armonizzazzjoni ta’ dawn ir-regoli fil-livell tal-UE.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Meta wieħed iqis id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan mixtieq, jiġifieri li tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-ġbir tal-VAT. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jiġi ssimplifikat il-ġbir tal-VAT f’settur speċifiku.
Is-sistema tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli.
•Għażla tal-istrument
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi unanimament fuq proposta tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument adattat billi tista’ tiġi indirizzata individwalment.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Din il-proposta hija bbażata fuq talba li saret mir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq u tikkonċerna biss lil dan it-territorju.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Ma kienx hemm bżonn għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatt
Id-Deċiżjoni proposta timmira li tissimplifika l-ġbir tal-VAT b’rabta man-nefqa tal-fjuwil għall-vetturi tal-kumpaniji li jintużaw parzjalment għal skopijiet mhux kummerċjali u, għalhekk, għandha impatt potenzjali pożittiv.
Għall-persuni taxxabbli li jagħżlu li jużaw din is-sistema, din id-Deċiżjoni tnaqqas il-piż amministrattiv u l-ispejjeż tal-konformità billi tneħħi l-bżonn li jinżammu rekords dettaljati tal-kilometraġġ ta’ kull karozza tal-kumpanija għal skopijiet tal-VAT. Rekwiżiti bħal dawn għaż-żamma tar-rekords aktarx jirrikjedu ħafna ħin u ta’ sikwit jimponu piż amministrattiv sinifikanti għal ammonti relattivament żgħar ta’ taxxa. Il-metodu tas-simplifikazzjoni jnaqqas ukoll il-piżijiet għall-awtoritajiet tat-taxxa li kieku kien ikollhom jivverifikaw ħafna sitwazzjonijiet individwali.
Madankollu, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ristrett tad-deroga u l-applikazzjoni limitata fiż-żmien, f’kull każ l-impatt se jkun limitat.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITITARJI
Il-proposta mhu se jkollha l-ebda implikazzjonijiet negattivi għall-baġit tal-Unjoni.
F’dan il-kuntest ta’ min jiftakar li, f’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, id-dħul li jirriżulta mit-tranżazzjonijiet li jkunu taxxabbli fl-Irlanda ta’ Fuq ma għandux jingħata lill-UE.
5.ELEMENTI OĦRA
Il-proposta tinkludi klawżola ta’ estinzjoni; limitu ta’ żmien awtomatiku li jiskorri fil-31 ta’ Diċembru 2023.
2021/0030 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq japplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 16 u 168 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Jannar 2020 abbażi tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”). Għalhekk, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) ma għadhiex applikabbli għar-Renju Unit jew fih.
(2)Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (“il-Protokoll”), li jifforma parti integrali mill-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-VAT tkompli tapplika fl-Irlanda ta’ Fuq fir-rigward tal-merkanzija.
(3)Għalhekk, persuni taxxabbli u ċerti persuni ġuridiċi mhux taxxabbli fir-Renju Unit jibqgħu soġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-VAT għal tranżazzjonijiet f’merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq.
(4)Skont l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, persuna taxxabbli hija intitolata tnaqqas il-VAT imposta fuq l-affarijiet li tkun xtrat għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli. Madanakollu, l-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva jitlob li l-applikazzjoni minn persuna taxxabbli ta’ merkanzija li tifforma parti mill-assi tan-negozju tagħha għall-użu privat tagħha jew tal-persunal tagħha, titqies bħala provvista bi ħlas, fejn il-VAT fuq dik il-merkanzija jew il-partijiet komponenti tagħha kienet deduċibbli kollha jew parti minnha. Din is-sistema tippermetti l-irkupru tal-VAT li tkun tnaqqset fil-bidu b’rabta mal-użu privat.
(5)Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/659/KE, ir-Renju Unit kien awtorizzat li japplika, sal-31 ta’ Diċembru 2015, miżura speċjali sabiex jiddetermina l-bażi tal-proporzjon ta-VAT mhux deduċibbli marbut mal-infiq fuq il-karburant għall-vetturi kummerċjali li ma jintużawx esklussivament għal skopijiet kummerċjali (“il-miżura speċjali”). Il-miżura speċjali, li hija fakultattiva għall-persuni taxxabbli, hija bbażata fuq il-livell tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mill-karozza, peress li hemm korrelazzjoni proporzjonali bejn l-emissjonijiet u l-konsum tal-fjuwil u, għalhekk, mal-infiq fuq il-fjuwil.
(6)Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2109, ir-Renju Unit ġie awtorizzat ikompli japplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2018. Estensjoni oħra, sal-31 ta’ Diċembru 2020, ingħatat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1918.
(7)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-27 ta’ Novembru 2020, ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq talab l-awtorizzazzjoni biex ikompli japplika l-miżura speċjali sal-1 ta’ Jannar 2021. It-talba inkludiet spjegazzjoni dwar il-funzjonament tal-miżura speċjali.
(8)Il-Kummissjoni għaddiet it-talba li saret mir-Renju Unit lil Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra datata l-10 ta’ Diċembru 2020. B’ittra datata l-11 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni għarrfet lir-Renju Unit li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.
(9)Skont ir-Renju Unit, il-miżura speċjali pprovdiet proċedura simplifikata effiċjenti għall-ġbir tal-VAT fir-rigward tan-nefqa fuq il-fjuwil għall-karozzi tan-negozju parzjalment użati għal skopijiet privati, kemm għall-persuni taxxabbli kif ukoll għall-awtorità tat-taxxa. Għalhekk huwa xieraq li r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq jiġi awtorizzat ikompli japplika l-miżura speċjali.
(10)Id-deroga jenħtieġ li tkun limitata fiż-żmien sal-31 ta’ Diċembru 2023, għaliex huwa neċessarju li perjodikament jerġa’ jiġi vvalutat jekk skema ta’ rata fissa għadhiex riflessjoni korretta tat-tqassim kumplessiv bejn l-użu tan-negozju u dak privat.
(11)F’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, id-dħul li jirriżulta mit-tranżazzjonijiet li jkunu taxxabbli fl-Irlanda ta’ Fuq ma għandux jingħata lill-Unjoni. Għalhekk, il-miżura speċjali mhu se jkollha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B'deroga mill-Artikoli 16 u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq huwa awtorizzat, sal-31 ta' Diċembru 2023 li jiffissa fuq bażi ta' rata fissa l-proporzjon tal-VAT relatat mal-infiq għall-karburant użat għal skopijiet privati għall-karozzi kummerċjali.
Artikolu 2
Il-proporzjon tat-taxxa msemmi fl-Artikolu 1 għandu jiġi espress f’ammonti fissi, stabbiliti fuq il-bażi tal-livell ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju tat-tip ta’ vettura, li jirrifletti l-konsum tal-fjuwil. Ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq għandu jaġġusta dawk l-ammonti fissi annwalment biex jirrifletti l-bidliet fil-kost medju tal-karburant.
Artikolu 3
Is-sistema stabbilita fuq il-bażi ta’ din id-Direttiva għandha tkun fakultattiva għall-persuni taxxabbli.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President