Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma tal-Litwanja għall-2012 u li twassal l-Opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ konverġenza tal-Litwanja għall-perjodu 2012-2015 /* COM/2012/0319 final */
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma
tal-Litwanja għall-2012
u li twassal l-Opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ konverġenza
tal-Litwanja għall-perjodu 2012-2015 IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2)
u 148(4) tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar
it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u
s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1], u b’mod partikolari
l-Artikolu 5(2) tiegħu, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni
tal-Kummissjoni Ewropea[2], Wara li kkunsidra r-reżoluzzjonijiet
tal-Parlament Ewropew[3], Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet
tal-Kunsill Ewropew, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
tal-Impjiegi, Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u
Finanzjarju, Billi: (1) Fis-26 ta’ Marzu 2010,
il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiġi mnedija
strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, bl-isem ta’ Ewropa
2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki
ekonomiċi u li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni
li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività
sostenibbli. (2) Fit-13 ta’ Lulju 2010,
il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali
għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni (mill-2010
sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, huwa adotta
deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri
dwar l-impjiegi [4],
li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri
ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u
okkupazzjonali nazzjonali tagħhom. (3) Fit-12 ta’ Lulju 2011,
il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma
tal-Litwanja għall-2011 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta’
konverġenza aġġornat tal-Litwanja
għall-perjodu 2011-2014. (4) Fit-23 ta’ Novembru 2011,
il-Kummissjoni adottat it-tieni Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li
kien il-bidu tat-tieni Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex
ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020. Fl-14 ta’ Frar 2012,
abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat
ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija[5],
li fih ma identifikatx lil-Litwanja bħala wieħed mill-Istati Membri
li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. (5) Fit-2 ta’ Marzu 2012,
il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex jiggarantixxi l-istabbiltà
finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li
tħeġġeġ it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li
titkompla konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir,
biex l-ekonomija jerġa’ jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex
jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati
l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi
mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika. Huwa stieden lill-Istati Membri biex
jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill speċifiċi
għall-pajjiżi għall-2011 u biex isarrfu dawn il-prijoritajiet
f’miżuri konkreti li għandhom jiġu inklużi fil-programmi ta’
stabbiltà jew ta’ konverġenza tagħhom u fil-programmi nazzjonali ta’
riforma. (6) Fit-2 ta’ Marzu 2012,
il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt
Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin
għall-inklużjoni fil-programmi ta’ stabbiltà jew ta’ konverġenza
tagħhom u fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom. (7) Fis-27 ta’ April 2012,
il-Litwanja ppreżentat il-programm ta’ konverġenza tagħha li
jkopri l-perjodu 2012-2015 u, fit-30 ta’ April 2012,
ippreżentat il-programm nazzjonali ta’ riforma tagħha
għall-2012. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom,
iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt. (8) Abbażi tal-valutazzjoni
tal-programm ta’ konverġenza għall-2012 skont ir-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill hu tal-opinjoni li x-xenarju
makroekonomiku sottostanti tal-projjettazzjonijiet baġitarji fil-programm
hu plawsibbli. B’mod ġenerali huwa konformi mal-previżjoni
tar-rebbiegħa 2012 tal-Kummissjoni għall-2012 u l-2013. L-objettiv
tal-istrateġija baġitarja deskritt fil-programm hu li jkun
ikkorreġut id-defiċit eċċessiv sal-2012 kif irrakkomandat
mill-Kunsill u li wara dan isir progress lejn l-objettiv fuq terminu medju
(OTM). Il-programm jikkonferma l-OTM ta’ qabel, jiġifieri surplus
strutturali tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 0.5 % tal-PDG, li
jirrifletti b’mod adegwat ir-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u
jiddeskrivi konsolidazzjoni ta’ mill-anqas punt ta’ persentaġġ
wieħed kull sena, filwaqt li jippjana baġit ibbilanċjat
sal-2015. Filwaqt li l-pjanijiet baġitarji huma f’konformità ma’
korrezzjoni f’waqtha tad-defiċit eċċessiv, l-isforz fiskali
annwali medju fil-perjodu 2010-2012, abbażi tal-bilanċ tal-baġit
strutturali (ikkalkulat mill-ġdid)[6],
hu mistenni li jkun anqas minn 2.25 % tal-PDG meħtieġ
mill-Kunsill fir-rakkomandazzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2010.
Il-progress annwali ppjanat lejn l-OTM fis-snin ta’ wara l-korrezzjoni
tad-defiċit eċċessiv hu kemxejn ogħla minn 0.5 %
tal-PDG f’termini strutturali, jiġifieri, il-valur referenzjarju tal-Patt ta’
Stabbiltà u Tkabbir. Ir-rata ppjanata tat-tkabbir fin-nefqa tal-gvern, filwaqt
li jitqiesu l-miżuri diskrezzjonali ta’ dħul, se tkun konformi
man-nefqa referenzjarja tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2013 u fl-2014,
iżda mhux fl-2015. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2012
tal-Kummissjoni, id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika hu previst li jibqa’
taħt is-60 % tal-PDG matul il-perjodu tal-programm, u li jiżdied
għal kważi 41 % tal-PDG fl-2013, filwaqt li l-programm ta’
konverġenza jimmira tnaqqis fid-dejn għal madwar 35 % sal-2015.
Ir-riforma fl-ippjanar u fl-eżekuzzjoni tal-baġit qed turi progress
iżda l-gvern għad irid japprova l-liġijiet proposti. Dawn
il-liġijiet kieku jtejbu r-responsabbiltà fi ħdan il-qafas fiskali,
billi jistabbilixxu korp indipendenti, u billi jirrestrinġu r-regoli dwar
ir-riżervi tat-teżor. (9) Abbażi ta’
strateġija komprensiva ta’ konformità mat-taxxa, fl-2011 ġew
implimentati miżuri li komplew isaħħu l-konformità mat-taxxa u
ġabu dħul addizzjonali. Madanakollu, hu meħtieġ li
titkompla l-implimentazzjoni biex isir avvanz sinifikanti kontra l-evażjoni
tat-taxxa. (10) L-iżviluppi
demografiċi jitfgħu dubji serji fuq is-sostenibbiltà tas-sistema
tal-pensjonijiet. Għalkemm il-Litwanja adottat żieda gradwali fl-età
tal-pensjoni li se tilħaq il-65 sena sal-2026, din weħidha mhux se
tassigura dħul tal-irtirar sostenibbli u xieraq fil-futur u
jeħtieġ li tiġi kkumplimentata b’miżuri addizzjonali. Dawn
jistgħu jinkludu li jsir irbit tal-età tal-irtirar statutorja u
tal-benefiċċji futuri mal-fatturi demografiċi; li jiġu
stabbiliti regoli ċari għall-indiċjar; li tiġi
introdotta rabta eqreb bejn il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji li
telimina l-inċentivi għall-irtirar kmieni.
Il-Litwanja tista’ wkoll tagħmel użu aħjar mill-provvista
tal-pensjonijiet volontarji supplimentari. L-istabbiliment ta’ skemi
tal-pensjoni marbuta max-xogħol jista’ jtaffi l-piż tas-sistema
tas-sigurtà soċjali u fl-istess ħin itejjeb l-adegwatezza
tad-dħul tal-pensjoni fil-futur. Tneħħew
id-diżinċentivi biex wieħed ikompli jaħdem aktar fit-tul. (11) Il-Liġi dwar
l-Aġenziji tal-Impjieg Temporanju, imfassla biex tiffaċilita
l-impjieg fuq perjodu qasir, daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2011.
Madanakollu, jista’ jkun li l-impatt tagħha ma jkunx sinifikanti, peress
li l-aġenziji tax-xogħol temporanju kienu diġà joperaw
fil-Litwanja. Reviżjoni komprensiva tal-liġi tax-xogħol tkun tista’
tidentifika r-restrizzjonijiet bla bżonn u l-ostakli amministrattivi li
jimpedixxu milli jsiru ftehimiet kuntrattwali flessibbli,
dispożizzjonijiet dwar it-tkeċċija u arranġamenti
għall-ħin tax-xogħol flessibbli. Hemm bżonn ta’ miżuri
addizzjonali li jsaħħu l-parteċipazzjoni fis-suq
tax-xogħol, speċjalment għaż-żgħażagħ,
il-persuni mingħajr kwalifiki u l-ħaddiema ta’ età akbar, u li jtejbu
l-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol. (12) L-isfida tal-qgħad fost
iż-żgħażagħ (aktar minn 30 %) u tal-qgħad
fost dawk mingħajr kwalifiki, minħabba l-ispariġġi
sostanzjali fil-ħiliet, saret evidenti b’mod speċjali matul
il-kriżi. Il-Gvern qed jimplimenta għadd ta’ miżuri li
jippromwovu l-impjieg taż-żgħażagħ, bħas-sussidji
għall-ewwel impjieg u t-tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà
soċjali. Madanakollu, ir-rati ta’ attivazzjoni għadhom baxxi wisq u
l-allokazzjonijiet finanzjarji għall-politiki attivi tas-suq
tax-xogħol jistgħu jintużaw b’mod aktar effettiv billi
x-xogħlijiet pubbliċi jkunu mmirati għal dawk l-aktar
vulnerabbli. Sabiex tittejjeb it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni
għas-suq tax-xogħol, ikun utli kieku l-apprentistati u
t-taħriġ intern isiru aktar attraenti kif ukoll kieku ssir sistema li
tbassar id-domanda ta’ kwalifiki. Il-miżuri għandhom ikunu konformi
mal-eżitu tal-grupp ta’ azzjoni konġunt ta’ bejn il-Litwanja u
l-Kummissjoni dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ. (13) Madwar terz tal-popolazzjoni
tal-Litwanja qiegħed jiffaċċja r-riskju tal-faqar u
tal-esklużjoni fit-tul. Din hi r-raba’ l-ogħla ċifra fl-UE.
Fl-2011, il-Litwanja emendat il-Liġi dwar l-Assistenza Soċjali fi
Flus Kontanti biex minn Jannar 2012, tirriforma s-sistema tal-appoġġ
soċjali. Nediet mudell pilota tad-distribuzzjoni tal-appoġġ
soċjali, biddlet il-metodu għall-ikkalkular tal-ammont,
introduċiet ċerti inċentivi għax-xogħol u żiedet
il-kopertura. Ir-riforma tal-assistenza soċjali hi pass ’il quddiem lejn
it-tnaqqis tad-diżinċentivi għax-xogħol. Hu
meħtieġ li tiġi stabbilita sistema ta’ monitoraġġ li
tevalwa l-effiċjenza tagħha u l-impatt tagħha fuq it-tnaqqis
tal-faqar. Ir-riforma għandha wkoll tkun marbuta ma’ miżuri ta’
attivazzjoni li jtejbu l-parteċipazzjoni, partikolarment għall-benefiċjarji
tal-assistenza soċjali fit-tul. (14) Mill-2010, il-Gvern kien
għaddej b’riforma ambizzjuża tal-impriżi tal-istat,
bil-għan li jirristruttura l-governanza korporattiva, iżid
it-trasparenza u jissepara l-funzjonijiet tas-sjieda u dawk regolatorji, u
jżid il-kompetizzjoni u l-effiċjenza. Ir-riforma hi rilevanti, u
tinvolvi bidliet leġiżlattivi kif ukoll organizzattivi. Sar progress
kbir fir-rigward tat-trasparenza u l-kontabbiltà billi issa qed jiġu
ppubblikati rapporti kull tliet xhur u kull sena. Ġew stabbiliti objettivi
tal-impriżi ċari. Madanakollu, il-Gvern ippospona xi partijiet
tar-riforma, b’mod partikolari s-separazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali
tal-impriżi tal-istat minn ma’ dawk mhux kummerċjali, u biħsiebu
jimplimentahom fl-2012. (15) Il-Litwanja għamlet xi
progress fit-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija tal-bini.
F’Diċembru 2011, il-Gvern adotta Programm għall-Immodernizzar
tal-Binjiet tal-Appartementi, iżda dan qed jiddgħajjef minħabba
d-disponibbiltà ta’ sussidji li jmorru kontra f’oqsma oħra tal-politika li
jnaqqsu l-inċentivi għar-residenti tal-bini residenzjali biex itejbu
l-effiċjenza tal-enerġija. Hemm bżonn ta’ aktar sforzi
sostanzjali u mgħaġġla aktar biex titjieb l-effiċjenza
fl-enerġija tal-bini. (16) Hemm skop għat-trasferiment
tat-taxxa lejn l-użu tal-enerġija peress li d-dħul mit-taxxi
ambjentali huwa t-tielet fost l-inqas fl-UE, filwaqt li t-taxxi tat-trasport
huma l-aktar baxxi fl-UE. Ir-rata impliċita tat-taxxa fuq il-konsum
tal-enerġija kienet is-seba’ minn tal-aħħar fl-UE fl-2010
filwaqt li t-taxxi fuq l-enerġija f’termini tal-PDG huma kemmxejn
taħt il-medja tal-UE. (17) L-infrastruttura
tas-sistema tal-enerġija fil-pajjiż ma għandhiex
biżżejjed kompetizzjoni u interkonnessjonijiet u dan hu fattur li
jxekkel it-tkabbir. In-nuqqas ta’ interkonnessjonijiet ixekkel
il-ħolqien tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-enerġija.
Il-konċentrazzjoni għadha għolja, (‘il fuq minn 90 %) kemm
fis-suq tal-gass u kemm f’dak tal-elettriku. (18) Il-Litwanja ħadet
għadd ta’ impenji fil-Patt Euro Plus. L-impenji, u l-implimentazzjoni
tal-impenji ppreżentati fl-2011, jikkonċernaw it-titjib
fil-kompetittività u fl-impjiegi, it-titjib tas-sostenibbiltà finanzjarja u
t-tisħiħ tal-istabbiltà finanzjarja. Il-Kummissjoni vvalutat l-implimentazzjoni
tal-impenji tal-Patt Euro Plus. Fir-rakkomandazzjonijiet ġew ikkunsidrati
r-riżultati ta’ din il-valutazzjoni. (19) Fil-kuntest tas-Semestru
Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika
tal-Litwanja. Hi vvalutat il-programm ta’ konverġenza u l-programm
nazzjonali ta’ riforma. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom
għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Litwanja imma
qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl
tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika
kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE
għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet
tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-Rakkomandazzjonijiet (1)
sa (6) hawn taħt. (20) Fid-dawl ta’ din
il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta’ konverġenza
tal-Litwanja, u l-opinjoni tiegħu[7]
qed tiġi riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn
taħt. B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Litwanja
għandha tieħu azzjoni fil-perjodu 2012-2013 biex: 1. Tiżgura progress
ippjanat lejn il-korrezzjoni f’waqtha tad-defiċit eċċessiv.
Għal dan il-għan, timplimenta bis-sħiħ il-baġit
għas-sena 2012 u tikseb l-isforz ta’ aġġustament strutturali
speċifikat fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont il-Proċedura ta’
Defiċit Eċċessiv. Wara dan, tispeċifika miżuri
neċessarji biex tiżgura l-implimentazzjoni tal-istrateġija
baġitarja għas-sena 2013 u għas-snin ta’ wara kif previst,
tiżgura sforz għall-aġġustament strutturali adegwat biex
tagħmel progress suffiċjenti lejn l-objettiv baġitarju ta’
terminu medju, kif ukoll tilħaq il-valur referenzjarju tan-nefqa, filwaqt
li timminimizza t-tnaqqis fin-nefqa li ssaħħaħ it-tkabbir. F’dak
ir-rigward, tikkunsidra l-fatt li żżid it-taxxi bl-inqas ħsara
possibbli għat-tkabbir, bħat-taxxi fuq id-djar u dawk ambjentali,
inkluż it-taxxa fuq il-karozzi, filwaqt li ssaħħaħ
il-konformità mat-taxxa. Issaħħaħ il-qafas fiskali, partikolarment
bl-introduzzjoni ta’ limiti massimi ta’ nefqa li jistgħu jiġu
infurzati u li jkunu vinkolanti fil-qafas baġitarju ta’ terminu medju. 2. Tadotta
l-leġiżlazzjoni dwar ir-riforma komprensiva tas-sistema
tal-pensjonijiet. Tallinja l-età statutarja
tal-irtirar mal-istennija tal-għomor, tistabbilixxi regoli ċari
għall-indiċjar tal-pensjonijiet, u ttejjeb l-iskemi ta’ tfaddil
komplementari. Tappoġġja r-riforma
tal-pensjonijiet permezz ta’ miżuri dwar it-tixjiħ attiv. 3. Tindirizza r-rati
għoljin ta’ qgħad, partikolarment fost
iż-żgħażagħ, u fost dawk mingħajr kwalifiki u
dawk li jkunu ilhom qiegħda, billi tiffoka r-riżorsi fuq il-politiki
attivi tas-suq tax-xogħol filwaqt li ttejjeb l-effiċjenza
tagħhom. Issaħħaħ
l-effettività tal-iskemi ta’ apprentistat. Temenda
l-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol fir-rigward tal-ftehimiet
kuntrattwali flessibbli, id-dispożizzjonijiet dwar it-tkeċċija u
l-arranġamenti għall-ħin tax-xogħol flessibbli. 4. Iżżid
l-inċentivi għax-xogħol u ssaħħaħ ir-rabtiet bejn
ir-riforma tal-assistenza soċjali u l-miżuri ta’ attivazzjoni, b’mod
partikolari għal dawk il-persuni l-aktar vulnerabbli, biex tnaqqas
il-faqar u l-esklużjoni soċjali. 5. Timplimenta l-aspetti kollha
tal-pakkett ta’ riforma tal-Impriżi tal-Istat u tiżgura b’mod
partikolari s-separazzjoni tas-sjieda mill-funzjonijiet regulatorji u
s-separazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali minn dawk mhux
kummerċjali. Tinstalla l-għodod
xierqa għall-monitoraġġ biex tivvaluta l-effettività tar-riformi
u biex tiżgura l-konformità tal-Impriżi tal-Istat kollha
mar-rekwiżiti tar-riforma. 6. Tħaffef il-miżuri
biex ittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-binjiet, inkluż
permezz tat-tneħħija tad-diżinċentivi u
tal-implimentazzjoni f’qasir żmien tal-Fond tal-Ishma. Tippromwovi l-kompetizzjoni fin-netwerks
tal-enerġija billi ttejjeb l-interkonnettività mal-pajjiżi tal-UE
kemm għall-elettriku kif ukoll għall-gass. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 209, 02.08.1997,
p. 1. [2] COM(2012)319 finali. [3] P7_TA(2012)0048 u P7_TA(2012)0047 [4] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill
2012/238/UE tas-26 ta’ April 2012. [5] COM(2012) 68 finali. [6] Bilanċ nett aġġustat
ċiklikament ta’ miżuri ta’ darba u temporanji, ikkalkolat
mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni
pprovduta fil-programm, permezz tal-metodoloġija maqbula b’mod komuni. [7] Skont l-Artikolu 9(2)
tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.