|
8.8.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 205/70 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1436
tal-1 ta' Diċembru 2015
dwar l-għajnuna mill-istat għall-Konverżjoni għall-Bijomassa tal-Impjant tal-Enerġija ta' Lynemouth SA.38762 (2015/C) li r-Renju Unit qed jippjana li jimplimenta
(notifikata bid-dokument C(2015) 8441)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li talbet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom (1) skont id-dispożizzjoni(jiet) imsemmija aktar 'il fuq u wara li kkunsidrat dawn il-kummenti,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Wara kuntatti ta' qabel in-notifika, fis-17 ta' Diċembru 2014 ir-Renju Unit innotifika, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, l-appoġġ għall-Proġett ta' Konverżjoni għall-Bijomassa tal-Impjant tal-Enerġija ta' Lynemouth. Fil-5 ta' Frar 2015, ir-Renju Unit ipprovda aktar evidenza lill-Kummissjoni. |
|
(2) |
Permezz ta' ittra datata d-19 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni infurmat lir-Renju Unit li hija kienet iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat rigward din l-għajnuna (id-“Deċiżjoni tal-Ftuħ”). |
|
(3) |
Ir-Renju Unit ipprovda l-kummenti tiegħu fit-23 ta' Marzu 2015. |
|
(4) |
Fl-10 ta' April 2015, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ara n-nota 1 ta' qiegħ il-paġna). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mingħand 30 parti interessata. Hija bagħtithom lir-Renju Unit fl-20 ta' Mejju 2015, li ngħata l-opportunità li jwieġeb. Ir-Renju Unit wieġeb għal dawn il-kummenti fit-12 ta' Ġunju 2015. |
|
(6) |
Fit-23 ta' Lulju 2015 il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni, li fid-29 ta' Lulju 2015 ir-Renju Unit tahielha. Fis-7 ta' Ottubru 2015 ir-Renju Unit bagħat aktar informazzjoni. |
2. DESKRIZZJONI DDETTALJATA TAL-MIŻURA
2.1. Il-proġett tal-konverżjoni għall-bijomassa ta' Lynemouth u l-benefiċjarju
|
(7) |
Ir-Renju Unit għażel tmien proġetti rinnovabbli taħt il-proċess tad-Deċiżjoni Finali dwar l-Investiment għall-Abilitazzjoni tal-Enerġija Rinnovabbli (Final Investment Decision Enabling for Renewables — FIDeR) (2). L-appoġġ lil dawn il-proġetti magħżula se jingħata abbażi ta' Kuntratti ta' Investiment. Il-proġett innotifikat huwa parti minn tmien proġetti magħżula permezz tal-FIDeR. |
|
(8) |
Il-miżura tal-għajnuna nnotifikata tikkonċerna għajnuna għall-konverżjoni tal-impjant tal-enerġija ta' Lynemouth li jaħdem bil-faħam sabiex jopera għal kollox bil-bijomassa. L-impjant tal-enerġija jinsab f'Northumberland fuq il-kosta tal-Grigal tal-Ingilterra. L-impjant tal-enerġija huwa proprjetà ta' u mħaddem minn Lynemouth Power Limited, sussidjarja pposseduta kollha minn RWE Supply & Trading GmbH. |
|
(9) |
Lynemouth hija impjant tal-enerġija ta' 420 MW li jaħdem bil-faħam li beda jopera fuq livell kummerċjali fl-1972. Skont il-proposta attwali, l-impjant tal-enerġija se jkun immodifikat sabiex jopera għal kollox bil-bijomassa. Minħabba l-karatteristiċi tal-proċess ta' kombustjoni, l-impjant se jkun kapaċi jaħraq biss pelits tal-injam ta' kwalità industrijali. L-impjant se jipprovdi l-elettriku lill-Grilja tal-Enerġija tat-Tramuntana li tforni l-elettriku lill-Grigal tal-Ingilterra. Ir-Renju Unit jistma li l-proġett se jiġġenera 0,7 % tal-konsum tal-elettriku finali futur tar-Renju Unit. |
|
(10) |
Skont l-istimi tar-Renju Unit, il-proġett se jiffranka madwar 17,7 miljun tunnellata ta' CO2 matul iċ-ċiklu ta' ħajja tiegħu ta' 12-il sena u se jipprovdi madwar 2,3 TWh ta' elettriku kull sena. L-impjant se jopera b'tagħbija bażi, u b'hekk jipprovdi elettriku b'karbonju baxx li jista' jiġi skedat. |
|
(11) |
Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-impjant huwa ddisinjat sabiex jopera b'enerġija elettrika nominali ta' 420 MW b'fattur medju ta' tagħbija ta' 77 % (3). L-impjant se juża madwar 1,44–1,56 miljun tunnellata mnixxfa ta' pelits tal-injam fis-sena, li l-parti l-kbira tagħhom tiġi importata mix-Xlokk tal-Istati Uniti ([60 %–80 %] tal-fjuwil kollu meħtieġ). Madwar [5 %–20 %] tal-fjuwil se jinxtara mill-Ewropa u l-bqija mill-Kanada. Il-konverżjoni tal-impjant mhix se tkun imfassla biex tikkonforma mar-regolamenti tal-inċinerazzjoni tal-iskart, u għaldaqstant l-impjant mhux se jkun jista' jaħraq l-iskart tal-injam. |
|
(12) |
It-tabella turi l-parametri operattivi mistennija tal-impjant ta' Lynemouth. Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-fattur tat-tagħbija huwa l-prodott tal-ammont ta' żmien li fih l-impjant huwa teknikament disponibbli sabiex jiġġenera l-elettriku (bit-tnaqqis, pereżempju, taż-żmien meħtieġ għall-manutenzjoni u t-tiswijiet) u ż-żmien li l-impjant huwa effettivament skedat li jiġġenera (bit-tnaqqis, pereżempju, taż-żmien li fih l-Operatur tan-Netwerk tad-Distribuzzjoni jillimita l-impjant minħabba konġestjoni fin-netwerk; xi drabi dan jissejjaħ il-fattur tat-tagħbija gross). Il-fattur tat-tagħbija netta muri fit-tabella jinkiseb bil-multiplikazzjoni ta' disponibbiltà teknika medja ta' 80,77 % u fattur ta' tagħbija gross ta' 95,51 %. Il-parametri operattivi ta' Lynemouth
|
2.2. Bażi legali nazzjonali, finanzjament u baġit
|
(13) |
Il-bażi ġuridika nazzjonali hija l-Att dwar l-Enerġija tal-2013. |
|
(14) |
Il-baġit totali għal dan il-proġett huwa stmat għal GBP 0,8 biljun. Ir-Renju Unit ikkonferma li mhi ser titħallas ebda għajnuna lill-benefiċjarju qabel id-data ta' kummissjonar. |
|
(15) |
L-għajnuna se titħallas minn kontroparti tal-gvern iffinanzjata permezz ta' taxxa statutorja imposta fuq kull fornitur tal-elettriku liċenzjat, abbażi tas-sehem mis-suq tal-fornituri, definit skont l-użu tal-elettriku mkejjel. Il-fornituri se jkollhom jissodisfaw l-obbligi tagħhom mir-riżorsi proprji iżda se jkunu liberi li jgħaddu l-ispejjeż fuq il-konsumaturi bħala parti mill-istrateġiji ġenerali ta' pprezzar tagħhom. |
2.3. Il-forma tal-għajnuna, it-tul ta' żmien u l-ispejjeż ta' produzzjoni
|
(16) |
L-għajnuna lill-proġett se tingħata fil-forma ta' primjum varjabbli (l-hekk imsejjaħ Kuntratt għal Differenza (Contract for Difference — CfD) ikkalkulat bħala l-ħlas tad-differenza bejn prezz iffissat minn qabel (il-prezz tal-eżerċitar) u kejl tal-prezz tas-suq għall-elettriku (il-prezz ta' referenza). Il-prezz ta' referenza huwa prezz ibbażat fuq prezzijiet forward tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa f'perjodu speċifiku. Il-benefiċjarju se jaqla' l-flus mill-bejgħ tal-elettriku tiegħu lis-suq, iżda meta l-prezz bl-ingrossa medju tal-elettriku jkun taħt il-prezz tal-eżerċitar, il-benefiċjarju se jirċievi ħlas supplimentari minn kontroparti li hi ta' proprjetà tal-Gvern tar-Renju Unit (Low Carbon Contracts Company Ltd — il-“Kontroparti CfD”) biex jagħmel tajjeb għad-differenza. Il-benefiċjarju madankollu se jieħu r-riskji li ma jiksibx il-prezz ta' referenza, u r-riskju ta' volum li ma jiksibx il-volum ta' bejgħ imbassar (4). |
|
(17) |
Għaldaqstant l-appoġġ lill-proġett tal-bijomassa huwa ddeterminat fuq il-bażi ta' prezz tal-eżerċitar stabbilit b'mod amministrattiv. Il-prezzijiet tal-eżerċitar kienu stabbiliti f'tali livelli li l-appoġġ permezz tal-FIDeR huwa ġeneralment ekwivalenti għal dak ipprovdut taħt l-iskema attwali tal-Obbligu tal-Enerġija Rinnovabbli (5), sabiex tittaffa t-tranżizzjoni bejn l-iskemi ta' appoġġ. |
|
(18) |
Biex ikkalkula l-prezz tal-eżerċitar għall-impjanti apposta għall-konverżjoni għall-bijomassa (applikabbli għall-impjant ta' Lynemouth), ir-Renju Unit ikkunsidra b'mod partikolari l-firxiet ta' kostijiet livellati tal-elettriku fil-medda ta' GBP 105/MWh sa GBP 115/MWh. Ir-Renju Unit spjega kif il-livell tal-prezz tal-eżerċitar għall-proġetti ta' konverżjoni tal-bijomassa ġie kkalkulat billi tqieset firxa ta' rati hurdle (6) ta' 8,8–12,7 %. |
|
(19) |
Il-prezz tal-eżerċitar applikabbli għal dan il-proġett huwa ta' GBP 105/MWh (Prezzijiet tal-2012 — indiċizzati kull sena mal-Indiċi tal-Prezzijiet għall-Konsumatur). L-istess ammont għal kull MWh ikun il-prezz tal-eżerċitar massimu offrut lill-impjanti ta' konverżjoni għall-bijomassa taħt l-Iskema CfD. Il-kostijiet livellati jinkludi l-kostijiet ta' finanzjament ta' impjanti ġodda tal-enerġija bbażati fuq rata ta' skont ta' 10 % għat-teknoloġiji kollha. Ir-Renju Unit ppreżenta d-dettalji ta' kif ġew ikkalkulati dawn il-kostijiet, is-sorsi tad-dejta użata u r-rati hurdle kkunsidrati (7). |
|
(20) |
Is-suppożizzjonijiet ewlenin użati għall-kalkolu tal-prezzijiet tal-eżerċitar, inkluż għall-kostijiet livellati, tal-prezzijiet tal-fjuwils fossili, ir-rati ta' taxxa effettiva u s-suppożizzjonijiet ta' żvilupp massimu huma elenkati fir-rapport tal-kost livellat tal-Gvern tar-Renju Unit (8) u fir-rapporti mid-Dipartiment tal-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima (9). Għal dan l-għan, il-prezz fil-livell ta' operatur tal-elettriku huwa stmat li huwa ta' madwar GBP 55/MWh f'termini reali li għandu jiżdied għal GBP 65/MWh fl-2020. |
|
(21) |
Skont dan il-prezz tal-eżerċitar, ir-Rata ta' Redditu Interna (IRR) għall-proġett kienet stmata għal 9,7 % fuq bażi reali ta' qabel it-taxxa. Il-kuntratt ta' investiment propost se jintemm fil-31 ta' Marzu 2027 irrispettivament mid-data tal-bidu tiegħu. |
2.4. Kumulazzjoni
|
(22) |
Ir-Renju Unit iċċara li l-proġetti li ngħataw Kuntratti ta' Investiment mhumiex se jkunu jistgħu jirċievu CfD għall-istess ġenerazzjoni tal-elettriku taħt l-iskema tal-għajnuna l-ġdida. Barra minn hekk, l-ebda proġett li jirċievi pagamenti taħt il-Kuntratti ta' Investiment mhu se jkun jista' jirċievi Ċertifikati ta' Obbligu għall-Enerġija Rinnovabbli għall-istess ġenerazzjoni tal-elettriku. Fl-aħħar nett, il-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli li tingħata għajnuna permezz ta' Kuntratt ta' Investiment mhix se tkun tista' tipparteċipa fis-Suq tal-Kapaċità jew tirċievi għajnuna ta' investiment waqt it-terminu tal-Kuntratt ta' Investiment. |
|
(23) |
Abbażi tal-prinċipji deskritti fil-premessa 22, ir-Renju Unit ikkonferma li la l-ġeneratur u l-ebda wieħed mill-partijiet interessati diretti jew indiretti tiegħu ma rċevew, ingħataw jew applikaw għal xi għajnuna oħra mingħand ir-Renju Unit jew mingħand xi Stat Membru ieħor. |
2.5. L-użu u d-disponibbiltà tal-bijomassa
|
(24) |
Kif spjegat fil-premessa 9 aktar 'il fuq, il-proġett ta' Lynemouth se jkun jista' jaħraq biss pelits tal-injam. Il-pelits tal-injam użati fl-impjant ta' Lynemouth se jkollhom jissodisfaw il-kriterji ta' sostenibbiltà tar-Renju Unit inkluż minimu ta' tnaqqis ta' gassijiet b'effett ta' serra ta' 60 % meta mqabbel mal-intensità medja tal-grilja tal-fossili fl-Unjoni (jiġifieri, imqabbel mal-medja tal-faħam u l-gass fl-Unjoni, mkejla bil-metodu stabbilit fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli). Dawn il-miri se jissaħħu sa minimu ta' tnaqqis ta' gassijiet b'effett ta' serra ta' 72 % minn April 2020, u mbagħad sa minimu ta' tnaqqis ta' 75 % minn April 2025. Il-kriterji ta' sostenibbiltà tar-Renju Unit jinkludu wkoll dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tal-bijodiversità u biex jiġu evitati prattiki insostenibbli (10). |
|
(25) |
Il-kummerċ globali tal-laqx tal-injam kien stmat fl-2011 għal 22 miljun tunnellata fis-sena. Id-domanda fl-Unjoni hija ogħla mill-produzzjoni li tfisser li l-pelits tal-injam jiġu importati fl-Unjoni. L-importazzjonijiet netti tal-pelits tal-injam fl-UE fl-istess sena kienu stmati għal 3,2 miljun tunnellata fis-sena u żdiedu għal madwar 4 miljun tunnellata fis-sena fl-2012. |
|
(26) |
Il-konsum globali tal-pelits tal-injam kien stmat għal 22,4 sa 24,5 miljun tunnellata (11) fl-2012, li madwar 15,1-il miljun tunnellata kienu kkunsmati fl-Unjoni. L-Istati Membri li l-aktar jikkunsmaw pelits tal-injam fl-impjanti tal-enerġija huma r-Renju Unit (1,3 miljun tunnellata fl-2013) (12), il-Belġju (1,3 miljun tunnellata), in-Netherlands (1,2 miljun tunnellata), id-Danimarka (1 miljun tunnellata) u l-Isvezja (1 miljun tunnellata). |
2.6. Trasparenza
|
(27) |
Fir-rigward tar-rapportar u t-trasparenza, ir-Renju Unit indika li kull Kuntratt ta' Investiment mogħti permezz tal-proċess FIDeR ġie ppubblikat online fil-forma li fiha ġie ffirmat (13). |
2.7. Id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-investigazzjoni formali
|
(28) |
Fid-19 ta' Frar 2015 il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali rigward il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, b'mod partikolari fir-rigward tal-proporzjonalità tal-għajnuna u r-riskju ta' distorsjoni tas-suq. |
|
(29) |
B'mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma setgħetx teskludi r-riskju ta' kumpens żejjed. Il-Kummissjoni nnutat li l-IRR kienet affettwata b'mod konsiderevoli mis-suppożizzjonijiet inizjali użati fil-kalkoli finanzjarji u li l-valuri tal-parametri operattivi stmati inizjalment mir-Renju Unit ma kinux għal kollox konsistenti mal-informazzjoni dispponibbli tas-suq. |
|
(30) |
Il-Kummissjoni għamlet kalkolu ta' sensittività sabiex tevalwa l-impatt tal-bidliet fl-effiċjenza termali medja tal-impjant, il-fattur tat-tagħbija u l-kost tal-fjuwil fuq l-IRR. Skont dawn il-kalkoli, kieku l-effiċjenza termali u l-fattur tat-tagħbija kellhom jiżdiedu b'5 % u l-kostijiet tal-fjuwil jonqsu b'5 %, l-IRR (fuq bażi reali qabel it-taxxa) kienet tiżdied minn 9,7 % għal 23,1 %. Varjazzjoni simili ta' 10 % tat-tliet parametri kienet iżżid l-IRR għal 31,7 %. Il-Kummissjoni kkunsidrat għalhekk li inċertezzi fis-suppożizzjonijiet użati fil-kalkolu tal-kost jistgħu jirriżultaw f'kumpens żejjed. |
|
(31) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni esprimiet tħassib li l-ammont ta' materja prima meħtieġ biex Lynemouth titħaddem għal kollox fuq il-bijomassa huwa sostanzjali meta mqabbel kemm mal-Unjoni Ewropea kif ukoll mas-suq globali. Fuq il-bażi tad-dejta tal-2012, l-impjant tal-enerġija ta' Lynemouth jammonta għal madwar 7,4 % tal-konsum dinji tal-pelits tal-injam, 11,2 % tal-konsum Ewropew u 88,2 % tal-konsum tar-Renju Unit b'żidiet fl-importazzjoni. |
|
(32) |
Il-Kummissjoni esprimiet dubji kemm tali żieda fid-domanda fi żmien qasir tista' tkun issodisfata mis-suq tal-pelits tal-injam mingħajr distorsjonijiet sinifikanti fis-suq. Il-Kummissjoni nnutat ukoll li l-bijomassa tal-injam tintuża bħala materja prima f'għadd ta' industriji (bħall-manifattura tal-polpa u tal-karta jew tal-kartunċin) u ma setgħetx teskludi distorsjonijiet fis-suq. |
3. KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI
|
(33) |
Il-Kummissjoni rċeviet 30 kumment mingħand partijiet ikkonċernati. Il-kummenti mingħand l-organizzazzjonijiet tal-kummerċ (14) u l-Membri tal-Parlament tar-Renju Unit enfasizzaw l-importanza ekonomika u soċjali tal-proġett. Lynemouth Power LTD u l-Grupp Spencer ukoll ippreżentaw ittri ta' appoġġ mingħand diversi partijiet interessati. |
|
(34) |
Erba' organizzazzjonijiet mhux governattivi saħqu wkoll fuq ir-riskji ambjentali tal-proġett (15). B'mod partikolari, is-sottomissjonijiet iddubitaw l-iffrankar ta' CO2 miksub bl-iġġenerar tal-elettriku minn bijomassa importata u esprimew tħassib dwar il-possibbiltà ta' impatti negattivi ta' tniġġis tal-arja u fuq il-bijodiversità. |
|
(35) |
Sitt organizzazzjonijiet ressqu argument favur l-opinjoni li l-proġett ta' Lynemouth jista' joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq tal-materja prima għall-fibra tal-injam. Is-sottomissjonijiet li daħlu kienu jkopru: l-effett ta' użu akbar ta' bijomassa għall-enerġija fuq is-suq globali tal-fibra tal-injam (UK Wood Panel Industries Federation, WPF) u fuq il-prezz Ewropew għall-materja prima (European Panel Federation, EPF); l-effetti fuq is-suq tal-injam artab fix-Xlokk tal-Istati Uniti (l-American Forest & Paper Association, Steptoe & Johnson f'isem parti kkonċernata mix-Xlokk tal-Istati Uniti u utent tal-injam artab ibbażat fl-Istati Uniti) u l-effetti fis-suq għar-residwi tal-injam fl-Amerka ta' Fuq (Mulch & Soil Council). |
|
(36) |
Utent tal-injam artab ibbażat fl-Istati Uniti u Steptoe & Johnson isostnu li, għalkemm is-siti ta' manifattura kkonċernati jinsabu fl-Istati Uniti, materja nofsha lesta tiġi esportata lejn l-Unjoni. Għaldaqstant, il-possibbiltà ta' distorsjoni fis-suq tista' taffettwa lill-operazzjonijiet fl-Unjoni. Il-kontribuzzjonijiet ippreżentati mid-WPF u mill-EPF jargumentaw li l-proġett ta' konverżjoni ta' Lynemouth jista' joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq għall-fibra tal-injam tar-Renju Unit u tal-Unjoni Ewropea. Biex tissostanzja d-dikjarazzjoni tagħha, id-WPF ipprovdiet dejta bbażata fuq stħarriġ li turi żieda fil-prezzijiet għaċ-ċana, għal-laqx tal-injam u għall-injam tond fis-suq tar-Renju Unit. Id-dejta (graff) turi żieda fil-prezzijiet ta' madwar 80 % (dejta mhux aġġustata għall-inflazzjoni). L-EPF issottomettiet graff dwar il-prezzijiet tal-injam tond, taċ-ċana u tal-laqx tal-injam fl-Ewropa meħuda minn studju tal-konsulent Ecofys (16). Id-dejta turi żieda ta' madwar 40 % mill-2009. Madankollu, id-dejta turi li ż-żieda fil-prezzijiet hija limitata għal ċerti pajjiżi (l-Awstrija, Franza, l-Italja, l-Isvezja, ir-Renju Unit) filwaqt li l-prezzijiet baqgħu relattivament l-istess f'oħrajn (il-Belġju, il-Litwanja, is-Slovakkja, Spanja). |
|
(37) |
Is-sottomissjonijiet ta' utent tal-injam artab ibbażat fl-Istati Uniti, l-American Forest & Paper Association (“AFPA”) u Steptoe & Johnson jargumentaw li, peress li l-parti l-kbira tal-pelits tal-injam se jkunu importanti mix-Xlokk tal-Istati Uniti, il-miżura proposta tista' toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq tal-Istati Uniti. |
|
(38) |
Utent tal-injam artab ibbażat fl-Istati Uniti u l-AFPA ssottomettew li l-produzzjoni totali tal-injam fix-Xlokk tal-Istati Uniti fl-2011 kienet tammonta għal 230 miljun Tunnellati b'Kontenut ta' Ndewwa (“TKN”, ekwivalenti għal 107 tunnellati mnixxfa, peress li minħabba l-kontenut ta' ndewwa, ikun hemm bżonn ta' 2,15 TKN għal kull tunnellata mnixxfa (17)). Minn dan it-total madwar 115-il miljun TKN kienu injam artab. L-Illustrazzjoni 1 turi l-ħsad totali fix-Xlokk tal-Istati Uniti għal kull tip ta' prodott (18). Illustrazzjoni 1 L-assorbiment tal-produzzjoni tal-injam (Timber Product Output — TPO) għax-Xlokk tal-Istati Uniti għall-1995–2011 (Abt et al., 2014)
|
|
(39) |
Id-dejta ppreżentata fir-rapport turi żieda fil-produzzjoni tal-pelits mix-Xlokk tal-Istati Uniti f'dawn l-aħħar snin u żieda fl-esportazzjonijiet tal-pelits mix-Xlokk tal-Istati Uniti fl-istess perjodu. Skont l-istess rapport, il-kapaċità ta' produzzjoni tal-pelits tal-injam fix-Xlokk tal-Istati Uniti żdiedet minn żewġ miljun TKN fl-2010 għal sitt miljun TKN fl-2011. Kważi din il-kapaċità l-ġdida kollha ġiet żviluppata sabiex jiġu prodotti pelits għall-esportazzjoni lejn l-Istati Membri tal-UE. |
|
(40) |
Skont dejta sottomessa minn Steptoe & Johnson, il-prezz tal-injam abjad tal-arżnu fix-Xlokk tal-Istati Uniti żdied b'25 % bejn l-2011 u l-2014 u l-prezz tal-polpa tal-injam mill-iebes żdied b'60 %. Skont l-AFPA, il-prezzijiet tal-injam artab tal-arżnu mhux maqtugħ fix-Xlokk tal-Istati Uniti żdied bi 11 % fl-2013 u b'10 % fl-2014. Dawn il-partijiet iddikjaraw li ż-żieda hija kkawżata minn żieda fil-produzzjoni tal-pelits tal-injam. L-utent tal-injam artab imsemmi fil-punt 36 aktar 'il fuq ma jipprovdix dejta dwar il-kost, iżda jagħmel dikjarazzjonijiet simili dwar ir-riskju ta' żieda fil-prezz tal-materja prima minħabba użu ssussidjat ta' pelits tal-injam. |
|
(41) |
Skont dejta sottomessa minn Steptoe & Johnson, il-prezz tal-injam abjad tal-arżnu fix-Xlokk tal-Istati Uniti żdied b'25 % bejn l-2011 u l-2014 u l-prezz tal-polpa tal-injam mill-iebes żdied b'60 %. Il-partijiet imsemmija ddikjaraw li ż-żieda hija kkawżata minn żieda fil-produzzjoni tal-pelits tal-injam. |
|
(42) |
B'appoġġ għal din id-dikjarazzjoni, utent tal-injam artab ibbażat fl-Istati Uniti u l-AFPA ppreżentaw studju teoretiku li janalizza l-impatt ekonomiku ta' żieda kbira fil-produzzjoni tal-pelits fuq is-suq tal-fibra tal-injam fix-Xlokk tal-Istati Uniti (19). Dan l-istudju jagħti mudelli ta' xenarji b'penetrazzjoni għolja ta' bijomassa. L-awturi stmaw id-domanda futura tal-pelits tal-injam billi kkunsidraw penetrazzjoni għolja ta' bijoenerġija (inklużi xejriet ta' politika interna u internazzjonali u t-tbassir fil-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli tal-UE). Il-mudell jassumi li sal-2020 daqs 44 miljun TKN ta' pelits u laqx tal-injam fis-sena se jkunu prodotti fix-Xlokk tal-Istati Uniti għall-użu fl-enerġija. Skont il-mudell użat, dan il-volum għoli ta' domanda addizzjonali jikkawża żieda konsiderevoli fil-prezz tal-materja prima fuq żmien qasir (fil-medda ta' medja ta' 70 % għas-suq kollu). Madankollu, fuq żmien twil ir-riżorsi tal-forestrija se jiżdiedu sabiex jilħqu d-domanda u l-prezzijiet jinżlu. |
|
(43) |
Steptoe & Johnson innutaw li ż-żriegħ ta' siġar kummerċjali fix-Xlokk tal-Istati Uniti ilu jonqos għal dawn l-aħħar tletin sena. Flimkien ma' żieda fil-produzzjoni tal-pelits, dan jista' jwassal għal rati ta' tkabbir negattivi fir-reġjun li jwasslu għal prattiki ambjentali insostenibbli u telf tal-bijodiversità. |
|
(44) |
Utent tal-injam artab ibbażat fl-Istati Uniti, l-EPF u Steptoe & Johnson esprimew tħassib dwar l-impatt akkumulat ta' proġetti kbar oħrajn (b'mod partikolari dawk tal-impjant tal-enerġija ta' Drax fir-Renju Unit) u tal-politika Ewropea dwar il-bijomassa inġenerali. |
|
(45) |
Il-Mulch & Soil Council qajjem tħassib dwar distorsjoni possibbli fis-suq tal-Amerika ta' Fuq għar-residwi tal-injam. |
|
(46) |
Id-WPF, Steptoe & Johnson u l-Mulch & Soil Council iddubitaw dwar l-iffrankar ta' CO2 miksub bl-iġġenerar tal-elettriku mill-bijomassa importata mill-Amerika ta' Fuq. Steptoe & Johnson qajmu wkoll dubji dwar il-proporzjonalità tal-għajnuna u pprovdew aktar dejta dwar is-sors tal-injam użat għall-manifattura tal-pelits u l-ħtiġijiet ta' materja prima tal-industrija tal-ippakkjar. |
|
(47) |
Tnax-il (20) kumpanija u assoċjazzjoni tal-industrija ssottomettew argumenti tekniċi li jenfasizzaw is-solidità u l-impatt pożittiv tal-proġett. Is-sottomissjonijiet ikopru suġġetti li jinkludu (fost oħrajn): l-IRR tal-proġett; id-disponibbiltà u s-sostenibbiltà tal-bijomassa; ir-rwol tal-enerġija tal-bijomassa biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija rinnovabbli fir-Renju Unit; il-parametri operattivi mistennija tal-impjant u l-loġistika tal-provvista tal-fjuwil. |
|
(48) |
B'mod partikolari l-Assoċjazzjoni tal-Pelits Industrijali tal-Istati Uniti enfasizzat it-tnaqqis tal-emissjonijiet assoċjat mal-bijoenerġija u s-sostenibbiltà tal-pelits prodotti fl-Istati Uniti. Ipprovdiet ukoll dejta dwar il-prezz tal-materja prima fix-Xlokk tal-Istati Uniti (ara l-Illustrazzjoni 2 aktar 'l isfel). |
|
(49) |
L-Assoċjazzjoni tal-Pelits tal-Injam tal-Kanada rrapportat dejta dwar id-disponibbiltà tal-pelits tal-injam. B'mod partikolari s-sottomissjoni tikkwota studju mill-konsulent Poyry (21) li jgħid li r-reġjuni ta' provvista tax-Xlokk tal-Istati Uniti, tal-Punent tal-Kanada, u tar-Russja, flimkien għandhom 50 miljun tunnellata mnixxfa ta' materja prima żejda tal-bijomassa. Illustrazzjoni 2 Il-prezzijiet tal-injam mhux maqtugħ fix-Xlokk tal-Istati Uniti
|
|
(50) |
Enviva ppreżentat dejta dwar id-domanda u l-provvista proġettati għall-pelits tal-injam. Skont Enviva, fl-ewwel kwart tal-2015 kienu qegħdin jiġu żviluppati proġetti tal-pelits tal-injam li, ladarba jitlestew, kienu se jżidu komplessivament 18,1-il miljun tunnellata mnixxfa mal-kapaċità ta' produzzjoni globali. Is-sottomissjoni pprovdiet ukoll dejta dwar il-produzzjoni tat-travi tal-injam fl-Istati Uniti (ara l-Illustrazzjoni 3). Illustrazzjoni 3 Proġetti residenzjali ġodda u l-konsum tal-injam fl-Istati Uniti, 2004-2014
|
|
(51) |
Il-Kunsill Ewropew tal-Pelits ipprovda dejta dwar il-prezz u d-disponibbiltà tal-pelits tal-injam u dwar il-prezzijiet tal-materja prima fl-Unjoni u fl-Istati Uniti. Skont il-Kunsill Ewropew tal-Pelits, iż-żieda qawwija tad-domanda tal-pelits bejn l-2012 u l-2014 ma wasslitx għal żieda sinifikanti fil-prezzijiet tal-pelits. Biex jissostanzja dan l-argument, il-Kunsill Ewropew tal-Pelits issottometta dejta dwar il-prezz tal-pelits tal-injam fl-Istati Uniti minn Diċembru 2013 sa April 2015 u fl-Unjoni minn Jannar 2011 sa Marzu 2015. Fiż-żewġ każijiet ma kienet osservata l-ebda żieda fil-prezzijiet. |
|
(52) |
Skont din id-dejta, iż-żieda qawwija tad-domanda għall-pelits bejn l-2012 u l-2014 ma wasslitx għal żieda sinifikanti fil-prezzijiet tal-pelits. |
|
(53) |
Fl-aħħar nett, kien hemm kontribuzzjoni oħra (Société Générale) li ssottomettiet dejta dwar il-profittabbiltà tal-proġett. |
4. KUMMENTI MIR-RENJU UNIT
|
(54) |
Ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni addizzjonali dwar il-parametri operattivi tal-impjant tal-enerġija ta' Lynemouth. Wara analiżi ta' impjanti oħrajn tal-bijomassa, il-fattur tat-tagħbija tal-impjant ittella' minn 75,3 % għal 77 % (kif irrapportat fit-tabella, ara wkoll in-nota 3 ta' qiegħ il-paġna). Barra minn hekk, ir-Renju Unit wera li l-effiċjenza termali ta' impjanti tal-enerġija bil-faħam mitħun hija madwar 36 % għall-impjanti tal-faħam tar-Renju Unit għall-perjodu ta' bejn l-2009 u l-2013. Finalment, ir-Renju Unit ipprovda tqassim tal-kostijiet tal-fjuwil u spjega li l-parametri operattivi kollha huma sodi peress li huma mqabbla ma' impjanti oħrajn u riveduti minn esperti indipendenti (22). |
|
(55) |
Ir-Renju Unit jgħid li l-ekonomija tal-proġett ta' Lynemouth inbidlet sostanzjalment min-notifika 'l hawn. B'mod partikolari, il-proġett kien imbassar li se jiġi kkummissjonat fit-tielet kwart tal-2016, iżda r-Renju Unit iqis li l-proġett issa se jkun ikkummissjonat sat-tieni nofs tal-2017. Peress li l-għajnuna lill-konverżjoni għall-bijomassa se tintemm f'Marzu 2027 irrispettivament mid-dejta ta' tnedija, il-proġett tilef madwar sena sussidju. Il-proġett kien żied ukoll l-ispejjeż kapitali. Barra minn hekk, minħabba bidla fil-politika, minn Awwissu tal-2015 is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli tal-elettriku mhumiex se jkunu eżenti mill-Imposta fuq it-Tibdil fil-Klima (taxxa fuq il-karbonju). Fl-aħħar nett, id-deprezzament tal-Lira Sterlina meta mqabbla mad-Dollaru Amerikan kompla naqqas il-profittabbiltà tal-proġett. |
|
(56) |
Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, dawn l-iżviluppi naqqsu sostanzjalment il-profittabbiltà tal-proġett. L-IRR stmata issa hija madwar [3 %–8 %] fuq bażi reali qabel it-taxxa. |
|
(57) |
Fl-2014, is-suq globali tal-pelits tal-injam kiber tant li laħaq is-27 miljun tunnellata mnixxfa. Ir-Renju Unit ipprovda wkoll dejta dwar il-kummerċ fis-suq globali tal-pelits tal-injam (ara l-Illustrazzjoni 4). Il-konsum tal-pelits tal-injam fl-Unjoni kważi rdoppja minn madwar tmien miljun tunnellata mnixxfa fl-2009 għal madwar 16-il miljun tunnellata mnixxfa fl-2013 (23). Illustrazzjoni 4 Il-kummerċ fl-importazzjoni tal-pelits tal-injam fl-UE f'tunnellati mnixxfa
|
|
(58) |
L-Illustrazzjoni 5 turi kif l-importazzjonijiet tal-pelits fl-Unjoni żdiedu minn 1,8 miljun tunnellata mnixxfa fl-2009 għal 3,2 miljun tunnellata mnixxfa fl-2011. Fl-2012 l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni kienu jammontaw għal madwar erba' miljun tunnellata mnixxfa u l-importazzjonijiet huma mistennija li jiżdiedu fis-snin li ġejjin. Fl-2014 l-importazzjonijiet tal-pelits tal-injam mix-Xlokk tal-Istati Uniti lejn l-Unjoni kienu jammontaw għal madwar 7,3 miljun tunnellata mnixxfa (24). Illustrazzjoni 5 L-importazzjoni ta' pelits tal-injam fl-UE f'tunnellati mnixxfa
(sors: Dejta tar-Renju Unit) |
|
(59) |
Ir-Renju Unit iċċara wkoll li l-parti l-kbira tal-provvista ta' pelits disponibbli attwalment tinxtara taħt kuntratti nnegozjati b'mod individwali (li normalment idumu bejn ħames u għaxar snin). Is-suq spot tal-pelits tal-injam jirrappreżenta proporzjon vera limitat tal-provvista globali ta' pelits tal-injam. L-imtieħen tal-pelits jistgħu jinbnew fi 18 sa 30 xahar u, potenzjalment, appoġġjati minn kuntratt ta' forniment fit-tul. Minħabba l-ftit ostakoli għall-parteċipanti ġodda fis-suq, l-awtoritajiet tar-Renju Unit isostnu li s-suq tal-pelits tal-injam jista' jakkomoda ż-żieda fid-domanda meħtieġa għall-provvista lil Lynemouth. |
|
(60) |
Biex isostni dan il-punt, ir-Renju Unit qabbel il-konsum tal-pelits fl-Unjoni mal-prezz spot fix-Xlokk tal-Istati Uniti. Kif jidher fl-Illustrazzjoni 5, l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni mix-Xlokk tal-Istati Uniti rduppjaw mill-2009 sal-2011. Matul dan il-perjodu, il-prezzijiet fuq is-suq spot ma nbidlux sostanzjalment minkejja ż-żieda fl-importazzjonijiet fl-Unjoni kif muri fl-Illustrazzjoni 6. Illustrazzjoni 6 Il-Konsum tal-Pelits tal-Injam u l-Prezzijiet Spot tal-Pelits tal-Injam tax-Xlokk tal-Istati Uniti FOB (2009-2013) (…) (*1) |
|
(61) |
Ir-Renju Unit ipprovda wkoll dejta dwar il-katina ta' provvista proposta. Lynemouth qed jippjana li jġib madwar [60 %–80 %] tal-pelits meħtieġa mix-Xlokk tal-Istati Uniti. Madwar [5 %–20 %] se jiġu minn Stati Membri oħra, u l-bqija mill-Punent tal-Kanada. Lynemouth identifika […] fornituri possibbli, li minnhom […] fi […] Stati differenti fix-Xlokk tal-Istati Uniti u […] fl-Ewropa. Lynemouth ma għandux intenzjoni li jġib xi bijomassa mir-Renju Unit. |
|
(62) |
Skont ir-Renju Unit, l-ispjegazzjoni għaż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima hija n-nuqqas ta' residwi tas-segeriji. Ir-Renju Unit spjega li r-residwi tal-imtieħen huma prodotti fi kwantitajiet kbar waqt l-ipproċessar tal-injam għat-tqattigħ u jistgħu jintużaw għall-produzzjoni tal-pelits tal-injam kif ukoll għal użi oħrajn. Madankollu, id-disponibbiltà tar-residwi tas-segeriji hija limitata u marbuta mal-produzzjoni tal-injam għat-tqattigħ. Skont ir-Renju Unit, is-settur tal-bini tal-Istati Uniti ma rkuprax għal kollox mill-kriżi finanzjarja. Tnaqqis fil-proġetti residenzjali ġodda u fil-produzzjoni tal-injam għat-tqattigħ inaqqas il-provvista disponibbli ta' residwi tal-imtieħen li jistgħu jintużaw għall-produzzjoni tal-polpa u tal-pelits tal-injam. Fil-fehma tar-Renju Unit, l-iskarsezza ta' residwi tas-segeriji tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għaż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima. |
|
(63) |
Biex isostnu dan l-argument, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jgħidu li ż-żieda fil-prezz tal-materja prima fis-swieq lokali mhijiex korrelatata maż-żieda fil-produzzjoni tal-pelits. Il-Illustrazzjoni 7 turi ż-żieda fil-prezz fis-swieq lokali tal-Istati Uniti mit-tieni kwart tal-2013 sal-ewwel kwart tal-2015, u tindika liema swieq raw żieda sinifikanti fil-produzzjoni tal-pelits. Illustrazzjoni 7 Żieda fil-prezzijiet tal-injam tal-arżnu mhux maqtugħ fis-swieq lokali tal-Istati Uniti, mit-tieni trimestru tal-2013 sal-ewwel trimestru tal-2015 (…) (*1) |
|
(64) |
Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit ikkonferma li, permezz ta' emenda fid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt, l-impjant ta' Lynemouth jista' jkun meħtieġ jemenda l-kriterji ta' sostenibbiltà deskritti fil-premessa 24, pereżempju f'każ ta' xi kriterji ta' sostenibbiltà Ewropej obbligatorji fil-futur għall-bijomassa solida. |
5. VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA
|
(65) |
Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE “kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti oġġetti, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri”. |
|
(66) |
Kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tad-19 ta' Frar 2015, il-benefiċjarju se jirċievi għajnuna operattiva fil-forma ta' primjum varjabbli (ara l-premessi 16 sa 19 aktar 'il fuq) mill-kontroparti li hi proprjetà tal-Gvern tar-Renju Unit, il-Low Carbon Contracts Company Ltd, għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Il-miżura tiffavorixxi l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli (f'dan il-każ mill-bijomassa) mill-benefiċjarju magħżul. L-elettriku huwa nnegozjat b'mod wiesa' bejn l-Istati Membri. Din il-miżura notifikata tista' għalhekk toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq tal-elettriku u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-impjant se jikkompeti għall-fjuwil mill-bijomassa fis-suq tal-materja prima. B'mod aktar speċifiku, minħabba nuqqas ta' riżorsi ta' forestrija lokali suffiċjenti, il-parti l-kbira tal-bijomassa meħtieġa sabiex jitħaddem l-impjant se tkun importata minn barra l-pajjiż (ara l-premessa 61). |
|
(67) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura nnotifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107 tat-Trattat (25). |
5.1. Il-legalità tal-għajnuna
|
(68) |
Skont l-informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit, il-Kummissjoni tinnota li ma ttieħdet ebda deċiżjoni finali ta' investiment. Mhux se jsiru pagamenti qabel ma tinkiseb l-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni tikkunsidra għalhekk li r-Renju Unit issodisfa l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 108(3) TFUE. |
5.2. Il-kompatibbiltà tal-għajnuna
|
(69) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-miżura notifikata għandha l-għan li tippromwovi l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli, partikolarment mill-bijomassa. Il-miżura notifikata taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014–2020 (EEAG) (26). Għaldaqstant il-Kummissjoni vvalutat il-miżura nnotifikata abbażi tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta' kompatibbiltà tal-EEAG (stipulati fit-Taqsima 3.2 tal-EEAG) u abbażi tal-kriterji speċifiċi ta' kompatibbiltà għall-għajnuna operattiva mogħtija għall-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli (it-Taqsima 3.3.2.1 tal-EEAG). |
5.2.1. Għan ta' interess komuni
|
(70) |
Kif ikkonkludiet fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni tinnota li l-għan tal-miżura ta' għajnuna notifikata huwa li tgħin lir-Renju Unit jilħaq il-miri ta' enerġija rinnovabbli u l-objettivi ta' tnaqqis ta' CO2 stipulati mill-UE bħala parti mill-istrateġija tal-UE għall-2020 (27). Kif deskritt fil-premessa 10 aktar 'il fuq, skont l-istimi mir-Renju Unit, l-impjant huwa mistenni li jiġġenera madwar 2,3 TWh ta' elettriku rinnovabbli b'iffrankar ta' 17,7-il miljun tunnellata ta' CO2. Għaldaqstant, f'konformità mal-paragrafi 30, 31 u 33(a) tal-EEAG, ir-Renju Unit ipprovda b'mod espliċitu l-iffrankar mistenni ta' CO2 u l-enerġija rinnovabbli mistennija mill-proġett. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura ta' għajnuna nnotifikata hija mmirata lejn objettiv ta' interess komuni skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat. |
|
(71) |
L-organizzazzjonijiet ambjentali u Steptoe & Johnson qajmu tħassib dwar l-effetti ambjentali tal-proġett. Ir-Renju Unit ikkonferma li l-għajnuna tingħata biss għall-bijomassa li tissodisfa d-definizzjonijiet stipulati fl-EEAG (ara l-premessa 6 tal-EEAG). Il-Kummissjoni tfakkar li l-għajnuna se tissodisfa l-objettivi ambjentali stipulati fil-premessa 69 u għaldaqstant tissodisfa t-test ambjentali li jrid jittieħed għall-finijiet ta' kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Minbarra li jissodisfa dan it-test rilevanti għall-għajnuna mill-Istat, l-impjant se jkollu jirrispetta l-leġiżlazzjoni ambjentali applikabbli kollha, b'mod partikolari rigward l-impatti fuq it-tniġġis tal-arja. L-impjant huwa suġġett għad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28) li tistabbilixxi l-limiti għall-NOx, SO2 u għall-emissjonijiet ta' partiċelli minn impjanti kbar tal-kombustjoni, u jrid ikun ukoll konformi magħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-pelits tal-injam użati minn Lynemouth ikollhom jissodisfaw il-kriterji ta' sostenibbiltà tar-Renju Unit. Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit dawn il-kriterji, inkluż l-iffrankar minimu ta' CO2 huwa kkalkulat fuq bażi ta' ċiklu tal-ħajja. Il-kriterji ta' sostenibbiltà tar-Renju Unit jinkludu wkoll dispożizzjonijiet sabiex jiġu evitati effetti ambjentali ħżiena oħrajn (bħat-telf tal-bijodiversità). |
5.2.2. Il-ħtieġa ta' intervent mill-Istat, l-effett ta' inċentiv u l-adegwatezza tal-għajnuna
|
(72) |
Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li l-għajnuna hija meħtieġa, għandha effett ta' inċentiv u hija xierqa. B'mod partikolari, b'referenza għall-paragrafi 38, 107 u 115 tal-EEAG, il-Kummissjoni tinnota li n-nuqqasijiet tas-suq (jiġifieri n-nuqqas li jiġu inklużi esternalitajiet iġġenerati mill-użu ta' fjuwils fossili fil-prezz tal-enerġija) mhumiex indirizzati biżżejjed mill-qafas politiku eżistenti u mingħajr l-għajnuna operatorja li qed tiġi vvalutata, l-proġett ma jkunx finanzjarjament vijabbli. |
|
(73) |
B'referenza għall-paragrafi 49 u 58 tal-EEAG, ir-Renju Unit wera li l-kostijiet livellati tal-elettriku huma ogħla sew mill-prezz mistenni tas-suq tal-elettriku u l-awtoritajiet tar-Renju Unit ipprovdew analiżi finanzjarja li turi li mingħajr l-għajnuna li qed tiġi vvalutata, l-IRR tal-proġett tkun negattiva. F'sitwazzjoni bħal din, l-atturi tas-suq ma jkunux iridu jinvestu fil-proġett tal-bijomassa. Għaldaqstant l-għajnuna tibdel l-imġiba tal-benefiċjarju. Ir-Renju Unit ikkonferma li l-benefiċjarju kien meħtieġ jissottometti applikazzjonijiet u li dawn kienu sottomessi qabel ma beda x-xogħol fuq il-proġett (il-paragrafu 51 tal-EEAG). |
|
(74) |
B'referenza b'mod partikolari għall-paragrafi 40 u 116 tal-EEAG, ir-Renju Unit wera li l-għajnuna hija strument xieraq. Kif spjegat fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-kostijiet livellati tal-elettriku huma ogħla mill-prezz mistenni tas-suq tal-elettriku u l-IRR mistennija mingħajr l-għajnuna mill-Istat tkun negattiva. Sabiex jirrimedja għan-nuqqas ta' dħul għall-proġett speċifiku, ir-Renju Unit jagħti għajnuna mill-Istat li hija partikolarment immirata lejn il-proġett speċifiku u li tindirizza l-ħtiġijiet biex il-proġett isir mingħajr ma tinqabeż l-IRR mistennija (pereż., fir-rati hurdle deskritti fil-punt 18 hawn fuq). B'mod partikolari, il-proġett ta' Lynemouth intgħażel fost diversi oħrajn bl-iskop li jintlaħqu l-miri tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli (ara l-premessa 7 aktar 'il fuq) u ngħata l-għajnuna operattiva fil-forma ta' CfD. Fid-deċiżjoni tagħha dwar il-Każ SA.36196 (29) (Ir-Riforma tas-Suq tal-Elettriku — Kuntratt għad-Differenza tal-Enerġija Rinnovabbli) il-Kummissjoni kkonkludiet li s-CfD huwa strument xieraq biex jintlaħaq l-għan ta' interess komuni. |
|
(75) |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna għall-proġett notifikat hija meħtieġa, għandha effett ta' inċentiv u hija mogħtija permezz ta' strument xieraq. |
5.2.3. Proporzjonalità
|
(76) |
Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar kemm l-għajnuna hija proporzjonata (ara l-premessa 28 aktar 'il fuq). Il-Kummissjoni tfakkar li r-Renju Unit ikkalkula l-Kost Livellat Tal-Elettriku (Levelised Cost Of Electricity — LCOE) għal proġett tal-bijomassa bħal dan, fuq il-bażi ta' IRR ta' 10 %, għal mill-inqas 105 GBP/MWh (ara l-premessa 19). Il-Kummissjoni tqis l-LCOE bħala xieraq, kif diġà kien ikkonfermat f'deċiżjonijiet preċedenti (30). Ir-Renju Unit wera li l-għajnuna għal kull unità ta' enerġija ma taqbiżx id-differenza bejn l-LCOE u l-prezz mistenni tas-suq tal-elettriku, peress li l-prezz tal-eżerċitar (li jirrifletti l-prezz tas-suq flimkien mal-primjum) ma jaqbiżx l-LCOE (31). Barra minn hekk, ir-Renju Unit ikkonferma li l-għajnuna se tingħata sakemm l-investiment huwa deprezzat skont ir-regoli ta' kontabilità normali. |
|
(77) |
Ir-rata hurdle għall-proġett hija bejn 8,8 % u 12,7 % fuq bażi reali ta' qabel it-taxxa kif deskritta fil-premessa 18 aktar 'il fuq u aċċettata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Din kienet konformi mar-rati preċedentement approvati mill-Kummissjoni għall-proġetti ta' bijomassa fir-Renju Unit (32). Il-Kummissjoni se tivvaluta jekk l-IRR tal-proġett tirrispettax ir-rata hurdle. |
|
(78) |
Wara d-Deċiżjoni tal-Ftuħ, ir-Renju Unit ippreżenta informazzjoni aġġornata dwar il-proġett li turi li l-IRR għall-proġett ta' Lynemouth hija konsiderevolment aktar baxxa meta mqabbel man-notifika, minħabba t-telf ta' madwar sena sussidju, spejjeż ogħla ta' kapital, it-tneħħija tal-eżenzjoni mill-Imposta tat-Tibdil fil-Klima u żviluppi sfavorevoli fir-rata tal-kambju. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tar-Renju Unit aġġornaw b'mod favorevoli wieħed mill-parametri operattivi, jiġifieri l-fattur tat-tagħbija. |
|
(79) |
Skont il-kalkolu finanzjarju ppreżentat, l-IRR għall-proġett issa hija madwar [3 %–8 %] fuq bażi reali qabel it-taxxa li hija sew taħt ir-rata hurdle u għalhekk diġà hija indikazzjoni tan-nuqqas ta' kumpens żejjed. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-parametri operattivi, bħal pereżempju l-effiċjenza termali medja, il-fattur tat-tagħbija u l-kost tal-fjuwil jistgħu xorta waħda jvarjaw. |
|
(80) |
Fid-dawl ta' dan, ir-Renju Unit ipprovda dejta li turi li l-effiċjenza termali tal-impjanti tal-faħam mitħun hija madwar 36 % u l-informazzjoni tas-suq tissuġġerixxi li dan it-tip ta' proġett ta' konverżjoni għall-bijomassa jista' jilħaq effiċjenza termali ta' madwar 38 % sa 39 %. Għaldaqstant ma jidhirx li żieda ta' 10 % tal-effiċjenza termali kif kienet riflessa fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ hija realistika. |
|
(81) |
Kif stabbilit aktar 'il fuq, il-fattur tat-tagħbija tal-proġett (ara l-premessa 12) ittella' għal 77 % fuq il-bażi ta' analiżi ta' dejta minn impjanti oħrajn tal-bijomassa riveduta mir-Renju Unit wara d-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Barra minn hekk, l-informazzjoni ppreżentata mir-Renju Unit tindika li l-fattur tat-tagħbija nett għal dan it-tip ta' impjant ma jaqbiżx madwar 80 % (33). |
|
(82) |
Rigward il-kost tal-fjuwil, ir-Renju Unit spjega fid-dettall il-kost biex jiġu assigurati provvisti suffiċjenti ta' pelits tal-injam. Id-dokumentazzjoni pprovduta ġiet ivverifikata minn esperti indipendenti u tinkludi tqassim dettaljat tal-elementi ewlenin tal-kost fil-katina ta' forniment ta' Lynemouth fosthom l-ispejjeż tal-manifatturar, it-trasport u l-loġistika (inklużi l-ispejjeż assoċjati mal-immodernizzar tal-faċilitajiet tal-port meħtieġa minn Lynemouth). Abbażi tal-ispjegazzjoni mogħtija, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kost tal-fjuwil ta' 7,17 GBP/GJ huwa stima raġonevoli tal-kost mistenni tal-fjuwil. |
|
(83) |
L-IRR kienet stmata fuq li kieku l-effiċjenza termali u l-fattur tat-tagħbija kellhom jiżdiedu b'5 %, u l-kost tal-fjuwil kellu jinżel b'5 %. Bidliet ta' dan il-kobor huma meqjusa konsistenti mal-meded realistiċi tal-parametri operattivi kif diskuss fil-premessi 79 sa 81. Bidliet kumulattivi bħal dawn iżidu l-IRR (bażi reali qabel it-taxxa) minn madwar [3 %–8 %] għal […]. Dan il-valur huwa fil-medda tar-rati hurdle previsti mir-Renju Unit. |
|
(84) |
Fid-dawl ta' dan li ntqal il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna ma twassalx għal kumpens żejjed. Għaldaqstant, il-miżura notifikata hija proporzjonata biex jintlaħaq l-objettiv ta' interess komuni. |
5.2.4. L-evitar ta' effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ
|
(85) |
Fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta' għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi li “l-effetti negattivi tal-miżura ta' għajnuna f'termini ta' distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jridu jkunu limitati u ssuperati mill-effetti pożittivi f'termini ta' kontribut lejn l-objettiv ta' interess komuni” (ara l-paragrafu 88 tal-EEAG). |
|
(86) |
B'referenza għall-pararafi 94-96 tal-EEAG, il-Kummissjoni ssib li l-miżura ma twassalx għal effetti negattivi lampanti, peress li l-għajnuna hija proporzjonata u ma twassalx purament għal rilokazzjoni tal-attività mingħajr effett ambjentali. L-għajnuna se tgħin lill-proġett ta' Lynemouth jikkonverti mill-faħam għall-bijomassa li jwassal għal iffrankar ta' CO2 (ara l-premessa 10 aktar 'il fuq). |
|
(87) |
Fl-evalwazzjoni tagħha tal-effetti negattivi tal-miżura ta' għajnuna, il-Kummissjoni tiffoka fuq id-distorsjonijiet li jirriżultaw mill-impatt previst li l-għajnuna għandha fuq il-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti milquta u l-post tal-attività ekonomika (ara l-paragrafu 97 tal-EEAG). Peress li l-għajnuna hija mogħtija għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli, is-suq tal-prodott affettwat huwa s-suq tal-elettriku. |
|
(88) |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni tfakkar is-sehem mis-suq limitat tal-benefiċjarju (0,7 % tas-suq tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tar-Renju Unit). It-tieni, b'referenza għall-paragrafu 101 tal-EEAG, il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-proġett jikkonsisti f'modifika fuq impjant tal-enerġija eżistenti li jaħdem bil-faħam u li għalhekk ma għandux iwassal għal effetti negattivi bħal pereżempju t-tisħiħ tal-poter fis-suq tal-benefiċjarju. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura ma jkollha l-ebda impatt sinifikanti fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fir-Renju Unit. |
|
(89) |
Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-proġett joħloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq tal-pelits tal-injam u aktar upstream fis-suq tal-materja prima sa punt kuntrarju għall-interess komuni. Fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi ta' dan il-proġett notifikat separatament, il-Kummissjoni estendiet l-analiżi għall-efetti indiretti fuq is-swieq sekondarji. |
5.2.5. Distorsjoni fis-suq tal-pelits tal-injam
|
(90) |
Il-Kummissjoni tfakkar l-ewwel li l-impjant ta' Lynemouth se jkun jista' juża biss pelits tal-injam ta' kwalità industrijali. Filwaqt li ċerti impjanti jkunu jistgħu parzjalment jissostitwixxu l-pelits tal-injam bi fjuwils oħrajn, mhuwiex mistenni li l-impjant ta' Lynemouth se jkun jista' jissostitwixxi l-pelits tal-injam bi prodott ieħor minħabba kif inhu mfassal. Għall-finijiet tal-analiżi tal-kobor ta' distorsjoni fil-kompetizzjoni tal-proġett, is-suq tal-pelits tal-injam industrijali huwa s-suq tal-prodott adattat. |
|
(91) |
Dejta pprovduta mir-Renju Unit (ara l-Illustrazzjoni 4) turi li l-pelits tal-injam huma kummerċjalizzati bejn l-oqsma ewlenin ta' produzzjoni u ta' konsum. Barra minn hekk, il-flussi tal-kummerċ żdiedu b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin (aktar minn 40 % f'sena). Barra minn hekk, ir-Renju Unit ipprovda dejta li l-importazzjonijiet ta' pelits tal-injam fl-UE mix-Xlokk tal-Istati Uniti rduppjaw mill-2009 sal-2011 (kif jidher fil-Illustrazzjoni 5). |
|
(92) |
Għaldaqstant, abbażi tal-flussi ta' kummerċ u l-volum tal-importazzjonijiet fl-Unjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-suq tal-pelits tal-injam mhuwiex limitat għal Stat Membru wieħed jew għall-Unjoni, iżda jinħtieġ li jiġi meqjus bħala suq globali għall-valutazzjoni tad-distorsjonijiet fis-suq rigward is-suq tal-pelits tal-injam. |
|
(93) |
Fl-2014, is-suq globali tal-pelits tal-injam kiber tant li laħaq is-27 miljun tunnellata mnixxfa. Il-konsum Ewropew ta' pelits tal-injam irdoppja bejn l-2009 u l-2012 (kif jidher fil-Illustrazzjoni 5). Minkejja din iż-żieda, id-dejta fil-Illustrazzjoni 6 turi li l-prezzijiet fuq is-suq spot ma nbidlux b'mod sinifikanti. |
|
(94) |
Barra minn hekk, mill-informazzjoni ppreżentata bi tweġiba għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni tinnota li l-parti l-kbira tal-provvista tal-pelits tal-injam hija attwalment mixtrija taħt kuntratti fit-tul innegozjati individwalment. L-imtieħen tal-pelits jistgħu jinbnew fi żmien sentejn ladarba (jew qabel) kuntratti ġodda jiġu ffirmati u l-bejgħ ikun assigurat. Għaldaqstant, l-ostakoli tas-suq għal faċilitajiet ġodda ta' produzzjoni jidhru li huma baxxi. Iż-żieda reċenti fil-kapaċità ta' produzzjoni tal-pelits fix-Xlokk tal-Istati Uniti u l-Unjoni (34) tappoġġja din l-osservazzjoni. |
|
(95) |
L-ammont ta' pelits tal-injam meħtieġa minn Lynemouth jirrappreżenta madwar 5,5 % tas-suq globali tal-pelits tal-injam fl-2014. Dan huwa sostanzjalment inqas mis-7,4 % stmati fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ ibbażati fuq dejta tal-2012. Fid-dawl tal-fatt li l-imtieħen il-ġodda tal-pelits jistgħu jinbnew xi ftit jew wisq b'mod parallel mal-proġett ta' konverżjoni f'termini ta' żmien (ara l-premessi 59 u 60), jista' jkun antiċipat li se tkun disponibbli kapaċità addizzjonali għal domanda addizzjonali kif ikkonfermat mill-katina ta' provvista prevista għall-proġett. |
|
(96) |
Barra minn hekk, jekk wieħed iħares lejn il-passat, il-livelli ta' importazzjonijiet u ta' konsum żdiedu b'ritmu mgħaġġel fl-Unjoni li huwa indikatur ieħor li s-suq tal-pelits tal-injam jista' jassorbi żidiet kbar fid-domanda għal pelits tal-injam. Wieħed jinnota wkoll li l-prezz spot fix-Xlokk tal-Istati Uniti, iż-żona ewlenija minn fejn il-proġett huwa antiċipat li se jġib l-pelits tal-injam, ma nbidilx b'mod sinifikanti (Illustrazzjoni 6) filwaqt li l-importazzjonijiet fl-Unjoni minn dak ir-reġjun żdiedu (Illustrazzjoni 5). |
|
(97) |
L-analiżi turi li s-suq għall-pelits tal-injam huwa globali u jista' jissodisfa tkabbir fid-domanda ta' pelits tal-injam kif mistenni li jirriżulta mill-proġett. Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna ma taffettwax ħażin il-kundizzjonijiet tal-kummerċ fis-suq tal-pelits tal-injam sa punt kuntrarju għall-interess komuni (iffrankar ta' CO2 u ġenerazzjoni akbar ta' elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli). |
5.2.6. Distorsjoni fis-suq tal-materja prima
|
(98) |
Il-Kummissjoni nnutat fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ (ara l-premessa 75 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ) li żieda fid-domanda għall-pelits tal-injam tista' twassal għal aktar distorsjonijiet fis-suq tal-materja prima (jiġifieri s-suq tal-fibra tal-injam). F'dan ir-rigward huwa mfakkar li l-għajnuna hija mogħtija għall-MWh tal-elettriku prodott mill-impjant ta' Lynemouth. Id-distorsjonijiet potenzjali fis-suq tal-pelits tal-injam u fis-suq tal-materja prima mhumiex ikkawżati minn sussidji diretti għall-pelits tal-injam jew għall-materja prima iżda miż-żieda fid-domanda ta' fjuwil għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Barra minn hekk, l-effetti fuq is-suq tal-materja prima huma indiretti meta mqabbla mad-distorsjonijiet fis-suq tal-pelits tal-injam. |
|
(99) |
Filwaqt li l-pelits jistgħu jkunu ttrasportati barra l-pajjiż, għal raġunijiet ekonomiċi, il-materja prima użata mill-industrija tal-pelits tal-injam normalment tista' tiġi ttrasportata biss fuq distanzi limitati. L-impjanti ta' manifattura ta' prodotti tal-injam artab nofshom lesti jġibu l-provvista tal-injam minn distanza medja ta' madwar 100 km sa 150 km (imsejħa l-medda ta' attività tal-impjant). Biex wieħed jivvaluta l-impatt ta' dawk l-impjanti fuq il-kompetizzjoni, għaldaqstant jinħtieġ li jiġi ddeterminat minn liema suq lokali se jinxtraw jew aktarx li jinxtraw il-pelits tal-injam. |
|
(100) |
Kif spjegat fil-premessa 11 aktar 'il fuq, l-impjant ta' Lynemouth għandu jġib [60 %–80 %] tal-fjuwil kollu ta' pelits tal-injam meħtieġ mix-Xlokk tal-Istati Uniti. Madwar [5 %–20 %] sa 15 % se jinġieb minn Stati Membri oħrajn. Dan jimplika li madwar […] miljun tunnellata mnixxfa fis-sena se jinġiebu mingħand madwar 16-il fornitur differenti minn Stati Membri oħrajn. Dan jammonta għal madwar […] tal-konsum ta' pelits tal-injam fl-UE (ara l-Illustrazzjoni 6). Barra minn hekk, il-proġett ta' Lynemouth ma għandux intenzjoni li jġib pelits mir-Renju Unit. Għaldaqstant huwa improbabbli li l-proġett se jżid il-prezzijiet tal-materja prima fis-suq tar-Renju Unit jew tal-Unjoni Ewropea kif iddikjarat mill-EPF u d-WPF rispettivament. Għaldaqstant, il-miżura mhijiex mistennija li twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bla bżonn fl-Unjoni. Peress li l-parti l-kbira tal-pelits tal-injam tinxtara minn barra l-Unjoni u s-suq għall-materja prima huwa lokali, l-effetti jseħħu barra l-Unjoni. |
|
(101) |
Madwar [10 %–30 %] tal-pelits tal-injam meħtieġa se jinxtraw mill-Kanada. Il-provvisti potenzjali mill-Kanada huma meqjusa li huma ferm ogħla milli mill-Ewropa. Id-dejta ppreżentata mill-Assoċjazzjoni Kanadiża tal-Pelits stmat eċċess ta' 14-il miljun tunnellata mnixxfa ta' bijomassa fil-Punent tal-Kanada. Ix-xiri mill-Kanada jammonta għal […] tal-eċċess stmat. Għaldaqstant, il-proġett mhuwiex mistenni li se jikkawża impatt bla bżonn fuq is-suq Kanadiż fir-rigward tal-materja prima għall-pelits tal-injam. |
|
(102) |
Il-parti l-kbira tal-provvista għall-proġett se tkun importata mix-Xlokk tal-Istati Uniti. Għaldaqstant, l-investigazzjoni tad-distorsjonijiet potenzjali tas-suq fis-suq tal-materja prima (fibra tal-injam) tiffoka fuq dak ir-reġjun. |
|
(103) |
Lynemouth se jimporta madwar żewġ miljun TKN (ekwivalenti għal madwar 0,9 miljun tunnellata mnixxfa) mix-Xlokk tal-Istati Uniti. Dan jammonta għal 1,7 % tal-provvista sħiħa ta' njam artab fl-2011 fix-Xlokk tal-Istati Uniti u 0,9 % tal-assorbiment totali fl-istess sena f'dak ir-reġjun. Dawn il-perċentwali baxxi waħedhom ma jagħtux indikazzjonijiet qawwija ta' distorsjonijiet bla bżonn fis-suq tal-materja prima. B'mod partikolari, l-impatt ma jwassalx għal distorsjonijiet bla bżonn fis-suq, jekk wieħed jikkunsidra l-assorbiment totali. Barra minn hekk, dawn iċ-ċifri jieħdu inkunsiderazzjoni biss l-injam artab u ma jikkunsidrawx materjal ieħor ta' produzzjoni bħall-qtugħ tas-siġar għall-injam u r-residwi tas-segeriji li wkoll jistgħu, sa ċertu punt, jintużaw biex jiġu prodotti l-pelits tal-injam. |
|
(104) |
Madankollu, ċerti partijiet terzi sostnew li ż-żieda fil-produzzjoni tal-pelits ikkawżat żieda fil-prezzijiet tal-materja prima (injam artab) fix-Xlokk tal-Istati Uniti. B'mod partikolari, Steptoe & Johnson u AFPA ssottomettew dejta li turi żieda fil-prezz fil-perjodu ta' bejn l-2011 u l-2014. L-istess dejta, iżda fuq perjodu itwal ġiet sottomessa mill-Assoċjazzjoni Amerikana tal-Pelits Industrijali (Illustrazzjoni 3). |
|
(105) |
Il-Kummissjoni tinnota li, kif muri fil-Illustrazzjoni 2, il-prezz medju tal-materja prima (injam mhux maqtugħ) fix-Xlokk tal-Istati Uniti mhuwiex barra l-medda storika. Għaldaqstant, iż-żieda fil-prezzijiet mill-2011 ma tidhirx mhux tas-soltu. Fl-2010 il-prezzijiet kienu saħansitra ogħla, allegatament minħabba kwistjonijiet ta' temp. |
|
(106) |
Barra minn hekk, ir-Renju Unit sostna li s-suq tal-Istati Uniti kien għadu affettwat mit-tnaqqis fid-domanda wara l-kriżi finanzjarja. B'mod partikolari l-produzzjoni tal-injam għat-tqattigħ tnaqqset b'madwar 57 miljun TKN meta mqabbla mal-2005. Kieku din il-kwantità tkun disponibbli, din tiġġenera madwar 28-19-il miljun TKN ta' residwi li jistgħu jservu bħala sors għall-pelits tal-injam jew prodotti f'kompetizzjoni. Barra minn hekk, ir-Renju Unit jiddikjara li ma hemm ebda korrelazzjoni bejn iż-żoni bi produzzjoni qawwija ta' pelits u ż-żieda fil-prezzijiet tal-injam artab fis-swieq lokali (Illustrazzjoni 7). |
|
(107) |
Tabilħaqq, id-dejta fl-Illustrazzjoni 1 turi li volumi akbar ta' njam għat-tqattigħ, u allura residwi, kienu disponibbli qabel l-2008. Disponibbiltà aktar limitata ta' residwi setgħet għalhekk affettwat ħażin il-prezz tal-injam artab. Barra minn hekk, ir-Renju Unit wera li produzzjoni qawwija ta' pelits mhijiex neċessarjament relatata ma' żidiet fil-prezz tal-materja prima (ara l-premessa 63 aktar 'il fuq). |
|
(108) |
Kif stabbilit aktar 'il fuq (ara l-premessa 62 aktar 'il fuq), il-prezz tal-injam artab huwa affettwat minn elementi bħall-kundizzjonijiet tat-temp, id-disponibbiltà tar-residwi (marbuta mas-suq tal-injam għat-tqattigħ) u fil-passat kienu osservati wkoll ċaqliq fil-prezzijiet. Barra minn hekk, iż-żidiet fil-prezzijiet u t-tnaqqis fil-prezzijiet iseħħu kemm f'żoni bi produzzjoni ta' pelits qawwija kif ukoll dgħajfa. Għaldaqstant, id-domanda indiretta għall-materja prima li tirriżulta mill-proġett ta' Lynemouth mhijiex mistennija li twassal għal distorsjonijiet bla bżonn fis-suq. |
|
(109) |
Il-partijiet interessati ppreżentaw ukoll studju teoretiku li joffri mudell tal-effetti possibbli ta' xenarji futuri b'penetrazzjoni għolja ta' bijoenerġija. L-istudju ma jivvalutax l-impatt tal-proġett ta' Lynemouth fuq is-suq, iżda jivvaluta l-effett tad-domanda globali tal-bijomassa mistennija bl-ikkunsidrar ta' politiki eżistenti u futuri. Madankollu huwa inċert sa fejn il-pjanijiet futuri għall-bijomassa se jseħħu u jekk iva taħt liema kundizzjonijiet u minn liema reġjuni se tinxtara effettivament il-bijomassa. Għaldaqstant l-istudju ma jibdilx il-konklużjonijiet dwar l-impatt potenzjali tal-proġett ta' Lynemouth, peress li jindirizza b'mod partikolari l-effetti potenzjali ta' żviluppi futuri. |
|
(110) |
Finalment, skont id-dejta ppreżentata mir-Renju Unit, Lynemouth għandu l-intenzjoni li jixtri l-bijomassa minn madwar […] imtieħen tal-produzzjoni fi […] Stat fix-Xlokk tal-Istati Uniti. Id-diversifikazzjoni tal-katina ta' forniment se ttaffi wkoll kwalunkwe riskju ta' distorsjoni fis-swieq lokali. |
|
(111) |
Il-Kummissjoni għaldaqstant tikkonkludi li l-miżura mhijiex mistennija li se twassal għal distorsjonijiet bla bżonn fis-suq tal-materja prima. F'dan ir-rigward, tajjeb li jitfakkar li l-għajnuna hija mogħtija għall-produzzjoni tal-elettriku mill-bijomassa solida, u kwalunkwe effett tal-għajnuna jkun b'mod indirett fir-rigward tal-akkwist ta' materja prima użata mill-industrija tal-pelits tal-injam. |
5.2.7. Test ta' bbilanċjar
|
(112) |
Kif stipulat fil-paragrafu 97 tal-EEAG, jekk il-miżuri ta' għajnuna mill-Istat ikunu mmirati tajjeb għall-falliment tas-suq li għandhom l-għan jindirizzaw, ir-riskju li l-għajnuna toħloq distorsjoni bla bżonn għall-kompetizzjoni jkun aktar limitat. Il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna hija direttament immirata għall-kisba tal-miri ta' enerġija rinnovabbli u għat-tnaqqis tas-CO2 b'mod proporzjonat u xieraq. Għaldaqstant ir-riskju ta' distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni huwa aktar limitat. Kif stabbilit fil-premessa 110 aktar 'il fuq, il-Kummissjoni ma sabitx distorsjonijiet bla bżonn fis-suq tal-prodott affettwat (pelits tal-injam). Barra minn hekk, ma nstabet ebda distorsjoni fis-swieq upstream (materja prima). |
|
(113) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni trid tevalwa jekk il-miżura toħloqx distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u sa fejn din taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. L-effetti fis-suq tal-materja prima huma lokali u jseħħu l-aktar barra l-Ewropa peress li l-pelits tal-injam huma importati. Għaldaqstant l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fi kwalunkwe każ ikunu limitat. |
|
(114) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-effetti negattivi tal-għajnuna fuq il-proġett ta' Lynemouth f'termini ta' distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri huma limitati u ssuperati mill-effetti pożittivi f'termini ta' kontribut lejn l-objettiv ta' interess komuni (il-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u t-tnaqqis ta' CO2 fil-ġenerazzjoni tal-elettriku), biex b'hekk il-bilanċ globali jkun pożittiv. |
5.2.8. Aspetti oħrajn — Konformità mal-Artikolu 30 u 110 tat-TFUE.
|
(115) |
Fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar is-CfD għall-Enerġija Rinnovabbli (SA.36196) u d-deċiżjoni rigward l-għajnuna FIDeR lil ħames proġetti eoliċi fuq il-baħar (SA.38758, SA.38759, SA.38761, SA.38763 u SA.38812) u lil impjant tal-bijomassa CHP (SA.38796), ir-Renju Unit intrabat li se jaġġusta l-mod li bih ir-responsabbiltajiet tal-fornituri tal-elettriku għall-pagamenti ta' CfD jkunu kkalkolati biex l-elettriku rinnovabbli eliġibbli ġġenerat fl-Istati Membri tal-UE barra r-Renju Unit u fornut lill-klijenti fir-Renju Unit, ma jkunx magħdud mal-ishma tas-suq tal-fornituri. |
|
(116) |
Ir-Renju Unit se jiżgura li ebda pagament ta' CfD ma jsir qabel din l-eżenzjoni tkun stabbilita, jew jekk dan mhuwiex possibbli r-Renju Unit se jistabbilixxi mekkaniżmu biex jirrimborża lill-fornituri għal kwalunkwe elettriku rinnovabbli importat eliġibbli fornut qabel l-eżenzjoni tidħol fis-seħħ iżda wara li jkunu bdew jitħallsu l-pagamenti tas-CfD. |
|
(117) |
L-impenn imsemmi fil-premessa 114 se japplika wkoll għall-miżura notifikata. |
|
(118) |
Fid-dawl tal-impenn imsemmi fil-premessa 114, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-mekkaniżmu ta' finanzjament tal-miżuri ta' għajnuna nnotifikati jinħtieġ li ma jintroduċix xi restrizzjoni li tmur kontra l-Artikolu 30 jew l-Artikolu 110 tat-TFUE. |
6. KONKLUŻJONI
|
(119) |
Fid-dawl ta' dak li ntqal, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura ta' għajnuna nnotifikata ssegwi għan ta' interess komuni b'mod proporzjonat u meħtieġ skont l-EEAG u li għalhekk l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)c tat-TFUE. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-miżura ta' għajnuna notifikata mir-Renju Unit hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Diċembru 2015.
Għall-Kummissjoni
Margrethe VESTAGER
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU C 116, 10.4.2015, p. 52.
(2) Il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar sitta minn dawn it-tmien proġetti. Fit-23 ta' Lulju 2014 ġiet adottata deċiżjoni dwar li ma nstabet l-ebda oġġezzjoni għal ħames proġetti eoliċi fuq il-baħar (il-Każijiet SA.38758, SA.38759, SA.38761, SA.38763 u SA.38812 (ĠU C 393, 7.11.2014, p. 7) u fit-22 ta' Jannar 2015 ġiet adottata deċiżjoni dwar li ma nstabet l-ebda oġġezzjoni għall-proġett tal-bijomassa CHP ta' Teesside (SA. 38796), deċiżjoni li għadha ma ġietx ippubblikata).
(3) Il-fattur tat-tagħbija kien stmat għal 75,3 % fin-notifika oriġinali u sussegwentement ġie aġġornat mir-Renju Unit.
(4) Għal aktar dettalji dwar il-mekkaniżmu ta' remunerazzjoni tas-CfD, ara l-premessa minn 17 sa 31 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-Każ SA.36196 Riforma tas-Suq tal-Elettriku — Kuntratt għad-Differenza tal-Enerġija Rinnovabbli (C(2014) 5079 final).
(5) L-iskema kienet approvata oriġinarjament mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fit-28 ta' Frar 2001 fil-Każ N504/2000 u mbagħad ġiet emendata diversi drabi. Fil-forma attwali tagħha, l-iskema kienet approvata mill-Kummissjoni fit-2 ta' April 2013 fil-Każ SA.35565 (ĠU C 167, 13.6.2013, p. 5). Ċerti elementi speċifiċi mbagħad ġew approvati għall-Irlanda ta' Fuq (il-Każ SA.36084) u għall-Iskozja (Każ SA.37453).
(6) Ir-rata hurdle hija definita bħala r-rata ta' redditu minima meħtieġa biex jitwettaq proġett ta' dan it-tip.
(7) Dawn l-elementi kollha ġew ippubblikati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fid-dokument “Electricity Generation Costs” (L-ispejjeż tal-Ġenerazzjoni tal-Elettriku), disponibbli fuq https://www.gov.uk/government/publications/electricity-generation-costs.
(8) “Electricity Generation Costs December 2013” DECC (2013), disponibbli fuq https://www.gov.uk/government/publications/electricity-generation-costs
(9) Disponibbli fuq https://www.gov.uk/government/publications/electricity-market-reform-delivery-plan
(10) Għal iktar informazzjoni, ara: www.gov.uk/government/consultations/ensuring-biomass-affordability-and-value-for-money-under-the-renewables-obligation
(11) AEBIOM European Bioenergy Outlook 2013.
(12) AEBIOM European Bioenergy Outlook 2013.
(13) Disponibbli fis-sit web https://www.gov.uk/government/publications/final-investment-decision-fid-enabling-for-renewables-investment-contracts
(14) North East Local Enterprise Partnership; North East Chamber of Commerce; UK Trade & Investment.
(15) Friends of the Earth; Natural Resources Defense Council; Fern u Biofuel watch.
(16) Ecofys (2014), Valutazzjoni dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-European Panel Federation — L-industrija tal-pannelli tal-injam u l-kriterji għal-lista tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-2015-2019.
(17) Għal raġunijiet ta' konsistenza d-dejta kollha rigward is-suq tal-injam artab u s-suq tax-Xlokk tal-Istati Uniti hija ppreżentata f'Tunnellati b'Kontenut ta' Ndewwa. Il-fattur ta' konverżjoni ta' 2,15 TKN għal kull tunnellata mnixxfa jintuża b'mod konsistenti.
(18) Karen Lee Abt, Robert C. Abt, Christopher S. Galik, u Kenneth E. Skogn. 2014. “Effect of Policies on Pellet Production and Forests in the U.S. South” (L-Effett tal-Politiki fuq il-Produzzjoni tal-Pelits u l-Foresti fix-Xlokk tal-Istati Uniti). Dan huwa disponibbli mis-sit web li ġej: http://www.srs.fs.usda.gov/pubs/47281. Dan ir-rapport ġie ppreżentat fil-kuntest tal-fażi inizjali tal-investigazzjoni minn diversi partijiet.
(19) Abt et al., 2014.
(20) il-Grupp RWE; EDF; Lynemouth Power LTD; l-Assoċjazzjoni tal-Enerġija Rinnovabbli; il-Port of Tyne; Dong Energy; Energy UK; l-assoċjazzjoni tal-pelits tal-Istati Uniti; l-assoċjazzjoni tal-pelits tal-Kanada; Enviva; Doosan; il-Kunsill Ewropew tal-Pelits.
(21) Pöyry. The Risk of Indirect Wood Use Change (Ir-Riskju ta' Tibdil fl-Użu Indirett tal-Injam), Rapport Finali mħejji għal Energie Nederland. Lulju 2014.
(22) Oxera, Parsons, Brinckerhoff u Ramboll.
(23) AEBIOM, 2013.
(24) Dejta tar-Renju Unit.
(*1) Sigriet kummerċjali.
(25) Ara wkoll id-deċiżjonijiet għall-każijiet SA.38758, SA.38759, SA.38761, SA.38763 u SA.38812; u l-Każ SA.38796 (id-deċiżjoni għadha ma ġietx ippubblikata) li jibbenefikaw minn għajnuna simili tas-CfD.
(26) ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1.
(27) Ara d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16) u d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32) u l-Komunikazzjoni COM(2011) 885 final.
(28) Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).
(29) ĠU C 393, 7.11.2014, p. 2.
(30) Ara pereżempju d-deċiżjoni għall-Każijiet SA.38758, SA.38759, SA.38761, SA.38763 u SA.38812; u d-deċiżjonijiet għall-Każ SA.38796 (id-deċiżjonijiet għadhom ma ġewx ippubblikati).
(31) Ara l-premessa 20 sa 33 tad-deċiżjoni tal-ftuħ għal aktar dettalji dwar l-LCOE tal-proġett.
(32) Ara pereżempju l-iskema tal-Obbligu tal-Enerġija Rinnovabbli — SA.35565 (ĠU C 167, 13.6.2013, p. 5).
(33) Dawn is-suppożizzjonijiet huma konformi mad-dejta pprovduta minn Société Générale fis-sottomissjoni (ara l-premessa 53 aktar 'il fuq).
(34) Ara, pereżempju l-Illustrazzjoni 2 fid-deċiżjoni tal-ftuħ (ĠU C 116, 10.4.2015, p. 52).