European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2880

19.11.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/2880

tat-18 ta’ Novembru 2024

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2354 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jiġi appoġġat l-iskjerament tal-Forza ta’ Difiża tar-Rwanda fil-Mozambique

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-1 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2354 (1), li tistabbilixxi miżura ta’ assistenza b’ammont ta’ referenza finanzjarja ta’ EUR 20 000 000 maħsuba biex jiġi appoġġat l-iskjerament kontinwu ta’ unitajiet tal-Forza ta’ Difiża tar-Rwanda fil-provinċja ta’ Cabo Delgado fit-Tramuntana tal-Mozambique sabiex jiġu estiżi, protetti u sostnuti l-kisbiet territorjali u tattiċi li saru s’issa. Dan għandu jiżgura s-sigurtà u l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili fil-provinċji tat-Tramuntana tal-Mozambique u jiffaċilita r-ritorn tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u ta’ strutturi tal-istat responsabbli oħra li jipprovdu servizzi għall-benefiċċju tal-popolazzjoni.

(2)

Dak l-ammont ta’ referenza finanzjarja ppermetta lill-Unjoni tikkontribwixxi fl-appoġġ għall-iskjerament tal-Forza tad-Difiża tar-Rwanda fil-Mozambique għal perjodu ta’ tnax-il xahar.

(3)

Fil-11 ta’ Settembru 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà irċieva talba mingħand ir-Repubblika tar-Rwanda biex l-Unjoni tkompli tappoġġa l-iskjerament tal-Forza ta’ Difiża tar-Rwanda fil-Mozambique.

(4)

Biex tiġi indirizzata dik it-talba, jenħtieġ li l-ammont ta’ referenza finanzjarja jiżdied b’EUR 20 000 000 u jenħtieġ li d-durata tal-miżura ta’ assistenza tiżdied b’sittax-il xahar.

(5)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2354 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni (PESK) 2022/2354

Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/2354 hija sostitwita b’dan li ġej:

(1)

L-Artikolu 1(4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

Id-durata tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun ta’ 36 xahar mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt bejn l-Amministratur għal miżuri ta’ assistenza li jaġixxi bħala uffiċjal tal-awtorizzazzjoni u l-entità msemmija fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-Deċiżjoni, f’konformità mal-Artikolu 32(2), il-punt (a), tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.”
;

(2)

L-Artikolu 2(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 40 000 000.”

;

(3)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2, il-punt (g), u l-paragrafu 4 jitħassru.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2354 tal-1 ta’ Diċembru 2022 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jiġi appoġġat l-iskjerament tal-Forza ta’ Difiża tar-Rwanda fil-Mozambique (ĠU L 311, 2.12.2022, p. 153), ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2354/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2880/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)