European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2166

29.10.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2166

tad-29 ta’ Settembru 2025

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar kooperazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-Pulizija Federali tal-Brażil u permezz tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 88, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedi li huwa possibbli li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) tittrasferixxi data personali lil awtorità ta’ pajjiż terz abbażi, forst l-oħrajn, ta’ ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprovdi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi.

(2)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/426 (3), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar kooperazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-Pulizija Federali tal-Brażil u permezz tagħhom (il-“Ftehim”) ġie ffirmat fil-5 ta’ Marzu 2025, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(3)

Il-Ftehim jistabbilixxi relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni bejn l-Europol u l-awtoritajiet kompetenti tal-Brażil, u jippermetti t-trasferiment ta’ data personali u mhux personali bejniethom, bl-għan li jiġu miġġielda l-kriminalità serja u t-terroriżmu u tiġi protetta s-sigurtà tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha.

(4)

Il-Ftehim jiżgura r-rispett sħiħ għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), inkluż id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta, u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta. Il-Ftehim jinkludi salvagwardji adegwati għall-protezzjoni ta’ data personali trasferita mill-Europol skont il-Ftehim.

(5)

Il-Ftehim ma jaffettwax, u huwa mingħajr preġudizzju għat-trasferiment ta’ data personali jew forom oħra ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali.

(6)

Skont l-Artikolu 218(7) TFUE, huwa xieraq li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni tapprova, f’isem l-Unjoni, l-emendi għall-Annessi II u III tal-Ftehim.

(7)

L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament (UE) 2016/794 u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(8)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(9)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-Opinjoni tiegħu 2/2025 fl-10 ta’ Frar 2025.

(10)

Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi approvat f’isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar il-kooperazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-Pulizija Federali tal-Brażil u permezz tagħhom, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni (4).

Artikolu 2

Għall-finijiet tal-Artikolu 31(2) tal-Ftehim, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni dwar l-emendi tal-Annessi II u III tal-Ftehim għandha tiġi approvata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha (5).

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BØDSKOV


(1)  Kunsens tad-9 ta’ Settembru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/794/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/426 tal-24 ta’ Frar 2025 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar kooperazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-Pulizija Federali tal-Brażil u permezz tagħhom (ĠU L, 2025/426, 28.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/426/oj).

(4)  It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L, 2025/2167, 29.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2025/2167/oj.

(5)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2166/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)