|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1960 |
2.10.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1960
tal-25 ta’ Settembru 2025
dwar id-disinn u l-kontenut tal-avviż armonizzat dwar il-garanzija legali tal-konformità u tat-tikketta armonizzata għall-garanzija kummerċjali tad-durabbiltà
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22a(2) u (4) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva 2011/83/UE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2024/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), għandha l-għan, fost affarijiet oħra, li tagħmel lill-konsumaturi aktar konxji mid-drittijiet tagħhom sabiex jagħmlu deċiżjonijiet ta’ xiri aktar sostenibbli, u li tistimula kemm id-domanda għal oġġetti aktar durabbli kif ukoll il-provvista tagħhom. Għal dan l-għan, id-Direttiva 2011/83/UE tistabbilixxi avviż armonizzat tal-garanzija legali dwar il-konformità u tikketta armonizzata għall-garanzija kummerċjali tad-durabbiltà, li jippermettu lill-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet infurmati. |
|
(2) |
Filwaqt li l-garanzija legali tal-konformità u l-garanzija kummerċjali tad-durabbiltà huma żewġ tipi indipendenti ta’ garanziji, l-avviż armonizzat u t-tikketta armonizzata huma mfassla biex jikkomplementaw lil xulxin u jinkludu kontroreferenzi li jenfasizzaw id-differenzi bejn iż-żewġ tipi ta’ garanziji. L-avviż armonizzat huwa avviż obbligatorju fil-punt tal-bejgħ, maħsub biex iżid l-għarfien tal-konsumaturi dwar id-drittijiet ta’ garanzija legali tagħhom. B’kuntrast ma’ dan, it-tikketta armonizzata tirrappreżenta garanzija kummerċjali volontarja ta’ durabbiltà, offruta mill-produtturi li jixtiequ jiżguraw lill-konsumaturi dwar id-durabbiltà tal-oġġetti tagħhom. |
|
(3) |
L-Artikolu 5(1), il-punt (e), u l-Artikolu 6(1), il-punt (l), tad-Direttiva 2011/83/UE jirrikjedu li l-kummerċjanti jipprovdu lill-konsumaturi, qabel ma jkunu marbuta b’kuntratt jew bi kwalunkwe offerta li tikkorispondi, tfakkira tal-eżistenza tal-garanzija legali ta’ konformità għall-oġġetti. Dik it-tfakkira jrid ikun fiha l-elementi ewlenin tal-garanzija, inkluż it-tul minimu tagħha ta’ sentejn u referenza ġenerali għall-possibbiltà li t-tul tal-garanzija legali ta’ konformità jista’ jkun itwal skont id-dritt nazzjonali. Dik l-informazzjoni trid tkun disponibbli għall-konsumatur b’mod prominenti, bl-użu tal-avviż armonizzat imsemmi fl-Artikolu 22a(1) u (3) tad-Direttiva 2011/83/UE. |
|
(4) |
Sabiex il-konsumaturi jiġu megħjuna jifhmu aħjar id-drittijiet tagħhom rigward l-elementi ewlenin tal-garanzija legali tal-konformità, jenħtieġ li l-avviż armonizzat jfakkarhom dwar sitwazzjonijiet komuni fejn ikunu jistgħu jinvokaw dawk id-drittijiet. |
|
(5) |
L-avviż armonizzat dwar il-garanzija legali tal-konformità jenħtieġ li jfakkar lill-konsumaturi dwar ir-rimedji disponibbli għalihom fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, u jenħtieġ li jispjega li l-bejjiegħa huma responsabbliu sabiex jipprovdu tali rimedji taħt ċerti kundizzjonijiet. Jenħtieġ li l-avviż jinkludi wkoll referenza ġenerali għall-possibbiltà li t-tul tal-garanzija legali ta’ konformità jista’ jkun itwal skont il-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, l-avviż jenħtieġ li jkun fih informazzjoni prattika dwar il-passi li l-konsumaturi jistgħu jieħdu f’sitwazzjonijiet fejn ikunu rċevew oġġetti li mhumiex konformi u jenħtieġ li jindika fejn jistgħu jsibu informazzjoni addizzjonali. |
|
(6) |
Sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jifhmu bis-sħiħ id-differenza bejn il-garanzija legali tal-konformità u l-garanziji kummerċjali, jenħtieġ li l-avviż armonizzat dwar il-garanzija legali tal-konformità jindika wkoll li l-bejjiegħa u l-produtturi jistgħu joffru wkoll garanziji kummerċjali, inkluża garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà. |
|
(7) |
Indikatur tajjeb tad-durabbiltà ta’ oġġett huwa l-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà pprovduta minn produttur skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Dik il-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà hija impenn mill-produttur lill-konsumatur li l-oġġett se jżomm il-funzjonijiet u l-prestazzjoni meħtieġa tiegħu permezz tal-użu normali matul ċertu perjodu. |
|
(8) |
Meta produttur joffri garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà mingħajr ħlas addizzjonali għal oġġett partikolari, li tkopri l-oġġett kollu u b’durata ta’ aktar minn sentejn, u jagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-kummerċjant, l-Artikolu 5(1), il-punt (ea), u l-Artikolu 6(1), il-punt (la), tad-Direttiva 2011/83/UE jirrikjedu li l-kummerċjant li jbiegħ l-oġġett jinforma lill-konsumaturi dwar l-eżistenza u t-tul ta’ dik il-garanzija kummerċjali, filwaqt li jfakkar lill-konsumaturi li jibbenefikaw ukoll mill-garanzija legali tal-konformità. Dan għandu jsir b’mod prominenti, bl-użu tat-tikketta armonizzata msemmija fl-Artikolu 22a(1) tad-Direttiva 2011/83/UE. |
|
(9) |
L-Artikolu 22a(5) tad-Direttiva 2011/83/UE jirrikjedi li kemm l-avviż armonizzat dwar il-garanzija legali tal-konformità kif ukoll it-tikketta armonizzata għall-garanzija kummerċjali tad-durabbiltà jkunu faċilment rikonoxxibbli u komprensibbli għall-konsumaturi, filwaqt li jkunu faċli biex jintużaw u jiġu riprodotti għall-kummerċjanti. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni kkonsultat gruppi rappreżentattivi ta’ partijiet ikkonċernati u wettqet test fuq il-post ma’ gruppi rappreżentattivi ta’ konsumaturi, li pprovdew kontribut għad-disinn finali u l-kontenut tal-avviż armonizzat u t-tikketta armonizzata. |
|
(10) |
L-avviż armonizzat dwar il-garanzija legali tal-konformità u t-tikketta armonizzata għall-garanzija kummerċjali tad-durabbiltà jenħtieġ li jinkludi kodiċi QR li jidderieġi lill-konsumaturi lejn informazzjoni utli addizzjonali fuq il-portal Your Europe, f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
|
(11) |
Jenħtieġ li l-kodiċi QR dwar l-avviż armonizzat jidderieġi lill-konsumaturi lejn informazzjoni aktar dettaljata dwar id-drittijiet tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni previsti mill-garanzija legali tal-konformità, kif stabbilit mid-Direttiva (UE) 2019/771. Peress li huwa importanti li l-konsumaturi jkunu konxji mid-drittijiet speċifiċi fil-pajjiż tagħhom skont il-garanzija legali tal-konformità, jenħtieġ li l-kodiċi QR jipprovdi aċċess għall-portali tal-Istati Membri fejn tkun disponibbli informazzjoni aktar dettaljata. |
|
(12) |
Minħabba l-ispazju limitat disponibbli fuq it-tikketta armonizzata għall-garanzija kummerċjali tad-durabbiltà, jenħtieġ li l-kodiċi QR fuq it-tikketta jidderieġi lill-konsumaturi lejn informazzjoni aktar dettaljata. Dan jenħtieġ li jispjega li t-tikketta armonizzata tirrappreżenta garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà offruta mill-produttur għal oġġett partikolari, mingħajr ebda ħlas addizzjonali għall-konsumatur, u tkopri l-oġġett kollu, mhux biss komponent tiegħu, għal tul ta’ aktar minn sentejn. |
|
(13) |
Sabiex jiġi żgurat li l-kummerċjanti jkunu jistgħu jużaw u jirriproduċu faċilment l-avviż armonizzat u t-tikketta armonizzata, dawn jistgħu jkunu bil-kulur jew bl-iswed u l-abjad meta jiġu ppreżentati bħala informazzjoni prekuntrattwali fil-kuntest ta’ kuntratti, għajr kuntratti mill-bogħod konklużi permezz ta’ interfaċċa online. |
|
(14) |
Sadanittant, meta l-kuntratt ikun se jiġi konkluż permezz ta’ interfaċċa online, kemm l-avviż kif ukoll it-tikketta jenħtieġ li jkunu bil-kulur. Għal kuntratti mill-bogħod konklużi permezz ta’ interfaċċa online, it-tikketta tista’ tintwera bl-użu ta’ format ta’ bejta. |
|
(15) |
It-tikketta armonizzata għandha disinn newtrali għal-lingwa, flimkien ma’ traduzzjonijiet, li jippermettilha li tintuża u tiġi riprodotta faċilment min-negozjanti u l-produtturi madwar l-Unjoni. It-tikketta tikkonsisti fit-titolu “GARAN”, li jirreferi għal “garanzija” f’diversi lingwi tal-Unjoni; simbolu ta’ kaxxa mmarkata li tindika li d-durabbiltà tal-oġġett hija garantita; simbolu tal-kalendarju li jirrappreżenta t-tul ta’ żmien tal-garanzija kummerċjali tad-durabbiltà offruta; tfakkira viżiva tal-eżistenza tal-garanzija legali ta’ konformità; u kodiċi QR li jipprovdi aċċess għal informazzjoni addizzjonali. Sabiex jiġi ffaċilitat il-fehim tal-konsumaturi, jenħtieġ li tinkludi l-frażi “garanzija tal-produttur fi snin” fil-qiegħ tat-tikketta armonizzata, tradotta fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tista’ tirrieżamina u taddatta t-tikketta armonizzata għall-garanzija kummerċjali tad-durabbiltà jekk ikun meħtieġ, fid-dawl tal-adozzjoni futura tat-tikketta, kif tinftiehem mill-konsumaturi u l-implimentazzjoni ta’ strumenti oħra tal-Unjoni. |
|
(16) |
Minħabba li l-Istati Membri huma meħtieġa japplikaw il-miżuri li jittrasponu d-Direttiva (UE) 2024/825 mis-27 ta’ Settembru 2026, jenħtieġ li dan ir-Regolament isir applikabbli wkoll mill-istess data. |
|
(17) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat, dwar id-Direttiva dwar l-Għoti tas-Setgħa lill-Konsumaturi għat-Tranżizzjoni Ekoloġika, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Avviż armonizzat dwar il-garanzija legali tal-konformità
L-avviż armonizzat imsemmi fl-Artikolu 22a(1) tad-Direttiva 2011/83/UE għandu jikkonforma mad-disinn u l-kontenut stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Tikketta armonizzata għall-garanzija kummerċjali tad-durabbiltà
It-tikketta armonizzata msemmija fl-Artikolu 22a(1) tad-Direttiva 2011/83/UE għandha tikkonforma mad-disinn u l-kontenut stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mis-27 ta’ Settembru 2026.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/83/oj.
(2) Id-Direttiva (UE) 2024/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2024 li temenda d-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE fir-rigward tal-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ protezzjoni mtejba kontra prattiki żleali u permezz ta’ informazzjoni aħjar (ĠU L, 2024/825, 6.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/825/oj).
(3) Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jirrigwardaw il-kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/771/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1724/oj).
ANNESS I
AVVIŻ ARMONIZZAT DWAR IL-GARANZIJA LEGALI TAL-KONFORMITÀ
Id-disinn u l-kontenut tal-avviż armonizzat imsemmi fl-Artikolu 1 għandhom ikunu kif ġej:
Noti:
|
(1) |
L-ebda wieħed mill-elementi tal-avviż armonizzat ma jista’ jiġi editjat. |
|
(2) |
Il-kuluri ta’ referenza tal-avviż huma:
|
|
(3) |
Il-kodiċi QR iwassal għat-taqsima ddedikata tal-lingwa dwar il-garanzija legali tal-konformità fuq il-portal Your Europe. Il-kodiċi QR għandu jkun jista’ jiġi skenjat f’kundizzjonijiet ta’ tidwil normali bl-użu ta’ apparat mobbli standard. |
|
(4) |
Għall-kuntratti, għajr il-kuntratti mill-bogħod konklużi permezz ta’ interfaċċa online, l-avviż armonizzat għandu jkun bil-kulur (CMYK) jew bl-iswed u l-abjad. Id-daqs minimu tal-avviż armonizzat huwa A4, iżda jista’ jiġi stampat f’formati akbar (A3, A2, A1). |
|
(5) |
Għall-kuntratti mill-bogħod konklużi permezz ta’ interfaċċa online, l-avviż armonizzat dwar il-garanzija legali tal-konformità għandu jkun bil-kulur (RGB). |
ANNESS II
TIKKETTA ARMONIZZATA GĦALL-GARANZIJA KUMMERĊJALI TAD-DURABBILTÀ
Id-disinn u l-kontenut tat-tikketta armonizzata msemmija fl-Artikolu 2 għandhom ikunu kif ġej:
Noti:
|
(1) |
L-elementi li ġejjin ma jistgħux jiġu editjati:
L-elementi li ġejjin jistgħu jiġu editjati:
|
|
(2) |
Il-kuluri ta’ referenza tat-tikketta huma:
|
|
(3) |
Għal kuntratti għajr kuntratti mill-bogħod konklużi permezz ta’ interfaċċa online, id-daqs minimu tat-tikketta huwa ta’ 95 x 100 mm. F’konformità ma’ dan id-daqs minimu tat-tikketta, id-daqs tat-tipa għat-traduzzjonijiet huwa ta’ 7 pt, id-daqs tat-tipa għall-“Marka/Trademark” u l- “Identifikatur tal-mudell” huwa ta’ 9 pt u d-daqs tat-tipa għal “XX”, in-numru li jirrappreżenta t-tul ta’ żmien fi snin, huwa ta’ 80 pt. Meta t-tikketta tintwera f’daqs akbar, it-tikketta kollha trid tintwera mingħajr distorsjoni, modifika jew separazzjoni tal-elementi komponenti tagħha. |
|
(4) |
Għall-kuntratti, għajr il-kuntratti mill-bogħod konklużi permezz ta’ interfaċċa online, it-tikketta armonizzata għandha tkun bil-kulur jew bl-iswed u l-abjad. |
|
(5) |
Għall-kuntratti mill-bogħod konklużi permezz ta’ interfaċċa online, it-tikketta armonizzata għall-garanzija kummerċjali tad-durabbiltà għandha tkun bil-kulur. |
|
(6) |
It-tipa, inkluż għall-oqsma li jistgħu jiġu editjati fit-tikketta, għandha tkun Inter (Regular, Semibold, u Extrabold). |
|
(7) |
Il-kodiċi QR għandu jkun jista’ jiġi skenjat f’kundizzjonijiet ta’ tidwil normali bl-użu ta’ apparat mobbli standard. |
Għall-kuntratti mill-bogħod konklużi permezz ta’ interfaċċa online, it-tikketta armonizzata għall-garanzija kummerċjali tad-durabbiltà tista’ tintwera bl-użu ta’ displej ta’ ħaġa ġo oħra (nested), bħal fil-figura ta’ hawn taħt:
Noti:
|
(1) |
L-ittri “XX” għandhom jiġu sostitwiti bid-durata korrispondenti fi snin tal-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà offruta mill-produttur. |
|
(2) |
Jekk jintuża displej ta’ ħaġa ġo oħra (nested), it-tikketta armonizzata għandha tidher fl-intier tagħha mal-ewwel klikk tal-maws, qlib tal-maws jew espansjoni tal-iskrin tattili. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1960/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)