Brussell, 28.5.2025

COM(2025) 291 final/2 Downgraded on 4.7.2025

2025/0152(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dikjarazzjoni konġunta tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kunsill ta’ Sħubija ta’ dak il-Ftehim


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”, jew “Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”). Il-pożizzjoni tirrigwarda dikjarazzjoni konġunta li għandha ssir mill-Unjoni u r-Renju Unit fil-Kunsill ta’ Sħubija ta’ dak il-Ftehim.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ġie ffirmat fit-30 ta’ Diċembru 2020, applikat proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2021 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021. Huwa jistabbilixxi l-bażi għal relazzjoni wiesgħa bejn l-Unjoni u r-Renju Unit li tinvolvi drittijiet u obbligi reċiproċi, azzjonijiet komuni u proċeduri speċjali.

2.2.Il-Kunsill ta’ Sħubija

L-Artikolu 7(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistabbilixxi l-Kunsill ta’ Sħubija. Il-kompiti ewlenin tiegħu, definiti f’konformità mal-Artikolu 7(3) tal-Ftehim, huma li jissorvelja l-kisba tal-objettivi tal-Ftehim, li jissorvelja u jiffaċilita l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim. L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit jistgħu jirreferulu kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Ftehim.

2.3.L-att previst tal-Kunsill ta’ Sħubija

Il-Partijiet għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandhom jagħmlu dikjarazzjoni konġunta fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Artikolu 7(1) ta’ dak il-Ftehim bil-fehim politiku tagħhom li l-objettivi tat-Tieni Parti, l-Ewwel Intestatura, it-Titolu VIII tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandhom jiġu segwiti u għalhekk, ikun xieraq li l-applikazzjoni tat-Titolu VIII tiġi estiża.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni hija waħda li tapprova l-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni konġunta li għandha ssir mill-Unjoni u mir-Renju Unit fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

Fil-kuntest tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bħala parti minn sħubija ekonomika ambizzjuża, wiesgħa u bilanċjata bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, li tipproduċi benefiċċji reċiproki, id-dikjarazzjoni konġunta tesprimi l-fehim politiku tal-Unjoni u tar-Renju Unit li jkun xieraq li jiġu segwiti l-objettivi tat-Tieni Parti, l-Ewwel Intestatura, it-Titolu VIII dwar l-enerġija tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (“Titolu VIII”) u li tiġi estiża l-applikazzjoni tat-Titolu VIII. Dan isir f’konformità mal-Artikolu 331(2) tal-Ftehim.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kunsill ta’ Sħubija huwa korp stabbilit minn ftehim, jiġifieri l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

Id-dikjarazzjoni konġunta li l-Unjoni u r-Renju Unit biħsiebhom jagħmlu fil-Kunsill ta’ Sħubija se ssir b’kunsens reċiproku.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

 

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak prinċipali, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent prinċipali jew predominanti.

Fir-rigward ta’ att previst li jsegwi għadd ta’ objettivi simultanjament, jew li għandu diversi komponenti li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi legali sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE jkollha tinkludi, b’mod eċċezzjonali, id-diversi bażijiet legali korrispondenti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw l-enerġija. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 194(2) TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-Deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 194(2) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li l-għan tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Sħubija huwa li tiġi adottata Deċiżjoni taħt il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, huwa xieraq li d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Sħubija tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tagħha.

2025/0152 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dikjarazzjoni konġunta tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kunsill ta’ Sħubija ta’ dak il-Ftehim

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni” jew “il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 1 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021, wara li kien ilu japplika b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2021.

(2)L-objettivi tat-Tieni Parti, l-Ewwel Intestatura, it-Titolu VIII dwar l-enerġija tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (it-“Titolu VIII”) huma li jiffaċilitaw il-kummerċ u l-investiment bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ir-“Renju Unit”) fl-oqsma tal-enerġija u tal-materja prima, u li jappoġġjaw is-sigurtà tal-provvista u tas-sostenibbiltà ambjentali, b’mod partikolari billi jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima f’dawk l-oqsma.

(3)F’konformità mal-Artikolu 331(1) tal-Ftehim dwar il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”, it-Titolu VIII għandu jieqaf japplika fit-30 ta’ Ġunju 2026.

(4)F’konformità mal-Artikolu 331(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, bejn l-1 ta’ Lulju 2026 u l-31 ta’ Diċembru 2026, il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jiddeċiedi li jestendi l-applikazzjoni tat-Titolu VIII sal-31 ta’ Marzu 2027. Bejn l-1 ta’ April 2027 u l-31 ta’ Diċembru 2027, kif ukoll fi kwalunkwe ħin fi kwalunkwe sena sussegwenti, il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jiddeċiedi li jestendi l-applikazzjoni tat-Titolu VIII sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.

(5)Sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-Titolu VIII, huwa xieraq li l-Unjoni u r-Renju Unit jagħmlu dikjarazzjoni konġunta fil-Kunsill ta’ Sħubija li tesprimi l-fehim politiku tagħhom li jkun xieraq li tiġi estiża l-applikazzjoni tat-Titolu VIII.

(6)L-Unjoni u r-Renju Unit għandhom jadottaw dikjarazzjoni konġunta fil-Kunsill ta’ Sħubija tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

(7)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ dikjarazzjoni konġunta mill-Unjoni u r-Renju Unit fil-Kunsill ta’ Sħubija li tesprimi l-fehim politiku li jkun xieraq li tiġi estiża l-applikazzjoni tat-Titolu VIII. Dan isir skont l-Artikolu 331(2) tal-Ftehim, fuq il-bażi tal-bilanċ ġenerali tad-drittijiet u l-obbligi li jinżammu b’mod sostenibbli.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Sħubija fir-rigward ta’ dikjarazzjoni konġunta mill-Unjoni u r-Renju Unit fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, hija stabbilita fl-abbozz tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Unjoni u r-Renju Unit fil-Kunsill ta’ Sħubija mehmuż fl-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata ( ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2 ).