|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/3241 |
2.7.2026 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/6/KEE biex teżenta ċerti vetturi elettriċi N2 mir-rekwiżit li jinstallaw u jużaw apparat li jillimita l-veloċità
(COM(2025) 999 final — 2025/0424 (COD))
(C/2026/3241)
Relatur:
Miroslav HAJNOŠ|
Proċedura leġiżlattiva |
|
|
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 12.1.2026 Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 11.2.2026 |
|
Bażi legali |
Artikoli 91(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea |
Sommarju ta’ COM(2025) 999 |
|
Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) rilevanti |
|
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
9.3.2026 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
18.3.2026 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
604 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
205/1/3 |
1. RAKKOMANDAZZJONIJIET
IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW (KESE)
|
1.1. |
jieħu nota tal-Proposta tal-Kummissjoni biex tiġi emendata d-Direttiva 92/6/KEE (1) sabiex ċerti vetturi elettriċi N2 (vannijiet elettriċi bejn 3,5 u 4,25 tunnellati) jiġu eżentati mill-obbligu li jinstallaw u jużaw apparat li jillimita l-veloċità. |
|
1.2. |
jirrikonoxxi li ċerti ostakli regolatorji jistgħu jfixklu b’mod mhux intenzjonat l-adozzjoni/l-użu ta’ vetturi kummerċjali elettriċi ħfief u jnaqqsu r-ritmu tat-tranżizzjoni lejn mobbiltà b’emissjonijiet żero; madankollu, jenfasizza li l-eżenzjoni proposta għandha tinkludi rekwiżiti ċari ta’ sikurezza sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ aktar vittmi fit-toroq. |
|
1.3. |
jissottolinja, madankollu, li l-objettiv tal-eżenzjoni proposta huwa li tnaqqas il-piż amministrattiv u l-ispejjeż għan-negozji fil-qafas tal-pakkett Omnibus dwar is-Settur Awtombolistiku (2). Il-KESE jenfasizza li s-semplifikazzjoni regolatorja ma għandhiex issir għad-detriment tal-istandards stabbiliti tas-sikurezza fit-toroq jew il-protezzjoni tas-sewwieqa u tal-utenti vulnerabbli tat-triq, inklużi ċ-ċiklisti u l-persuni bil-mixi. |
|
1.4. |
jirrikonoxxi b’interess id-dibattitu usa’ dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett Omnibus dwar is-Settur Awtomobilistiku. Il-KESE jenfasizza li l-konsegwenzi tal-pakketti ta’ deregolamentazzjoni Omnibus (li din l-eżenzjoni hija parti minnhom) qed jiltaqgħu ma’ reżistenza konsiderevoli mill-organizzazzjonijiet pubbliċi bħat-trade unions, l-assoċjazzjonijiet ambjentali u l-organizzazzjonijiet tas-sikurezza fit-toroq. |
|
1.5. |
jenfasizza li l-inizjattiva proposta trid tibqa’ konsistenti bis-sħiħ mal-objettivi tal-politika komuni tat-trasport tal-UE, u kompatibbli mal-qafas tas-sikurezza fit-toroq. Il-KESE jirrimarka li, fl-2012, il-Kummissjoni rrakkomandat li jiġi installat apparat li jillimita l-veloċità fuq il-vetturi N1, minħabba li l-veloċità u l-piż dejjem akbar ta’ vettura huma rilevanti għas-sikurezza fit-toroq. Fl-interess ta’ regolamentazzjoni teknoloġikament newtrali u sempliċi, din il-pożizzjoni trid tiġi riveduta (3). Huwa importanti li ma jiddgħajfux l-objettivi tal-politika dwar is-sikurezza fit-toroq, li teħtieġ monitoraġġ strutturali tal-effetti ta’ din l-inizjattiva, jekk kellha tiġi aċċettata. Ninsabu f’periklu reali li ma nilħqux il-miri tagħna tas-sikurezza fit-toroq tal-UE 2030. Il-Kunsill Ewropew għas-Sikurezza tat-Trasport (ETSC) isegwi l-progress f’rapport annwali — li s-sena l-oħra wera “biss” tnaqqis ta’ “-2 %”, is-sena ta’ qabel “-1 %” biss (4). |
|
1.6. |
jenfasizza l-importanza ta’ vetturi kummerċjali b’emissjonijiet żero biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-UE, speċjalment fid-distribuzzjoni u l-għoti ta’ servizzi fl-urban. |
|
1.7. |
jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-eżenzjoni kundizzjonali għalissa, jekk tiġi aċċettata. Il-kundizzjonalità għandha tkun marbuta ma’ evalwazzjoni wara ċertu perjodu ta’ żmien. Dik l-evalwazzjoni għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:
Din l-Opinjoni tikkomplementa l-Opinjoni tal-KESE dwar “Vetturi bil-mutur / Is-semplifikazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi u l-ittestjar” peress li t-tnejn huma relatati mal-emendi proposti għad-Direttiva 92/6/KEE. |
2. NOTI TA’ SPJEGAZZJONI
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.1
|
2.1. |
Il-vannijiet elettriċi għandhom rwol dejjem aktar importanti fil-loġistika urbana, fil-konsenja tal-aħħar mil u fl-operazzjonijiet ta’ servizzi reġjonali. Madankollu, minħabba l-piż tas-sistemi tal-batteriji, ħafna vannijiet elettriċi jaqbżu l-limitu ta’ 3,5 tunnellata u għalhekk huma kklassifikati bħala vetturi tal-kategorija N2. Il-massa akbar tal-vettura taffettwa direttament l-enerġija kinetika u d-distanza tat-twaqqif, li jistgħu jirriżultaw f’ħabtiet iktar severi, b’mod partikolari f’ambjenti ta’ traffiku urban imħallat. Anke meta l-użu operattiv ikun jixbah lil dak ta’ vetturi N1 eħfef, dawn il-karatteristiċi fiżiċi jibqgħu rilevanti għall-valutazzjoni tas-sikurezza fit-toroq, u l-KESE jieħu fehma kawta ta’ din l-eżenzjoni proposta. |
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.2
|
2.2. |
Skont il-Kummissjoni, din il-klassifikazzjoni f’xi każijiet tirriżulta f’piżijiet amministrattivi u finanzjarji sproporzjonati, li jistgħu jfixklu l-adozzjoni ta’ vetturi b’emissjonijiet żero. Il-miżuri ta’ semplifikazzjoni għandhom ukoll l-għan li jallinjaw il-kundizzjonijiet regolatorji għall-vannijiet elettriċi ma’ dawk applikabbli għal vetturi b’kombustjoni interna komparabbli, u b’hekk jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi u għall-SMEs. |
|
2.3. |
Il-KESE jirrakkomanda l-limiti li ġejjin għal din l-eżenzjoni, jekk jiġu aċċettati, għall-vannijiet elettriċi N2:
|
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.3
|
2.4. |
L-organizzazzjonijiet tas-sikurezza fit-toroq b’mod partikolari esprimew tħassib li l-konsegwenzi ta’ din l-eżenzjoni għas-sikurezza tas-sewwieqa u ta’ utenti vulnerabbli oħra tat-triq, bħaċ-ċiklisti u l-persuni bil-mixi, iridu jiġu kkunsidrati bir-reqqa. Dan jirrikjedi attitudni professjonali min-naħa tas-sewwieqa u l-użu tas-sistemi ta’ sikurezza ISA u ADAS imsemmija hawn fuq. Inċidentalment, anke dawn is-sistemi ma jistgħux jiggarantixxu li l-vettura hija kompletament sikura. L-apparati li jillimitaw il-veloċità jiffurmaw parti minn qafas ta’ sikurezza fit-toroq b’saffi, li jikkomplementa t-teknoloġiji tas-sikurezza tal-vetturi u r-responsabbiltà tas-sewwieq. Għalhekk, il-possibbiltà li jitneħħa dan l-element għandha tiġi evalwata bir-reqqa fi ħdan l-arkitettura usa’ tas-sikurezza sabiex jiġu evitati effetti sistemiċi mhux intenzjonati. |
|
2.5. |
Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni lill-ħiliet tas-sewwieqa professjonali permezz ta’ sforzi speċifiċi ta’ sensibilizzazzjoni dwar is-sikurezza. |
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.4
|
2.6. |
Il-Pakketti Omnibus jinkludu ħafna miżuri ta’ deregolamentazzjoni li mhumiex imħaddna bl-istess entużjażmu fis-soċjetà ċivili Ewropea kollha. Kien hemm reżistenza minn diversi gruppi ta’ interess. Is-salvagwardja f’din il-proposta hija parti minn tali Pakkett Omnibus għall-industrija awtomobilistika. Huwa importanti li titqies ukoll ir-reżistenza soċjali usa’ għad-diversi Pakketti Omnibus minn perspettiva usa’. |
|
2.7. |
Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pakkett Omnibus dwar is-Settur Awtomobilistiku huwa mistenni li jiġġenera ffrankar annwali tal-ispejjeż ta’ aktar minn EUR 700 miljun għall-industrija, inkluż iffrankar marbut mat-tneħħija tar-rekwiżiti dwar apparat li jillimita l-veloċità għal ċerti vannijiet elettriċi. Waqt li dawn il-miżuri ta’ semplifikazzjoni għandhom l-għan li jsaħħu l-kompetittività u jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, għandhom jiġu bbilanċjati bir-reqqa mal-objettivi tas-sikurezza fit-toroq. |
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.5
|
2.8. |
Il-monitoraġġ tas-sikurezza fit-toroq huwa kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament dwar is-sikurezza fit-toroq (6). Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-Kummissjoni inkludiet fil-proposta tagħha li s-sewwieqa ta’ vannijiet elettriċi eżentati għandhom ikunu professjonali u esperjenzati u jkollhom il-ħiliet adatti jew ikunu mħarrġa fihom. Dan kollu huwa skont id-Direttiva dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (DLD 2006/126/KE) (7). |
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.7
|
2.9. |
Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tintroduċi rieżami ta’ din l-eżenzjoni jekk il-proposta emendata tagħha tiġi aċċettata. Dan ir-rieżami jista’ jipprovdi ċarezza dwar l-effetti maħsuba tal-miżura. L-għan huwa li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-vetturi elettriċi N2 li jiżnu bejn 3,5 tunnellati u 4,25 tunnellati meta mqabbla ma’ vetturi eħfef li jaħdmu bil-fjuwils fossili, li jaqgħu f’kategorija differenti u aktar vantaġġuża (N1). |
|
2.10. |
Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni tista’ tipprovdi ċarezza dwar l-effetti ambjentali (emissjonijiet aktar baxxi), l-effetti fuq is-sikurezza fit-toroq u ċ-ċifri ogħla possibbli tal-bejgħ ta’ vannijiet elettriċi N2. |
3. EMENDI PROPOSTI GĦALL-PROPOSTA LEĠIŻLATTIVA TAL-KUMMISSJONI EWROPEA
Emenda 1
marbuta mar-rakkomandazzjoni 1.1
Artikolu 1 — Emendi tad-Direttiva 92/6/KEE
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KESE |
|
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/6/KEE jiġi sostitwit b’dan li ġej: |
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/6/KEE jiġi sostitwit b’dan li ġej: |
|
“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw li l-vetturi bil-mutur tal-kategoriji N2 u N3 , ħlief dawk il-vetturi tal-kategorija N2 li jaħdmu bl-elettriku u b’massa massima permissibbli ta’ bejn 3,5 u 4,25 tunnellati, jistgħu jintużaw fit-triq biss jekk mgħammra b’apparat li jillimita l-veloċità magħmul b’tali mod li l-veloċità tagħhom ma tkunx tista’ taqbeż id-90 kilometru fis-siegħa.” |
“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw li l-vetturi bil-mutur tal-kategoriji N1, N2 u N3 jistgħu jintużaw fit-triq biss jekk mgħammra b’apparat li jillimita l-veloċità magħmul b’tali mod li l-veloċità tagħhom ma tkunx tista’ taqbeż id-90 kilometru fis-siegħa.” |
Raġuni
Il-vetturi fil-kategorija N1 jintużaw mhux biss għall-konsenji urbani iżda wkoll għat-trasport transfruntier fis-suq intern. Ħafna minn dawn il-vetturi jinstaqu minn sewwieqa b’impjieg indipendenti fittizju li huma esposti għal kompetizzjoni kontinwa mix-xogħol fuq il-pjattaformi.
Limitatur tal-veloċità huwa apparat tekniku li jiżgura li l-vantaġġi kompetittivi ma jkunux jistgħu jinkisbu permezz ta’ veloċità eċċessiva għad-detriment tas-sikurezza fit-toroq u tal-benesseri tal-ħaddiema. Għalhekk, Regolament intelliġenti li joħloq kundizzjonijiet ekwi sostenibbli għat-trasport tal-merkanzija jrid japplika għall-vetturi kollha tal-konsenja, irrispettivament mit-tip ta’ sewqan tagħhom.
Brussell, it-18 ta’ Marzu 2026.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Séamus BOLAND
(1) ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 92/6/KEE ta’ l-10 ta’ Frar 1992 dwar l-istallazzjoni u l-użu ta’ apparat li jillimita l-velocità ghal certi kategoriji ta’ vetturi tal- mutur fil-Komunità (ĠU L 57, 2.3.1992, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1992/6/oj).
(2) https://transport.ec.europa.eu/transport-themes/action-plan-future-automotive-sector/automotive-package_en.
(3) https://road-safety.transport.ec.europa.eu/eu-road-safety-policy_en.
(4) https://etsc.eu/19th-annual-road-safety-performance-index-pin-report/.
(5) https://road-safety.transport.ec.europa.eu/eu-road-safety-policy/priorities/safe-road-use/safe-speed/archive/speeding/new-technologies-new-opportunities/intelligent-speed-adaptation-isa_en.
(6) REGOLAMENT (UE) 2019/2144 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-27 ta' Novembru 2019 dwar rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, kif ukoll għas-sistemi, għall-komponenti u għall-unitajiet tekniċi separati maħsubin għat-tali vetturi, fir-rigward tas-sikurezza ġenerali tagħhom u tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u l-utenti vulnerabbli tat-triq, li jemenda r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 78/2009, (KE) Nru 79/2009 u (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 631/2009, (UE) Nru 406/2010, (UE) Nru 672/2010, (UE) Nru 1003/2010, (UE) Nru 1005/2010, (UE) Nru 1008/2010, (UE) Nru 1009/2010, (UE) Nru 19/2011, (UE) Nru 109/2011, (UE) Nru 458/2011, (UE) Nru 65/2012, (UE) Nru 130/2012, (UE) Nru 347/2012, (UE) Nru 351/2012, (UE) Nru 1230/2012 u (UE) 2015/166 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/2144/oj).
(7) Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l- 20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/126/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3241/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)