IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.6.2016
COM(2016) 395 final
2016/0184(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha
Il-proposta hija għal Deċiżjoni tal-Kunsill, li għandha tiġi adottata skont l-Artikolu 218(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC).
Fil-21 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (magħrufa bħala COP 21), li saret f'Pariġi mit-30 ta' Novembru sat-12 ta' Diċembru 2015, ġie adottat it-test ta' ftehim dwar it-tisħiħ tar-rispons globali għat-tibdil fil-klima. Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fit-30 jum wara d-data li fiha jkunu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta’ ratifika, ta' aċċettazzjoni, ta' approvazzjoni jew ta' adeżjoni mill-inqas 55 parti tal-Konvenzjoni, li b’kollox jikkostitwixxu mill-inqas 55 % tal-emissjonijiet globali ta' gass serra.
Fil-komunikazzjoni tagħha fejn ivvalutat l-implikazzjonijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, il-Kummissjoni ddikjarat li l-Ftehim ta’ Pariġi għandu jiġi ffirmat u ratifikat malajr kemm jista’ jkun. Il-Kunsill Ewropew kien sodisfatt bil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u saħaq dwar il-bżonn li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jirratifikaw il-Ftehim ta’ Pariġi malajr kemm jista' jkun u fil-ħin sabiex ikunu Partijiet appena jidħol fis-seħħ. L-ewwel pass kien l-iffirmar tal-Ftehim mill-Kummissjoni u mill-Kunsill f’isem l-Unjoni Ewropea u mit-28 Stat Membru kollha f’isimhom stess waqt ċerimonja tal-iffirmar ta’ livell għoli li saret fi New York fit-22 ta’ April 2016.
Il-Ftehim ta’ Pariġi huwa pass importanti għat-tisħiħ tal-azzjoni globali kollettiva u għall-aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni globali lejn soċjetà b’livell baxx ta’ karbonju u reżiljenti għall-klima. Ser jissostitwixxi l-approċċ meħud taħt il-Protokoll ta’ Kjoto tal-1997, li jinkludi impenji sa tmiem l-2020. Dawn l-impenji mhux ser jitkomplew lil hinn mill-2020.
Il-Ftehim ta’ Pariġi huwa opportunità għal trasformazzjoni ekonomika u t-tkabbir u ser joħloq aktar impjiegi. Dan huwa element ċentrali biex jintlaħqu għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli usa’, kif ukoll il-prijoritajiet ta' investiment, il-kompetittività, l-ekonomija ċirkulari, ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-tranżizzjoni enerġetika tal-UE.
Il-Ftehim ta’ Pariġi jistabbilixxi mira ta’ tnaqqis fit-tul kwalitattiv tal-emissjonijiet skont l-objettiv biex iż-żieda fit-temperatura globali tinżamm sew taħt iż-2 °C u biex jitkomplew l-isforzi biex tinżamm sa 1,5 °C. Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, il-partijiet ser ifasslu, jikkomunikaw u jagħmlu kontributi suċċessivi stabbiliti fil-livell nazzjonali. Mill-2023 u kull ħames snin, il-partijiet ser jagħmlu analiżi globali, ibbażata fuq ix-xjenza u l-implimentazzjoni l-aktar reċenti sa dik id-data, li ser issegwi l-progress u tikkunsidra t-tnaqqis tal-emissjonijiet, l-adattament u l-appoġġ ipprovdut.
Qabel il-COP 21, il-partijiet tal-UNFCCC ppreżentaw il-kontributi maħsuba tagħhom stabbiliti fil-livell nazzjonali għall-Ftehim. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha kienu l-ewwel ekonomija prinċipali li kkomunikat il-kontribut maħsub tagħha stabbilit fil-livell nazzjonali fis-6 ta' Marzu 2015, li jirrifletti l-qafas ta’ politika tal-klima u tal-enerġija għall-2030 imwaqqaf mill-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2014 u l-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-ġlieda kontra t-tibdil globali fil-klima lil hinn mill-2020. L-UE stabbiliet mira ambizzjuża mifruxa mal-ekonomija kollha ta' tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b'mill-inqas 40 % fit-territorju tagħha sal-2030.
L-UE diġà bdiet il-proċess ta’ implimentazzjoni tal-mira ta' tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b'mill-inqas 40 %. Fir-rigward ta’ dawk is-setturi koperti mill-skema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS), fil-15 ta’ Lulju 2015 l-Kummissjoni adottat proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tkattar it-tnaqqis kosteffikaċi tal-emissjonijiet u l-investimenti fil-livell baxx ta’ karbonju. Il-proposta għandha l-għan li tissodisfa l-mira ta’ hawn fuq fir-rigward ta’ dawk is-setturi koperti mill-ETS tal-UE.
L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha esprimew l-intenzjoni li jaġixxu b’mod konġunt taħt il-Ftehim ta’ Pariġi u dan huwa rifless fl-Artikolu 4 tal-Ftehim ta’ Pariġi. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma għalhekk responsabbli b’mod konġunt, skont il-paragrafu 18 ta’ dak l-Artikolu, biex ifasslu, jikkomunikaw u jagħmlu kontributi suċċessivi stabbiliti fil-livell nazzjonali li huma jkunu bi ħsiebhom jiksbu u għat-twettiq u għall-insegwiment tal-miżuri ta’ mitigazzjoni domestiċi bl-għan li jinkisbu l-objettivi tal-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali skont il-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu.
Il-paragrafu 16 tal-Artikolu 4 tal-Ftehim ta’ Pariġi jirrikjedi li s-Segretarjat jiġi notifikat dwar l-azzjoni konġunta, inkluż il-livell tal-emissjonijiet allokat lil kull parti fil-perjodu ta’ żmien relevanti. Il-livell ta’ emissjonijiet rispettivi allokat lill-Unjoni jkopri l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE. Il-livelli rispettivi tal-emissjonijiet tal-Istati Membri u l-inklużjoni tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas tal-enerġija u tat-tibdil fil-klima għall-2030, għandu jiġi stabbilit fil-leġiżlazzjoni li jmiss.
In-Norveġja u l-Iżlanda esprimew l-intenzjoni li jipparteċipaw fl-azzjoni konġunta tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. It-termini li jirregolaw il-possibilità tal-parteċipazzjoni tan-Norveġja u tal-Iżlanda ser jiġu stipulati f’leġiżlazzjoni assoċjata. Din il-proposta hija mingħajr preġudizzju għal mod kif in-Norveġja u l-Iżlanda se jipparteċipaw fl-azzjoni konġunta.
•Il-konsistenza ma' dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta' politika
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Marzu 2016 intitolata Wara Pariġi: li tevalwa l-implikazzjonijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, tenfasizza li t-tranżizzjoni globali għal enerġija nadifa tirrikjedi bidliet fl-imġiba tal-investiment u inċentivi tul l-ispettru kollu tal-politika. Hija prijorità prinċipali tal-Unjoni li tistabbilixxi Unjoni tal-Enerġija reżiljenti biex tipprovdi enerġija sikura, sostenibbli, kompetittiva u affordabbli liċ-ċittadini tagħha. Biex jinkiseb dan jeħtieġ li l-azzjoni klimatika ambizzjuża u l-progress fuq aspetti oħra tal-Unjoni tal-Enerġija jibqgħu għaddejjin.
•Il-konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni
Il-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija tal-UE għall-2030 jistabbilixxi mira ambizzjuża mifruxa mal-ekonomija kollha biex l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jitnaqqsu b'mill-anqas 40 % sal-2030 fit-territorju tagħha, kif ukoll miri dwar l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli ta’ mill-inqas 27 %. L-implimentazzjoni tal-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 hija prijorità b'effett tal-Ftehim ta’ Pariġi. Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se tippreżenta proposti biex tadatta l-qafas regolatorju tal-UE dwar l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli, inkluż disinn ġdid tas-suq tal-enerġija.
2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
Il-proposta qed issir skont l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(6) tat-TFUE. L-Artikolu 218 tat-TFUE jistabbilixxi l-proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. B’mod partikolari, il-paragrafu 6 tiegħu jipprovdi li l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni bħala negozjatur, jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni ta’ ftehim f’isem l-Unjoni Ewropea.
Skont l-Artikoli 191 u 192(1) tat-TFUE, l-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi biex, inter alia, tikseb l-għanijiet li ġejjin: is-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; il-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jitrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima.
Fl-Unjoni teżisti leġiżlazzjoni li timplimenta dawn l-għanijiet li se jkollhom jiġu riveduti sabiex jiġi implimentat il-Ftehim ta’ Pariġi u dan jista’ jinkiseb biss permezz ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
2016/0184 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1)Fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li saret f'Pariġi mit-30 ta' Novembru sat-12 ta' Diċembru 2015, ġie adottat it-test ta' ftehim dwar it-tisħiħ tar-rispons globali għat-tibdil fil-klima.
(2)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/590 tal-11 ta’ April 2016, il-Ftehim ta’ Pariġi ġie ffirmat fit-22 ta’ April 2016.
(3)Il-Ftehim ta' Pariġi jidħol fis-seħħ fit-30 jum wara d-data li fiha jkunu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta’ ratifika, ta' aċċettazzjoni, ta' approvazzjoni jew ta' adeżjoni mill-inqas 55 parti tal-UNFCCC, li b’kollox jikkostitwixxu mill-inqas 55 % tal-emissjonijiet globali ta' gass serra. Il-partijiet għall-UNFCCC jinkludu l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta’ Marzu 2016, il-Kunsill Ewropew saħaq dwar il-bżonn li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jikkonkludu l-Ftehim ta’ Pariġi malajr kemm jista' jkun u fil-ħin sabiex ikunu partijiet mad-dħul fis-seħħ tiegħu.
(4)Il-Ftehim ta’ Pariġi jissostitwixxi l-approċċ meħud taħt il-Protokoll tal-Kyoto tal-1997.
(5)Il-Ftehim, fost l-oħrajn, jistabbilixxi mira fit-tul b'konformità mal-għan li ż-żieda fit-temperatura globali tinżamm sew taħt iż-2 °C fir-rigward tal-livelli pre-industrijali u biex jitkomplew l-isforzi biex tinżamm sa 1,5 °C fir-rigward tal-livelli pre-industrijali. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, il-Partijiet ser ifasslu, jikkomunikaw u jagħmlu kontributi suċċessivi stabbiliti fil-livell nazzjonali.
(6)Skont il-Ftehim ta’ Pariġi, mill-2023, kull 5 snin il-partijiet iridu jagħmlu analiżi globali, ibbażata fuq ix-xjenza l-aktar aġġornata u l-istadju ta' implimentazzjoni sa dik id-data, li se tittraċċa l-progress u tikkunsidra t-tnaqqis fl-emissjonijiet, l-adattament u l-appoġġ ipprovdut u l-kontribuzzjoni suċċessiva ta’ kull Parti għandha tirrappreżenta żbilupp li jkun aqwa mill-kontribuzzjoni attwali tagħha u li tirrifletti l-ambizzjoni l-aktar għolja tagħha.
(7)Mira vinkolanti ta’ mill-inqas 40 % tnaqqis domestiku fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-settur ekonomiku kollu sal-2030 meta mqabbel mal-1990 ġiet approvata fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014 dwar il-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030. Il-laqgħa tal-Kunsill tal-4 ta’ Marzu 2015 approvat formalment dan il-kontribut tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha bħala l-kontribut maħsub stabbilit fil-livell nazzjonali tagħhom (INDC), li ġie ppreżentat lis-Segretarjat tal-UNFCCC fis-6 ta’ Marzu 2015.
(8)Fil-Komunikazzjoni li takkumpanja l-proposta biex l-Unjoni tiffirma l-Ftehim ta’ Pariġi hemm enfasi li t-tranżizzjoni globali għal enerġija nadifa teħtieġ bidliet fl-imġiba tal-investiment u inċentivi tul l-ispettru kollu tal-politika. Hija prijorità prinċipali tal-Unjoni li tistabbilixxi Unjoni tal-Enerġija reżiljenti biex tipprovdi enerġija sikura, sostenibbli, kompetittiva u affordabbli għaċ-ċittadini tagħha. Biex jinkiseb dan jeħtieġ li l-azzjoni klimatika ambizzjuża u l-progress fuq aspetti oħra tal-Unjoni tal-Enerġija jibqgħu għaddejjin.
(9)Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta’ Settembru 2015 il-Kunsill ikkonferma li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom il-ħsieb jaġixxu b’mod konġunt skont il-Ftehim ta’ Pariġi u kien sodisfatt bl-intenzjoni tan-Norveġja u tal-Iżlanda li jipparteċipaw f’din l-azzjoni konġunta.
(10)L-azzjoni konġunta mill-Unjoni u l-Istati Membri ser tiġi miftiehma fiż-żmien qarib u se tkopri l-livell ta’ emissjonijiet rispettiv allokat lill-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE u l-livelli rispettivi tal-emissjonijiet tal-Istati Membri.
(11)Il-paragrafu 16 tal-Artikolu 4 tal-Ftehim ta’ Pariġi jirrikjedi li s-Segretarjat jiġi notifikat dwar l-azzjoni konġunta, inkluż il-livell tal-emissjonijiet allokat lil kull parti fi ħdan il-perjodu ta’ żmien relevanti.
(12)Il-Ftehim ta' Pariġi huwa f’konformità mal-objettivi ambjentali tal-Unjoni Ewropea, kif imsemmija fl-Artikolu 191 tat-Trattat, jiġifieri s-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem, u l-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jitrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima.
(13)Il-Ftehim ta' Pariġi għandu għalhekk jiġi konkluż f'isem il-Kommunità,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim ta' Pariġi adottat fit-12 ta' Diċembru 2015 skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.
It-test tal-Ftehim ta' Pariġi huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni bħala l-Anness I.
Id-Dikjarazzjoni tal-Kompetenza mehmuża fl-Anness II hija approvat wkoll f’isem l-Unjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiddepożitaw, f’isem l-Unjoni, l-istrument ta’ ratifika mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, skont l-Artikolu 20(1) tal-Ftehim ta’ Pariġi, flimkien mad-dikjarazzjoni tal-kompetenza.
Artikolu 3
1. L-istrument ta' ratifika tal-Unjoni għandu jiġi depożitat mad-Depożitarju.
L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa bil-ħsieb li jiddepożitaw fl-istess ħin mal-Unjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjonijiet tagħhom dwar ir-ratifika tal-Ftehim ta’ Pariġi jew, skont iċ-ċirkostanzi, bid-data probabbli tat-tlestija tal-proċeduri meħtieġa.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.