European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2493

5.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2493

tal-1 ta’ Diċembru 2025

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħarsien tal-Ambjent permezz tal-Liġi Kriminali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 83(2), flimkien mal-Artikolu 218(5), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2023/2170 (1), il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tipparteċipa, f’isem l-Unjoni, fin-negozjati dwar konvenzjoni dwar il-ħarsien tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali li tħassar u tissostitwixxi l-Konvenzjoni tal-1998 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħarsien tal-Ambjent permezz tal-Liġi Kriminali.

(2)

Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħarsien tal-Ambjent permezz tal-Liġi Kriminali (il-“Konvenzjoni”) ġiet adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fl-14 ta’ Mejju 2025 u hija prevista li tinfetaħ għall-iffirmar fit-3 ta’ Diċembru 2025.

(3)

Il-Konvenzjoni hija konformi mal-objettivi tal-Unjoni li jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent u li jtejjeb il-kwalità tal-ambjent, kif stabbilit fl-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u li tiġġieled kontra r-reati ambjentali, inkluż permezz tal-liġi kriminali. Barra minn hekk, l-azzjoni tal-Unjoni fil-ġlieda kontra r-reati ambjentali għandha wkoll l-għan li tħares id-drittijiet fundamentali tal-persuni affettwati minn tali reati.

(4)

Il-Konvenzjoni tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-iskop u l-ambitu tagħha, id-definizzjonijiet u t-terminoloġija legali, ir-reati kriminali, ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi, is-sanzjonijiet u miżuri oħra, iċ-ċirkostanzi aggravanti u mitiganti, id-drittijiet u l-kooperazzjoni proċedurali, il-miżuri preventivi u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-kriminalità ambjentali.

(5)

Fil-11 ta’ April 2024, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw, abbażi tal-Artikolu 83(2) TFUE, id-Direttiva (UE) 2024/1203 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li fil-parti l-kbira tagħha hija allinjata mal-Konvenzjoni.

(6)

Il-Kummissjoni pparteċipat fin-negozjati f’isem l-Unjoni u żgurat li l-Konvenzjoni hija kompattibbli mar-regoli rilevanti tal-Unjoni.

(7)

Sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà sħiħa bejn il-Konvenzjoni u d-Direttiva (UE) 2024/1203, kif ukoll l-applikazzjoni uniformi u effettiva tal-Konvenzjoni, jenħtieġ b’mod partikolari li l-Unjoni tagħmel użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 56(3) tal-Konvenzjoni li tispeċifika l-ambitu tat-terminu “illegali” u ċerti kunċetti wżati għall-fini tad-definizzjoni ta’ reati kriminali skont il-Konvenzjoni permezz ta’ riżerva.

(8)

Skont l-Artikolu 53 tal-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni hija miftuħa għall-iffirmar mill-Unjoni. Jenħtieġ li l-Unjoni ssir Parti għall-Konvenzjoni flimkien mal-Istati Membri tagħha, peress li t-tnejn li huma għandhom kompetenzi fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni. Fil-qasam tal-kompetenzi kondiviżi, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sakemm il-Konvenzjoni ma taffettwax ir-regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-iffirmar tal-Konvenzjoni mill-Istati Membri, skont il-proċeduri interni tagħhom.

(9)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(10)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(11)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u ta l-opinjoni tiegħu fit-22 ta’ Settembru 2025 (4).

(12)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Konvenzjoni tiġi ffirmata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħarsien tal-Ambjent permezz tal-Liġi Kriminali f’isem l-Unjoni huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmija Konvenzjoni (5).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. DYBVAD BEK


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2170 tat-28 ta’ Settembru 2023 li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea tipparteċipa, f’isem l-Unjoni Ewropea, f’negozjati dwar Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa li tħassar u tissostitwixxi l-Konvenzjoni tal-1998 dwar il-Ħarsien tal-Ambjent permezz tal-Liġi Kriminali (ETS Nru 172) (ĠU L, 2023/2170, 16.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2170/oj).

(2)  Id-Direttiva (UE) 2024/1203 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali u li tissostitwixxi d-Direttivi 2008/99/KE u 2009/123/KE (ĠU L, 2024/1203, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1203/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(4)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(5)  It-test tal-Konvenzjoni ser jiġi ppublikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2493/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)