|
22.4.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 106/12 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/721
tal-20 ta' April 2017
dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ttieħdet mill-Iżvezja dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali VectoBac 12AS b'konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2017) 2435)
(It-test bl-Iżvediż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fis-6 ta' Settembru 2016, l-Iżvezja adottat deċiżjoni b'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 biex sal-5 ta' Marzu 2017 tawtorizza t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali VectoBac 12AS għall-kontroll tat-tifqigħa tal-kironomi, Chironomidae, f'diversi impjanti għat-trattament tad-drenaġġ fl-Iżvezja (“l-azzjoni”). |
|
(2) |
Fit-28 ta' Ottubru 2016, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mill-Iżvezja b'konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 biex testendi l-azzjoni. It-talba motivata kienet ibbażata fuq l-argument li l-VectoBac 12AS huwa essenzjali għall-kontroll tal-kironomi fil-kuntest ferm partikolari tal-impjanti għat-trattament tad-drenaġġ fl-Iżvezja. |
|
(3) |
Il-VectoBac 12AS fih il-Bacillus thuringiensis tas-sottospeċi israelensis tas-serotip H14 u tar-razza AM65-52 bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodott tat-tip 18 kif deskritt fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Iżvezja, l-estensjoni tal-azzjoni hija meħtieġa sabiex jitħarsu l-ħaddiema fl-impjanti għat-trattament tad-drenaġġ. Din l-informazzjoni wriet esponiment okkupazzjonali fit-tul għal ammonti kbar ta' kironomi adulti u s-sensitizzazzjoni potenzjali tista' tikkawża l-iżvilupp tal-ażma u ta' reazzjonijiet allerġiċi, li fl-aktar każijiet serji jistgħu jikkawżaw anafilassi. |
|
(4) |
L-Iżvezja ddikjarat li fl-imgħoddi kienu ngħataw bosta permessi għall-użu tal-VectoBac 12AS fi provi ta' riċerka. L-eżitu ta' dawn il-provi wera li metodi alternattivi, inklużi metodi fiżiċi, ma jipprovdux soluzzjonijiet xierqa biex il-kironomi jiġu kkontrollati b'mod effettiv. Barra minn hekk, minħabba l-ħtiġijiet speċifiċi tal-impjanti għat-trattament tad-drenaġġ, instab li prodotti bijoċidali oħra ma kinux adegwati f'termini ta' applikazzjoni u effiċjenza. |
|
(5) |
Billi n-nuqqas ta' kontroll xieraq tal-kironomi, li ma jistgħux jiġu mrażżna b'mezzi oħrajn, jista' jwassal għal periklu għas-saħħa pubblika, huwa xieraq li l-Iżvezja titħalla testendi l-azzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet. |
|
(6) |
Il-miżura stipulata f'din id-Deċiżjoni hija b'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Iżvezja tista' testendi għal perjodu li ma jaqbiżx il-550 jum, l-azzjoni biex jitqiegħed fis-suq u jintuża l-prodott bijoċidali VectoBac 12AS għall-kontroll tal-kironomi fl-impjanti għat-trattament tad-drenaġġ u taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Iżvezja.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta' April 2017.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni